Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-430/09

Euro Tyre Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) — Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Unjoni Ewropea — Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Sistema tranżitorja ta’ tassazzjoni tal-kummerċ bejn Stati Membri — Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Komunità

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a))

Meta oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni - din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 96/95, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva -, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

F’dan ir-rigward, meta l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.

(ara l-punti 44, 45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

16 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 8(1)(a) u (b), Artikolu 28a(1)(a), Artikolu 28b(A)(1), u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) – Eżenzjoni tal-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati ġewwa l-Unjoni Ewropea – Kunsinni suċċessivi tal-istess oġġetti li jwasslu għal spedizzjoni waħda jew trasport wieħed intra-Komunitarju”

Fil-Kawża C-430/09,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz tad-deċiżjoni tad-9 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura

Euro Tyre Holding BV

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Euro Tyre Holding BV, minn T. C. van Zwieten, belastingadviseur,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis kif ukoll minn M. Germani u M. Tassopoulou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/95/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996 (ĠU L 376, p. 1, iktar il quddiem is-“Sitt Direttiva”), moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b), mal-Artikolu 28a(1)(a) mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Euro Tyre Holding BV (iktar ’il quddiem “ETH”) u l-iStaatssecretaris van Financiën (Segretarju tal-Istat għall-Finanzi), dwar aġġustamenti skont it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li għalihom din il-kumpannija kienet suġġetta wara tranżazzjoni li tirrigwarda oġġetti li kienu s-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

3        L-Artikolu 8(1)(a) u (b) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi:

“Il-post tal-provvista ta’ l-oġġetti għandu jitqies li hu:

a)      fil-każ ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati jew mill-fornitur jew mill-akkwirent jew minn persuna terza: il-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti fil-ħin meta jintbagħtu jew jibda t-trasport għall-akkwirent. […]

b)      fil-każ fejn oġġetti ma jintbagħtux jew ma jkunux trasportati: il-post fejn ikunu jinsabu l-oġġetti meta ssir il-provvista”.

4        Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) tas-Sitt Direttiva:

“Li ġej għandu jkun suġġett ukoll għall-[VAT]:

a)      akkwisizzjonijiet intra-Komunitarji ta’ merkanzija għall-konsiderazzjoni, minn persuna taxxabbli, fit-territorju ta’ pajjiż, li tkun qed taġixxi b’dan il-mod jew minn persuna legali mhux taxxabbli” [akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti mħallsa f’pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, jew minn persuna ġuridika li mhux persuna taxxabli, meta l-bejjiegħ huwa hu nnifsu persuna taxxabbli, li ma jibbenefikax mit-tnaqqis fit-taxxa stabbilit fl-Artikolu 24 u li ma jaqax taħt id-dispożizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-Artikolu 8(1)(a) jew tal-Artikolu 28b(B)(1)].

5        L-Artikolu 28b(A)(1) tal-imsemmi direttiva jistabbilixxi:

“Il-post ta’ l-akkwisizzjoni intra-Komunitarja tal-merkanzija jittieħed bħala l-post fejn tkun il-merkanzija fejn jintemm it-trasport jew li jintbagħtu għand il-persuna li akkwistathom”.

6        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) jipprovdi s-segwenti:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità u suġġett għal kondizzjonijiet li se jistabbilixxu bl-iskop li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijiet hawn taħt u biex jilqgħu kontra evażjoni, skartar jew abbuż. Stati Membri jeżentaw:

a)      fornitura ta’ merkanzija, kif definit fl-Artikolu 5 mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom tal-bejjiegħ jew il-persuna li qed takkwista l-merka ’il barra mit-territroju msemmi fl-Artikolu 3 imma xorta fil-Komunità, magħmula għal persuna taxxabbli oħra jew persuna legali mhux taxxabbli li tkun qed taġixxi hekk fi Stat Membru ieħor li mhux dak minn fejn tinbagħat jew tkun ittrasportata il-merkanzija.”

