Kawża C-450/09
Ulrich Schröder
vs
Finanzamt Hameln
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht)
“Moviment liberu tal-kapital — Tassazzjoni diretta — Taxxa fuq id-dħul mill-kiri ta’ beni immobbli — Possibbiltà ta’ tnaqqis tar-renta mħallsa lil qarib fil-kuntest ta’ wirt antiċipat — Kundizzjoni li wieħed ikun kompletament taxxabbli fl-Istat Membru inkwistjoni”
Sommarju tas-sentenza
1. Domandi preliminari — Ammissibbiltà — Neċessità li tingħata informazzjoni suffiċjenti lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv — Portata u limiti
(Artikolu 267 KE; Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 23)
2. Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq id-dħul — Dħul mill-kiri
(Artikolu 63 TFUE)
1. Fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqhom hija bbażata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċedura quddiem din tal-aħħar.
(ara l-punt 19)
2. L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.
Fil-fatt, sa fejn l-impenn ta’ persuna taxxabbli mhux residenti li tħallas ir-renta lil wieħed mill-ġenituri tagħha jirriżulta mit-trasferiment li sar favuriha ta’ beni immobbli li jinsabu fl-Istat Membru kkonċernat, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-renta tikkostitwixxi spiża direttament relatata mal-operat ta’ dawn il-beni, b’tali mod li l-imsemmija persuna taxxabbli ssib ruħha, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli residenti.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam tat-taxxa fuq id-dħul, tirrifjuta lill-persuni li ma humiex residenti d-dritt li jnaqqsu tali spiża, iżda tagħti dan id-dritt lill-persuni residenti, tikser, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 63 TFUE.
(ara l-punti 46, 47, 49 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
31 ta’ Marzu 2011 (*)
“Moviment liberu tal-kapital – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul mill-kiri ta’ beni immobbli – Possibbiltà ta’ tnaqqis tar-renta mħallsa lil xi qarib fil-kuntest ta’ wirt antiċipat – Kundizzjoni li wieħed ikun kompletament taxxabbli fl-Istat Membru inkwistjoni”
Fil-Kawża C-450/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Niedersächsisches Finanzgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Ottubru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Novembru 2009, fil-proċedura
Ulrich Schröder
vs
Finanzamt Hameln,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: Y. Bot,
Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal U. Schröder, minn R. Geck, avukat,
– għall-Finanzamt Hameln, minn P. Klose, bħala aġent,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke, bħala aġent,
– għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u J.-S. Pilczer, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u W. Mölls, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 u 63 TFUE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn U. Schröder u l-Finanzamt Hameln dwar ir-rifjut, min-naħa ta’ dan tal-aħħar, li jawtorizzaw tnaqqis tar-renta li U. Schröder ħallas lill-ommu minn dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ beni immobbli li qegħdin il-Ġermanja li akkwista, prinċipalment, fil-kuntest ta’ wirt antiċipat.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar permezz tat-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU L 178, p. 5) jiddisponi:
“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fl-Istati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”
4 Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 hemm, fit-Titolu XI ta’ dan l-anness, il-moviment ta’ kapital personali li jinkludi, b’mod partikolari, id-donazzjonijiet u l-wirt.
Id-dritt nazzjonali
5 L-Artikolu 1 tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergestz), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data meta seħħew il-fatti fil-kawża prinċipali (BGBl. 2002 I, p. 4210, iktar ’il quddiem l-“EStG”), jipprovdi li l-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma kompletament suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, filwaqt li dawk li la d-domiċilju tagħhom u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom ma hija fil-Ġermanja huma parzjalment suġġetti għal din it-taxxa meta huma jirċievu dħul nazzjonali skont l-Artikolu 49 tal-EStG. Fost id-dħul imsemmi fl-Artikolu 49 hemm dak mill-kiri ta’ proprjetà immobbli li tinsab fit-territorju Ġermaniż.
6 L-Artikolu 10 tal-EStG huwa intitolat “Spejjeż straordinarji”. L-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu jipprovdi kif ġej:
“Jikkostitwixxu spejjeż straordinarji l-ħlasijiet segwenti, kemm-il darba dawn la jkunu spejjeż tal-operat u lanqas spejjeż professjonali:
[…]
1a. ir-renti li jirriżultaw minn obbligi partikolari u l-ħlasijiet perjodiċi, li ma għandhomx rabta ekonomika ma’ dħul li jitħalla barra mill-bażi tal-istima fiskali; [...]”
