Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-233/09

Gerhard Dijkman u Maria Dijkman-Lavaleije

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni diretta — Trattament differenti skont il-post ta’ investiment jew ta’ depożitu”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali

(Artikolu 56 KE)

L-Artikolu 56 KE jipprekludi liġi ta’ Stat Membru li tgħid li l-persuni taxxabbli residenti ta’ dan l-Istat Membru, li jirċievu interessi jew dividendi minn depożiti jew investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor, ikunu suġġetti għal taxxa komunali addizzjonali, meta dawn ma jkunux għażlu li dan id-dħul minn beni mobbli jitħallas permezz ta’ intermedjarju stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, filwaqt li d-dħul tal-istess natura minn depożiti jew investimenti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba li huwa suġġett għal tnaqqis minn ras il-għajn, inkwantu jista’ ma jiġix iddikjarat, f’dan il-każ mhux suġġett għal tali taxxa.

Fil-fatt, l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ trattament differenti abbażi tal-post ta’ investiment tal-kapital għandu bħala effett li jiddiswadi resident ta’ dan l-Istat Membru milli jinvesti jew jiddepożita kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u jipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li jikkostitwixxi fir-rigward tagħhom ostakolu għall-ġbir tal-kapital fl-ewwel Stat Membru. F’dan ir-rigward, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li tkun wettqet depożiti jew investimenti fl-Istat Membru ma hijiex differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli li tkun wettqet depożiti jew investimenti fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, fil-kuntest ta’ liġi bħal dik inkwistjoni, persuna taxxabbli residenti li rtirat id-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor hija wkoll suġġetta għat-taxxa fuq l-imsemmija dħul fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha bħala persuna taxxabbli residenti li tkun irtirat id-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fl-Istat Membru tal-aħħar. Għaldaqstant, fit-tali kuntest, il-fatt li l-imsemmi dħul huwa suġġett għal teknika differenti ta’ tassazzjoni huwa preċiżament l-oriġini tat-trattament differenti, li jwassal biex dak id-dħul biss minn investimenti minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor ikun neċessarjament suġġett għal taxxa komunali addizzjonali, iżda ma jirriflettix differenza fis-sitwazzjoni min-naħa tal-persuni taxxabbli inkwistjoni fir-rigward tal-imsemmija taxxa. Fil-fatt, fir-rigward ta’ tali taxxa, stabbilita mill-agglomerazzjonijiet u l-komunijiet fuq il-persuni taxxabbli kollha tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess komun, u fejn il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mit-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, persuna taxxabbli residenti li tirċievi d-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli residenti li tirċievi d-dħul minn investimenti jew depożiti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, tali liġi tikkostitwixxi restrizzjoni għal moviment liberu tal-kapital.

Restrizzjoni bħal din ma hijiex ġustifikata mill-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali ma tirreferi għal ebda ġbir fiskali partikolari bħala kumpens għall-vantaġġ li jikkonsisti f’din l-eżenzjoni mit-taxxa komunali addizzjonali fuq id-dħul minn depożitu jew minn investiment imwettaq fl-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna taxxabbli. Barra minn hekk, jekk il-ħtieġa li tinżamm l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tista’ ssaħħaħ l-affermazzjoni li tgħid li l-ġbir tat-taxxa f’ras il-għajn ma jistax jitwettaq ħlief minn intermedjarji stabbiliti fit-territorju nazzjonali, din ma tistax tiġġustifika l-fatt li d-dħul suġġett għal dan il-ġbir u d-dħul li ma jiġix suġġett għal trattament differenti jgħaddu minn trattament differenti f’dak li jirrigwarda t-taxxa komunali addizzjonali.

(ara l-punti 31, 45-48, 57, 59, 62 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

1 ta’ Lulju 2010 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni diretta – Trattament differenti skont il-post ta’ investiment jew ta’ depożitu”

Fil-Kawża C-233/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hof van beroep te Antwerpen (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Ġunju 2009, fil-proċedura

Gerhard Dijkman,

Maria Dijkman-Lavaleije

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, E. Levits (Relatur), M. Ilešič, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Dijkman u Dijkman-Lavaleije, minnhom infushom,

–        għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 56(1) KE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, G. Dijkman u M. Dijkman-Lavaleije, u min-naħa l-oħra, il-Belgische Staat (l-Istat tal-Belġju), dwar rifjut tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana li tirrimborsa lilhom, b’mod partikolari, it-taxxa komunali addizzjonali għat-taxxa fuq persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem it-“taxxa komunali addizzjonali”), miġbura għas-snin bażi 2004 u 2005 proporzjonalment bħala taxxa imposta fuq persuni fiżiċi (iktar ’il quddiem l-“IPP”) fuq ċertu dħul minn investimenti jew depożiti mwettqa fil-Pajjiżi l-Baxxi.

