Kawża C-310/09
Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique
vs
Accor SA
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d’État (Franza))
“Moviment liberu tal-kapital — Trattament fiskali tad-dividendi — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kreditu ta’ taxxa fir-rigward ta’ dividendi mqassma mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istat ta’ residenza ta’ kumpannija parent — Rifjut ta’ kreditu ta’ taxxa għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji mhux residenti — Ridistribuzzjoni ta’ dividendi mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha — Tpaċija tal-kreditu ta’ taxxa mat-taxxa f’ras il-għajn dovuta mill-kumpannija parent waqt ir-ridistribuzzjoni — Rifjut li titħallas lura t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa mill-kumpannija parent — Arrikkiment indebitu — Provi mitluba fir-rigward tat-tassazzjoni tas-sussidjarji mhux residenti”
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-persuni — Libertà ta’ stabbiliment — Moviment liberu tal-kapital — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq il-kumpanniji
(Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE)
2. Dritt tal-Unjoni — Effett dirett — Taxxi nazzjonali li huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni — Ħlas lura — Rifjut — Kundizzjoni — Taxxa direttament imputata fuq ix-xerrej
3. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dividendi
(Artikolu 63 TFUE)
1. L-Artikoli 49TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi, li tippermetti lil kumpannija parent tattribwixxi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, li hija għandha tħallas waqt ir-ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-kreditu tat-taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi jekk dawn ikunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda ma toffrix din il-possibiltà fil-każ li d-dividendi msemmija jkunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’din l-aħħar ipoteżi, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni tal-imsemmija dividendi minn din is-sussidjarja.
(ara l-punt 69 u d-dispożittiv 1)
2. Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, fil-każ li sistema fiskali nazzjonali li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi minnha nnifisha ma timplikax il-ġbir mingħand terz tat-taxxa dovuta b’mod indebitu mill-persuna suġġetta għaliha, li Stat Membru jirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom kollha li jistgħu jitqassmu mill-ġdid lill-azzjonisti tagħha.
L-unika eċċezzjoni għad-dritt tar-rimbors tat-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda l-ipoteżi fejn taxxa mhux dovuta kienet ġiet direttament imputata mill-persuna taxxabbli fuq ix-xerrej.
(ara l-punti 74, 76 u d-dispożittiv 2)
3. Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux li rifużjoni lil kumpannija parent tas-somom li jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stat Membru u għal dawk li huma mqassma mis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni min-naħa tal-imsemmija kumpannija parent, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi li huma fil-pussess tagħha biss u li b’mod partikolari jirrigwardaw, għal kull wieħed mid-dividendi fil-kontroversja, ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas fir-rigward tal-profitti magħmula mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, filwaqt li, fir-rigward tas-sussidjarji stabbiliti fl-imsemmi Stat Membru, dawn l-istess provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma jkunux meħtieġa. Madankollu, il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tista’ tkun meħtieġa biss bil-kundizzjoni li ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li titressaq il-prova tal-ħlas tat-taxxa min-naħa tas-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u dwar ir-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti.
(ara l-punt 102 u d-dispożittiv 3)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
15 ta’ Settembru 2011 (*)
“Moviment liberu tal-kapital – Trattament fiskali tad-dividendi – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonferixxi kreditu ta’ taxxa fir-rigward ta’ dividendi mqassma mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istat ta’ residenza tal-kumpannija parent – Rifjut ta’ kreditu ta’ taxxa għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji mhux residenti – Ridistribuzzjoni ta’ dividendi mill-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha – Tpaċija tal-kreditu ta’ taxxa mat-taxxa f’ras il-għajn dovuta mill-kumpannija parent waqt ir-ridistribuzzjoni – Rifjut li titħallas lura t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa mill-kumpannija parent – Arrikkiment indebitu – Provi mitluba fir-rigward tat-tassazzjoni tas-sussidjarji mhux residenti”
Fil-Kawża C-310/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Conseil d’État (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2009, fil-proċedura
Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique
vs
Accor SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič, E. Levits (Relatur), M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M.-A. Gaudissart, Kap ta’ Diviżjoni,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Ottubru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Accor SA, minn J.-P. Hordies, B. Boutemy u C. Smits, avukati,
– għall-Gvern Franċiż, minn E. Belliard, G. de Bergues u J.-S. Pilczer kif ukoll minn B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn S. Hathaway, bħala aġent, assistit minn K. Bacon, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-22 ta’ Diċembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 43 KE u 56 KE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn, minn naħa, il-Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique, u min-naħa l-oħra, Accor SA (iktar ’il quddiem “Accor”), fir-rigward tat-talba ppreżentata minn din tal-aħħar intiża għall-ħlas lura tat-taxxa f’ras il-għajn imħallsa minnha għas-snin 1999 sa 2001.
Il-kuntest ġuridiku
3 Fil-verżjoni tagħha skont il-liġi Nru 88-1149, tat-23 ta’ Diċembru 1988, dwar il-Finanzi għall-1989 (JORF tat-28 ta’ Diċembru 1988, p. 16320), li baqgħet fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2000, l-Artikolu 145 tal-Code général des impôts (Kodiċi Ġenerali tat-Taxxa, iktar ’il quddiem is-“CGI”) jippreċiża:
“1. Is-sistema fiskali tal-kumpanniji parent, hekk kif stabbilita fl-Artikoli 146 u 216, hija applikabbli għall-kumpanniji u korpi oħra suġġetti għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata normali, li għandhom ishma li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]
b. Meta l-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid tal-ishma fil-kumpannija li toħroġhom huwa inqas minn FRF 150 miljuni, it-titoli tal-ishma għandhom jirrappreżentaw mill-anqas 10 % tal-kapital tal-kumpannija li toħroġhom; dan il-prezz ta’ bejgħ mill-ġdid u din il-perċentwali jiġu evalwati fid-data tal-ħlas tad-dħul mill-ishma. […]
[…]”
4 Il-liġi Nru 2000-1352, tat-30 ta’ Diċembru 2000, dwar il-Finanzi għall-2001 (JORF tal-31 ta’ Diċembru 2000, p. 21119), bidlet il-limitu stabbilit fl-Artikolu 145(1)(b) tas-CGI, liema kodiċi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2001 sal-31 ta’ Diċembru 2005, kien jippreċiża li t-titoli tal-ishma għandhom jirrappreżentaw mill-inqas 5 % tal-kapital tal-kumpannija li toħroġhom.
5 L-Artikolu 146(2) tas-CGI kien jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ tul is-snin tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali:
“Meta d-distribuzzjonijiet li tagħmel kumpannija parent jagħtu lok għall-applikazzjoni tat-taxxa f’ras il-għajn stabbilita fl-Artikolu 223E, din it-taxxa f’ras il-għajn titnaqqas, meta applikabbli, mill-ammont ta’ krediti ta’ taxxa li huma marbuta mad-dħul mill-ishma […], miġbura matul snin finanzjarji li ilhom magħluqa sa massimu ta’ ħames”.
6 Skont l-Artikolu 158A(I) tas-CGI, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ tul is-snin tat-taxxa inkwistjoni fil-kawża prinċipali:
“Il-persuni li jirċievu dividendi mqassma minn kumpanniji Franċiżi li għandhom, abbażi ta’ dan, dħul kostitwit:
a) minn somom li huma jirċievu mill-kumpannija;
b) minn kreditu ta’ taxxa nazzjonali irrappreżentat minn kreditu miftuħ fil-konfront tat-Teżor.
Dan il-kreditu ta’ taxxa huwa ugwali għal nofs is-somom effettivament imħallsa mill-kumpannija.
Dan jista’ jintuża biss fil-każ fejn id-dħul huwa inkluż fil-bażi tat-taxxa fuq id-dħul li għandu dritt għalih il-benefiċjarju.
Dan huwa aċċettat bħala ħlas għal din it-taxxa.
Dan huwa mħallas lura lill-persuni fiżiċi sa fejn l-ammont tiegħu jeċċedi dak tat-taxxa li huma għandhom iħallsu.”
