Kawża C-385/09
Nidera Handelscompagnie BV
vs
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės)
“Direttiva 2006/112/KE — Dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis ta’ beni mibjugħa mill-ġdid qabel ir-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-VAT”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja — Qorti nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 234 KE — Kunċett
(Artikolu 234 KE)
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Obbligi tal-persuna taxxabbli
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112)
1. Sabiex tiddetermina jekk il-korp tar-rinviju għandux in-natura ta’ qorti skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu.
Il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (kummissjoni Litwanjana tal-kontenzjuż fiskali), li għandha bħala funzjoni l-eżami b’mod imparzjali tar-rikorsi tal-persuni taxxabbli fil-qasam fiskali u li tieħu deċiżjonijiet skont il-liġi u motivati, tissodisfa dawn il-kriterji.
(ara l-punti 35, 36, 40)
2. Id-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud li tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi sabiex tnaqqas din it-taxxa, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u li tirreġistra ruħha għall-VAT f’terminu raġonevoli minn meta twettaq it-tranżazzjonijiet li taw lok għad-dritt għal tnaqqis, tkun tista’ tiċċaħħad mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa meta nxtraw beni għaliex din il-persuna taxxabbli ma kinitx reġistrata għat-taxxa fuq il-valur miżjud qabel użat dan id-dritt għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha li huma suġġetti għat-taxxa.
Fil-fatt skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva, fir-rigward tal-kunsinna ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi, huwa suġġett biss għal rekwiżit proċedurali li jitlob li l-persuna taxxabbli żżomm il-fattura skont kif stabbilit fl-Artikoli 220 sa 236 u 238 sa 240 ta’ din id-direttiva. Ċertament, il-persuni taxxabbli għandhom ukoll l-obbligu li jiddikjaraw meta jibdew, ibiddlu u jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, skont il-miżuri adottati għal dan l-iskop mill-Istati Membri, u dan skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tawtorizza bl-ebda mod lill-Istati Membri, fil-każ fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix ippreżentata, milli jmexxu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis sad-data li fiha t-tranżazzjonijiet taxxabbli jiġu effettivament imwettqa jew iċaħħdu lill-persuni taxxabbli mill-eżerċizzju ta’ dan id-dritt. Barra minn hekk, il-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jadottaw, bis-saħħa tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu tali għanijiet u ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni n-newtralità tat-taxxa fuq il-valur miżjud. Konsegwentement, ir-reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112, bħall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 213 ta’ din tal-aħħar, ma hijiex att kostituttiv tad-dritt għal tnaqqis, li jidħol fis-seħħ meta t-taxxa mnaqqsa ssir dovuta, iżda tikkostitwixxi rekwiżit proċedurali għall-finijiet tal-kontroll. Għaldaqstant, persuna taxxabbli suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma tistax titwaqqaf milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għaliex ma kinitx irreġistrata għall-imsemmija taxxa qabel ma użat il-beni akkwistati fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha.
(ara l-punti 47-51, 54 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
21 ta’ Ottubru 2010 (*)
“Direttiva 2006/112/KE – Dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis ta’ beni mibjugħa mill-ġdid qabel ir-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli għall-VAT”
Fil-Kawża C-385/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (il-Litwanja), permezz tad-deċiżjoni tal-21 ta’ Settembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Settembru 2009, fil-proċedura
Nidera Handelscompagnie BV
vs
Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u J. Malenovský, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-1 ta’ Lulju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Nidera Handelscompagnie BV, minn I. Misiūnas,
– għall-Gvern Litwan, minn R. Mackevičienė, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Steiblytė u M. Afonso, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Nidera Handelscompagnie BV (iktar ’il quddiem “Nidera”) u l-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos (l-ispettur nazzjonali tat-taxxa fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi tar-Repubblika tal-Litwanja) dwar id-dritt għal tnaqqis fit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) imħallsa fl-okkażjoni tal-bejgħ fil-Litwanja ta’ beni esportati lejn Stati terzi.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea
3 Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
4 L-Artikolu 167 tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi:
“Dritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta”.
5 Skont l-Artikolu 168 tal-istess direttiva:
“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:
a) il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;
[…]”
6 L-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:
“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:
a) għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;
[…]”
7 Skont l-Artikolu 213 tal-istess direttiva:
“1. Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.
[…]”
8 L-Artikolu 214(1) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
[…]
(ċ) kull persuna taxxabbli li, fit-territorju rispettiv tagħhom, tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija għall-iskopijiet ta’ transazzjonijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u li huma mwettqa barra minn dak it-territorju.
[…]”
9 L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi s-segwenti:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.