 Il-kuntest ġuridiku nazzjonali

3        Taħt l-Artikolu 261 tal-Kodiċi Belġjan dwar it-taxxa fuq id-dħul tal-1992 (iktar ’il quddiem is-“CIR 1992”), huma suġġetti għat-taxxa minn ras il-għajn, b’mod partikolari, ir-residenti tar-Renju tal-Belġju, il-kumpanniji residenti, assoċjazzjonijiet, istituzzjonijiet, kwalunkwe stabbiliment u aġenzija, kif ukoll il-persuni ġuridiċi suġġetti għat-taxxa ta’ persuni ġuridiċi debituri ta’ dħul minn kapital u beni mobbli, kif ukoll l-intermedjarji stabbiliti fil-Belġju li joperaw taħt kwalunkwe kapaċità fir-rigward ta’ ħlas tad-dħul tal-kapital u ta’ beni mobbli li joriġinaw minn barra l-pajjiż, sakemm, b’mod partikolari, it-taxxa minn ras il-għajn fuq id-dħul li tkun seħħet permezz ta’ intermedjarju preċedenti tkun ġustifikata.

4        Skont l-Artikolu 313 tas-CIR 1992, il-persuni taxxabbli suġġetti għall-IPP ma humiex meħtieġa jsemmu fid-dikjarazzjoni annwali tagħhom għal din it-taxxa d-dħul mill-kapital u mill-beni mobbli li għalihom tkun tħallset it-taxxa minn ras il-għajn, lanqas dak id-dħul li jkun eżentat mit-taxxa minn ras il-għajn bis-saħħa ta’ dispożizzjonijiet legali u regolamentari, bla ħsara għal ċertu tip ta’ dħul li ma jikkonċernax il-fatti fil-kawża prinċipali. It-taxxa minn ras il-għajn, dovuta fuq tali dħul mhux iddikjarat, ma tistax tiġi attribwita lill-IPP, u lanqas tiġi rrestitwita.

5        L-Artikolu 465 tas-CIR 1992 jipprovdi li l-agglomerazzjonijiet u l-komunijiet jistgħu jistabbilixxu taxxa addizzjonali għall-IPP.

6        L-Artikolu 466 tas-CIR 1992 jipprovdi dan li ġej:

“It-taxxa komunali addizzjonali […] u t-taxxa tal-agglomerazzjoni addizzjonali mal-[IPP] ikkalkolati fuq l-[IPP] li ġiet iddeterminata:

–      qabel l-imputazzjoni ta’ ħlas bil-quddiem tat-taxxa minn ras il-għajn, imsemmija fl-Artikoli 157 sa 168, u 175 sa 177, tal-perċentwali fissa ta’ taxxa barranija u ta’ krediti ta’ taxxa, imsemmija fl-Artikoli 134 u 277 sa 296;

–      qabel l-applikazzjoni taż-żiediet previsti fl-Artikoli 157 sa 168, tal-bonus previst fl-Artikoli 175 sa 177 kif ukoll taż-żidiet ta’ taxxa previsti fl-Artikolu 444.”

7        Skont l-Artikolu 467 tas-CIR 1992, it-taxxa addizzjonali mal-IPP hija stabbilita kemm mill-komun u kemm mill-agglomerazzjoni, fuq ir-residenti tar-Renju tal-Belġju li huma taxxabbli, rispettivament, f’dan il-komun jew fil-komunijiet li jagħmlu parti minn din l-agglomerazzjoni.

8        L-Artikolu 468 tas-CIR 1992 jipprovdi:

“It-taxxa addizzjonali hija ffissata għall-persuni taxxabbli kollha tal-istess agglomerazzjoni jew komun għal perċentwali uniformi tat-taxxa dovuta lill-Istat.

[…]”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

9        Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, residenti Belġjani, fid-dikjarazzjoni fiskali tagħhom għall-IPP għas-sena bażi 2004, iddikjaraw dħul fuq beni mobbli minn barra l-pajjiż, f’dan il-każ, il-Pajjiżi l-Baxxi, jiġifieri interessi fuq depożiti għall-ammont ta’ EUR 33 780 u dividendi għall-ammont ta’ EUR 90 030,52, mingħajr taxxa minn ras il-għajn.