7 Skont l-Artikolu 216(I) tal-istess kodiċi:
“Id-dħul nett mill-ishma, li jagħti dritt għall-applikazzjoni tas-sistema tat-tassazzjoni tal-kumpanniji parent […], riċevut minn kumpannija parent tul sena finanzjarja, jista’ jitnaqqas mit-total nett tal-profitti tagħha […]”.
8 Fil-verżjoni tiegħu applikabbli għad-distribuzzjonijiet imħallsa mill-1 ta’ Jannar 1999, l-ewwel inċiż tal-Artikolu 223E(1) tas-“CGI” kien jipprovdi:
“[…] meta d-dħul imqassam minn kumpannija jitħallas mill-ammonti li fuqhom din ma kinitx issuġġettata għat-taxxa fuq il-kumpanniji bir-rata normali […], din il-kumpannija għandha tħallas taxxa f’ras il-għajn ugwali għall-kreditu ta’ taxxa maħduma skont il-kriterji stabbiliti fl- -Artikolu 158A(1). It-taxxa f’ras il-għajn għandha titħallas fir-rigward tad-distribuzzjonijiet li jikkwalifikaw għall-kreditu ta’ taxxa previst fl-Artikolu 158A indipendentement minn min ikunu l-benefiċjarji.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Accor irċeviet, matul is-snin 1998 sal-2000, dividendi mħallsin mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri oħra u li, meta kien hemm ir-ridistribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi, hija ħallset, skont id-dispożizzjonijiet kombinati tal-Artikolu 146(2) kif ukoll tal-Artikoli 158A u 223E tas-“CGI”, taxxa f’ras il-għajn li tammonta, għas-snin 1999 sa 2001, rispettivament għal FRF 323 279 053, FRF 359 183 404 u FRF 341 261 380.
10 Permezz ta’ lment tal-21 ta’ Diċembru 2001, Accor talbet ir-rimbors ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn, billi invokat l-inkompatibbiltà ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tas-“CGI” mad-dritt Komunitarju. Peress li din it-talba ġiet miċħuda, din il-kumpannija ressqet azzjoni quddiem it-tribunal amministrattiv de Versailles li, b’sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2006, laqa’ integralment it-talba tagħha.
11 Peress li l-appell ippreżentat mill-Ministre du Budget, des Comptes publics et de la Fonction publique kontra din is-sentenza ġie miċħud permezz tas-sentenza tal-Cours Administrative d’Appell de Versailles tal-20 ta’ Mejju 2008, il-Ministru msemmi appella kontra din is-sentenza quddiem il-Conseil d’État.
12 Il-Conseil d’État ikkonstata li mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 216 tas-CGI jirriżulta li, bla ħsara għal proporzjoni ta’ spejjeż, kumpannija parent Franċiża ma hijiex suġġetta għat-taxxa fuq il-kumpanniji għad-dividendi li hija tirċievi mis-sussidjarji tagħha, indipendentement minn fejn ikunu stabbiliti l-imsemmija sussidjarji. Barra minn hekk, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 223E tal-istess kodiċi, meta din tirridistribwixxi l-imsemmija dividendi lill-azzjonisti tagħha stess, din il-kumpannija hija obbligata li tħallas it-taxxa f’ras il-għajn, tkun xi tkun il-provenjenza tad-dividendi li ġew mqassma lilha u li hija mbagħad iddistribwixxiet. Għalhekk, skont il-Conseil d’État, il-mekkaniżmu tat-taxxa f’ras il-għajn, bħala tali, ma jaffettwa la l-libertà ta’ stabbiliment u lanqas il-moviment liberu tal-kapital.
13 L-ammont ta’ kreditu ta’ taxxa nazzjonali li l-kumpannija parent tibbenefika minnu, b’mod konformi mal-Artikolu 158A tas-CGI, fir-rigward tad-dividendi mqassma minn waħda mis-sussidjarji tagħha, stabbiliti fi Franza, jiġi mnaqqas, skont l-Artikolu 146(2) tas-CGI, mill-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn li għandha tingħata waqt ir-ridistribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi lill-azzjonisti. Issa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 158A tas-CGI jipprekludu l-għoti lil kumpannija parent ta’ kreditu ta’ taxxa nazzjonali għad-dividendi li ġejjin minn sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u, għalhekk, jipprekludu kull tnaqqis mill-ammont tat-taxxa f’ras il-għajn rikjest meta din il-kumpannija parent tirridistribwixxi dawn id-dividendi. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ kreditu tat-taxxa nazzjonali mogħti fir-rigward tad-dividendi li ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor u li huwa ta’ natura li jnaqqas l-ammont eżiġibbli tat-taxxa f’ras il-għajn, il-ħlas ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn mill-kumpannija parent, billi jitnaqqas mill-kumpless tas-somom li setgħu jitqassmu, inaqqas b’mod korrispondenti l-ammont tad-dividendi ridistribwiti.
14 F’dan il-kuntest, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) a) L-Artikoli 56 [KE] u 43 [KE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu sistema fiskali, li l-għan tagħha huwa li telimina t-taxxa doppja ekonomika tad-dividendi, li:
– tippermetti lil kumpannija parent li tnaqqas mit-taxxa f’ras il-għajn, li hija suġġetta għaliha waqt it-tqassim mill-ġdid lill-azzjonisti ta’ dividendi mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji tagħha, il-kreditu ta’ taxxa marbut mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi fil-każ fejn joriġinaw minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Franza,
– iżda li ma toffrix din il-possibbiltà fil-każ fejn id-dividendi joriġinaw minn kumpannija sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor […], peress li din is-sistema ma tagħtix id-dritt, f’dan il-każ, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mat-tqassim ta’ dawn id-dividendi minn din il-kumpannija sussidjarja, peress li tali sistema tippreġudika, fiha nnifisha u fil-konfront tal-kumpannija parent, il-prinċipji tal-moviment liberu tal-kapital jew tal-libertà ta’ stabbiliment?
b) Fil-każ ta’ risposta negattiva [għal inċiż (a) ta’ din id-domanda], dawn l-artikoli għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu madankollu tali sistema peress li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni wkoll is-sitwazzjoni tal-azzjonisti peress li, fid-dawl tal-ħlas tat-taxxa f’ras il-għajn, l-ammont tad-dividendi mħallsa mill-kumpanniji sussidjarji tagħha u mqassma mill-ġdid minn din il-kumpannija parent lill-azzjonisti tagħha huwa differenti skont fejn jinsabu dawn il kumpanniji sussidjarji, fi Franza jew fi Stat Membru ieħor […], b’mod li din is-sistema tiddisswadi lill-azzjonisti milli jinvestu f’din il-kumpannija parent u, sussegwentement, taffettwa l-ġbir tal-kapital minn din il-kumpannija u tista’ tiddisswadi lil din il-kumpannija milli talloka kapital lill-kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra minbarra Franza jew milli toħloq f’dawn l-Istati tali kumpanniji sussidjarji?
2) Fil-każ ta’ risposta pożittiva [għal inċiż (a) u (b) ta’ din id-domanda], u peress li l-Artikolu 56 [KE] u 43 [KE] tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu s-sistema fiskali tat-taxxa f’ras il-għajn kif deskritta iktar ’il fuq u li, sussegwentement, l-amministrazzjoni hija, bħala prinċipju, marbuta li tħallas lura s-somom miġbura abbażi tagħha inkwantu dawn tħallsu bi ksur tad-dritt Komunitarju, dan id-dritt, f’sistema bħal din li, fiha nnifisha, ma timplikax neċessarjament il-ġbir ta’ taxxa fuq terz mill-persuna taxxabbli, jipprekludi:
a) lill-amministrazzjoni milli tkun tista’ tipprojbixxi r-rimborż tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent minħabba li dan il-ħlas lura jimplika, fil-konfront ta’ din tal-aħħar, arrikkament indebitu;
b) u, fil-każ ta’ risposta negattiva, il-fatt li s-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali iżda titnaqqas biss mis-somom kollha li jistgħu jiġu mqassma mill-ġdid lill-azzjonijisti tagħha jista’ jiġi invokat sabiex ma jiġix ordnat il-ħlas lura ta’ din is-somma lil kumpannija?