L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3”.
Id-dritt nazzjonali
10 Il-punt 28 tal-Artikolu 2 tal-Liġi tal-Litwanja Nru IX-751 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Lietuvos Respublikos pridėtinės vertės mokesčio įstatymas Nru IX-751, Žin., 2002, Nru 35-1271, 2002, Nru 40, 2002, Nru 46, 2002, Nru 48), kif emendat (Žin., 2004, Nru 17-505, 2005, Nru 81-2944, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jiddefinixxi l-kunċett ta’ “Persuna taxxabbli reġistrata għal VAT” kif ġej:
“Persuna taxxabbli għandha tfisser persuna, irreġistrata mal-amministrazzjoni tat-taxxa bħala persuna taxxabbli għall-VAT, inkluża kull reġistrazzjoni oħra għall-finijiet tal-VAT, jekk din ikollha numru ta’ reġistrazzjoni korrispondenti, bl-eċċezzjoni tar-reġistrazzjoni għall-finijiet ta’ skema ta’ kumpens b’rata fissa”.
11 Skont l-Artikolu 41 tal-liġi dwar il-VAT:
“1. Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor fil-kapitolu preżenti, il-kunsinna ta’ beni huma intaxxati bir-rata ta’ 0 % meta l-beni huma ttrasportati barra t-territorju tal-Komunitajiet Ewropej mill-fornitur tagħhom jew minn terzi f’ismu.
[…]”
12 L-Artikolu 57 tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi s-segwenti:
“1. Huma biss il-persuni taxxabbli rreġistrati għall-VAT li jistgħu jnaqqsu l-VAT, bl-eċċezzjoni ta’ dawk li jaqgħu taħt il-Sezzjoni 5 tal-Kapitolu XII tal-liġi preżenti […]
[…]
3. Il-persuni li jistgħu jnaqqsu l-VAT jistgħu jagħżlu li ma jeżerċitawx dan id-dritt”.
13 Skont l-Artikolu 58 tal-liġi dwar il-VAT:
“1. Il-persuna taxxabbli rreġistrata għall-VAT tista’ tnaqqas il-VAT tal-input u (jew) tal-importazzjoni dovuta fuq beni u (jew) servizzi mwettqa u (jew) importati meta dawn il-beni u (jew) servizzi huma intiżi li jiġu użati fit-tranżazzjonijiet segwenti:
1) il-kunsinna ta’ beni u (jew) il-provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT;
2) il-kunsinna ta’ beni u (jew) il-provvista ta’ servizzi mwettqa barra t-territorju nazzjonali li, skont il-liġi preżenti, ma kinux ikunu eżenti mill-VAT li kieku twettqu fit-territorju nazzjonali. Din il-kundizzjoni ma tapplikax fil-każ tal-provvista, barra mill-Komunitajiet Ewropej, ta’ servizzi tal-assigurazzjoni u (jew) ta’ servizzi finanzjarji, imsemmija fl-Artikolu 28 tal-liġi preżenti.
[…]”
14 Skont l-Artikolu 63 tal-liġi dwar il-VAT:
“1. Il-persuna taxxabbli rreġistrata għall-VAT tista’ tnaqqas, skont id-dispożizzjonijiet tal-kapitolu preżenti u fil-limiti stabbiliti mill-artikolu preżenti, il-VAT tal-input u (jew) tal-importazzjoni dovuti fuq beni u (jew) servizzi mwettqa u (jew) importati qabel id-data li fiha rreġistrat ruħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT meta dawn huma użati fit-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 58(1) tal-liġi preżenti.
[…]”
15 Skont l-Artikolu 71 tal-liġi fuq il-VAT:
“[…]
3. Persuna taxxabbli barranija għandha tirreġistra ruħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT permezz ta’ stabbiliment fuq it-territorju nazzjonali jew, fin-nuqqas ta’ stabbiliment, permezz ta’ rappreżentant tat-taxxa fil-Litwanja. Il-persuni taxxabbli fi Stati Membri oħra li jistgħu jirreġistraw rwieħhom direttament bħala persuni taxxabbli għall-VAT ma humiex suġġetti għall-obbligu li jinnominaw rappreżentant tat-taxxa. Il-persuna taxxabbli barranija ma għandhiex l-obbligu li tirreġistra ruħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT jekk l-attività tagħha fit-territorju nazzjonali huwa limitat għal:
[…]
3) il-kunsinna ta’ beni u (jew) il-provvista ta’ servizzi li, skont il-liġi preżenti, huma intaxxati bir-rata ta’ 0 %, […]”
16 L-Artikolu 117 tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi s-segwenti:
“1. Persuna taxxabbli barranija tista’ tressaq talba għal ħlas lura tal-VAT imħallsa fil-Litwanja jekk, matul il-perijodu li fih tħallset il-VAT li għaliha qed jintalab il-ħlas lura, hija tissodisfa l-kriterji segwenti:
1) ma kellhiex stabbiliment fil-Litwanja jew, fil-każ ta’ persuna fiżika, ma kinitx domiċiljata fil-Litwanja, u
2) ma eżerċitatx, fit-territorju nazzjonali, attività, li skont il-liġi preżenti, hija suġġetta għall-VAT, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-artikolu preżenti.