10      Fil-kont tat-taxxa għal din is-sena, dawn l-interessi u dividendi ġew intaxxati separatament bir-rati ta’ 15 % u ta’ 25 % rispettivament. Barra minn hekk, it-taxxa hekk stabbilita ġiet miżjuda bit-taxxa komunali addizzjonali, iffissata mill-komun tad-domiċilju tar-rikorrenti bi 8 % tat-taxxa dovuta lill-Istat.

11      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu oġġezzjoni kontra dan il-kont tat-taxxa, li kkontesta, minn naħa, il-ġbir tat-taxxa ta’ 25 % fuq id-dividendi, minħabba li r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi kien diġà ġabar taxxa fuq id-dividendi minn dan il-pajjiż, u min-naħa l-oħra, il-ġbir tat-taxxa komunali addizzjonali.

12      Għas-sena bażi 2005, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw dikjarazzjoni fiskali għall-IPP li fiha, b’mod partikolari, iddikjaraw dħul fuq beni mobbli minn barra l-pajjiż, jiġifieri dividendi għall-ammont ta’ EUR 14 551.23 f’isem G. Dijkman u ta’ EUR 15 359.53 f’isem M. Dijkman-Lavaleije, li minnhom ma tnaqqsitx taxxa fuq ras il-għajn.

13      Peress li dawn l-ammonti ġew intaxxati separatament b’rata ta’ 25 % fil-kont tat-taxxa għal din is-sena bażi, barra mit-taxxa komunali addizzjonali korrispondenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw oġġezzjoni kontra dan il-kont, bl-istess motivi li ġew ifformulati kontra l-kont tat-taxxa għas-sena bażi 2004.

14      Peress li l-oġġezzjonijiet tagħhom ġew miċħuda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu kawża quddiem ir-Rechtbank van eerste aanleg van Antwerpen (qorti tal-ewwel istanza ta’ Antwerpen), li ċaħad ir-rikors tagħhom.

15      Quddiem il-Hof van beroep te Antwerpen (qorti tal-appell ta’ Antwerpen), ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jitolbu, minn naħa, li t-taxxa minn ras il-għajn Olandiża, miġbura fuq id-dividendi ddikjarati għas-snin bażi 2004 u 2005, tiġi attribwita lill-IPP dovuta fil-Belġju u, konsegwentement, li l-Belgische Staat jiġi kkundannat għar-rimbors tal-ammonti ta’ EUR 11 906 u ta’ EUR 3 479, li huma t-taxxi statali miġbura fuq dawn id-dividendi. Barra minn hekk, huma jitolbu r-rimbors tal-ammonti ta’ EUR 2 206 u ta’ EUR 800, korrispondenti mat-taxxa komunali addizzjonali.

16      Il-Hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li t-talbiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali dwar l-attribuzzjoni tat-taxxa minn ras il-għajn Olandiża lit-taxxa dovuta fil-Belġju, ma humiex fondati.

17      Sa fejn jikkonċerna t-taxxa komunali addizzjonali, l-imsemmija qorti tikkonstata li, meta l-persuni taxxabbli jirċievu dħul fuq beni mobbli minn barra l-pajjiż li għadu mhux suġġett għal taxxa minn ras il-għajn, huma ma jistgħux jinvokaw ir-regola stabbilita fl-Artikolu 313 tas-CIR 1992 dwar it-taxxa minn ras il-għajn liberatorja u huma marbuta jiddikjaraw dan id-dħul. Issa, meta jiġi ddikjarat dħul fuq beni mobbli, it-taxxa komunali addizzjonali hija dejjem dovuta, skont l-Artikoli 465 u 466 tas-CIR 1992. Min-naħa l-oħra, meta l-persuni taxxabbli jirċievu dħul minn beni mobbli Belġjani, dan id-dħul huwa suġġett għal taxxa minn ras il-għajn liberatorja. Issa, fis-sistema tat-taxxa minn ras il-għajn liberatorja, l-ammont ta’ dħul minn beni mobbli li jkun b’hekk suġġett għal taxxa minn ras il-għajn ma għandux jiġi ddikjarat u konsegwentement ma huwiex suġġett għal din it-taxxa. L-uniku mod għal dawn il-persuni taxxabbli li bih ikunu jistgħu jibbenefikaw mir-regola stabbilita fl-Artikolu 313 tas-CIR 1992, u b’hekk jevitaw it-taxxa komunali addizzjonali fuq id-dħul minn beni mobbli tagħhom barra l-pajjiż, huwa li l-ħlas lilhom ta’ dan id-dħul isir permezz ta’ intermedjarju Belġjan li jżomm it-taxxa minn ras il-għajn.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hof van beroep te Antwerpen iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-fatt li residenti Belġjani li jwettqu investimenti jew jiddepożitaw flus barra mill-pajjiż, pereżempju [fil-Pajjiżi l-Baxxi], sabiex jevitaw li jħallsu t-taxxa muniċipali addizzjonali prevista bl-Artikolu 465 tas-[CIR 1992], jiġu obbligati jużaw is-servizzi ta’ intermedjarju Belġjan sabiex jiksbu l-ħlas tad-dħul min proprjetà mobbli filwaqt li r-residenti [Belġjani] li jwettqu investimenti jew jiddepożitaw flus fil-Belġju dejjem jistgħu jibbenefikaw mis-sistema ta’ [taxxa minn ras il-għajn liberatorja] stabbilita bl-Artikolu 313 tas-[CIR 1992] u b’dan il-mod li jistgħu jevitaw it-taxxa muniċipali addizzjonali prevista bl-Artikolu 465 tas-[CIR 1992] minħabba li [t-taxxa minn ras il-għajn diġà nżammet fis-sors], jikkostitwixxi ksur tal-Artikolu 56(1) KE?”