3) Fid-dawl tar-risposta mogħtija [għall-ewwel u għat-tieni domanda], il-prinċipji Komunitarji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jipprekludu li l-ħlas lura ta’ somom li jista’ jiggarantixxi l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi li jagħtu lok għat-tqassim mill-ġdid mill-kumpannija parent, indipendentement minn jekk dawn id-dividendi joriġinawx minn somom imqassma mill-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti fi Franza jew fi Stat Membru ieħor […], ikun suġġett għal kundizzjoni, bla ħsara, skont il-każ, għad-dispożizzjonijiet dwar il-bdil ta’ informazzjoni tal-konvenzjoni bilaterali applikabbli bejn [ir-Repubblika Franċiża] u l-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija sussidjarja, li l-persuna taxxabbli tipproduċi provi, li hija biss għandha u li huma relatati, għal kull dividend inkwistjoni, b’mod partikolari mar-rata ta’ taxxa effettivament applikata u mal-ammont ta’ taxxa effettivament imħallas minħabba l-profitt magħmul mill-kumpanniji sussidjarji tagħha stabbiliti fi Stati Membri […] minbarra Franza, minkejja li, għal kumpanniji sussidjarji stabbiliti fi Franza, il-provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, mhumiex meħtieġa?”
Dwar it-talbiet għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali
15 Permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fis-7 ta’ Jannar u fit-2 ta’ Frar 2011, Accor u l-Gvern Franċiż talbu li tinfetaħ mill-ġdid il-proċedura orali.
16 Accor issostni li, fil-paragrafu 73 u s-segwenti tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, dan tal-aħħar ibbaża ruħu fuq argumenti mis-sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2006, Test Claimants in the FII Group Litigation (C-446/04, Ġabra p. I-11753), li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet.
17 Il-Gvern Franċiż, min-naħa tiegħu, esprima x-xewqa li jerġa’ lura, fil-kuntest tat-tieni seduta, għall-argument li jgħid li l-mekkaniżmu tal-kreditu ta’ taxxa flimkien ma’ dak tat-taxxa f’ras il-għajn, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma setax joħloq ostakoli għall-moviment liberu tal-kapital fil-konfront tal-azzjonisti, argument li jinsab fil-paragrafu 82 tal-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu u li ġew evalwati fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.
18 Barra minn hekk, il-Gvern Franċiż sostna li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali fihom indikazzjoni li ma tiħux inkunsiderazzjoni, b’mod komplet, id-dritt nazzjonali Franċiż. B’mod partikolari, u fl-ewwel lok, filwaqt li fil-kuntest tar-risposta għat-tieni domanda li saret l-Avukat Ġenerali kkunsidra li r-rifużjoni tat-taxxa f’ras il-għajn mogħtija lil kumpannija tkun tavvantaġġja indirettament lill-azzjonisti tagħha, il-Gvern Franċiż isostni li l-patrimonju ta’ kumpannija huwa separat minn dak tal-azzjonisti tagħha. Fit-tieni lok, il-Gvern Franċiż jopponi ruħu għat-teżi li tgħid li l-azzjonisti ma għandhomx, fid-dritt proċedurali Franċiż, azzjoni għar rifużjoni, billi jafferma li l-eżistenza ta’ tali azzjoni, li tiżdied ma’ dik ta’ azzjoni għad-danni, toħroġ mill-obbligu tal-Istati Membri, b’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jirrimborsaw it-taxxi riċevuti bi ksur tad-dritt tal-Unjoni.
19 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, ex officio jew fuq proposta tal-Avukat Ġenerali, jew anki fuq talba tal-partijiet, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali, skont l-Artikolu 61 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, jekk tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew li l-kawża għandha tiġi deċiża abbażi ta’ argument li ma ġiex diskuss bejn il-partijiet (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2008, Burda, C-284/06, Ġabra p. I-4571, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tas-16 ta’ Diċembru 2010, Stichting Natuur en Milieu et., C-266/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).
20 Min-naħa l-oħra, l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u r-Regoli tal-Proċedura ta’ din tal-aħħar ma jipprevedux il-possibbiltà li l-partijiet jippreżentaw osservazzjonijiet bħala risposta għall-konklużjonijiet ippreżentati mill-Avukat Ġenerali (ara s-sentenza Stichting Natuur en Milieu et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).
21 F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi kollha meħtieġa biex twieġeb id-domandi ppreżentati u li l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiemha kienu jirrigwardaw dawn l-elementi.
22 Għaldaqstant, it-talbiet għal ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali għandhom jiġu miċħuda.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
23 Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi bħal dik inkwistjoni fil-każ prinċipali, li tippermetti lill-kumpannija parent tnaqqas mit-taxxa f’ras il-għajn, li hija suġġetta għaliha waqt ir-ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi fil-każ fejn joriġinaw minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda li ma toffrix din il-possibbiltà fil-każ fejn dawn id-dividendi joriġinaw minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’dan il-każ, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi minn din is-sussidjarja.
24 Permezz tal-inċiż (a) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk tali leġiżlazzjoni tistax tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertajiet tal-moviment fil-konfront tal-kumpannija parent.
25 Permezz tal-inċiż (b) tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-inċiż (a) tal-istess domanda, jekk l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludux madankollu tali leġiżlazzjoni meta jkun xieraq li tiġi kkunsidrata wkoll is-sitwazzjoni tal-azzjonisti.
26 Għalkemm l-inċiż (b) tal-ewwel domanda jitqajjem biss fil-każ ta’ risposta negattiva għall-inċiż (a) tal-istess domanda, madankollu għandu jiġi kkonstatat li l-kwistjoni dwar it-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-azzjonisti titqajjem sabiex tiġi eżaminata l-eżistenza ta’ restrizzjoni fil-konfront tal-istess kumpannija parent.
27 Fil-fatt, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba l-fatt li din tiddisswadi lill-azzjonisti milli jinvestu fil-kapital tal-kumpannija parent u, sussegwentement, taffettwa l-ġbir tal-kapital minn din il-kumpannija u tista’, b’hekk, tiddisswadi lil din il-kumpannija milli talloka kapital lis-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra jew milli toħloq tali sussidjarji f’dawn l-Istati.
28 Konsegwentement, hemm lok li ż-żewġ inċiżi tal-ewwel domanda jingħataw risposta flimkien.
Dwar il-libertà applikabbli
29 Peress li l-qorti tar-rinviju staqsiet l-ewwel domanda tagħha fir-rigward kemm tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE, għandu preliminarjament jiġi ddeterminat jekk, u sa fejn, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax taffettwa l-libertajiet iggarantiti minn dawn l-artikoli.
30 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-trattament fiskali ta’ dividendi jista’ jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment u tal-Artikolu 63 TFUE dwar il-moviment liberu tal-kapital (sentenza tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, li għadhom ma ġewx ippubblikati fil-Ġabra, punt 33 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
31 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, minn ġurisprudenza fil-preżent ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
32 F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża sabiex tapplika biss għall-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu determinati l-attivitajiet tagħha, tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, paragrafu 37, u tal-21 ta’ Ottubru 2010, Idryma Typou, C-81/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 47). Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
33 F’dan il-każ, is-sistema fiskali tal-kumpanniji parent inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont l-Artikolu 145 tas-CGI, kienet applikabbli, tul is-snin 1999 u 2000, għall-kumpanniji li kellhom mill-inqas 10 % mill-kapital tas-sussidjarji tagħhom. Għas-sena 2001, dan il-limitu fl-ishma tniżżel għal 5 % tal-kapital tas-sussidjarja.
34 Minn dan isegwi li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tista’ tiġi applikata mhux biss għall-kumpanniji li jirċievu dividendi fuq il-bażi ta’ sehem li jipproduċi influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarja li tqassam u li jippermettu li jiġu determinati l-attivitajiet tagħha, iżda anki għal dawk li jirċievu dividendi fuq il-bażi ta’ sehem minuri li ma jagħtix tali influwenza.
35 Fir-rigward tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat, min-naħa waħda, li d-deċiżjoni tar-rinviju ma fihiex informazzjoni dwar in-natura tal-ishma ta’ Accor fil-kapital tas-sussidjarji tagħha li jqassmu d-dividendi.
