Kawża C-395/09
Oasis East sp. z o.o.
vs
Minister Finansów
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)
“Sitt Direttiva tal-VAT — Direttiva 2006/112/KE — Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid — Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa marbuta ma’ ċerti provvisti ta’ servizzi — Sieħba kummerċjali stabbiliti f’territorju kkwalifikat bħala ‛tax haven’ — Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu regoli ta’ esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva VAT”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa — Esklużjonijiet mid-dritt għal tnaqqis — Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu l-esklużjonijiet eżistenti mad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva
Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 17(6))
L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva 77/38, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, hekk kif emendata bid-Direttiva 95/7, li d-dispożizzjonijiet tiegħu, essenzjalment, huma riprodotti fl-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax iż-żamma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi b’mod ġenerali d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa minħabba l-akkwist ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom huwa mħallas direttament jew indirettament lil persuna stabbilita fi Stat Membru jew f’territorju kkwalifikat bħala “tax haven” mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Fil-fatt, l-Istati Membri ma jistgħux iżommu esklużjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li japplikaw b’mod ġenerali għal kwalunkwe spiża marbuta mal-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi.
(ara l-punti 30, 32 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
30 ta’ Settembru 2010 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT – Direttiva 2006/112/KE – Adeżjoni ta’ Stat Membru ġdid – Dritt għat-tnaqqis tat-taxxa tal-input imħallsa – Leġiżlazzjoni nazzjonali li teskludi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa marbuta ma’ ċerti provvisti ta’ servizzi – Sieħba kummerċjali stabbiliti f’territorju kkwalifikat bħala “tax haven” – Possibbiltà għall-Istati Membri li jżommu regoli ta’ esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva VAT”
Fil-Kawża C-395/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa minn Naczelny Sąd Administracyjny (Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Awwissu 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Ottubru 2009, fil-proċedura
Oasis East sp. z o.o.
vs
Minister Finansów,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Lulju 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Oasis East sp. z o.o., minn M. Wojda u J. Martini,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u M. Jarosz, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Owsiany-Hornung u K. Herrmann, kif ukoll minn D. Triantafyllou, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/38/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), li d-dispożizzjonijiet tagħha, essenzjalment, ġew riprodotti fl-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Oasis East sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “Oasis East”) u l-Minister Finansów (Ministru tal-Finanzi Pollakk).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 17(2) u (6) tas-Sitt Direttiva, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tagħha,
“2. Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:
(a) taxxa fuq il-valur miżjud [(iktar ’il quddiem il-“VAT”)] imħalsa għal merkanzija jew servizzi pprovduti jew li se jkunu pprovduti lilha minn persuna taxxabbli oħra li għandha tħallas it-taxxa fit-territorju tal-pajjiż
[…]
Qabel perjodu ta’ erba’ snin ta’ l-inqas ikunu għaddew mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva, il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jiddeċiedi liema nefqa m’għandiex tkun eleġġibli għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud. It-taxxa fuq il-valur miżjud fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun imnaqqsa fuq spejjeż li mhux strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sa kemm ir-regoli ta’ fuq jidħlu fis-seħħ, Stati Membri jistgħu iżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti taħt il-liġijiet nazzjonali meta din id-Direttiva tidħol fis-seħħ”.
4 Is-Sitt Direttiva ġiet abrogata u sostitwita bid-Direttiva 2006/112.
5 Skont l-Artikolu 176 ta’ din l-aħħar direttiva:
“Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi n-nefqa li fir-rispett tagħha l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas. It-VAT fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun tista’ titnaqqas fir-rigward tan-nefqa li mhijiex strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sa kemm id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidħlu fis–seħħ, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li aderew għall-Komunità wara dik id-data, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
6 L-Artikolu 25(1a) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (ustawa o podatku VAT z roku 1993), tat-8 ta’ Jannar 1993 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-1993 dwar il-VAT”), tipprovdi:
“Is-servizzi importati akkwistati mill-persuna taxxabbli u li l-prezz tagħhom huwa mħallas direttament jew indirettament lil persuna li għandha r-residenza, l-uffiċċju rreġistrat jew l-amministrazzjoni tagħha fuq wieħed mit-territorji jew f’wieħed mill-pajjiżi indikati fl-Anness 9 tal-liġi, ma jagħtux lok għal tnaqqis tal-ammont jew għal ħlas lura tad-differenza tat-taxxa dovuta”.