 Fuq id-domanda preliminari

19      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 56 KE jipprekludix liġi ta’ Stat Membru li tgħid li l-persuni taxxabbli residenti ta’ dan l-Istat Membru, li jirċievu interessi jew dividendi minn depożiti jew investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor, huma suġġetti għal taxxa komunali addizzjonali meta dawn ma jagħżlux li dan id-dħul fuq beni mobbli jitħallas permezz ta’ intermedjarju stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, filwaqt li d-dħul tal-istess natura minn depożiti jew investimenti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba li huwa suġġett għal tnaqqis minn ras il-għajn, jista’ ma jiġix iddikjarat u, f’dan il-każ, mhux suġġett għal tali taxxa.

 Dwar l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat KE

20      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm it-tassazzjoni diretta taqa’ taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, dawn tal-aħħar għandhom madankollu jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt Komunitarju (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in Class IV of the ACT Group Litigation, C-374/04, Ġabra p. I-11673, punt 36; tat-8 ta’ Novembru 2007, Amurta, C-379/05, Ġabra p. I-9569, punt 16, kif ukoll dik tad-19 ta’ Novembru 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-540/07, Ġabra, p. I-10983, punt 28).

21      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Gvern Belġjan iqis li din il-kawża għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-Artikolu 49 KE, u mhux fid-dawl tal-Artikolu 56 KE. Fil-fatt, skont dan il-gvern, sa fejn l-intermedjarji Belġjani biss jistgħu jwettqu t-tnaqqis ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja, l-aċċess jew in-nuqqas tiegħu għas-sistema ta’ dan it-tnaqqis ta’ taxxa minn ras il-għajn, għal persuna taxxabbli residenti fil-Belġju li tiddepożita jew tinvesti kapital fi Stat Membru ieħor, jiddependi fuq il-post fejn tirċievi d-dħul tagħha fuq beni mobbli, u mhux fuq il-post fejn tiddepożita jew tinvesti l-kapital tagħha.

22      Preliminarjament, għandu jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taffettwa l-eżerċizzju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-moviment liberu tal-kapital.

23      Issa, għandu jitfakkar li, minn naħa, l-Artikolu 49 KE jeżiġi t-tneħħija ta’ kull restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, anki jekk din ir-restrizzjoni tapplika mingħajr distinzjoni bejn il-prestatarji nazzjonali u dawk ta’ Stati Membri oħra, meta din ir-restrizzjoni tkun ta’ natura li tipprojbixxi, tfixkel jew tagħmel inqas attraenti l-attivitajiet tal-prestatarju stabbilit fi Stat Membru ieħor fejn jipprovdi servizzi analogi b’mod legali (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra, p. I-7633, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

24      Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 49 KE jagħti drittijiet mhux biss lill-prestatarji ta’ servizzi stess, iżda wkoll lid-destinatarju tal-imsemmija servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen, C-290/04, Ġabra p. I-9461, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

25      Barra minn hekk, il-miżuri imposti minn Stat Membru li huma ta’ natura li jiddisswadu lir-residenti tiegħu milli jissellfu jew jinvestu fi Stati Membri oħra jikkostitwixxu, b’mod partikolari, restrizzjonijiet fuq il-moviment tal-kapital fis-sens tal-Artikolu 56(1) KE (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 ta’ Settembru 2000, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-478/98, Ġabra p. I-7587, punt 18, kif ukoll dik tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot, C-155/08 u C-157/08, Ġabra, p. I-5093, punt 33).