7        L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva, fil-formulazzjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28h tal-istess direttiva, jistabbilixxi diversi obbligi għall-persuni taxxabbli b’mod partikolari dwar il-kontijiet, il-fatturi, id-dikjarazzjoni u d-dikjarazzjoni rikapitulattiva li dawn tal-aħħar għandhom jippreżentaw lill-amministrazzjoni fiskali. L-ewwel subparagrafu tal-punt 6(b) ta’ dan l-artikolu jipprovdi s-segwenti:

“Kull persuna taxxabli identifikata għall-għanijiet tal-[VAT] għandha toħroġ prospett bil-lists sħiħa ta’ l-akwistaturi identifikati għall-għanijiet tal-[VAT] lil min huwa forna l-oġġetti taħt il-kondizzjonijiet li hemm ipprovdut fl-Artikoli 28ċ(A)(a) u (d), u tal-persuni li jkunu qed jirċievu identifikati għall-għanijiet tal-[VAT] fit-transazzjonijiet msemmija fil-ħames subparagrafu”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8        Mill-osservazzjonijiet bil-miktub mibgħuta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-Gvern Olandiż jirriżulta li d-dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw fil-kawża prinċipali huma dawk li jirriżultaw mil-Liġi tal-1968 dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Wet op de omzetbelasting 1968), tat-28 ta’ Ġunju 1968 (Staatsblad 1968, Nruº 29, iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-1968”).

9        Skont l-Artikolu 5 tal-Liġi tal-1968, il-post ta’ kunsinna jinsab, fil-każ fejn l-oġġett ikkonċernat mill-kunsinna jintbagħat jew jiġi ttrasportat, fil-post minn fejn l-ispedizzjoni jew it-trasport ikun telaq.

10      Abbażi tal-Artikolu 9(2)(b) tal-Liġi tal-1968, it-taxxa hija ta’ 0 % għall-kunsinni ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi elenkati fit-Tabella II tal-imsemmija liġi, sa fejn dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-miżura ġenerali tal-amministrazzjoni.

11      It-Taqsima a.6 tal-imsemmija Tabella II, fil-formulazzjoni tagħha fis-seħħ meta ġraw il-fatti fil-kawża prinċipali, kienet tirreferi għall-“oġġetti li huma ttrasportati lejn Stat Membru ieħor meta dawn l-oġġetti huma suġġetti għal taxxa fuq l-akkwist intra-Komunitarju ta’ dawn l-oġġetti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

12      ETH hija kumpannija Olandiża li l-attività kummerċjali tagħha tikkonsisti fil-provvista ta’ spare parts għall-karozzi u vetturi oħra. Matul il-perijodu bejn l-1 ta’ Ottubru 1997 u l-31 ta’ Jannar 1999, hija biegħet diversi lottijiet ta’ tyres, bil-kundizzjoni ta’ kunsinna “tluq mill-maħżen”, lil żewġ kumpanniji stabbiliti fil-Belġju, Miroco BVBA u VBS BVBA (iktar ’il quddiem, rispettivament, “Miroco” u “VBS” jew, flimkien, ix-“xerrejja”). Dawn il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna kienu jimplikaw li ETH kellha twassal il-merkanzija sal-maħżen tagħha li jinsab f’Venlo (il-Pajjiżi l-Baxxi) u li t-trasport minn Venlo kellu jsir f’isem u b’riskju għax-xerrejja. Dawn tal-aħħar, meta l-kuntratti ta’ bejgħ ġew konklużi, għarrfu lil ETH li l-merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju.

13      ETH bagħtet lix-xerrejja, abbażi tal-imsemmi bejgħ, fatturi li ma kinux isemmu l-VAT. Dawn tal-aħħar ħallsu għall-merkanzija qabel l-għoti tagħhom.

14      Qabel mal-merkanzija ngħatat skont il-kuntratti ta’ bejgħ, ix-xerrejja, min-naħa individwali tagħhom, biegħuha mill-ġdid lil Banden Decof NV (iktar ’il quddiem “Decof”), kumpannija stabbilita fil-Belġju, billi stabbilixxew kundizzjonijiet ta’ kunsinna li jipprovdu li t-trasport tal-merkanzija lejn l-istabbiliment ta’ Decof kellu jitwettaq f’isem u b’riskju għal Miroco jew għal VBS, skont il-każ.