7 L-Artikolu 50 tal-EStG fih dispożizzjonijiet speċjali għall-persuni taxxabbli li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa. Skont il-paragrafu 1 tiegħu:
“Il-persuni taxxabbli li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa jistgħu jnaqqsu l ispejjeż tal-operat (l-Artikolu 4(4) sa (8)) jew l-ispejjeż professjonali (l-Artikolu 9) biss jekk dawn l-ispejjeż ikollhom rabta ekonomika mad-dħul Ġermaniż. […] [I]d-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Artikolu […] 10 […] ma humiex applikabbli. […]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 U. Schröder huwa ċittadin Ġermaniż residenti fil-Belġju, fejn huwa impjegat.
9 Permezz ta’ att notarili tas-27 ta’ April 1992, huwa akkwista mingħand il-ġenituri tiegħu proprjetà immobbli li tinsab fil-Ġermanja, li kienet suġġetta għal riżerva ta’ użufrutt favur tagħhom. Permezz tal-att notarili tat-2 ta’ Diċembru 2002, ġew ittrasferiti, mingħand l-omm, beni immobbli oħra li jinsabu fil-Ġermanja lil U. Schröder u lil ħuh b’titolu ta’ wirt antiċipat. Id-drittijiet użufruttwarji li ommhom kellha sa dak iż-żmien fuq diversi beni immobbli ġew ikkonvertiti f’renta, skont liema kemm U. Schröder kif ukoll ħuh kellhom iħallsu EUR 1 000 fix-xahar mill-1 ta’ Diċembru 2002.
10 Fl-2002, U. Schröder irċieva, fil-Ġermanja, dħul ta’ EUR 2 785 mill-kiri tal-proprjetà akkwistata fl-1992 u ta’ EUR 749.50 minn proprjetà miżmuma f’komunjoni ma’ ħuh.
11 Il-Finanzamt Hameln ibbaża l-avviż tat-taxxa ta’ U. Schröder għas-sena 2002 fuq is-somma riżultanti mill-għadd ta’ dawn iż-żewġ ammonti u rrifjuta li jikkunsidra r-renta ta’ EUR 1 000 imħallsa minnu f’Diċembru 2002.
12 U. Schröder appella minn dan ir-rifjut quddiem in-Niedersächsisches Finanzgericht. Din tikkonstata li l-possibbiltà li għandha persuna, bħal ħu U. Schröder, li tgħix fil-Ġermanja u li għalhekk hija kompletament taxxabbli fuq id-dħul f’dak il-pajjiż, sabiex tnaqqas tali renta mid-dħul taxxabbli bħala kategorija ta’ spejjeż straordinarji taħt l-Artikolu 10(1)(1a) tal-EStG kif stabbilit fil-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof. Fil-fatt, din tal-aħħar tikkunsidra li, fir-rigward ta’ beni immobbli ttrasferiti b’titolu ta’ wirt antiċipat, il-korrispettivi miftiehma, bħalma huma r-renti, ma jikkostitwixxux operazzjonijiet bi ħlas jew ħlas parzjali u jeskludu kompletament lil dawn il-korrispettivi mill-kalkolu tad-dħul.
13 Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, persuna bħal U. Schröder, li bħala persuna mhux residenti hija biss parzjalment suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja ma tkunx intitolata li tnaqqas din ir-renta mid-dħul taxxabbli tagħha peress li l-Artikolu 50(1) tal-EStG jeskludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-EStG fil-konfront tiegħu.
14 Il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-konformità ta’ dan it-trattament fiskali differenti bejn persuni taxxabbli residenti u persuni taxxabbli mhux residenti mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-Artikolu 63 TFUE.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Niedersächsisches Finanzgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Huwa kuntrarju għall-Artikoli [63TFUE] u [18 TFUE] li qarib parzjalment suġġett għat-taxxa fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma jistax inaqqas mid-dħul tiegħu l-kirjiet imħallsa fuq proprjetà immobbli [ma jistax inaqqas ir-renti mħallsa mid-dħul tiegħu mill-beni immobbli], bħala spejjeż straordinarji, filwaqt li persuna suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul kollu tagħha tista’?”