26      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).

27      Liġi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali introduċiet trattament differenti abbażi tal-oriġini tad-dħul fuq beni mobbli ta’ persuni taxxabbli residenti, skont il-prestatarju li jħallas l-imsemmi dħul.

28      B’mod partikolari, minn naħa, hekk kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, il-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistabbilixxi trattament differenti tad-dħul fuq beni mobbli ta’ residenti Belġjani minn investimenti jew depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor meta mqabbla ma’ dħul minn investimenti jew depożiti mwettqa fil-Belġju: l-ewwel tip għandhom jiġu ddikjarati u, konsegwentement, jiġu suġġetti għal taxxa addizzjonali, jiġifieri t-taxxa komunali addizzjonali, filwaqt li t-tieni tip huma eżentati, minħabba s-sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja.

29      Min-naħa l-oħra, hekk kif sostna l-Gvern Belġjan, resident Belġjan li jkun wettaq investimenti jew depożiti fi Stat Membru ieħor jista’ jagħżel li d-dħul fuq beni mobbli relatat ma’ dawn l-investimenti jew dawn id-depożiti jitħallas permezz ta’ intermedjarju stabbilit fil-Belġju, f’liema każ dan id-dħul jista’ jibbenefika minn sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja u, għaldaqstant, jevita t-taxxa komunali addizzjonali. Issa, il-ħlas ta’ dħul minn investimenti jew depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi provvista ta’ servizz fis-sens tal-Artikolu 49 KE.

30      Konsegwentement, tali liġi tista’ taffettwa kemm l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital u kemm dak tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

31      Għaldaqstant, l-istabbiliment minn Stat Membru ta’ trattament differenti abbażi tal-post ta’ investiment tal-kapital għandu bħala effett li jiddiswadi resident ta’ dan l-Istat Membru milli jinvesti jew jiddepożita kapital tiegħu f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u jipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li jikkostitwixxi fir-rigward tagħhom ostakolu għall-ġbir tal-kapital fl-ewwel Stat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-446/04, Ġabra p. I-11753, punt 166, u tat-18 ta’ Diċembru 2007, Grønfeldt, C-436/06, Ġabra p. I-12357, punt 14).

32      Bl-istess mod, sa fejn l-intermedjarji stabbiliti fil-Belġju biss jistgħu jiġbru t-taxxa minn ras il-għajn liberatorja, liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tqiegħed lill-intermedjarji stabbiliti fl-Istat Membru inkwistjoni f’pożizzjoni iktar vantaġġjuża biex jipprovdu s-servizzi marbuta ma’ ħlas lir-residenti Belġjani ta’ dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fi Stati Membri oħra meta mqabbla ma’ intermedjarji stabbiliti hemmhekk u, konsegwentement, tagħmel inqas attraenti s-servizzi ta’ dawn tal-aħħar.

33      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-miżura inkwistjoni, bħala prinċipju, fir-rigward ta’ waħda biss minn dawn iż-żewġ libertajiet jekk jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi tal-fatti fil-kawża prinċipali, waħda minnhom hija kompletament sekondarja meta mqabbla mal-oħra u tista’ tingħaqad magħha (sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Fidium Finanz, C-452/04, Ġabra p. I-9521, punt 34; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 37).

34      F’dan il-każ, il-kawża prinċipali tikkonċerna l-issuġġettar għat-taxxa komunali addizzjonali fuq dħul minn depożiti kif ukoll minn investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor, u għaldaqstant tirrigwarda l-konsegwenzi li jirriżultaw għal persuna taxxabbli residenti fl-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-kapital.

35      Għaldaqstant, huwa preċiżament l-eżerċizzju ta’ din il-libertà li joħloq, għal persuna taxxabbli residenti, il-ħtieġa li tagħżel intermedjarju għall-ħlas ta’ dħul mill-investimenti u d-depożiti inkwistjoni. L-għażla ta’ dan l-intermedjarju u, konsegwentement, l-aspetti relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma, f’dan il-kuntest, sekondarji meta mqabbla mal-aspetti relatati mal-moviment liberu tal-kapital.

