Kawża C-540/09
Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp
vs
Skatteverket
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Regeringsrätten)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 13B(d)(5) — Eżenzjonijiet — Garanzija ta’ sottoskrizzjoni (underwriting guarantee) mogħtija bi ħlas ta’ kummissjoni minn stabbilimenti ta’ kreditu lill-kumpanniji li joħorġu azzjonijiet fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonjiet fis-suq tal-kapital — Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet imsemmija fl-Artikolu 13B(d)(5)
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 13(B)(d)(5))
L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud stipulata f’din id-dispożizzjoni tkopri s-servizzi li jagħti stabbiliment ta’ kreditu taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.
(ara l-punt 38 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
10 ta’ Marzu 2011 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Sitt Direttiva tal-VAT – Artikolu 13B(d)(5) – Eżenzjonijiet – Garanzija ta’ sottoskrizzjoni (underwriting guarantee) mogħtija bi ħlas ta’ kummissjoni minn stabbilimenti ta’ kreditu lill-kumpanniji li joħorġu azzjonijiet fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet fis-suq tal-kapital – Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet”
Fil-Kawża C-540/09,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Regeringsrätten (l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Diċembru 2009, fil-proċedura
Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp
vs
Skatteverket,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, C. Toader (Relatur), A. Prechal u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Novembru 2010,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp, minn J. Hefner, avukat,
– għal Skatteverket, minn M. Loeb, bħala aġent,
– għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, bħala aġent,
– għall-Irlanda, minn D. O’Hagan, bħala aġent, assistit minn A. Aston, SC,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u J. Enegren, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Diċembru 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(a) u (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23) iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Skandinaviska Enskilda Banken AB Momsgrupp (iktar ’il quddiem “SEB”) u Skatteverket (amministrazzjoni fiskali Svediża) dwar il-klassifikazzjoni, għall-finijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), ta’ servizzi ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni (“underwriting guarantee”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali;
[…]”
4 Skont l-Artikolu 13B tas-Sitt Direttiva:
“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw lil [dawn] li ġejjin taħt kondizzjonijiet li huma għandhom jistabbilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijiet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar, jew abbuż possibbli:
a) assigurazzjoni u transazzjonijet ta’ ri-assigurazzjoni mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni;
[…]
it-transazzjonijet li ġejjin:
1. l-għoti jew in-negozjar ta’ kreditu u l-immaniġġjar tal-kreditu mill-persuna li tagħtih;
2. in-negozju ta’ kwalunkwe negozjar f’garanzija ta’ kreditu jew ta’ kwalunkwe garanzija għall-flus u l-immaniġġjar tal-garanziji tal-kreditu mill-persuna li qed tagħti dan il-kreditu;
[…]
5. transazzjonijiet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijiet, debentures u sigurtajiet oħrajn, esklużi:
– dokumenti li jistabbilixxu titolu għall-oġġetti,
– id-drittijiet jew sigurtajiet msemmija fl-Artikolu 5(3);
[…]”.
Id-dritt nazzjonali
5 L-Artikolu 1 tal-Kapitolu 1 tal-Liġi (1994:200), dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud [mervärdesskattelagen (1994:200)], tat-30 ta’ Marzu 1994 (SFS 1994, Nru 200, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”, jipprovdi:
“Hija dovuta VAT lill-Istat skont din il-liġi
1. fuq il-provvista ta’ prodotti jew ta’ servizzi fil-pajjiż li huma suġġetti għat-taxxa u li jingħataw bħala parti minn attività professjonali;
[…]”
6 L-Artikolu 9 tal-Kapitolu 3 tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi:
“Il-provvista ta’ servizzi bankarji u finanzjarji u t-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet jew attivitajiet simili huma eżentati.
Is-servizzi bankarji u finanzjarji ma jkoprux l-attività nutarili, is-servizzi ta’ ħlas ta’ rċevuti u s-servizzi amministrattivi li jinvolvu l-fatturazzjoni jew il-post fejn jinżammu.
‘Tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet’ ifissru:
1. in-negozju u s-senserija ta’ azzjonjiet, ta’ kapital azzjonarju u ta’ krediti oħra, irrispettivament minn jekk ikunux irrappreżentati permezz ta’ sigurtajiet jew le, u
2. il-ġestjoni ta’ fondi ta’ investiment skont il-liġi (2004:46) dwar il-fondi ta’ investiment.”
7 L-Artikolu 10 tal-istess Kapitolu 3 tal-liġi dwar il-VAT huwa fformulat kif ġej:
“Is-servizzi ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni, inklużi s-servizzi pprovduti minn sensara ta’ assigurazzjoni jew minn intermedjarji oħra ta’ assigurazzjoni u li jinvolvu l-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni huma eżentati”.
Il-fatti prinċipali u d-domanda preliminari
8 SEB huwa stabbiliment ta’ kreditu Svediż li huwa l-kap ta’ “grupp tal-VAT” (“mervärdesskattegrupp”). Dan l-istabbiliment ta’ kreditu jagħti wkoll servizzi ta’ finanzjament ta’ impriżi flimkien mal-ħruġ ta’ strumenti finanzjarji.