[…]”
17 L-Artikolu 147 tal-liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru IX-2112 dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa (Lietuvos Respublikos mokesčių administravimo įstatymas Nru IX-2112, Žin., 2004, Nru 63-2243), kif emendata (Žin., 2007, Nru 80-3220, 2008, Nru 131-5036, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa”), jipprovdi:
“Il-kwistjonijiet fiskali huma eżaminati mill-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa, il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (Kummissjoni tal-kwistjonijiet fiskali fi ħdan il-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja)] […] u mill-qrati”.
18 Skont l-Artikolu 148 tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa:
“1. Il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] hija persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku, iffinanzjata mill-baġit tal-Istat.
2. L-għan tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] huwa li teżamina b’mod imparzjali l-ilmenti kollha tal-kontribwenti u tiddeċiedi skont il-liġi u timmotiva d-deċiżjonijiet meħuda.
3. Il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] hija kkostitwita minn president u membri oħra. In-numru totali ta’ membri ta’ [din] il-kummissjoni u r-regolament intern huma stabbiliti mill-Gvern.
4. Il-membri tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] huma nominati mill-Gvern fuq proposta komuni tal-Ministru tal-Finanzi u tal-Ministru tal-Ġustizzja. Huma biss il-persuni b’reputazzjoni nadifa, li għandhom masters fil-finanzi, fil-liġi jew fl-ekonomija jew diploma ekwivalenti ta’ studju għoli u li għandhom tal-inqas tliet snin ta’ esperjenza professjonali fil-qasam tal-liġi fiskali, tal-liġi tad-dwana jew tal-liġi tal-impriżi li jistgħu jiġu nnominati bħala membri ta’ [din] il-kummissjoni. Il-membri tal-[imsemmija] kummissjoni għandhom ikunu ċittadini tar-Repubblika tal-Litwanja.
5. Membru tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] jista’ jitneħħa qabel tmiem il-mandat mill-Gvern meta:
1) jirriżenja;
2) jitlef in-nazzjonalità tal-Litwanja;
3) minħabba raġunijiet ta’ inkapaċità temporanja, ma jaħdimx matul iktar minn 120 ġurnata konsekuttiva jew matul iktar minn 140 ġurnata f’temp ta’ tnax-il xahar jew kummissjoni medikali jew ta’ invalidità kkonkludiet li ma setax jibqa’ jaqdi dmirijietu;
4) huwa kkundannat, b’sentenza definittiva, għal reat jew delitt intenzjonali gravi jew gravi ħafna jew għal reat jew delitt kontra l-proprjetà, kontra d-drittijiet u l-interessi patrimonjali, kontra s-sistema ekonomika jew kontra s-sistema finanzjarja;
5) negliġenza kbira fl-obbligi professjonali tiegħu;
6) Ix-xogħol tal-membri tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] fi ħdan [din] il-kummissjoni għandu jitqies bħala impjieg prinċipali u mħallas skont il-liġi dwar ir-remunerazzjoni tar-rappreżentanti eletti, il-politiċi u ċerti uffiċjali tal-Istat. L-uniku impjieg tagħhom huwa dak fi ħdan [l-imsemmija] kummissjoni, iżda huma awtorizzati li jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ riċerka jew ta’ tagħlim.
7) Fi tmiem il-mandat tagħhom, il-membri tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] jibqgħu jżommu posthom sakemm jiġu nnominati l-membri l-ġodda.
[…]”
19 Skont l-Artikolu 151 tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa:
“Il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] għandha teżamina:
1) il-kwistjonijiet tat-taxxa li jeżistu bejn kontribwent u l-amministrazzjoni tat-taxxa;
2) il-kwistjonijiet tat-taxxa bejn kontribwent u l-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa dwar deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa fuq l-ilment tal-kontribwent kontra d-deċiżjoni tal-amministrazzjoni tat-taxxa lokali;
3) il-kwistjonijiet tat-taxxa bejn il-kontribwent u l-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa meta l-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa ma tkunx ħadet deċiżjoni fuq il-kwistjoni fiskali fit-terminu stabbilit mil-liġi preżenti”.