36      Għaldaqstant, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, għandu jiġi kkonstatat li liġi nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital li, bħala prinċipju, hija pprojbita mill-Artikolu 56 KE.

37      Din il-konstatazzjoni ma tiġix imxejna bl-argumenti tal-Gvern Belġjan li, minn naħa, ifittex li jimminimizza l-effetti tat-trattament differenti li jirriżultaw mil-liġi nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, min-naħa l-oħra, isostni li, fir-rigward tas-sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja, persuna taxxabbli li tinvesti fil-Belġju ssib ruħha f’sitwazzjoni differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli li tinvesti fi Stat Membru ieħor.

38      F’dak li jirrigwarda l-ewwel punt, għandu qabel kollox jiġi rrilevat li, fir-rigward tat-trattament mogħti lill-interessi u lid-dividendi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa irrilevanti li ċertu tip ieħor ta’ dħul minn beni mobbli ma huwiex suġġett għal taxxa minn ras il-għajn liberatorja, anki meta jiġu rċevut fil-Belġju u, minħabba f’hekk, ikun dejjem suġġett għal taxxa komunali addizzjonali, peress li l-interessi u d-dividendi tal-istess natura rċevuti fil-Belġju huma suġġetti għas-sistema ta’ taxxa minn ras il-għajn.

39      Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan jallega li l-effetti tat-trattament differenti ma humiex neċessarjament sfavorevoli għall-benefiċjarji ta’ dħul fuq beni mobbli minn Stat Membru ieħor, sa fejn il-ħlas tat-taxxa permezz tat-taxxa minn ras il-għajn liberatorja joħloq żvantaġġ ta’ cash-flow għall-persuna taxxabbli li immedjatament tiġi mċaħħda mill-ammont ta’ din it-taxxa, filwaqt li, fil-każ ta’ ħlas tat-taxxa fil-kuntest normali tal-ġbir tal-IPP, tista’ żżomm dan l-ammont fuq medja ta’ sentejn u, għalhekk, tirtira dħul.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-suġġettar, minn Stat Membru, ta’ dħul minn beni mobbli minn depożiti u investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor, għal taxxa addizzjonali meta mqabbla ma’ dawk ta’ depożiti u ta’ investimenti mwettqa fl-ewwel Stat Membru, tikkostitwixxi, fiha nnifisha, trattament fiskali sfavorevoli li tmur kontra l-moviment liberu tal-kapital.

41      Issa, skont il-ġurisprudenza, trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jitqies li huwa kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-eżistenza ta’ żvantaġġi oħra, anki jekk wieħed jassumi li tali vantaġġi jeżistu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 61, u Amurta, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

42      Barra minn hekk, anki restrizzjoni lil libertà fundamentali ta’ portata limitata jew ta’ importanza sekondarja hija pprojbita mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C-34/98, Ġabra p. I-995, punt 49; tal-11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C-9/02, Ġabra p. I-2409, punt 43, kif ukoll tal-14 ta’ Diċembru 2006, Denkavit Internationaal u Denkavit France, C-170/05, Ġabra p. I-11949, punt 50).

43      Il-Gvern Belġjan ma jistax, min-naħa l-oħra, isostni validament li l-issuġġettar ta’ dħul minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor għat-taxxa komunali addizzjonali tista’ tiġi kkumpensata bil-vantaġġ ta’ cash-flow għall-persuna taxxabbli residenti li tirċievi dan id-dħul, bid-differenza ta’ dħul ta’ depożiti ta’ persuna taxxabbli residenti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza, li hija suġġetta għal taxxa minn ras il-għajn.

44      F’dak li jirrigwarda t-tieni punt, il-Gvern Belġjan jallega li s-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli li tkun wettqet depożiti jew investimenti fil-Belġju hija differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli li tkun wettqet depożiti jew investimenti fi Stat Membru ieħor. Fil-fatt, f’dan l-aħħar każ, il-ġestjoni u l-ġbir ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja ma jistgħux jiġu fdati lid-debitur, li mhux residenti, tad-dħul minn beni mobbli, mingħajr ma jinħoloq riskju ta’ diffikultajiet ta’ rkupru fil-każ ta’ ġbir insuffiċjenti tat-taxxa minn ras il-għajn. Issa, fis-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Truck Center (C-282/07, Ġabra p. I-10767), il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet impliċitament li ma hemmx soluzzjoni sodisfaċenti għal dawn id-diffikultajiet fl-istrumenti internazzjonali li jassistu fl-irkupru u, għaldaqstant, il-persuni taxxabbli stabbiliti f’pajjiż barrani jinsabu f’sitwazzjoni differenti minn dawk il-persuni taxxabbli residenti, sa fejn jikkonċerna l-irkupru tat-taxxa.