15      Il-merkanzija nġabret minn rappreżentant ta’ Miroco jew VBS fil-maħżen tal-ETH fil-Pajjiżi l-Baxxi u ġiet ittrasportata direttament lejn l-istabbiliment ta’ Decof fil-Belġju f’vann b’xufier imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-imsemmija kumpanniji u mħallas minn Decof. Ix-xufier, kull darba li kien jiġbor il-merkanzija, ta lil ETH dikjarazzjoni, iffirmata minnu, li kienet tindika li l-merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju. ETH ġiet sussegwentement informata li l-merkanzija ma kinitx ġiet ittrasportata għand ix-xerrejja. Hija ma kinitx involuta fit-trasport.

16      Wara l-kunsinni, l-amministrazzjoni fiskali kkonfermat, fuq talba tal-ETH, li n-numri ta’ reġistrazzjoni tal-VAT tax-xerrejja kienu korretti. Sussegwentement, l-ETH wettqet, fir-rigward tal-imsemmija kunsinni, id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(6)(a) tas-Sitt Direttiva.

17      Wara l-investigazzjoni li saret fl-1999 fir-rigward ta’ ETH, l-ispettur, bħala l-awtorità kompetenti fil-Pajjiżi l-Baxxi fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, ċaħad id-dikjarazzjoni għal applikazzjoni ta’ taxxa b’rata ta’ 0 % u bagħat lil din il-kumpannija żewġ avviżi ta’ aġġustament skont il-VAT li jikkonċernaw, rispettivament, il-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1997 sal-31 ta’ Diċembru 1998 u l-perijodu li jkopri Jannar 1999. Wara l-ewwel ilment, l-ispettur annulla l-avviżi ta’ aġġustament minħabba li kienu jinkludu żball fl-isem tad-destinatarju. Ladarba kkoreġa dan l-iżball, huwa ħareġ żewġ avviżi ġodda ta’ aġġustament. Wara lment ġdid, l-imsemmi spettur naqqas l-ammont tal-ewwel aġġustament u kkonferma l-ammont marbut mat-tieni aġġustament.

18      ETH ippreżentat rikors kontra dawn l-aħħar avviżi ta’ aġġustament quddiem il-Gerechtshof te ’s Hertogenbosch. Fis-sentenza tagħha tas-6 ta’ Marzu 2007, din il-qorti ddeċidiet li t-trasport intra-Komunitarju li seħħ bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Belġju kien jidħol fil-kuntest ta’ kunsinni mwettqa mix-xerrejja lil Decof. Għalhekk, fid-dawl tas-sentenza tas-6 ta’ April 2006, EMAG Handel Eder (C-245/04, Ġabra p. I-3227), ETH ma setgħetx, fir-rigward tal-kunsinni tagħha lix-xerrejja, tapplika l-eżenzjoni skont il-kunsinna intra-Komunitarja stabbilita fl-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, l-imsemmija qorti qieset, għal raġunijiet oħra, li r-rikors kien parzjalment fondat u pproċediet bit-tnaqqis taż-żewġ aġġustamenti kkontestati. ETH ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra l-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju.

19      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Hoge Raad der Nederlandend iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Fid-dawl tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-VAT, kif ukoll tal-Artikolu 8(1)(a) u (b), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva, kif għandu jiġi ddeterminat, fil-każ fejn l-istess oġġetti jkunu s-suġġett ta’ żewġ provvisti suċċessivi mwettqa bejn żewġ persuni taxxabbli li jaġixxu bħala tali, b’tali mod li jista’ jiġi kkunsidrat li kien hemm tluq jew trasport intra-Komunitarju wieħed ta’ oġġetti, fuq liema provvista għandu jiġi imputat it-trasport Komunitarju ladarba t-trasport jitwettaq minn, jew f’isem, persuna li jkollha kemm il-kwalità tax-xerrej, fil-kuntest tal-ewwel provvista, kif ukoll dik tal-bejjiegħ, fil-kuntest tat-tieni provvista?”