7 L-Anness 9 tal-liġi tal-1993 dwar il-VAT, intitolata “Lista tal-pajjiżi (territorji) li fir-rigward tagħhom l-ammont ta’ VAT fuq l-importazzjoni ta’ servizzi ma jagħti lok la għal tnaqqis tal-ammont tal-VAT dovuta u lanqas għall-ħlas lura tad-differenza tal-VAT dovuta” jinkludi l-lista li ġejja:
“1) Il-Prinċipat ta’ Andorra;
2) Angwilla, territorju awtonomu dipendenti tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
3) Antigwa u Barbuda;
4) Aruba, territorju awtonomu tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi;
5) Il-Commonwealth tal-Baħamas;
6) Ir-Renju tal-Baħrejn;
7) Barbados;
8) Beliże;
9) Bermuda, dipendenza tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
10) Il-Gżejjer Verġni, dipendenza tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
11) Il-Gżejjer Cook, territorju awtonomu assoċjat man-New Zealand;
12) Il-Commonwealth ta’ Dominika;
13) Ġibiltà, dipendenza tar-Renju Britanniku;
14) Grenada;
15) Guernesey/Sark/Aurigny, dipendenża tar-Renju Britanniku;
16) Ħong-Kong, reġjun amministrattiv speċjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
17) Jersey, dipendenza tar-Renju Britanniku;
18) Il-Gżejjer Kajman, dipendenza tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
19) Ir-Repubblika tal-Liberja;
20) Il-Prinċipat ta’ Liechtenstein;
21) Il-Makaw, reġjun amministrattiv speċjali tar-Repubblika Popolari taċ-Ċina;
22) Ir-Repubblika tal-Maldive;
23) Il-Gżira ta’ Man, dipendenza tar-Renju Britanniku;
24) Ir-Repubblika tal-Gżejjer Marshall;
25) Ir-Repubblika tal-Mawrizju;
26) Il-Prinċipat ta’ Monako;
27) Monserrat, dipendenza tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
28) Ir-Repubblika ta’ Nauru;
29) Antilles Olandiżi, dipendenza tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi;
30) Niue, territorju awtonomu assoċjat man-New Zealand;
31) Ir-Repubblika tal-Panama;
32) L-Istat indipendenti ta’ Samoa;
33) Ir-Repubblika tas-Seychelles;
34) Il-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis;
35) Santa Luċija;
36) Saint-Vincent u l-Grenadini;
37) Ir-Renju ta’ Tonga;
38) Il-Gżejjer Turks u Kajkos, dipendenza tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq;
39) Il-Gżejjer Verġni tal-Istati Uniti, territorju mhux inkorporat mal-Istati Uniti;
40) Ir-Repubblika tal-Vanwatu;
41) Emirati Għarab Magħquda”.
8 Din is-sistema fiskali, kienet ġiet stabbilita, essenzjalment, mid-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar il-valur miżjud (ustawa o podatku VAT z roku 2004), tal-11 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“liġi tal-2004 dwar il-VAT”), jiġifieri mill-Artikolu 88(1)(1) ta’ din il-liġi moqrija flimkien mal-Anness 5 tagħha, fejn il-lista li tinsab f’dan l-anness tinkludi 39 Stati u territorji minflok 41. Dawn id-dispożizzjonijiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
9 Oasis East tipproduċi u tbigħ funtani tal-ilma li jkessħu. Fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha, li jinkludu wkoll servizzi ta’ wara l-bejgħ, hija tirrikorri għall-provvista ta’ servizzi proposti minn impriża stabbilita f’wieħed mit-territorji elenkati fl-Anness 9 tal-liġi tal-1993 dwar il-VAT, li l-anness tagħha ġie sostitwit mill-Anness 5 tal-liġi tal-2004 dwar il-VAT. Din l-impriża tforni lil Oasis East servizzi ta’ ġestjoni u ta’ assistenza teknika. Dawn il-provvisti huma b’mod partikolari relatati mal-attivitajiet segwenti, jiġifieri marketing, organizzazzjoni u parteċipazzjoni fil-qasam ta’ fieri internazzjonali, operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-pjanifikazzjoni tal-produzzjoni, servizzi ta’ inġiniera, pariri finanzjarji u kontijiet, organizzazzjoni ta’ trasport, servizzi marbuta mal-użu ta’ sistemi informatiċi, koordinazzjoni fil-qasam ta’ xiri u bejgħ.