20 L-Artikolu 158 tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa jistabbilixxi:
“Wara li jiskadi t-terminu stabbilit mil-liġi preżenti li fih jistgħu jiġu kkontestati d-deċiżjonijiet dwar il-kwistjoni fiskali, il-partijiet fil-kawża, bħal kull persuna terza kkonċernata mill-kwistjoni, għandhom jeżegwixxu d-deċiżjoni meħuda mill-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa jew mill-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės]”.
21 L-Artikolu 159 tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa jipprovdi s-segwenti:
“1. Fil-każ fejn il-kontribwent ma huwiex sodisfatt mid-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa jew tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] dwar kwistjoni fiskali, huwa jista’ jikkontestaha quddiem il-qrati.
2. L-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa tista’ wkoll tikkontesta d-deċiżjoni tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės], iżda biss fil-każ ta’ diverġenza fuq l-interpretazzjoni meħuda tad-dispożizzjonijiet tal-liġi jew ta’ atti oħra mill-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa jew minn [din] il-kummissjoni meta ddeċidiet il-kwistjoni fiskali (jew matul il-kwistjoni fiskali)
[…]
4. L-appelli kontra d-deċiżjonijiet tal-amministrazzjoni ċentrali tat-taxxa jew tal-[imsemmija] kummissjoni tal-kwistjonijiet fiskali huma eżaminati mill-Vilniaus apygardos administracinis teismas.
[…]”.
22 Skont il-punt 4 tar-Regolament Intern tal-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės (Mokestinių ginčų komisijos nuostatos), adottat bid-deċiżjoni Nru 1119 tal-Gvern Litwan, tat-2 ta’ Settembru 2004 (Žin., 2004, Nru°136-4947, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Intern”):
“Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] għandha tapplika l-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Litwanja, il-liġi [...] dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa, l-atti leġiżlattivi u regolamenti l-oħra kif ukoll l-istatut preżenti”.
23 Il-punti 26 u 27 tar-Regolament Intern jipprovdi b’mod partikolari s-segwenti:
“26. Il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] għandha teżamina l-ilmenti matul is-seduti. […]
Membru ta’ [din] il-kummissjoni ma jistax jipparteċipa fl-eżami tal-kwistjoni fiskali u għandu jitwaqqaf (jirrikuża ruħu) jekk ikollu interess dirett jew indirett fir-riżultat tal-kwistjoni, jekk hemm rabta familjari jew parentali fil-qrib ma’ wieħed mill-partijiet fil-kwistjoni fiskali jew jekk kien impjegat minn impriża li hija involuta fil-kwistjoni fiskali u li inqas minn tliet snin għadhom għaddew minn mindu din ir-relazzjoni ta’ xogħol ġiet fi tmiemha jew jekk hemm kull ċirkustanza oħra li tista’ tinfluwenza l-imparzjalità tal-membru tal-[imsemmi] kummissjoni. Il-membru tal-[istess] kummissjoni għandu jinforma lill-kummissjoni fil-każ ta’ sitwazzjoni msemmija f’dan l-artikolu. It-talba ta’ rikuża għandha tiġi motivata u ppreżentata qabel mal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] tibda teżamina l-kwistjoni fis-seduta. [Din] il-kummissjoni tiddeċiedi dwar ir-rikuża ta’ membru(i) tagħha permezz ta’ deċiżjoni separata.
27. Ik-kontribwent (ir-rappreżentanti tiegħu) u r-rappreżentanti tal-amministrazzjoni tat-taxxa huma msejħa għas-seduta tal-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės]. Ir-reġistratur tas-seduta għandu jassisti fis-seduta ta’ [din] il-kummissjoni; interpreti, speċjalisti tal-[imsemmija] kummissjoni li pparteċipaw fl-investigazzjoni tal-kawża u esperti jistgħu wkoll jipparteċipaw fis-seduta. Jekk il-partijiet fil-kawża ma jkunux preżenti għas-seduta, l-ilment jista’ jiġi eżaminat fin-nuqqas tagħhom. Jekk, qabel il-bidu tal-eżami tal-ilment f’seduta, il-Mokestinių ginčų komisija [prie Lietuvos Respublikos vyriausybės] tirċievi minn dawn il-persuni talba sabiex l-eżami tal-ilment jiġi diferit għal motivi li [din] il-kummissjoni tirrikonoxxi bħala ta’ natura serja, l-[imsemmija] kummissjoni tista’ tmexxi l-eżami tal-ilment għal data oħra.