 Fuq id-domanda preliminari

20      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li qed jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport wieħed intra-Komunitarju, dan it-trasport għandu jiġi attribwit lill-ewwel jew lit-tieni kunsinna, fejn din it-tranżazzjoni taqa’ minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva.

21      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz ta’ din id-domanda, il-qorti nazzjonali qed tfittex li tikseb informazzjoni preċiża dwar ir-risposta li l-Qorti tal-Ġustizzja tat fis-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, fil-punt 45 ta’ din is-sentenza, kif ukoll fl-ewwel paragrafu tal-punt 1 tad-dispożittiv tal-istess sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta żewġ kunsinni suċċessivi jirrigwardaw l-istess oġġetti, imwettqa b’titolu oneruż bejn persuni taxxabbli li jaġixxu bħala tali, jikkostitwixxu spedizzjoni intra-Komunitarja waħda jew trasport intra-Komunitarju wieħed ta’ dawn l-oġġetti, din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport jista’ jiġi attribwit lil wieħed minn dawn iż-żewġ kunsinni biss, li ser tkun l-unika waħda eżenti skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ppreċiżatx il-mod ta’ kif għandha tiġi ddeterminata l-attribuzzjoni tat-trasport lil waħda minn dawn iż-żewġ kunsinni.

22      Il-kawża li wasslet għas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, għandha kuntest fattwali simili għas-sentenza fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, f’din is-sentenza, kien hemm inkwistjoni żewġ kunsinni suċċessivi tal-istess oġġett li kienu s-suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed. Bħal fil-każ tal-kawża prinċipali, iż-żewġ kunsinni kienu jinvolvu tliet persuni taxxabbli stabbiliti f’żewġ Stati Membri differenti. Madankollu, filwaqt li fl-imsemmija kawża, ix-xerrej intermedjarju kien irċieva talba għal provvista ta’ oġġetti mingħand ix-xerrej finali qabel ma xtara dawn l-oġġetti mingħand il-fornitur tiegħu, il-kawża prinċipali tirrigwarda sitwazzjoni li fiha x-xerrej intermedjarju biegħ mill-ġdid lix-xerrej finali oġġetti li qabel kien xtara mingħand il-fornitur tiegħu, mingħajr ma kien irċieva talba bil-quddiem.

23      Fil-punt 38 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, anki jekk żewġ kunsinni suċċessivi jagħtu lok għal moviment wieħed tal-oġġetti, dawn iridu jitqiesu suċċessivi fiż-żmien.

24      Fir-rigward tal-post ta’ dawn iż-żewġ kunsinni, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li, fil-każ fejn il-kunsinna li wasslet għall-ispedizzjoni jew trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti, u li għalhekk ikollha bħala konsegwenza akkwist intra-Komunitarju ntaxxat fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tal-imsemmija spedizzjoni jew tal-imsemmi trasport, tkun l-ewwel minn żewġ kunsinni suċċessivi, it-tieni kunsinna titqies li tinsab fil-post tal-akkwist intra-Komunitarja li ġie qabilha, jiġifieri fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Bil-kontra, fil-każ fejn il-kunsinna li tikkostitwixxi spedizzjoni jew trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti tkun it-tieni minn żewġ kunsinni suċċessivi, l-ewwel kunsinna, li twettqet ipotetikament qabel l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-oġġetti, titqies li tinsab fl-Istat Membru minn fejn telqet din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport (sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

25      Għaldaqstant, huwa biss il-post tal-kunsinna li jwassal għall-ispedizzjoni jew għat-trasport intra-Komunitarju tal-oġġetti li huwa ddeterminat skont l-Artikolu 8(1)(a) tas-Sitt Direttiva, u dan il-post huwa meqjus li jinsab fl-Istat Membru li minnu telqet din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport. Il-post l-ieħor ta’ kunsinna huwa ddeterminat skont l-Artikolu 8(1)(b) tal-istess Direttiva. Dan il-post huwa meqjus li jinsab kemm fl-Istat Membru ta’ tluq, kif ukoll fl-Istat Membru li fih l-imsemmija spedizzjoni jew l-imsemmi trasport għandu jasal, skont jekk din il-kunsinna hijiex l-ewwel jew it-tieni miż-żewġ kunsinni suċċessivi (sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51)