Fuq id-domanda preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
16 Il-Gvern Ġermaniż isostni li din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibili, peress li l-qorti tar-rinviju ma ddefinixxitx, b’mod suffiċjenti, il-kuntest fattwali u l-kuntest ġuridiku, b’mod partikolari sabiex l-Istati Membri jieħdu deċiżjoni informata dwar din il-proċedura. Fil-fatt, minn naħa, hija ma pprovdietx id-dettalji kollha dwar il-modalitajiet ta’ kif saru ċ-ċessjonijiet tal-beni immobbli favur U. Schröder, l-estinzjoni tad-drittijiet tal-użufrutt eżistenti u l-ħlas tar-renta ta’ kull xahar. Min-naħa l-oħra, ma pprovdietx indikazzjonijiet suffiċjenti dwar il-kontenut u l-interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar l-ispejjeż straordinarji skont l-Artikolu 10 tal-EStG u dwar dak li jiddistingwi dawn l-ispejjeż mill-ispejjeż tal-operat u l-ispejjeż professjonali. Mingħajr kjarifika bħal din, ir-rabta bejn ċerti spejjeż ta’ persuna taxxabbli mhux residenti u d-dħul taxxabbli ta’ dan tal-aħħar ma tistax tiġi evalwata għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza jew le ta’ diskriminazzjoni illeċita kontra din il-persuna taxxabbli.
17 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew, inkella, meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha punti ta’ fatt u ta’ dritt neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra. p. I-4921, punt 61, kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C-97/09, Ġabra p. I-0000, punt 29).
18 Għal dak li jirrigwarda, b’mod iktar partikolari, l-informazzjoni li għandha tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, jeħtieġ li jiġi mfakkar li din l-informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għal dawn il-finijiet, huwa neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich, C-345/06, Ġabra p. I-1659, punti 30 u 31, kif ukoll tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin Internazzjonali, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 40).
19 Madanakollu, fid-dawl tas-separazzjoni tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, li fuqhom hija bbażata l-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, ma jistax jintalab li, qabel ma tagħmel ir-rinviju lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju tagħmel il-konstatazzjonijiet fattwali kollha u l-evalwazzjonijiet ta’ dritt kollha li hija mistennija tagħmel bħala parti mill-funzjoni ġudizzjarja tagħha. Fil-fatt, huwa biżżejjed li s-suġġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-konsegwenzi prinċipali għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni jirriżultaw mit-talba għal deċiżjoni preliminari sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u jkunu jistgħu jipparteċipaw b’mod effettiv fil-proċeduri quddiem din tal-aħħar (ara s-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, iċċitati iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2010, VEBIC, C-439/08, Ġabra p. I-0000, punt 47).
20 F’dan il-każ, kif intqal fil-punti 8 sa 13 ta’ din is-sentenza, id-deċiżjoni tar-rinviju indikat b’mod ċar, min-naħa l-waħda, il-provenjenza tal-beni immobbli li għandu U. Schröder fil-Ġermanja kif ukoll l-oriġini tar-renta li għandu jħallas lil ommu u, min-naħa l-oħra, l-effett tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni dwar in-nuqqas ta’ possibilità ta’ tnaqqis ta’ din ir-renta mid-dħul taxxabbli tiegħu. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-eżitu tal-kawża li għandha quddiemha jiddependi fuq jekk id-differenza fit-trattament bejn persuna taxxabbli residenti u persuna taxxabbli mhux residenti hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.
21 Dawn l-elementi huma biżżejjed sabiex jiġi spjegat is-suġġett tal-kawża prinċipali u l-kwistjonijiet prinċipali tagħha għall-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta utli lill-qorti tar-rinviju. Għandu jiġi osservat wkoll li l-Gvern Franċiż u l-Kummissjoni Ewropea kienu kapaċi jissottomettu lill-Qorti tal-Ġustizzja osservazzjonijiet dettaljati bil-miktub dwar id-domanda magħmula.
22 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-talba għal deċiżjoni preliminari għandha titqies li hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
23 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikoli 18 u 63 TFUE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti.