[…]”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
24 Il-kawża prinċipali essenzjalment tirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk Nidera tistax tnaqqas il-VAT, imħallsa meta xtrat fil-Litwanja beni li ġew esportati lejn Stati terzi, peress li din ma kinitx rreġistrata fil-Litwanja bħala persuna taxxabbli għall-VAT meta dawn it-tranżazzjonijiet kummerċjali seħħew.
25 Bejn Frar u Mejju 2008, Nidera xtrat fil-Litwanja qamħ mingħand fornituri ta’ prodotti agrikoli. Fuq il-prezz imħallas, l-ammont ta’ LTL 11 743 259 (jiġifieri madwar EUR 3.4 miljun) jirrapreżenta l-VAT maħduma mill-fornituri u mħallsa lilhom. Sussegwentement Nidera esportat dan il-qamħ kollu, bejn Frar u Mejju 2008, lejn Stati terzi, l-Alġerija u t-Turkija, billi applikat rata ta’ VAT ta’ 0 %, skont l-Artikolu 49 tal-liġi dwar il-VAT.
26 Fit-12 ta’ Awwissu 2008, Nidera ġiet irreġistrata fil-Litwanja bħala persuna taxxabbli għall-VAT. Fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha għall-perijodu mit-12 sal-31 ta’ Awwissu 2008, din iddikjarat l-ammont ta’ LTL 11 743 259 bħala VAT tal-input imħallsa u talbet ħlas lura ta’ dan l-istess ammont mingħad it-Teżor pubbliku. Għalhekk, din talbet li tnaqqas il-VAT imħallsa fuq beni akkwistati fil-Litwanja u esportati lejn Stati terzi qabel ir-reġistrazzjoni tagħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT.
27 Permezz tad-deċiżjoni tas-16 ta’ Jannar 2009, ikkonfermata fid-19 ta’ Marzu 2009, l-ispettur tat-taxxa tad-distrett ta’ Vilnius iddeċieda li Nidera ma setgħatx tnaqqas l-imsemmija VAT tal-input imħallsa, għaliex il-beni inkwistjoni, li kienu diġà nbigħu, ma kinux ser jibqgħu jiġu użati għat-tranżazzjonijiet tagħha suġġetti għall-VAT.
28 Nidera ppreżentat, fl-14 ta’ April 2009, rikors quddiem il-Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos. Permezz tad-deċiżjoni tat-22 ta’ Ġunju 2009, din tal-aħħar ċaħdet dan ir-rikors u approvat il-pożizzjoni tal-ispettur tat-taxxa tad-distrett ta’ Vilnus. Skont din id-deċiżjoni, huma biss l-persuni taxxabbli rreġistrati għall-VAT li jistgħu jnaqqsu din it-taxxa u, minkejja l-fatt li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tobbligax lil Nidera sabiex tirreġistra ruħha bħala persuna taxxabbli għall-VAT fil-Litwanja, din kellha tal-inqas tagħmel dan jekk xtaqet tikseb il-ħlas lura tal-VAT tal-input imħallsa.
29 Fid-29 ta’ Lulju 2009, Nidera ppreżentat appell quddiem il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės. Permezz ta’ dan l-appell, hija ssostni li ma kellhiex tirreġistra ruħha fil-Litwanja bħala persuna taxxabbli għall-VAT, skont l-Artikolu 71(3) tal-liġi dwar il-VAT, għaliex kienet persuna taxxabbli barranija u l-attivitajiet tagħha kienu jikkonsistu biss fil-kunsinna ta’ beni lejn Stati terzi, tranżazzjonijiet li huma intaxxati bir-rata ta’ 0 %. Skont Nidera, il-fatt li użat il-possibbiltà li ma tirreġistrax ruħha għall-VAT fil-Litwanja ma jtellifx mid-dritt tagħha għal tnaqqis tal-VAT.
30 Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės tistaqsi dwar il-kwistjoni jekk id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-VAT, li permezz tagħhom, sabiex tikseb dritt għal tnaqqis, l-interessat mhux biss għandu jeżerċita attività suġġetta għat-taxxa u jżomm id-dokumenti meħtieġa, iżda wkoll li jkun formalment reġistrat għall-VAT fil-Litwanja, humiex konformi mad-Direttiva 2006/112 u kompatibbli mal-prinċipji ġenerali tas-sistema tal-VAT, li jipprovdu li l-VAT hija taxxa għall-konsum fejn id-dritt għal tnaqqis huwa element fundamentali.