36 Min-naħa l-oħra, Accor issostni, fl-osservazzjonijiet tagħha mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kawża prinċipali tirrigwarda d-dividendi riċevuti mis-sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri differenti mir-Repubblika Franċiża u li jinsabu taħt il-kontroll tagħha, filwaqt li l-Gvern Franċiż għamel referenza wkoll għall-ishma li ma kinux jagħtu lil Accor influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarji li jqassmu u li ma kinux jippermettu li jiġu determinati l-attivitajiet tagħhom.
37 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja, iżda hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi l-fatti li jkunu taw lok għall-kawża u li tiddeduċi konklużjonijiet minnhom għall-finijiet tad-deċiżjoni li hija mitluba tagħti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C-435/97, Ġabra p. I-5613, punt 32; tat-23 ta’ Ottubru 2001, Tridon, C-510/99, Ġabra p. I-7777, punt 28, kif ukoll tal-11 ta Dicembru 2007, Eind, C-291/05, Ġabra p. I-10719, punt 18).
38 F’dawn il-kundizzjonijiet, fid-dawl tas-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda li tressqet tingħata kemm fid-dawl tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE.
Dwar il-liberta ta’ stabbiliment
39 Il-libertà ta’ stabbiliment, li l-Artikolu 49 TFUE jirrikonoxxi liċ-ċittadini tal-Unjoni u li jinkludi għalihom l-aċċess għall-attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom u l-eżerċizzju tagħhom, kif ukoll it-twaqqif u t-tmexxija ta’ impriżi, taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk stabbiliti fil-legiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-istabbiliment għaċ-ċittadini tiegħu stess, tinkludi, skont l-Artikolu 54 TFUE, fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, it-tmexxija ċentrali jew is-sede prinċipali tagħhom ġewwa l-Unjoni Ewropea, id-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fl-Istat Membru kkonċernat permezz ta’ sussidjarja, ta’ fergħa jew ta’ aġenzija (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1999, Saint-Gobain ZN, C-307/97, Ġabra p. I-6161, punt 35; tat-23 ta Frar 2006, Keller Holding, C-471/04, Ġabra p. I-2107, punt 29, kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, C-196/04, Ġabra p. I-7995, punt 41).
40 Anki jekk, skont il-kliem tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi sabiex jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu wkoll li l-Istat Membru ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija stabbilita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-16 ta’ Lulju 1998, ICI, C-264/96, Ġabra p. I-4695, punt 21, kif ukoll Cadbury Schweppes u Cadbury Schweppes Overseas, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).
41 Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni toħloq differenza fit-trattament bejn id-dividendi mqassma minn sussidjarja residenti u dawk imqassma minn sussidjarja li ma hijiex residenti.
42 Għalhekk, kumpannija parent li tircievi dividendi minn sussidjarja residenti tibbenefika, minħabba dawn id-dividendi, minn kreditu ta’ taxxa li huwa ugwali għal nofs is-somom imħallsa fir-rigward tad-dividendi minn din is-sussidjarja residenti, filwaqt li tali kreditu ta’ taxxa ma huwiex mogħti fir-rigward ta’ dividendi mqassma minn sussidjarja mhux residenti.
43 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, fl-ippjanar tas-sistema fiskali tagħhom, u b’mod partikolari meta jistabbilixxu mekkaniżmu sabiex jipprevjenu jew inaqqsu l-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew it-tassazzjoni ekonomika doppja, l-Istati Membri għandhom josservaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari dawk imposti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet ta’ moviment (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).
44 B’hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, ikun liema jkun il-mekkaniżmu adottat għall-prevenzjoni jew għat-tnaqqis tal-impożizzjoni ta’ sensiela ta’ taxxi jew tat-tassazzjoni ekonomika doppja, il-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat jipprekludu lil Stat Membru milli jitratta b’mod inqas vantaġġuż lid-dividendi ta’ oriġini barranija milli d-dividendi ta’ oriġini nazzjonali, sa kemm din id-differenza fit-trattament ma tkunx tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu pparagunati oġġettivament jew jekk tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Lenz, C-315/02, Ġabra p. I-7063, punti 20 sa 49; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punti 20 sa 55, kif ukoll is-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
45 F’dan ir-rigward, fil-kuntest ta’ regola fiskali intiża sabiex tipprevjeni jew tnaqqas it-tassazzjoni ta’ profitti mqassma, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija parent li tirċievi dividendi ta’ oriġini barranija hija paragunabbli għal dik ta’ kumpannija parent li tirċievi dividendi ta’ oriġini nazzjonali sa fejn, fiż-żewġ każijiet, il-profitti magħmula jkunu jistgħu, bħala prinċipju, jiġu suġġetti għal sensiela ta’ taxxi (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 62).
46 Għalhekk, hekk kif osserva l-Gvern Franċiż, minn naħa waħda, kumpannija parent kienet eżonerata mit-taxxa fuq il-kumpanniji kemm għad-dividendi riċevuti mis-sussidjarji residenti tagħha kif ukoll għal dawk li ġejjin mis-sussidjarji tagħha li ma humiex residenti u, min-naħa l-oħra, din il-kumpannija ma kinitx tista’ tattribwixxi l-krediti fiskali marbuta mad-dividendi ddistribwiti mis-sussidjarji residenti tagħha fuq l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpannija li hija obbligata li tħallas.
47 Madankollu, hekk kif jammetti l-istess Gvern, il-krediti ta’ taxxa kienu utilizzabbli fl-att tar-ridistribuzzjoni tad-dividendi riċevuti. Għalhekk, kumpannija parent setgħet tattribwixxi l-krediti ta’ taxxa tagħha fuq it-taxxa f’ras il-għajn li hija kienet obbligata li tħallas fil-każ fejn ġew irridistribwiti d-dividendi.
48 Għalhekk, filwaqt li d-dividendi riċevuti mingħand is-sussidjarji li ma humiex residenti ġew eżentati mit-taxxi dovuti mill-kumpannija parent, l-imsemmi Stat Membru kien jissuġġettahom għal trattament inqas vantaġġuż mid-dividendi provenjenti mis-sussidjarji residenti.
49 Fil-fatt, diversament mid-dividendi provenjenti minn sussidjarji residenti, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kinitx tippermetti li titneħħa t-taxxa adottata fil-livell tas-sussidjarja li qed tqassam, filwaqt li d-dividendi rċevuti kemm mis-sussidjarji residenti kif ukoll minn dawk li ma humiex residenti kienu, matul ir-ridistribuzzjoni tagħhom, suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn. Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda d-dividendi riċevuti mis-sussidjarji residenti, meta dawn kienu qegħdin jitqassmu, il-kreditu ta’ taxxa kien jiġi attribwit fuq it-taxxa f’ras il-għajn dovuta, mingħajr ma l-imsemmija taxxa f’ras il-għajn tnaqqas il-massa li għandha titqassam tad-dividendi. Min-naħa l-oħra, f’dak li jirrigwarda d-dividendi riċevuti minn sussidjarji li ma humiex residenti, sa fejn il-kumpannija parent ma kinitx tibbenefika minn kreditu ta’ taxxa fuq dawn id-dividendi, l-applikazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa kellha l-effett li tnaqqas il-massa tad-dividendi li kienu jistgħu jitqassmu.
50 F’dawn il-kundizzjonijiet, il-kumpannija parent li tirċievi d-dividendi mingħand sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor kienet indotta jew li tqassam id-dividendi mnaqqsa mill-ammont tal-kreditu ta’ taxxa u fejn il-massa kienet inferjuri meta mqabbla ma’ dik li jirċievu s-sussidjarji stabbiliti fi Franza waqt ir-ridistribuzzjoni, jew, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 48 tal-konklużjonijiet tiegħu, li tieħu mir-riżervi tagħha sabiex tikseb ammont ekwivalenti għas-somma li għandha titħallas minħabba l-kreditu ta’ taxxa u żżid għalhekk il-massa tad-dividendi li tqassmu.