24 Fl-ewwel lok, għandha tiġi identifikata d-dispożizzjoni tat-Trattat FUE applikabbli għal sitwazzjoni bħal dik tal-kawża prinċipali.
25 Fir-rigward tal-Artikolu 63 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li, fin-nuqqas, fit-Trattat, ta’ definizzjoni tal-kunċett ta’ “moviment tal-kapital” fis-sens tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, in-nomenklatura li tikkostitwixxi l-Anness I tad-Direttiva 88/361 jibqa’ jkollha valur indikattiv, anki jekk din ġiet adottata abbażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew issostitwiti bl-Artikoli 73 B sa 73 G tat-Trattat KE, li huma stess saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE) peress li huwa mifhum li, skont it-tielet paragrafu tal-introduzzjoni ta’ dan l-anness, in-nomenklatura li hemm fih ma hijiex eżawrjenti fir-rigward tal-kunċett ta’ moviment tal-kapital (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq; tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 39; tal-15 ta’ Ottubru 2009, Busley u Cibrian Fernandez, C-35/08, Ġabra p. I-9807, punt 17, kif ukoll tal-10 ta’ Frar 2011, Missionswerk Werner Heukelbach, C-25/10, Ġabra p. I-0000, punt 15).
26 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-wirt, li jaqa’ taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, jikkostitwixxi moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tiegħu jkunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Persche, punt 27; Busley u Cibrian Fernandez, punt 18, kif ukoll Missionswerk Werner Heukelbach, punt 16).
27 Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkunsidrat li t-trasferiment ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, meta dawn jiġu mogħtija b’titolu ta’ donazzjoni jew ta’ wirt antiċipat, lil persuna naturali li għandha r-residenza tagħha fil-Belġju jaqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 63 TFUE.
28 Għal dak li jirrigwarda l-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, għandu jiġi mfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-11 ta’ Ottubru 2007, Hollmann, C-443/06, Ġabra p. I-8491, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq; tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, Ġabra p. I-0000, punt 31, kif ukoll Missionswerk Werner Heukelbach, ċċitata iktar ’il fuq, punt 18).
29 Billi d-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital kienu applikabbli u jipprovdu regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 18 TFUE għalhekk ma japplikax fil-kawża prinċipali (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Hollmann, punt 29, u Missionswerk Werner Heukelbach, punt 19).
30 Fit-tieni lok, għandu jiġi mfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu r-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stat Membru jew li jżommu tali investiment (ara s-sentenza tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C-377/07, Ġabra p. I-299, punti 23 u 24 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata aktar ’il fuq).
31 Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni fil-kawża prinċipali, persuna li ma għandhiex la d-domiċilju u lanqas r-residenza abitwali tagħha fil-Ġermanja hija, skont l-Artikolu 49 tal-EStG, suġġetta għat-taxxa f’dak l-Istat Membru fuq id-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ beni immobbli li jinsabu fit-territorju Ġermaniż. Kuntrarjament għall-persuna taxxabbli residenti, tali persuna taxxabbli mhux residenti ma tistax, taħt l-Artikolu 50 tal-EStG, tnaqqas minn dan id-dħul renta, bħal dik imħallsa minn U. Schröder lill-ommu b’titolu ta’ wirt antiċipat, bħala spiża straordinarja skont l-Artikolu 10(1)(1a) tal-EStG.
32 It-trattament fiskali inqas favorevoli rriżervat għall-persuni mhux residenti tista’ tiskoraġġixxi lil dawn tal-aħħar milli jakkwistaw jew iżommu beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 39). Dan it-trattament jista’ wkoll jiddisswadi lir-residenti Ġermaniżi milli jinnominaw bħala benefiċjarji ta’ wirt antiċipat xi persuni li jirrisjedu fi Stat Membru ieħor għajr il-Ġermanja (ara, b’analoġija, Missionswerk Heukelbach Werner, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
33 Leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
34 Huwa minnu li, skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 ma għandhux jippreġudika d-dritt tal-Istati Membri li jistabbilixxu, fil-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli li ma humiex fl-istess sitwazzjoni għal dak li jirrigwarda r-residenza tagħhom.