31 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) Leġiżlazzjoni, li taħtha huma intitolati biss għal tnaqqis tal-VAT il-persuni taxxabbli għall-VAT, jiġifieri biss il-persuni taxxabbli li jkunu rreġistrati bħala persuni taxxabbli għall-VAT fl-Istat Membru kkonċernat (f’dan il-każ, il-Litwanja) skont il-leġiżlazzjoni fis-seħħ hemmhekk, hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/ […] li tirregola d-dritt għal tnaqqis?
2) Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija pożittiva, leġiżlazzjoni li biha l-persuna taxxabbli rreġistrata għall-VAT tista’ tnaqqas VAT tal-input u (jew) tal-importazzjoni ta’ oġġetti [beni] u (jew) servizzi akkwistati qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT biss jekk tali oġġetti se jintużaw għall-għanijiet tal-attività tagħha suġġetta għall-VAT, jiġifieri ma tkunx intitolata li tnaqqas il-VAT tal-input (tal-importazzjoni) imposta fuq oġġetti u servizzi akkwistati qabel ir-reġistrazzjoni tagħha għall-VAT jekk dawn l-oġġetti diġà ġew użati għall-ħtiġiet ta’ din l-attività, hija konsistenti mal-prinċipji ġenerali ta’ tnaqqis tal-VAT stabbiliti mid-Direttiva 2006/112 [...]?”.
Fuq id-domandi preliminari
32 Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi fuq il-kompatibbiltà mar-regoli tad-dritt tal-Unjoni Ewropea ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jitfakkar li, għalkemm ma huwiex il-kompitu tal-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ proċeduri għal deċiżjoni preliminari, fuq il-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali mal-imsemmija regoli, hija ddeċidiet diversi drabi li hija kompetenti sabiex tagħti lill-qorti tar-rinviju l-elementi ta’ interpretazzjoni kollha li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jippermettu lil din tal-aħħar tevalwa tali konformità sabiex tiddeċiedi l-kawża li jkollha quddiemha (sentenza tas-26 ta’ Jannar 2010, Transportes Urbanos y Servicios Generales, C-118/08, Ġabra p. I-635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
33 Fid-dawl tal-kuntest fattwali tal-kawża prinċipali, id-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jinftiehmu bħala li jirrigwardaw essenzjalment il-kwistjoni dwar jekk id-Direttiva 2006/112 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna taxxabbli għall-VAT li tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi sabiex tnaqqas il-VAT, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, tkun tista’ tinċaħad mill-possibbiltà li teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tal-VAT mħallsa fl-okkażjoni tax-xiri tal-beni għaliex din il-persuna taxxabbli ma kinitx reġistrata għall-VAT qabel ma eżerċitat dan id-dritt għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha li huma suġġetti għall-VAT.
Fuq l-ammissibbiltà
34 Il-Gvern Litwan iqiegħed inkwistjoni l-kwalità ġurisdizzjonali tal-Mokestinių ginčų komisijaprie Lietuvos Respublikos vyriausybės, għaliex din il-kummissjoni mhijiex indipendenti. Fil-fatt, din hija marbuta mal-istruttura organizzattiva tal-Ministeru tal-Finanzi, li għalih din għandha tabbozza rapporti annwali u għandha l-obbligu li tikkoopera miegħu.
35 F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex tiddetermina jekk il-korp ta’ rinviju għandux in-natura ta’ qorti skont l-Artikolu 234 KE, il-Qorti tal-Ġustizzja tieħu inkunsiderazzjoni sensiela ta’ kriterji, bħall-oriġini legali tal-korp, il-permanenza tiegħu, in-natura obbligatorja tal-ġurisdizzjoni tiegħu, in-natura kontradittorja tal-proċedura, l-applikazzjoni, mill-korp, tar-regoli tad-dritt, kif ukoll l-indipendenza tiegħu (sentenza tas-17 ta’ Settembru 1997, Dorsch Consult, C-54/96, Ġabra p. I-4961, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36 Fil-kawża inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-Artikolu 148(2) tal-liġi dwar l-amministrazzjoni tat-taxxa jirriżulta li l-għan tal-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės huwa li teżamina b’mod imparzjali l-ilmenti kollha tal-kontribwenti u tiddeċiedi skont il-liġi u timmotiva d-deċiżjonijiet meħuda. Skont dan l-Artikolu 148(4), il-membri ta’ din il-kummissjoni huma nnominati għal sitt snin u għandhom ikunu persuni b’reputazzjoni nadifa. Skont l-imsemmi Artikolu 148(6) il-membri tal-imsemmija kummissjoni ma jistgħux jokkupaw impjieg ieħor għajr dak fi ħdan il-kummissjoni. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 26 tar-Regolament Intern jistabbilixxi proċedura ta’ rikuża għall-membri ta’ din l-istess kummissjoni fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi.