51 Fid-dawl tat-trattament żvantaġġuż riżervat għad-dividendi riċevuti minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor meta mqabbla mat-trattament tad-dividendi rċevuti minn sussidjarja residenti, kumpannija parent tista’ tiġi dissważa milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ sussidjarji stabbiliti fi Stati Membri oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-18 ta’ Settembru 2003, Bosal, C-168/01, Ġabra p. I-9409, punt 27 u Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
52 Il-Gvern Franċiż, filwaqt li jammetti l-eżistenza ta’ differenza fit-trattament bejn id-dividendi mħallsa minn sussidjarja stabbilita fi Franza u d-dividendi mħallsa minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor f’dak li jirrigwarda l-possibbiltà għall-kumpannija parent benefiċjarja li tattribwixxi l-kreditu ta’ taxxa fuq it-taxxa f’ras il-għajn li hija dovuta minn din tal-aħħar fil-mument tar-ridistribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi lill-azzjonisti tagħha stess, madankollu jaħseb li din id-differenza fit-trattament ma tikkostitwixxix restrizzjoni fil-konfront tal-kumpannija parent.
53 Min-naħa waħda, dan il-Gvern isostni li l-implementazzjoni ta’ kreditu ta’ taxxa tirriżulta minn deċiżjoni awtonoma tal-korpi kompetenti ta’ kumpannija parent u mhux mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li kienet id-deċiżjoni ta’ din il-kumpannija parent li tirridistribwixxi d-dividendi mħallsa minn sussidjarja Franċiża li kienet tirrendi l-kreditu ta’ taxxa marbut mad-dividendi inkwistjoni imputabbli fuq it-taxxa f’ras il-għajn. B’referenza għas-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2000, Graf (C-190/98, Ġabra p. I-493, punti 24 u 25), il-Gvern Franċiż iżid jgħid li l-effett eventwalment negattiv tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali kien jiddependi minn deċiżjoni tal-korpi kompetenti tal-kumpannija parent tant ipotetika li dawk id-dispożizzjonijiet ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu ostakolu għall-moviment liberu tal-kapital.
54 Min-naħa l-oħra, skont il-Gvern Franċiż, indipendentement mill-oriġini tad-dividendi, l-obbligu tal-kumpannija parent huwa identiku sa fejn it-taxxa f’ras il-għajn tkun imputata fuq ir-riżultat li jista’ jitqassam lill-azzjonisti.
55 Issa, azzjonisti mhux residenti jistgħu, abbażi tal-konvenzjonijiet rigward il-prevenzjoni tat-taxxa doppja, konkluzi mir-Repubblika Franċiża mal-Istati Membri kollha tal-Unjoni, jiksbu l-ħlas lura tat-taxxa f’ras il-għajn miġbura mill-kumpannija parent li tqassam id-dividendi, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma taffettwax is-sitwazzjoni tagħhom.
56 F’dak li jirrigwarda l-azzjonisiti residenti tal-kumpannija parent li qed tqassam, il-Gvern Franċiż iqis li, jekk l-assenza ta’ kreditu ta’ taxxa attribwibbli fuq it-taxxa f’ras il-għajn dovuta minn din il-kumpannija parent waqt ir-ridistribuzzjoni minn din tal-aħħar tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha li ma humiex residenti għandha titqies bħala ostakolu għall-ġbir tal-kapital skont l-azzjonisti Franċiżi, din ir-restrizzjoni tikkonċerna, f’kull każ, moviment tal-kapital purament intern bejn kumpannija parent Franċiża u l-azzjonisti Franċiżi tagħha, li ma jippreżentax elementi ta’ estraneatà u li ma jidħolx fl-iskop tal-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
57 Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu.
58 Fl-ewwel lok, għalkemm huwa minnu li l-kreditu ta’ taxxa relatat mad-dividendi mqassma minn sussidjarji residenti seta’ jiġi użat biss meta l-kumpannija parent tiddeċiedi li tirridistribwixxi dawn id-dividendi, huwa mandankollu ċar li kemm id-differenza fit-trattament skont il-post tal-istabbiliment tas-sussidjarja li qed tqassam id-dividendi, kif ukoll il-possibbiltà li tattribwixxi l-eventwali kreditu ta’ taxxa fuq it-taxxa f’ras il-għajn li għandha tingħata waqt ir-ridistribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi joħorgu direttament mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
59 Għalhekk, il-possibbiltà li wieħed jibbenefika minn kreditu ta’ taxxa, attribwibbli lit-taxxa f’ras il-għajn waqt ir-ridistribuzzjoni tad-dividendi, ma kinitx tiddependi minn avveniment futur u ipotetiku għall-kumpannija parent, iżda minn ċirkustanza konnessa, bħala definizzjoni, mal-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri tal-post fejn hija stabbilita s-sussidjarja tagħha.
60 Fit-tieni lok, anki jekk, kif jafferma l-Gvern Franċiż, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jkollhiex effetti fuq is-sitwazzjoni tal-azzjonisti li ma humiex residenti, iċ-ċirkustanza li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tikkostitwixxi ostakolu għall-ġbir tal-kapital minn kumpannija parent skont l-azzjonisti residenti hija biżżejjed sabiex tikkonferma l-karattru restrittiv tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija leġiżlazzjoni.
61 Fil-fatt, iċ-ċirkustanza li azzjonisti residenti jistgħu jkunu skoraġġuti milli jixtru ishma f’kumpannija parent minħabba l-fatt li d-dividendi provenjenti mis-sussidjarji ta’ din tal-aħħar stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża jkunu inqas mid-dividendi li ġejjin mis-sussidjarji residenti tista’ tiskuraġġixxi lil din il-kumpannija parent milli teżerċita l-attivitajiet tagħha permezz ta’ sussidjarji intermedjarji mhux residenti.
62 Għandu jiġi kkonstatat li, tali sitwazzjoni, peress li tippreżenta rabta mal-kummerċ intra-Komunitarju, tista’ taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali (sentenza Keller Holding, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24) u li, sa fejn dawn ma jiffavorixxux, fuq il-pjan fiskali, is-sitwazzjonijiet Komunitarji fir-rigward tas-sitwazzjonijiet purament interni, id-dispożizzjonijiet tas-CGI inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu restrizzjoni li fil-prinċipju hija pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 32).
63 Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment tista’ tiġi aċċettata biss jekk hija tista’ tiġi ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 57). Issa, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ressqu l-osservazzjonijiet ma għamlu riferiment għall-elementi xierqa sabiex jiġġustifikaw l-imsemmija restrizzjoni. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
Dwar il-libertà tal-moviment tal-kapital
64 L-argumenti ppreżentati fil-punti preċedenti japplikaw bl-istess mod meta kumpannija parent tirċievi dividendi abbażi ta’ sehem li ma jipprovdihiex b’influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tas-sussidjarja tagħha li qed tqassam, u li ma jippermettilhiex li tiddetermina l-attivitajiet tagħha.
65 Fil-fatt, id-differenza fit-trattament imsemmija fil-paragrafu 41 ta’ din is-sentenza setgħa jkollha bħala effett li tiskuraġġixxi lill-kumpanniji parent stabbiliti fi Franza milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u tipproduċi wkoll effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra, peress li din tikkostitwixxi, fil-konfront tagħhom, ostakolu għall-ġbir tal-kapital fi Franza.
66 Minħabba l-fatt li d-dħul mill-kapital ta’ oriġini barranija kien ittrattat b’mod fiskalment inqas favorevoli mid-dividendi mqassma mis-sussidjarji stabbiliti fi Franza, l-azzjonijiet tal-kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra huma inqas attraenti għall-kumpanniji parent stabbiliti fi Franza milli dawk tal-kumpanniji li huma stabbiliti f’dan l-Istat Membru (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 35; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 23, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).
67 Minn dan jirriżulta li d-differenza fit-trattament adottata mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital li hija projbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
68 Issa, la l-qorti tar-rinviju u lanqas il-partijiet li ppreżentaw l-osservazzjonijiet ma għamlu referenza għall-motivi stabbiliti fl-Artikolu 65 TFUE u għar-raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw tali restrizzjoni.