45      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, fil-kuntest ta’ liġi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli residenti li rtirat id-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor hija wkoll suġġetta għat-taxxa fuq l-imsemmija dħul fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha bħala persuna taxxabbli residenti li tkun irtirat id-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fl-Istat Membru tal-aħħar.

46      Għaldaqstant, fit-tali kuntest, il-fatt li l-imsemmi dħul huwa suġġett għal teknika differenti ta’ tassazzjoni huwa preċiżament l-oriġini tat-trattament differenti, li jwassal biex dak id-dħul biss minn investimenti minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor ikun neċessarjament suġġett għal taxxa komunali addizzjonali, iżda ma jirriflettix differenza fis-sitwazzjoni min-naħa tal-persuni taxxabbli inkwistjoni fir-rigward tal-imsemmija taxxa.

47      Fil-fatt, fir-rigward ta’ taxxa bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, stabbilita mill-agglomerazzjonijiet u l-komunijiet fuq il-persuni taxxabbli kollha tal-istess agglomerazzjoni jew tal-istess komun, u fejn il-bażi taxxabbli hija kkostitwita mit-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi, persuna taxxabbli residenti li tirċievi d-dħul minn investimenti jew minn depożiti mwettqa fi Stat Membru ieħor ma ssibx ruħha f’sitwazzjoni oġġettivament differenti minn dik ta’ persuna taxxabbli residenti li tirċievi d-dħul minn investimenti jew depożiti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħha.

48      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li liġi ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għal moviment liberu tal-kapital.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu ta’ kapital

49      Kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita sewwa, miżuri nazzjonali li jillimitaw il-moviment liberu tal-kapital jistgħu jkunu ġġustifikati minħabba r-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 58 KE jew minħabba raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, bil-kundizzjoni li jkunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq tal-għan imfittex u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq dan l-għan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-112/05, Ġabra p. I-8995, punti 72 u 73 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

50      Skont il-Gvern Belġjan, il-liġi inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata minħabba raġunijiet relatati mal-koerenza u l-ispeċifiċità tas-sistema fiskali Belġjana kif ukoll mal-ħtieġa li tiggarantixxi l-effikaċja tal-kontrolli fiskali.

51      Għaldaqstant, il-monopolju fir-rigward tal-istabbiliment tad-dikjarazzjoni ad hoc tat-tnaqqis u tal-ħlas tat-taxxa minn ras il-għajn mogħti lill-intermedjarji stabbiliti fil-Belġju huwa inerenti għas-sistema fiskali Belġjana u jikkostitwixxi metodu ta’ ġbir tat-taxxa sempliċi għall-persuni taxxabbli u ekonomika għall-Istat, sa fejn l-intermedjarji suġġetti għal din it-taxxa minn ras il-għajn ikopru l-ispiża amministrattiva tal-ġbir u tal-ħlas tagħha.

52      Billi ċċentralizzat il-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul minn beni mobbli rċevut minn barra l-pajjiż min-naħa ta’ intermedjarji Belġjani, is-sistema fiskali Belġjana tirrazzjonalizza l-miżuri ta’ kontroll, billi tillimitaha għal ftit mijiet ta’ intervenenti, ħaġa li, filwaqt li tippermetti li wieħed isegwi l-flussi finanzjarji globalment għand kull intermedjarju suġġett għal taxxa minn ras il-għajn, tiggarantixxi l-effikaċja tal-kontrolli fiskali. Li tippermetti, lill-persuna fiżika taxxabbli residenti fil-Belġju, it-tnaqqis ta’ taxxa minn ras il-għajn mid-dħul minn beni mobbli, dovuta fuq id-dħul minn beni mobbli tagħha, irċevut minn barra l-pajjiż, tagħmel tali segwitu ta’ dawn il-flussi kważi impossibbli, peress li dawn għandhom jiġu analizzati permezz ta’ dikjarazzjonijiet ta’ taxxa minn ras il-għajn magħmula minn miljuni ta’ intervenjenti.