35 Madankollu, jeħtieġ li ssir distinzjoni bejn it-trattamenti mhux ugwali permessi skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet arbitrarji jew ir-restrizzjonijiet moħbija pprojbiti mill-paragrafu 3 ta’ dan l-istess artikolu. Fil-fatt, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli residenti u l-persuni taxxabbli mhux residenti, tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, sabiex tkun iġġustifikata, id-differenza fit-trattament ma għandhiex tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Persche, iċċitata aktar ’il, punt 41, u tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, Ġabra p. I-3553, punt 34).
36 Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali s-sitwazzjoni tal-persuni li ma humiex residenti hijiex paragunabbli ma’ dik tal-persuni residenti.
37 F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-qasam tat-taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti fi Stat ma jistgħux, bħala regola ġenerali, jitqabblu sa fejn id-dħul li tirċievi persuna mhux residenti fit-territorju ta’ Stat, ħafna drabi, jikkostitwixxi biss parti mid-dħul globali tagħha, iċċentralizzat fil-post tar-residenza tagħha, u li l-kapaċità personali ta’ persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħha, tista’ tiġi evalwata iktar faċilment fil-post fejn għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u finanzjarji tagħha, u dan ġeneralment jikkorrispondi għar-residenza abitwali tagħha (sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punti 31 u 32; tat-12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C-234/01, Ġabra p. I-5933, punt 43, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-562/07, Ġabra p. I-9553, punt 46).
38 Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix, lil persuna mhux residenti, ċerti vantaġġi fiskali li jagħti lil persuna residenti ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, u dan fid-dawl tad-differenzi oġġettivi bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-aspett tas-sors tad-dħul tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjari tagħhom (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacker, punt 34; Gerritse, punt 44, u Il-Kummissjoni vs Spanja, punt 47).
39 F’dan il-każ, huwa minnu li d-dħul li jirriżulta matul l-2002 mill-kiri tal-beni immobbli li għandu U. Schröder fil-Ġermanja kien biss parti żgħira mid-dħul globali li rċieva matul dik is-sena.
40 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li, għal dak li jirrigwarda t-tnaqqis tal-ispejjeż professjonali li jkunu marbuta direttament mal-attività li minnha jirriżulta dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti u dawk mhux residenti ta’ dan tal-aħħar huma f’sitwazzjoni paragunabbli, b’tali mod li l-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat li tipprojbixxi lill-persuni mhux residenti, fl-ambitu tat-tassazzjoni, it-tnaqqis ta’ spejjeż bħal dawn, li jkun konċess, madankollu, lill-persuni residenti, tista’ tkun prinċipalment għad-detriment taċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u għalhekk tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq in-nazzjonalità (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gerritse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 27 u 28; tas-6 ta’ Lulju 2006, Conijn, C-346/04, Ġabra p. I-6137, punt 20; tat-3 ta’ Ottubru 2006, FKP Scorpio Konzertproduktionen, C-290/04, Ġabra p. I-9461, punt 49; tal-15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C-345/04, Ġabra p. I-1425, punt 23; tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 50, u Arens-Sikken, C-43/07, Ġabra p. I-6887, punt 44).
41 Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala prinċipju, tmur kontra l-Artikolu 63 TFUE jekk ir-renta mħallsa minn U. Schröder lill-ommu għandha tiġi kkunsidrata bħala spiża marbuta direttament mal-attività tiegħu li tikkonsisti fil-kiri ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja li ġew ttrasferiti lilu mill-ġenituri tiegħu.
42 Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li ma hemmx rabta diretta f’dan il-każ. Huwa sostna li tali renta, ikklassifikata bħala spiża straordinarja skont l-Artikolu 10(1)(1a) tal-EStG, hija differenti minn spejjeż operattivi u spejjeż professjonali li, skont l-Artikolu 50(1) tal-EstG, jistgħu jitnaqqsu fil-konfront ta’ persuna taxxabbli li hija parzjalment suġġetta sakemm dawn jikkostitwixxu l-korrispettiv tal-kisba ta’ sors ta’ dħul. Fil-fatt, il-ħlas ta’ tali renta ma huwiex konsegwenza karatteristika jew ġuridika tar-riċezzjoni ta’ dħul mill-kiri, iżda jikkostitwixxi arranġament ta’ sostenn familjari u l-ammont tiegħu kien ġie ffissat mhux fid-dawl tal-valur tal-beni ittrasferiti, iżda skont il-ħtiġijiet ta’ manteniment tal-benefiċjarju kif ukoll il-kapaċità ekonomika ġenerali tiegħu li jħallas, liema fatti jistgħu jiġu evalwati adegwatament biss mill-Istat Membru ta’ residenza ta’ dan tal-aħħar. F’dan l-istess kuntest, il-Gvern Franċiż qal li l-ammont tar-renta ma huwiex affettwat la min-nuqqas ta’ dħul mill-kiri u lanqas, bil-maqlub, mir-riċezzjoni ta’ dħul għoli ħafna.