69 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil kumpannija parent tattribwixxi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, li hija għandha tħallas waqt ir-ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-kreditu tat-taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi jekk dawn ikunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda ma toffrix din il-possibbiltà fil-każ li d-dividendi msemmija jkunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’din l-aħħar ipoteżi, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni tal-imsemmija dividendi minn din is-sussidjarja.
Fuq it-tieni domanda
70 Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, peress li s-sistema fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali minnha nnifisha ma timplikax ir-riperkussjoni fuq terz tat-taxxa dovuta mid-debitur ta’ din tal-aħħar, id-dritt tal-Unjoni jipprekludix li l-amministrazzjoni tirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom li jistgħu jiġu rridistribwiti lill-azzjonisti tagħha.
71 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li d-dritt għal rifużjoni ta’ taxxi mħallsa fi Stat Membru bi ksur tar-regoli tad-dritt tal-Unjoni jirriżulta minn u jikkomplementa d-drittijiet mogħtija lill-individwi mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1983, San Giorgio, 199/82, Ġabra p. 3595, punt 12, kif ukoll tat-8 ta’ Marzu 2001, Metallgeselleschaft et., C-397/98 u C-410/98, Ġabra p. I-1727, punt 84). Għalhekk, fil-prinċipju, l-Istat Membru huwa obbligat li jħallas lura t-taxxi miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni (sentenzi tal-14 ta’ Jannar 1997, Comateb et, C-192/95 sa C-218/95, Ġabra p. I-165, punt 20; Metallgesellschaft et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 84; tat-2 ta’ Ottubru 2003, Weber’s Wine World et., C-147/01, Ġabra p. I-11365, punt 93, kif ukoll Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 202).
72 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li sistema legali nazzjonali tirrifjuta r-rifużjoni ta’ taxxi miġbura inġustament fil-każ li tali rifużjoni twassal għall-arrikkiment indebitu tal-persuna intitolata (sentenzi tal-24 ta’ Marzu 1988, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 104/86, Ġabra p. 1799, punt 6; tad-9 ta’ Frar 1999, Dilexport, C-343/96, Ġabra p. I-579, punt 47; tal-21 ta’ Settembru 2000, Michaïlidis, C-441/98 u C-442/98, Ġabra p. I-7145, punt 31, kif ukoll tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 41). Għalhekk, il-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti f’dan il-qasam mis-sistema ġuridika tal-Unjoni ma timponix ir-rimbors tat-taxxi, dazji u imposti li jinġabru bi ksur tad-dritt tal-Unjoni meta jiġi stabbilit li l-persuna li kellha tħallas dawn it-taxxi fil-fatt tefgħathom fuq persuni oħra (ara s-sentenza Comateb et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2011, Lady & Kid et., C-398/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 18).
73 Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza, peress li tali rifjut ta’ rimbors jikkostitwixxi limitazzjoni ta’ dritt soġġettiv ibbażat fuq is-sistema ġuridika tal-Unjoni, hemm lok li dan jiġi interpretat b’mod restrittiv (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Weber’s Wine World et., punt 95, kif ukoll Lady & Kid et., punt 20).
74 B’hekk, mill-punti 20 u 25 tas-sentenza Lady & Kid et., iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-unika eċċezzjoni għad-dritt tar-rimbors tas-somom miġbura bi ksur tad-dritt tal-Unjoni tirrigwarda l-ipoteżi fejn taxxa mhux dovuta kienet ġiet direttament imputata mill-persuna taxxabbli fuq ix-xerrej.
75 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tosserva hija stess li s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li barra minn hekk tikkonċerna taxxa f’ras il-għajn imħallsa minn kumpannija parent waqt id-distribuzzjoni tad-dividendi u mhux taxxa riċevuta waqt il-bejgħ tal-prodotti, fiha nnifisha ma timplikax neċessarjament riperkussjoni tal-imsemmija taxxa f’ras il-għajn fuq terzi, bħax-xerrej li għalih tirreferi l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.
76 Għalhekk, f’dawn il-kundizzjonijiet, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni jipprekludi, fil-każ li sistema fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minnha nnifisha ma timplikax il-ġbir mingħand terz tat-taxxa dovuta b’mod indebitu mill-persuna suġġetta għaliha, li Stat Membru jirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom kollha li jistgħu jiġu rridistribwiti lill-azzjonisti tagħha.
Fuq it-tielet domanda
77 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività jipprekludux li l-ħlas lura lil kumpannija parent tas-somom li huma tat-tip li jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji ta’ din tal-aħħar li huma stabbiliti fi Franza u għal dawk imqassma mis-sussidjarji ta’ din il-kumpannija stabbilita fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni mill-kumpannija parent, ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi, li hija biss għandha u li huma relatati, għal kull dividend inkwistjoni, b’mod partikolari mar-rata ta’ taxxa effettivament applikata u mal-ammont tat-taxxa effettivament imħallas minħabba l-profitti magħmula mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, minkejja li, għas-sussidjarji stabbiliti fi Franza, dawn il-provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma humiex meħtieġa.
78 F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, huma l-qrati tal-Istati Membri li għandhom, skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4 TUE, jiżguraw il-protezzjoni legali tad-drittijiet tal-individwi mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-16 ta’ Diċembru 1976, Rewe-Zentralfinanz u Rewe-Zentral, 33/76, Ġabra p. 1989, punt 5, kif ukoll Comet, 45/76, Ġabra p. 2043, punt 12; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et., C-213/89, Ġabra p. I-2433, punt 19, u tat-13 ta’ Marzu 2007, Unibet, C-432/05, Ġabra p. I-2271, punt 38).
79 Għalhekk, fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni f’dan il-qasam, hija s-sistema legali nazzjonali ta’ kull wieħed mill-Istati Membri li għandha tagħżel il-qrati kompetenti u tirregola l-modalitajiet proċedurali ta’ rikorsi ġudizzjarji intiżi sabiex jassiguraw il-ħarsien tad-drittijiet li għandhom l-individwi bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, sakemm, min-naħa, dawn il-modalitajiet ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jikkonċernaw rikorsi simili ta’ natura domestika (prinċipju ta’ ekwivalenza) u, min-naħa l-oħra, li ma jrendux, fil-prattika, l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mis-sistema legali tal-Unjoni impossibbli jew eċċessivament diffiċli (prinċipju ta’ effettività) (sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 203 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata.
80 Hija wkoll il-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina b’liema mod għandu fil-prattika jiġi rimedjat ksur tal-interdizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital.
81 Issa, it-tielet domanda timplika li, skont il-qorti tar-rinviju, fl-ipoteżi fejn ikunu ġew ikkonstatati r-restrizzjonijiet għal-libertà tal-istabbiliment u għall-moviment liberu tal-kapital, sabiex jiġi ggarantit trattament ugwali bejn il-benefiċjarji tad-dividendi riċevuti mis-sussidjarji stabbiliti fi Franza u l-benefiċjarji tad-dividendi riċevuti minn sussidjarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, dan il-fatt iwassal biex lil dawn tal-aħħar jingħata l-kreditu ta’ taxxa li jibbenefikaw minnu dawk tal-ewwel.
82 Għandu jitfakkar li l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru għandhom id-dritt li jeżiġu mill-persuna taxxabbli l-provi li huma jqisu neċessarji sabiex jevalwaw jekk il-kundizzjonijiet ta’ benefiċċju fiskali previsti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni humiex sodisfatti u, għaldaqstant, jekk hemmx lok jew le li jingħata l-benefiċċju mitlub (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Ottubru 2002, Danner, C-136/00, Ġabra p. I-8147, punt 50, tas-26 ta’ Ġunju 2003, Skandia u Ramstedt, C-422/01, Ġabra p. I-6817, punt 43; tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 54; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 95, kif ukoll tat-30 ta’ Ġunju 2011, Meilicke et., C-262/09, li għandha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
83 F’dan ir-rigward, Accor sostniet li s-sistema ta’ kreditu ta’ taxxa hija bbażata biss fuq l-issuġġettar tas-sussidjarja li qed tqassam għat-taxxa fuq il-kumpanniji, sa fejn il-kreditu ta’ taxxa jkun dejjem ugwali għal 50 % tad-dividendi mqassma. Għalhekk, Accor tqis li jkun biżżejjed li wieħed iġib il-prova li s-sussidjarja li qed tqassam kienet ġiet suġġettata għat-taxxa fuq il-kumpanniji fl-Istat Membru fejn hija stabbilita.