26      Dawn il-kunsiderazzjonijiet japplikaw ukoll fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

27      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar liema kunsinna għandha tiġi attribwita bit-trasport intra-Komunitarju fil-każ fejn dan twettaq minn jew f’isem persuna li, bħala l-ewwel akkwirent u t-tieni fornitur, kien involut fiż-żewġ kunsinni, għandu jiġi kkonstatat li l-ebda regola ġenerali ma hija stabbilita f’dan ir-rigward mis-Sitt Direttiva. Ir-risposta għal din id-domanda tiddependi minn evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha partikolari li jippermettu li jiġi ddeterminat liema kunsinna tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta mal-kunsinna intra-Komunitarja.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bħal kull kunċett ieħor li jiddefinixxi t-tranżazzjonijiet taxxabbli skont is-Sitt Direttiva (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 44, kif ukoll tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 41), il-kunċetti ta’ kunsinna u ta’ akkwist intra-Komunitarji għandhom natura oġġettiva u japplikaw irrispettivament mill-għanijiet u mir-riżultati tat-tranżazzjonijiet ikkonċernati (sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C-409/04, Ġabra p. I-7797, punt 38, u tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C-285/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 39).

29      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja ta’ oġġetti fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tapplika biss meta d-dritt li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja jiġi trażmess lill-akkwirent, meta l-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat fi Stat Membru ieħor u meta, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-imsemmi oġġett ikun ħalla fiżikament it-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, tas-27 ta’ Settembru 2007, Twoh International, C-184/05, Ġabra p. I-7897, punt 23, u tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C-84/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 27).

30      Minkejja li l-qorti tar-rinviju tistaqsi biss dwar il-kundizzjoni marbuta mat-trasport intra-Komunitarju, għandhom jitqiesu wkoll iż-żewġ kundizzjonijiet elenkati fil-punt preċedenti sa fejn iċ-ċirkustanzi li fihom dawn tal-aħħar huma sodisfatti jistgħu jkunu importanti fl-evalwazzjoni tal-kundizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

31      Qabel kollox, fir-rigward tat-trasferiment tad-dritt li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja fil-kuntest tal-kunsinni mwettqa suċċessivament, huwa importanti li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-punt 38 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, iddeċidiet li l-akkwirent intermedjarju jista’ jittrasferixxi lit-tieni akkwirent is-setgħa li jiddisponi mill-oġġett daqs li kieku kien il-proprjetarju, biss jekk jirċevih minn qabel mill-ewwel bejjiegħ.

32      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm għalhekk lok li l-ġbir tal-merkanzija mill-maħżen ta’ ETH mir-rappreżentant tal-ewwel akkwirent għandu jitqies bħala li ġie ttrasferit lilu d-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju, element li għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna.

33      Madankollu, dan il-fatt waħdu ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-ewwel kunsinna tikkostitwixxi kunsinna intra-Komunitarja. Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż li t-tieni trasferiment tas-setgħa li persuna tiddisponi mill-oġġett bħala proprjetarja jista’ jseħħ ukoll fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna, u dan qabel ma jitwettaq it-trasport intra-Komunitarju. F’dan il-każ, it-trasport intra-Komunitarju ma jistax jibqa’ jiġi attribwit lil din il-kunsinna.

34      Fil-każ fejn l-akkwirent jikseb is-setgħa li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fl-Istat Membru ta’ kunsinna u jerfa’ r-responsabbiltà li jittrasportah lejn l-Istat Membru ta’ destinazzjoni, bħalma jiġri għall-kunsinni li għandhom bħala kundizzjoni l-ġbir tal-merkanzija mill-maħżen tal-fornitur, l-intenzjoni tax-xerrej fil-mument tal-akkwist għandha, sa fejn huwa possibbli, tittieħed inkunsiderazzjoni, sakemm hija hi sostnuta minn elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      F’din il-kawża, għalkemm ix-xerrejja, bħala l-ewwel akkwirenti, urew l-intenzjoni tagħhom li jittrasportaw l-oġġetti lejn Stat Membru li kien differenti mill-Istat ta’ kunsinna u ppreżentaw ruħhom b’numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT mogħti minn dan l-Istat Membru differenti, huwa legalment possibbli li ETH tqis li t-tranżazzjonijiet mwettqa minnha kienu jikkostitwixxu kunsinni intra-Komunitarji.