37 Hemm lok li jiġi kkonstatat li dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lil Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės l-indipendenza kollha meħtieġa sabiex titqies bħala qorti skont l-Artikolu 234 KE. Il-fatt li din il-kummissjoni hija marbuta mal-istruttura organizzattiva tal-Ministeru tal-Finanzi u għandha tabbozzalu rapporti annwali ma jaffettwax din l-analiżi.
38 Fir-rigward tal-obbligu ta’ kooperazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi, il-Gvern Litwan, mistoqsi fuq dan is-suġġett matul is-seduta, indika li ma kienx jaf b’każijiet li fihom il-Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės kienet irċeviet, mingħand dan il-ministeru, struzzjonijiet jew indikazzjonijiet dwar ir-riżultat mixtieq f’kawża jew oħra. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eżistenza ta’ dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni ma huwiex inkompatibbli mal-indipendenza ta’ din il-kummissjoni fir-rigward tal-imsemmi ministeru.
39 Barra minn hekk, mil-leġiżlazzjoni nazzjonali riprodotta fil-punti 17 sa 23 tas-sentenza preżenti jirriżulta li Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės tissodisfa l-kriterji l-oħra stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali, iċċitati fil-punt 35 tas-sentenza preżenti, sabiex tiġi kkwalifikata bħala korp ġurisdizzjonali.
40 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandu jiġi konkluż li Mokestinių ginčų komisija prie Lietuvos Respublikos vyriausybės għandha n-natura ta’ qorti, fis-sens tal-Artikolu 234 KE, u li t-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
41 Għandu jiġi rrilevat li l-Istati Membri jistgħu jillimitaw id-dritt għal tnaqqis tal-VAT biss fil-każijiet espressament stabbiliti mid-Direttiva 2006/122 (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-21 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Franza, 50/87, Ġabra p. 4797, punti 16 u 17; tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz, C-7/90, Ġabra p. I-3795, punt 27, kif ukoll tal-15 ta’ Jannar 1998, Ghent Coal Terminal, C-37/95, Ġabra p. I-1, punt 16).
42 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-kuntest tas-sistema ta’ awtolikwidazzjoni, li l-prinċipju fundamentali tan-newtralità tal-VAT jeżiġi li t-tnaqqis ta’ din it-taxxa jingħata jekk ir-rekwiżiti sostantivi jkunu sodisfatti, minkejja l-fatt li l-persuni taxxabbli tkun naqset milli twettaq ċerti rekwiżiti proċedurali (sentenzi tat-8 ta’ Mejju 2008, Ecotrade, C-95/07 u C-96/07, Ġabra p. I-3457, punt 63 u tat-30 ta’ Settembru 2010, Uszodaépítö, C-392/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 40). Għalhekk, meta l-amministrazzjoni tat-taxxa jkollha l-informazzjoni meħtieġa sabiex tistabbilixxi li l-persuna taxxabbli, bħala destinatarja tat-tranżazzjoni inkwistjoni, hija suġġetta għall-VAT, din ma tistax, fir-rigward tad-dritt li din l-aħħar persuna għandha li tnaqqas din it-taxxa, timponi kundizzjonijiet addizzjonali li jista’ jkollhom l-effett li jġibu fix-xejn l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt (sentenzi Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64 u Uszodaépítö, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).
43 Huwa fid-dawl ta’ dawn iż-żewġ prinċipji li għandhom jiġu eżaminati d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju.
44 F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-persuna taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT dovuta jew imħallsa f’Istat Membru għal beni li ġew ikkunsinjati lilu jew li ser jiġu kkunsinjati lilu u għal servizzi li twettqu jew li ser jitwettqu minn persuna taxxabli oħra u li huma meħtieġa fl-użu tat-tranżazzjonijiet tiegħu li huma intaxxati.
45 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Nidera esportat il-qamħ kollu inkwistjoni, li kienet xtrat fil-Litwanja, lejn Stati terzi, billi applikat ir-rata ta’ 0 % VAT, skont id-dritt nazzjonali applikabbli.
46 Huwa paċifiku li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, Nidera tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis, stabbilit fl-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112, fir-rigward tal-VAT imħallsa fuq dawn il-beni fil-Litwanja. Skont l-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva, dan id-dritt jidħol fis-seħħ meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.
47 Skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112, l-użu tad-dritt għal tnaqqis imsemmi fl-Artikolu 168(a) tal-imsemmija direttiva, fir-rigward tal-kunsinna ta’ beni u l-provvista ta’ servizzi, huwa suġġett biss għal rekwiżit proċedurali li jitlob li l-persuna taxxabbli żżomm il-fattura skont kif stabbilit fl-Artikoli 220 sa 236 u 238 sa 240 ta’ din id-direttiva.