84 Il-Kummissjoni, filwaqt li tqis li huwa leġittimu li tittieħed inkunsiderazzjoni t-taxxa mħallsa mis-sussidjarja fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, tqis li ma hemmx, fil-kuntest tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, konnessjoni stretta bejn l-ammont tat-taxxa mħallsa u l-ammont tal-kreditu ta’ taxxa, u li huwa biżżejjed li ssir referenza għar-rata legali tat-taxxa fl-Istat fejn hija stabbilita s-sussidjarja.
85 Il-Gvern Franċiż u dak tar-Renju Unit isostnu li, sabiex jiġi rrimedjat l-allegat impatt diskriminatorju tas-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa xieraq li jiġi applikat kreditu ta’ taxxa fejn l-ammont tiegħu jippermetti li tiġi newtralizzata t-taxxa mħallsa fl-Istat Membru fejn hija stabbilita s-sussidjarja u li għandu jiġi kkalkolat skont l-ammont tat-taxxa fejn il-profitti li huma l-bażi tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarja kienu ġew suġġettati għalihom f’dan l-Istat Membru. Il-Gvern Franċiż josserva li s-sistema tal-kreditu ta’ taxxa u tat-taxxa f’ras il-għajn jikkonsistu fit-tnaqqis tat-tassazzjoni ekonomika doppja tad-dividendi mqassma fl-osservanza tal-ħtieġa ta’ newtralità fiskali u li t-tnaqqis tat-tassazzjoni ekonomika doppja kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-livell tat-taxxa fuq il-kumpanniji li s-sussidjarji Franċiżi kienu effettivament ġew suġġettati għalihom mill-bidu. Għalhekk, skont dan il-Gvern, il-kreditu ta’ taxxa ma setax jaqbeż l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa bir-rata normali fuq il-profitti li huma l-bażi tad-dividendi mqassma u, fl-ipoteżi fejn il-profitti li huma l-bażi kienu bbenefikaw minn rata tat-taxxa mnaqqsa sal-punt li l-kreditu ta’ taxxa jaqbeż it-taxxa fuq il-kumpanniji mħallsa f’ras il-għajn, kienet tkun dovuta taxxa f’ras il-għajn fl-ammont tal-eċċess tal-kreditu ta’ taxxa għat-taxxa fuq il-kumpanniji.
86 Hija l-qorti tar-rinviju, li waħedha għandha l-kompetenza li tinterpreta d-dritt nazzjonali, li trid tistabbilixxi f’liema miżura s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq konnessjoni stretta bejn l-ammont tat-taxxa mħallsa fuq il-profitti li huma l-bażi għad-distribuzzjoni tad-dividendi u l-ammont tal-kreditu ta’ taxxa.
87 Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm mill-ġurisprudenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq Stat Membru, li għandu sistema għall-prevenzjoni tat-tassazzjoni ekonomika doppja fil-każ tad-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji residenti, li jagħti trattament ekwivalenti lid-dividendi mħallsa lil residenti minn kumpanniji li ma humiex residenti (ara sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 72), dan id-dritt ma jimponix fuq l-Istati Membri li jiffavorixxu lill-kontribwenti li investew f’kumpanniji barranin meta maqabbla ma’ dawk li investew f’kumpanniji nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2007, Columbus Container Services, C-298/05, Ġabra p. I-10451, punti 39 u 40, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 89).
88 F’dan is-sens, ġie deċiż li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lil Stat Membru milli jipprevjeni sensiela ta’ taxxi fuq dividendi rċevuti minn kumpannija residenti bl-applikazzjoni tar-regoli li jeżentaw lil dawn id-dividendi mill-impożizzjoni meta dawn jitħallsu minn kumpannija residenti, filwaqt li jevita, permezz ta’ metodu ta’ imputazzjoni, sensiela ta’ taxxi fuq l-imsemmija dividendi meta dawn jitħallsu minn kumpannija mhux residenti, madankollu sakemm ir-rata ta’ taxxa fuq id-dividendi b’oriġini barranija ma tkunx superjuri għar-rata ta’ impożizzjoni applikata fuq id-dividendi b’oriġini nazzjonali u sa kemm il-kreditu tat-taxxa jkun mill-inqas ugwali għall-ammont imħallas fl-Istat tal-kumpannija distributriċi sal-livell tal-ammont ta’ impożizzjoni applikat fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punti 48 u 57, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 86, u d-digriet tat-23 ta’ April 2008, Test Claimants in the CFC and Dividend Group Litigation, C-201/05, Ġabra p. I-2875, punt 39).
89 Il-qorti ddeċidiet li, meta l-profitti li fuqhom huma bbażati d-dividendi ta’ oriġini barranija jkunu suġġetti, fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, għal taxxa inferjuri għat-taxxa miġbura mill-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan tal-aħħar għandu jagħti kreditu ta’ taxxa totali li jikkorrispondi għat-taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi fl-Istat ta’ stabbiliment tagħha (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 51, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 87).
90 Min-naħa l-oħra, meta dawn il-profitti jkunu suġġetti, fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, għal taxxa ogħla mit-taxxa miġbura mill-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja, dan tal-aħħar huwa obbligat jagħti kreditu ta’ taxxa biss sal-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji dovuta mill-kumpannija benefiċjarja. Dan ma huwiex marbut li jirrimborsa d-differenza, jiġifieri l-ammont imħallas fl-Istat tal-kumpannija distributriċi li jeċċedi l-ammont tat-taxxa dovuta fl-Istat Membru tal-kumpannija benefiċjarja (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 52, kif ukoll Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 88).
91 F’dak li jirrigwarda s-sistema inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kieku Stat Membru kellu jattribwixxi lill-benefiċjarji tad-dividendi li ġejjin minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor kreditu fiskali li jirrappreżenta dejjem in-nofs tal-ammont ta’ dawn id-dividendi, hekk kif titlob Accor, dan il-fatt ikun ifisser li jingħata lil dawn id-dividendi trattament iktar favorevoli minn dak li jibbenefikaw minnu d-dividendi li ġejjin mill-ewwel Stat Membru, meta r-rata tat-taxxa li l-kumpannija distributriċi ta’ dawn id-dividendi kienet suġġetta għaliha fl-Istat fejn hija stabbilita tkun inferjuri għar-rata tat-taxxa applikata fl-ewwel Stat Membru.
92 Għalhekk, Stat Membru għandu jkun jista’ jiddetermina l-ammont tat-taxxa fuq il-kumpanniji mħallas fl-Istat fejn hija stabbilita l-kumpannija distributriċi u li għandu jkun is-suġġett tal-kreditu ta’ taxxa mogħti lill-kumpannija parent benefiċjarja. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Accor, ma huwiex biżżejjed li titressaq il-prova li l-kumpannija distributriċi kienet ġiet intaxxata, fl-Istat Membru fejn hija stabbilita, fuq il-profitti li fuqhom huma bbażati d-dividendi mqassma, mingħajr ma tipprovdi l-informazzjoni dwar in-natura u r-rata tat-taxxa li ġiet applikata effettivament fuq dawn il-benefiċċji.
93 F’dawn il-kundizzjonijiet, l-oneri amministrattivi, u b’mod partikolari l-fatt li l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali titlob informazzjoni dwar it-taxxa li ġiet effettivament applikata fuq il-profitti tal-kumpannija distributriċi tad-dividendi fl-Istat fejn hija stabbilita, la jistgħu jitqiesu bħala eċċessivi u lanqas li jistgħu jiksru l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività.
94 Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda l-prinċipju ta’ ekwivalenza, min-naħa waħda, il-qorti tar-rinviju tirrileva hija stess fil-formulazzjoni tat-tielet domanda li, f’dak li jirrigwarda d-dividendi mqassma mis-sussidjarji stabbiliti fi Franza, l-informazzjoni dwar ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u dwar l-ammont tat-taxxa effettivament mħallas huma magħrufa mill-amministrazzjoni.