36      Madankollu, wara t-trasferiment lill-akkwirenti tad-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju, il-fornitur li jwettaq l-ewwel kunsinna jista’ jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fir-rigward ta’ din it-tranżazzjoni jekk dan l-akkwirent kien infurmah bil-fatt li l-oġġett kien ser jiġi mibjugħ mill-ġdid lil persuna taxxabbli oħra qabel ma jkun telaq mill-Istat Membru ta’ kunsinna u jekk, wara l-għoti ta’ din l-informazzjoni, huwa jkun naqas milli jibgħat fattura rettifikata li tinkludi l-VAT.

37      It-tieni nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar il-prova, inkwantu tikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mfakkra fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li, minkejja li, bħala regola, huwa l-fornitur li għandu jistabbilixxi li l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat lejn Stat Membru ieħor, fiċ-ċirkustanzi fejn id-dritt ta’ persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-propretarja jiġi ttrasferit lill-akkwirent fit-territorju tal-Istat Membru ta’ kunsinna u fejn hija r-responsabbiltà ta’ dan l-akkwirent li jibgħat jew jittrasporta l-oġġett lil hinn mill-Istat Membru ta’ kunsinna, il-prova li l-fornitur għandu jibgħat lill-awtoritajiet fiskali tiddependi essenzjalment fuq l-elementi li huwa jkun irċieva f’dan ir-rigward mingħand l-akkwirent.

38      Ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li huwa leġittimu, f’każ bħal dan, li l-fornitur jintalab jaġixxi bi bona fide u li l-miżuri kollha li jieħu skont is-setgħa tiegħu jiżguraw li t-tranżazzjoni li huwa jagħmel ma twasslux sabiex jipparteċipa fi frodi fiskali. Madankollu, ladarba l-fornitur ikun issodisfa l-obbligi tiegħu marbuta mal-prova ta’ kunsinna intra-Komunitarja, filwaqt li l-obbligu kuntrattwali li l-oġġett jintbagħat jew jiġi ttrasportata lil hinn mill-Istat Membru tal-kunsinna ma jkunx ġie sodisfatt mill-akkwirent, huwa dan tal-aħħar li għandu jitqies bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT f’dan l-Istat Membru (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Teleos et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 66 u 67).

39      Mill-proċess jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, ETH, billi kkwalifikat il-kunsinna tagħha bħala intra-Komunitarja u billi eżentatha mill-VAT, ibbażat ruħha fuq in-numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT Belġjan tax-xerrejja, fejn hija talbet informazzjoni dwaru lill-awtoritajiet fiskali Olandiżi, u fuq id-dikjarazzjoni tax-xerrejja, ipprovduta meta l-merkanzija nġabret mill-maħżen tagħha, li indikat li l-imsemmija merkanzija kienet ser tiġi ttrasportata lejn il-Belġju. Il-kwistjoni dwar jekk ETH, billi aġixxiet b’dan il-mod, issodisfatx l-obbligi tagħha marbuta mal-prova u d-diliġenza tiddependi fuq il-kunsiderazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju li għandhom jiġu bbażati fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mid-dritt nazzjonali.

40      Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-ispedizzjoni jew it-trasport tal-oġġett lil hinn mill-Istat Membru ta’ kunsinna, hemm lok li jiġi ppreċiżat li, għalkemm, kif jirriżulta mill-punt 45 tas-sentenza EMAG Handel Eder, iċċitata iktar ’il fuq, il-kwistjoni dwar minn għandu s-setgħa li jiddisponi mill-oġġetti matul it-trasport intra-Komunitarju ma hijiex rilevanti, il-fatt li dan it-trasport twettaq minn jew f’isem il-propretarju tal-oġġett jista’, mandankollu, ikollu rwol fid-deċiżjoni dwar l-attribuzzjoni tal-imsemmi trasport lill-ewwel jew lit-tieni kunsinna. Madankollu, dan il-fatt ma huwiex determinanti fil-każ fejn it-trasport twettaq minn jew f’isem il-persuna li tipparteċipa fiż-żewġ tranżazzjonijiet, bħal fil-kawża prinċipali.