48 Ċertament, il-persuni taxxabbli għandhom ukoll l-obbligu li jiddikjaraw meta jibdew, ibiddlu u jwaqqfu l-attivitajiet tagħhom, skont il-miżuri adottati għal dan l-iskop mill-Istati Membri, u dan skont l-Artikolu 213 tad-Direttiva 2006/112. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din id-dispożizzjoni ma tawtorizza bl-ebda mod lill-Istati Membri, fil-każ fejn id-dikjarazzjoni ma tiġix ippreżentata, milli jmexxu l-użu tad-dritt għal tnaqqis sad-data li fiha t-tranżazzjonijiet taxxabbli jiġu effettivament imwettqa jew iċaħħdu lill-persuni taxxabbli mill-użu ta’ dan id-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et, C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 51).
49 Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-miżuri li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jadottaw, skont l-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, sabiex jiżguraw il-ġbir eżatt tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu tali għanijiet u ma jistgħux iqiegħdu inkwistjoni n-newtralità tal-VAT (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée, C-146/05, Ġabra p. I-7861, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
50 Konsegwentement, l-obbligu ta’ reġistrazzjoni stabbilita fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112, bħall-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 213 ta’ din tal-aħħar, iċċitati fil-punt preċedenti tas-sentenza preżenti, ma huwiex att kostituttiv tad-dritt għal tnaqqis, li jidħol fis-seħħ meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta, iżda jikkostitwixxi rekwiżit proċedurali għall-finijiet tal-kontroll.
51 Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT ma tistax titwaqqaf milli teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha għaliex ma kinitx reġistrata għall-VAT qabel ma użat il-beni akkwistati fil-kuntest tal-attività taxxabbli tagħha.
52 Ċertament, il-persuni taxxabbli li ma josservawx ir-rekwiżiti proċedurali stabbiliti mid-Direttiva 2006/112 jistgħu jiġu ssanzjonati b’piena amministrattiva, skont il-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-direttiva fid-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, li kieku l-użu tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT ma jkun suġġett għal ebda limitazzjoni ratione temporis, iċ-ċertezza legali ma tkunx totalment osservata. Fil-fatt, l-obbligu li persuna taxxabbli tirreġistra ruħha għall-VAT jista’ jitlef is-sens tiegħu jekk l-Istati Membri ma jistgħux jimponu terminu raġonevoli għal dan il-għan.
53 Madankollu, fil-kawża prinċipali, jidher li Nidera ma kinitx obbligata li tirreġistra ruħha għall-VAT fil-Litwanja, skont l-Artikolu 71(3) tal-liġi dwar il-VAT, minkejja li skont l-Artikolu 63(1) ta’ din il-liġi, il-persuni taxxabbli setgħu jnaqqsu l-VAT biss meta huma jagħmlu dan. Għalhekk, sa fejn Nidera kellha bżonn tirreġistra ruħha għall-VAT sabiex teżerċita d-dritt għal tnaqqis tagħha, hemm lok li jiġi kkonstatat li din għamlet hekk inqas minn sitt xhur wara li wettqet dawn it-tranżazzjonijiet li taw lok għal dan id-dritt u, għalhekk, f’terminu raġonevoli.
54 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna taxxabbli għall-VAT li tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi sabiex tnaqqas din it-taxxa, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u li tirreġistra ruħha għall-VAT f’terminu raġonevoli minn meta twettaq it-tranżazzjonijiet li taw lok għad-dritt għal tnaqqis, tkun tista’ tinċaħad mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tal-VAT imħallsa meta nxtraw beni għaliex din il-persuna taxxabbli ma kinitx reġistrata għall-VAT qabel użat dan id-dritt għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha li huma suġġetti għat-taxxa.
Fuq l-ispejjeż
55 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li persuna taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud li tissodisfa r-rekwiżiti sostantivi sabiex tnaqqas din it-taxxa, skont id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva, u li tirreġistra ruħha għall-VAT f’terminu raġonevoli minn meta twettaq it-tranżazzjonijiet li taw lok għad-dritt għal tnaqqis, tkun tista’ tinċaħad mill-possibbiltà li teżerċita dan id-dritt minn leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi t-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa meta nxtraw beni għaliex din il-persuna taxxabbli ma kinitx reġistrata għat-taxxa fuq il-valur miżjud qabel użat dan id-dritt għall-finijiet tal-attivitajiet tagħha li huma suġġetti għat-taxxa.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Litwan.