10 Fit-28 ta’ Diċembru 2007, Oasis East staqsiet lid-direttur finanzjarju ta’ Katowice, dwar jekk, mill-1 ta’ Mejju 2004, hija kellhiex id-dritt li tnaqqas l-ammont tat-taxxa tal-input imħallsa minħabba l-importazzjoni ta’ servizzi amministrattivi li l-prezz tagħhom huwa mħallas lil impriża li hija stabbilita f’wieħed mit-territorji li jinsab fl-Anness 5 tal-liġi tal-2004 dwar il-VAT.
11 Id-direttur tal-finanzi ta’ Katowice, permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008, ta risposta negattiva għad-domanda magħmula minn Oasis East. Huwa kkunsidra li din tal-aħħar ma kellhiex id-dritt tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa, peress li l-prezz tas-servizzi kkonċernati kien imħallas lil impriża li stabbilit ir-residenza, l-uffiċċju rreġistrat jew l-amministrazzjoni tagħha f’wieħed mill-Istati jew territorji msemmija fl-Anness 5 tal-liġi tal-2004 dwar il-VAT.
12 Id-direttur tal-finanzi ta’ Katowice osserva li l-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, peress li l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva jippermetti lill-Istati Membri li jżommu l-esklużjonijiet kollha previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-mument tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-direttiva. Minn dan iddeduċa li r-Repubblika tal-Polonja kienet żammet il-possibbiltà li żżomm fis-seħħ ir-restrizzjonijiet fil-qasam tat-tnaqqis tal-VAT li kienu jeżistu fid-data tal-adeżjoni tagħha fl-Unjoni Ewropea.
13 Fit-18 ta’ Ġunju 2008, Oasis East ressqet rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008 quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gliwicach (qorti amministrattiva ta’ voïevodie de Gliwice).
14 Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Diċembru 2008, din il-qorti ċaħdet ir-rikors ta’ Oasis East. Hija kkunsidrat li ż-żamma, fis-sistema legali nazzjonali, tal-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 88(1)(1) tal-liġi tal-2004 dwar il-VAT ma tikkostitwixxix ksur tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
15 Fl-appell tagħha fil-kassazzjoni ppreżentat fid-9 ta’ Marzu 2009, Oasis East tenniet l-argument invokat preċedentement. In-Naczelny Sąd Administracyjny, f’dawn il-kundizzjonijiet, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Id-dritt Komunitarju, u b’mod partikolari l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva [...] (li issa sar l-Artikolu 176 tad-Direttiva [...] 2006/112/KE [...]), jippermetti lil Stat Membru japplika dispożizzjonijiet nazzjonali li jeskludu d-dritt ta’ persuna taxxabbli li tnaqqas l-ammont ta’ taxxa dovuta, jew li tirċievi l-ħlas lura tad-differenza fit-taxxa dovuta fil-każ ta’ akkwist ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom jitħallas direttament jew indirettament lil persuna li tkun stabbilixxiet ir-residenza tagħha, l-uffiċċju rreġistrat tagħha jew l-amministrazzjoni tagħha f’wieħed mit-territorji jew pajjiżi li fil-liġi nazzjonali jissejħu ‛tax havens’, fid-dawl tal-fatt li din l-esklużjoni kienet ġiet adottata fl-Istat Membru qabel is-sħubija tiegħu fil-Komunità?”
Fuq id-domanda preliminari
16 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ġew, essenzjalment, riprodotti fl-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, jawtorizzax iż-żamma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi b’mod ġenerali d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba x-xiri ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom huwa direttament jew indirettament imħallas lil persuna stabbilita fi Stat jew territorju kkwalifikat minn din il-leġiżlazzjoni bħala “tax haven”.
17 Peress li l-formulazzjoni tad-domanda magħmulha tinvoka kemm l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva kif ukoll l-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, hemm lok li jiġi osservat, preliminarjament, li dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet huma essenzjalment identiċi.