41      Għalhekk, il-fatt li, fil-kawża prinċipali, it-tieni akkwirent kien involut fit-trasport ma huwiex element li jippermetti li jiġi konkluż li dan it-trasport għandu jiġi attribwit lit-tieni kunsinna.

42      Bl-istess mod, il-fatt li l-oġġetti ma ġewx ittrasportati fl-indirizz tal-ewwel akkwirenti ma jippermettix li jiġi eskluż li t-trasport twettaq fil-kuntest tal-ewwel kunsinna, sa fejn l-applikazzjoni tal-eżenzjoni ta’ kunsinna intra-Komunitarja hija suġġetta għall-kundizzjoni li tipprovdi li t-trasport għandu jintemm fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat Membru ta’ kunsinna, u peress li l-indirizz ta’ tmiem it-trasport ma huwiex, f’dan ir-rigward, rilevanti.

43      Din l-interpretazzjoni ma tikkontradixxix kliem l-Artikolu 28ċ(A) tas-Sitt Direttiva, li jipprovdi li l-post ta’ akkwist intra-Komunitarju ta’ oġġetti għandu jitqies li jinsab fil-post fejn l-oġġetti jinsabu fil-mument li tasal il-kunsinna jew it-trasport għand l-akkwirent. Kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan imfittex minn din is-sistema tranżitorja ta’ taxxa tal-iskambji bejn l-Istati Membri, li fiha taqa’ l-imsemmija dispożizzjoni, huwa li jiġi ttrasferit id-dħul fiskali fl-Istat Membru fejn seħħ il-konsum finali tal-oġġetti kkunsinnati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, X u fiscale eenheid Facet-Facet Trading, C-536/08 u C-539/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra punti 30 u 31), u mhux li tiġi ddeterminata l-persuna li wettqet l-akkwist intra-Komunitarju.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li, meta l-oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni - din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva -, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

45      Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tal-VAT mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Meta l-oġġett ikun is-suġġett ta’ żewġ kunsinni suċċessivi bejn persuni taxxabbli differenti li jaġixxu bħala tali, iżda suġġett ta’ trasport intra-Komunitarju wieħed, l-iffissar tat-tranżazzjoni li għandha tiġi attribwita b’dan it-trasport, jiġifieri l-ewwel jew it-tieni tranżazzjoni - din it-tranżazzjoni taqa’, minħabba dan il-fatt, taħt il-kunċett ta’ kunsinna intra-Komunitarja fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28ċ(A)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 96/95/KE, tal-20 ta’ Diċembru 1996, moqri flimkien mal-Artikolu 8(1)(a) u (b) u mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 28a(1)(a) u mal-Artikolu 28b(A)(1) tal-istess direttiva -, għandu jsir skont evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sabiex jiġi stabbilit liema minn dawn iż-żewġ kunsinni tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha marbuta ma’ kunsinna intra-Komunitarja.

Fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn l-ewwel akkwirent li kiseb id-dritt li jiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarju fit-territorju tal-Istat Membru tal-ewwel kunsinna juri l-intenzjoni tiegħu li jrid jittrasporta dan l-oġġett lejn Stat Membru ieħor u jippreżenta ruħu b’numru ta’ reġistrazzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti minn dan l-aħħar Stat, it-trasport intra-Komunitarju għandu jiġi attribwit lill-ewwel kunsinna, bil-kundizzjoni li d-dritt tal-persuna li tiddisponi mill-oġġett bħala l-proprjetarja jkun ġie ttrasferit lit-tieni akkwirent fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni tat-trasport intra-Komunitarju. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk din il-kundizzjoni hijiex sodisfatta fil-kawża mressqa quddiemha.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.