95 Min-naħa l-oħra, hekk kif josserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 82 ta’ din is-sentenza jirriżulta li d-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix li fl-ewwel lok huwa l-obbligu tal-kumpannija parent ikkonċernata li tipprovdi d-dokumenti ġustifikattivi rilevanti.
96 Għalkemm il-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi ma jkollhiex hija stess l-informazzjoni kollha dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji li tkun tħallset fuq id-dividendi ddistribwiti mis-sussidjarja tagħha stabbilita fi Stat Membru ieħor, tali informazzjoni hija magħrufa, bħala prinċipju, minn din l-aħħar kumpannija. Issa, f’dawn iċ-ċirkustanzi, kull diffikultà għall-kumpannija parent li tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar it-taxxa mħallsa mis-sussidjarja tagħha distributriċi tad-dividendi hija marbuta mhux mal-kumplessità intrinsika tagħha, iżda mal-eventwali nuqqas ta’ kooperazzjoni min-naħa tal-kumpannija li tiddisponi minnhom. Għalhekk, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni li tesperjenza l-kumpannija parent ma hijiex problema li taffettwa lill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 98).
97 Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li ssostni Accor, il-fatt li l-amministrazzjoni fiskali tista’ tirrikorri għall-mekkaniżmu ta’ assistenza reċiproka previst mid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u indiretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE, tal-25 ta’ Frar 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 77/799”), ma jimplikax li din hija marbuta li teħles lill-kumpannija benefiċjarja tad-dividendi milli tressaq il-prova tat-taxxa mħallsa mill-kumpannija distributriċi fi Stat Membru ieħor (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 100, kif ukoll Meilicke et., punt 50).
98 Fil-fatt, peress li d-Direttiva 77/799 tipprevedi l-fakoltà għall-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali li jitolbu informazzjoni li ma jistgħux jiksbu huma stess, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li r-referenza, fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 77/799, għat-terminu “tista’” hija tali li tindika li, għalkemm l-imsemmija awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li jitolbu informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, talba bħal din bl-ebda mod ma tikkostitwixxi obbligu. Kull Stat Membru huwa kompetenti sabiex jevalwa l-każijiet speċifiċi li fihom ma hemmx informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-persuni taxxabbli stabbiliti fit-territorju tiegħu u sabiex jiddeċiedi jekk dawn il-każijiet jiġġustifikawx li ssir talba għal informazzjoni lil Stat Membru ieħor (sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 32, kif ukoll is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Persche, punt 65; Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, punt 101 u Meilicke et., punt 51).
99 F’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-prinċipju tal-effettività, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li d-dokumenti meħtieġa għandhom jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru li qiegħed jintaxxa li jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, jekk il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ vantaġġ fiskali humiex sodisfatti, iżda ma għandux ikollhom forma partikolari, peress li l-evalwazzjoni ma għandhiex issir b’mod wisq formalist (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meilicke et., iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).
100 Fit-tieni lok, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk huwiex prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li jinkisbu l-provi dwar ir-rata ta’ taxxa li ġiet effettivament applikata u dwar l-ammont tat-taxxa li effettivament tħallas fuq il-profitti li fuqhom hija bbażata d-distribuzzjoni tad-dividendi, b’mod partikolari fid-dawl tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn hija stabbilita l-kumpannija distributriċi dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u tar-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas kif ukoll taż-żamma tad-dokumenti amministrattivi jew ta’ kontabbiltà.
101 It-talba għall-produzzjoni tal-imsemmija elementi għandha barra minn hekk issir fil-perjodu legali li matulu d-dokumenti amministrattivi jew ta’ kontabbiltà għandhom ikunu kkonservati, skont kif inhu previst fid-dritt tal-Istat Membru fejn hija stabbilita s-sussidjarja. Hekk kif tosserva Accor, din ma tistax tiġi mitluba, sabiex tibbenefika mill-kreditu ta’ taxxa, biex tipprovdi dokumenti li jkopru perjodu li jeċċedi b’mod konsegwenti t-tul tal-obbligu legali ta’ konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi u ta’ kontabbiltà.
102 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda għandha tkun li l-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux li rifużjoni lil kumpannija parent tas-somom li jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Franza u għal dawk li huma mqassma mis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni min-naħa tal-imsemmija kumpannija parent, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi li huma fil-pussess tagħha biss u li b’mod partikolari jirrigwardaw, għal kull wieħed mid-dividendi fil-kontroversja, ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas fir-rigward tal-profitti magħmula mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, filwaqt li, fir-rigward tas-sussidjarji stabbiliti fi Franza, dawn l-istess provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma jkunux meħtieġa. Madankollu, il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tista’ tkun meħtieġa biss bil-kundizzjoni li ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li titressaq il-prova tal-ħlas tat-taxxa min-naħa tas-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u dwar ir-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
103 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikoli 49 TFUE u 63 TFUE jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li għandha l-għan li telimina t-taxxa ekonomika doppja tad-dividendi bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tippermetti lil kumpannija parent tattribwixxi fuq it-taxxa f’ras il-għajn, li hija għandha tħallas waqt ir-ridistribuzzjoni lill-azzjonisti tagħha tad-dividendi mħallsa mis-sussidjarji tagħha, il-kreditu tat-taxxa marbut mad-distribuzzjoni ta’ dawn id-dividendi jekk dawn ikunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita f’dan l-Istat Membru, iżda ma toffrix din il-possibiltà fil-każ li d-dividendi msemmija jkunu ġejjin minn sussidjarja stabbilita fi Stat Membru ieħor, peress li tali leġiżlazzjoni ma tagħtix id-dritt, f’din l-aħħar ipoteżi, għall-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa marbut mad-distribuzzjoni tal-imsemmija dividendi minn din is-sussidjarja.
2) Id-dritt tal-Unjoni jipprekludi, fil-każ li sistema fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali minnha nnifisha ma timplikax il-ġbir mingħand terz tat-taxxa dovuta b’mod indebitu mill-persuna suġġetta għaliha, li Stat Membru jirrifjuta r-rimbors tas-somom imħallsa mill-kumpannija parent, jew minħabba li dan il-ħlas lura jimplika arrikkiment indebitu fil-konfront ta’ din tal-aħħar, jew għaliex is-somma mħallsa mill-kumpannija parent ma tikkostitwixxix, għaliha, spiża ta’ kontabbiltà jew fiskali, iżda titnaqqas mis-somom kollha li jistgħu jiġu rridistribwiti lill-azzjonisti tagħha.
3) Il-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività ma jipprekludux li rifużjoni lil kumpannija parent tas-somom li jistgħu jiggarantixxu l-applikazzjoni tal-istess sistema fiskali għad-dividendi mqassma mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fi Franza u għal dawk li huma mqassma mis-sussidjarji ta’ dik il-kumpannija stabbiliti fi Stati Membri oħra, li jagħtu lok għar-ridistribuzzjoni min-naħa tal-imsemmija kumpannija parent, tkun suġġetta għall-kundizzjoni li l-persuna taxxabbli tressaq il-provi li huma fil-pussess tagħha biss u li b’mod partikolari jirrigwardaw, għal kull wieħed mid-dividendi fil-kontroversja, ir-rata ta’ taxxa effettivament applikata u l-ammont tat-taxxa effettivament imħallas fir-rigward tal-profitti magħmula mis-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, filwaqt li, fir-rigward tas-sussidjarji stabbiliti fi Franza, dawn l-istess provi, magħrufa mill-amministrazzjoni, ma jkunux meħtieġa. Madankollu, il-produzzjoni ta’ dawn il-provi tista’ tkun meħtieġa biss bil-kundizzjoni li ma jkunx prattikament impossibbli jew eċċessivament diffiċli li titressaq il-prova tal-ħlas tat-taxxa min-naħa tas-sussidjarji stabbiliti fl-Istati Membri l-oħra, b’mod partikolari fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni ta’ dawn l-Istati Membri dwar il-prevenzjoni tat-taxxa doppja u dwar ir-reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-kumpanniji li għandha titħallas, kif ukoll dwar il-konservazzjoni tad-dokumenti amministrattivi. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk dawn il-kundizzjonijiet ġewx sodisfatti fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.