18 Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domanda, għandu jitfakkar li d-dritt għal tnaqqis, stabbilit fl-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva, jikkostitwixxi, bħala parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT, prinċipju fundamentali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT u, bħala regola, ma jistax jiġi limitat (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Jannar 2002, Metropol u Stadler, C-409/99, Ġabra p. I-81, punt 42; tas-26 ta’ Mejju 2005, Kretztechnik, C-465/03, Ġabra p. I-4357, punt 33, kif ukoll tal-15 ta’ April 2010, X Holding u Oracle Nederland, C-538/08 u C-33/09, Ġabra p. I-3129, punt 37).
19 Madankollu, il-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT ittaffa mid-dispożizzjoni derogatorja li tinsab fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva. L-Istati Membri huma fil-fatt awtorizzati li jżommu l-leġiżlazzjoni tagħhom dwar l-esklużjoni mid-dritt għat-tnaqqis li tkun teżisti fid-data meta s-Sitt Direttiva tidħol fis-seħħ, sakemm il-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet previsti f’dan l-artikolu (ara s-sentenzi tal-11 ta’ Diċembru 2008, Danfoss u AstraZeneca, C-371/07, Ġabra p. I-9549, punt 28, kif ukoll X Holding u Oracle Nederland, iċċitat iktar ’il fuq, punt 38).
20 Peress li l-Kunsill ma adottax dawn id-dispożizzjonijiet, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom fil-qasam tal-esklużjoni tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Għalhekk, sal-lum id-dritt tal-Unjoni ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni li telenka l-ispejjeż eżenti mid-dritt għat-tnaqqis (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 23, kif ukoll Danfoss u AstraZeneca, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
21 Madankollu, fir-rigward tal-portata tas-sistema ta’ deroga prevista fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din id-dispożizzjoni tippresupponi li l-esklużjonijiet li jistgħu jżommu kienu legali skont it-Tieni Direttiva tal-Kunsill 67/228/KEE, tal-11 ta’ April 1967, dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Struttura u proċeduri għall-applikazzjoni tas-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 1967, 71, p. 1303, iktar ’il quddiem it-“Tieni Direttiva”), li kienet teżisti qabel is-Sitt Direttiva (ara s-sentenzi tal-5 ta’ Ottubri 1999, Royscor et, C-305/97, Ġabra p. I-6671, punt 21, kif ukoll X Holding u Oracle Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).
22 F’dan ir-rigward, l-Artikolu 11 tat-Tieni Direttiva, li introduċa d-dritt għat-tnaqqis fil-paragrafu 1 tiegħu, jipprevedi fil-paragrafu 4 tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jeskludu mis-sistema tat-tnaqqis ċerti oġġetti u ċerti servizzi, b’mod partikolari dawk li jistgħu jkunu esklużivament jew parzjalment użati għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu.
23 Konsegwentment, il-possibbiltà mogħtija lill-Istati Membri fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva ma tikkostitwixxix setgħa diskrezzjonali assoluta li teskludi l-oġġetti u s-servizzi kollha jew kważi kollha tas-sistema tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u li wkoll tneħħi s-sustanza tagħha mis-sistema stabbilita fl-Artikolu 11(1) tat-Tieni Direttiva. Għalhekk, l-imsemmija possibbiltà ma hijiex dwar l-esklużjonijiet ġenerali u ma tneħħiex l-obbligu tal-Istati Membri li jippreċiżaw biżżejjed l-oġġetti u s-servizzi li għalihom huwa eskluż id-dritt għat-tnaqqis (ara, f’dan is-sens, sentenzi Royscot et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 22 u 24, kif ukoll tal-14 ta’ Lulju 2005, Charles u Charles-Tijmens, C-434/03, Ġabra p. I-7037, punti 33 u 35).
24 Barra minn hekk, peress li din hija sistema li tikkostitwixxi deroga għall-prinċipju tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, din għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara s-sentenzi Metropol u Stadler, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59, kif ukoll tat-22 ta’ Diċembru 2008, Magoora, C-414/07, Ġabra p. I-10921, punt 28).