43 Dawn l-argumenti ma jistgħux jintlaqgħu. Jekk wieħed jassumi li l-ammont tar-renta, bħal dik imħallsa minn U. Schröder, huwa determinat abbażi tal-kapaċità tad-debitur li jħallas u tal-ħtiġijiet ta’ manteniment tal-benefiċjarju, jibqa’ l-fatt li l-eżistenza ta’ rabta diretta fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 40 ta’ din is-sentenza ma tirriżultax minn xi korrelazzjoni bejn l-ammont tal-ispiża inkwistjoni u dak tad-dħul taxxabbli, iżda mill-fatt li din l-ispiża hija inseparabbli mill-attività li tipproduċi dan tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centro Eqwestre da Lezíria Grande, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).
44 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li hemm rabta diretta tal-attività inkwistjoni mal-ispejjeż sostnuti minn din l-attività (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Gerritse, punti 9 u 27, kif ukoll Centro Eqwestre da Lezíria Grande, punt 25) u li għalhekk huma neċessarji għall-eżerċizzju tagħha. Bl-istess mod, tali rabta diretta ġiet aċċettata fir-rigward ta’ spejjeż ta’ konsultazzjoni fiskali li saret għall-finijiet biex titħejja d-dikjarazzjoni fiskali, billi l-obbligu li ssir tali dikjarazzjoni jirriżulta mir-riċezzjoni tad-dħul fl-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Conijn, iċċitata aktar ’il fuq, punt 22).
45 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-beni immobbli ttrasferiti lil U. Schröder kienu, għall-inqas parzjalment, suġġetti għad-drittijiet ta’ użufrutt li ġew ikkonvertiti għal renta ta’ kull xahar li huwa għandu jħallas lill-ommu. Jidher għalhekk li l-impenn li jħallas din ir-renta tirriżulta mit-trasferiment ta’ dawn il-beni, billi dan l-impenn kien neċessarju sabiex U. Schröder ikun jista’ jżommhom fil-pussess tiegħu u, konsegwentement, jagħmel id-dħul mill-kiri inkwistjoni fil-kawża prinċipali suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja.
46 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, sa fejn l-impenn ta’ U. Schröder li jħallas ir-renta lill-ommu jirriżulta mit-trasferiment li sar favurih ta’ beni immobbli li jinsabu fil-Ġermanja, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, din ir-renta tikkostitwixxi spiża direttament relatata mal-operat ta’ dawn il-beni, b’tali mod li U. Schröder jinsab, f’dan ir-rigward, f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna taxxabbli residenti.
47 F’dawn iċ-ċirkustanzi, leġiżlazzjoni nazzjonali li, fil-qasam ta’ taxxa fuq id-dħul, tirrifjuta lill-persuni li ma humiex residenti d-dritt li jnaqqsu tali spiża, iżda tagħti dan id-dritt lill-persuni residenti, tikser, fin-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni valida, l-Artikolu 63 TFUE.
48 Issa, ebda raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali ma ġiet invokata mill-Gvern Ġermaniż jew proposta mill-qorti tar-rinviju.
49 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.
Fuq l-ispejjeż
50 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġu interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li, filwaqt li tippermetti lill-persuna taxxabbli residenti li tnaqqas ir-renti, imħallsa lil xi qarib li jkun ittrasferixxa lil din il-persuna beni immobbli li jinsabu fit-territorju ta’ dan l-Istat, mid-dħul li jirriżulta mill-kiri ta’ dawn il-beni, ma tagħtix tali dritt għal tnaqqis lill-persuna taxxabbli mhux residenti, sakemm l-impenn li jitħallsu dawn ir-renti jirriżulta mit-trasferiment ta’ tali beni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.