53      Bl-istess mod, li tawtorizza lid-debituri tad-dħul minn beni mobbli jew lill-intermedjarji finanzjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor jiġbru t-taxxa minn ras il-għajn liberatorja f’isem resident Belġjan ma tippermettix iktar il-garanzija tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali mwettqa mill-amministrazzjoni fiskali Belġjana, peress li l-istrumenti internazzjonali li jassistu fl-istabbiliment tat-taxxi ma jistgħux jiggarantixxu kompletament l-effikaċja tal-kontrolli fiskali fir-rigward ta’ operaturi stabbiliti fi Stat Membru ieħor.

54      Fid-dawl tal-ġustifikazzjonijiet hekk imsemmija, għandu jitfakkar li, minn naħa, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ammettiet li l-ħtieġa li tinżamm il-koerenza ta’ sistema fiskali tista’ tiġġustifika restrizzjoni tal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (sentenzi tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249, punt 28; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 42, u tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 43).

55      Sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jirnexxi, il-Qorti tal-Ġustizzja madankollu teżiġi rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali inkwistjoni u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari, peress li n-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara s-sentenza Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u ġurisprudenza ċċitata).

56      Issa, kif diġà ġie deċiż fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, trattament differenti bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali mhux limitat għall-applikazzjoni ta’ teknika differenti ta’ tassazzjoni, skont jekk id-dħul inkwistjoni joriġinax minn depożiti jew investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor jew fl-Istat Membru ta’ residenza. Fil-fatt, it-teknika differenti ta’ tassazzjoni inkwistjoni jkollha bħala effett li dħul minn beni mobbli minn depożitu jew investiment imwettaq fi Stat Membru ieħor, li mhux suġġett għal taxxa minn ras il-għajn, ikun suġġett għal taxxa addizzjonali taħt il-forma tat-taxxa komunali addizzjonali, filwaqt li d-dħul minn depożitu jew investiment imwettaq fil-Belġju jista’ jiġi eżentat minħabba l-fatt li ma għandux jiġi ddikjarat, peress li huwa suġġett għal taxxa minn ras il-għajn.

57      Madankollu, il-Gvern Belġjan ma rrefera għal ebda ġbir fiskali partikolari bħala kumpens għall-vantaġġ li jikkonsisti f’din l-eżenzjoni.

58      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-ħtieġa li tiggarantixxi l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tista’ tiġġustifika restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X u Passenheim-van Schoot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Madankollu, jekk il-ħtieġa li tinżamm l-effikaċja tal-kontrolli fiskali tista’ ssaħħaħ il-fehma tal-Gvern Belġjan meta jgħid li l-impożizzjoni ta’ taxxa minn ras il-għajn liberatorja ma tistax titwettaq ħlief minn intermedjarji stabbiliti fil-Belġju, din ma tistax tiġġustifika l-fatt li d-dħul suġġett għat-taxxa minn ras il-għajn u d-dħul li ma jiġix suġġett għal trattament differenti jgħaddu minn trattament differenti f’dak li jirrigwarda t-taxxa komunali addizzjonali.

60      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li diffikultajiet prattiċi ma jistgħux jiġġustifikaw ostakolu għal libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (ara s-sentenza Papillon, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi invokati mill-Gvern Belġjan ma jistgħux f’dan il-każ jiġġustifikaw ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta minn liġi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

62      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 56 KE jipprekludi liġi ta’ Stat Membru li tgħid li l-persuni taxxabbli residenti ta’ dan l-Istat Membru li jirċievu interessi jew dividendi minn depożiti jew investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor ikunu suġġetti għal taxxa komunali addizzjonali, meta dawn ma jkunux għażlu li dan id-dħul minn beni mobbli jitħallas permezz ta’ intermedjarju stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, filwaqt li d-dħul tal-istess natura minn depożiti jew investimenti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba li huwa suġġett għal tnaqqis minn ras il-għajn, inkwantu jista’ ma jiġix iddikjarat, f’dan il-każ mhux suġġett għal tali taxxa.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

l-Artikolu 56 KE jipprekludi liġi ta’ Stat Membru li tgħid li l-persuni taxxabbli residenti ta’ dan l-Istat Membru li jirċievu interessi jew dividendi minn depożiti jew investimenti mwettqa fi Stat Membru ieħor, ikunu suġġetti għal taxxa komunali addizzjonali, meta dawn ma jkunux għażlu li dan id-dħul minn beni mobbli jitħallas permezz ta’ intermedjarju stabbilit fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, filwaqt li d-dħul tal-istess natura minn depożiti jew investimenti mwettqa fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, minħabba li huwa suġġett għal tnaqqis minn ras il-għajn, jista’ ma jiġix iddikjarat u, f’dan il-każ, mhux suġġett għal tali taxxa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.