25 F’dak li jikkonċerna l-kawża prinċipali u l-eventwali applikabbiltà tas-sistema ta’ deroga prevista fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi osservat li l-imsemmija direttiva daħlet fis-seħħ fil-Polonja fid-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat fl-Unjoni, jiġifieri fl-1 ta’ Mejju 2004. Għaldaqstant, din id-data hija rilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq f’dak li jikkonċerna dan l-Istat Membru (ara s-sentenza Magoora, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
26 Peress li l-Gvern Pollakk invoka l-fatt li l-formulazzjoni tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 tistabilixxi distinzjoni bejn l-Istati Membri li daħlu fl-Unjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1979 u dawk li, bħar-Repubblika tal-Polonja, daħlu wara din id-data, huwa biżżejjed li jiġi rrimarkat li din id-differenza hija intiża biss sabiex tiddetermina d-data sa meta l-ispejjeż li ma jagħtux dritt għat-tnaqqis tal-VAT kellhom jiġu previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
27 Konsegwentement, l-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112 ma jistax jagħti lok għal interpretazzjoni differenti, fir-rigward tal-portata tal-esklużjonijiet ikkunsidrati, skont jekk l-Istat Membru kkonċernat ikunx daħal fl-Unjoni qabel l-1 ta’ Jannar 1979 jew wara din id-data. F’dawn il-kundizzjonijiet, l-adozzjoni ta’ dan l-Artikolu 176 ma kellhiex effett fuq il-ġurisprudenza dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
28 Sabiex tiġi evalwata l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali fir-rigward tas-sistema ta’ deroga li tistabilixxi, għandu jiġi osservat li, kif enfasizzat ukoll il-qorti tar-rinviju, din il-leġiżlazzjoni tikkostitwixxi miżura ta’ natura ġenerali li tillimita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa għal kull akkwist ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom huwa mħallas direttament jew indirettament lil persuna stabbilita fi Stat jew territorju kkwalifikat bħala “tax haven” mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
29 Issa, tali leġiżlazzjoni tinkludi limitu għad-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT li jeċċedi dak li huwa awtorizzat fl-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva.
30 Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-Istati Membri ma jistgħux iżommu esklużjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis tal-VAT li japplikaw b’mod ġenerali għal kwalunkwe spiża marbuta mal-akkwist ta’ oġġetti jew servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ April 2009, PARAT Automotive Cabrio, C-74/08, Ġabra p. I-3459, punti 28 u 29, kif ukoll X Holding u Oracle Nederland, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
31 Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kunsiderazzjoni magħmula mill-Gvern Pollakk, li tgħid li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tirrispondi għall-bżonn li jiġu evitati frodi fiskali, għandu jiġi enfasizzat li, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 70 tas-sentenza tagħha tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, (C-255/02, Ġabra p. I-1609), irrikonoxxiet li l-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ prattiki abużivi japplika għall-qasam tal-VAT, l-imsemmi prinċipju ma jistax jippermetti lill-Istati Membri li jwessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema ta’ deroga inkwistjoni. Barra minn hekk, jekk, kif indikat il-qorti tar-rinviju, ir-restrizzjonijiet previsti mid-dritt Pollakk kienu mmotivati min-neċessità li tiġi evitata ċerta frodi jew evażjoni fiskali, l-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva jipprovdi f’dan is-sens proċedura speċjali li tippermetti lill-Kunsill li jawtorizza lil kull Stat Membru jintroduċi miżuri ta’ deroga partikolari.
32 Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, ir-risposta għad-domanda li saret għandha tkun li l-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva, li d-dispożizzjonijiet tiegħu, essenzjalment, huma riprodotti fl-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax iż-żamma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi b’mod ġenerali d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa minħabba l-akkwist ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom huwa mħallas direttament jew indirettament lil persuna stabbilita fi Stat Membru jew f’territorju kkwalifikat bħala “tax haven” mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
33 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 17(6) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/38/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, hekk kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995, li d-dispożizzjonijiet tiegħu, essenzjalment, huma riprodotti fl-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jawtorizzax iż-żamma ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, applikabbli fil-mument tad-dħul fis-seħħ tas-Sitt Direttiva 77/388 fl-Istat Membru kkonċernat, li jeskludi b’mod ġenerali d-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input imħallsa minħabba l-akkwist ta’ servizzi importati, li l-prezz tagħhom huwa mħallas direttament jew indirettament lil persuna stabbilita fi Stat Membru jew f’territorju kkwalifikat bħala “tax haven” mill-imsemmija leġiżlazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.