9 Matul is-sena 2002, flimkien ma’ kumpannija oħra membru tal-istess grupp tal-VAT, SEB ta lil kumpannija terza garanziji ta’ sottoskrizzjoni, li permezz tagħhom il-membri ta’ dan il-grupp impenjaw ruħhom illi jakkwistaw l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni (iktar ’il quddiem il-“garanzija ta’ sottoskrizzjoni”). Għall-għoti ta’ din il-garanzija, il-membri tal-grupp tħallsu kummissjoni.
10 Peress li qies illi l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni kien jibbenefika mill-eżenzjoni tal-VAT, l-imsemmi grupp la talab u lanqas ikkalkola l-VAT fir-rigward tal-ħlas ta’ din il-kummissjoni.
11 Wara verifika fiskali li saret matul is-sena 2005, l-iSkatteverket ikkunsidrat li l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni ma kienx tranżazzjoni eżenti mill-VAT u, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2005, hija imponiet il-ħlas tal-VAT għall-perijodu fiskali relatat max-xahar ta’ Ottubru tas-sena 2002.
12 Din id-deċiżjoni kienet is-suġġett ta’ azzjoni ppreżentata minn SEB quddiem il-länsrätten i Stockholms län (Qorti Amministrattiva tal-kontea ta’ Stokkolma), li ċaħdet din l-azzjoni.
13 Il-grupp appella minn din is-sentenza ta’ rifjut quddiem il-Kammarrätten i Stockholm (Qorti tal-Appell Amministrattiva ta’ Stokkolma). Peress li din tal-aħħar ċaħdet dan l-appell, SEB ippreżenta appell quddiem ir-Regeringsrätten (Qorti Amministrattiva Suprema), filwaqt li sostna li l-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni tista’ titqabbel ma’ servizzi oħra li huma pprovduti fis-settur finanzjarju li ma jagħtux lok għall-ġbir tal-VAT, bħat-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet, l-assigurazzjonijiet, l-għoti ta’ kreditu, il-garanziji, u anki għażliet ta’ bejgħ.
14 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispeċifika l-ewwel nett, illi skont il-ġurisprudenza tal-qrati Svediżi, l-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni ma jikkostitwixxix tranżazzjoni eżentata skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva (tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet).
15 Madankollu r-Regeringsrätten tikkonstata l-eżistenza ta’ diverġenzi fil-liġijiet nazzjonali ta’ diversi Stati Membri f’dak li jirrigwarda l-applikazzjoni għas-servizzi ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni tal-eżenzjoni stipulata mill-imsemmija dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva. B’hekk, fl-Irlanda u fir-Renju Unit, eżenzjonijiet espressi mill-VAT ġew b’mod partikolari introdotti għal tali servizzi.
16 Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju ssostni illi, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikolu 13B(a) jew (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tat l-ebda risposta ċara dwar il-kwistjoni jekk xi waħda minn dawn l-eżenzjonijiet hijiex applikabbli għas-servizzi li jikkonsistu fl-għoti ta’ garanziji ta’ sottoskrizzjoni.
17 Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Regeringsrätten iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Il-Parti B tal-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva tal-VAT għandha tiġi interpretata fis-sens li l-eżenzjonijiet previsti minn dan l-istess artikolu huma applikabbli wkoll għas-servizzi (underwriting) li permezz tagħhom kumpannija ta’ intermedjazzjoni mobiljari tagħti, bi ħlas, garanzija lil kumpannija li tkun trid teffettwa ħruġ ta’ azzjonijiet, meta l-garanzija timplika li l-kumpannija ta’ intermedjazzjoni mobiljari tintrabat li tissottoskrivi l-azzjonijiet li eventwalment ma jiġux sottoskritti fil-perijodu ta’ sottoskrizzjoni?”
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
18 Qabel ma tiġi analizzata l-bażi ġuridika ta’ eżenzjoni ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni eventwali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat illi din taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva peress illi tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas skont l-Artikolu 2(1) ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-fatt illi hemm relazzjoni ġuridika bejn min joħroġ l-azzjonijiet u l-garanti u li l-kommissjoni li dan tal-aħħar jirċievi minn min joħroġ l-azzjonijiet tirrappreżenta l-korrispettiv effettiv tal-garanzija mogħtija lilu mill-garanti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 14; tal-14 ta’ Lulju 1998, First National Bank of Chicago, C-172/96, Ġabra p. I-4387, punt 26, u tas-16 ta’ Diċembru 2010, MacDonald Resorts, C-270/09, Ġabra p. I-0000, punt 16).
19 Għandu jitfakkar illi, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13 tas-Sitt Direttiva jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li għandhom bħala għan li jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT minn Stat Membru għal ieħor (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 15, u tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, C-473/08, Ġabra p. I-0907, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).
20 F’dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk tali garanzija ta’ sottoskrizzjoni tistax tibbenefika minn eżenzjoni tal-VAT skont l-Artikolu 13B (a) jew (d)(1), (2) u (5), tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar illi l-kliem użat fl-eżenzjonijiet imsemmmija fl-Artikolu 13 għandhom jingħataw interpretazzjoni stretta, peress illi dawn l-eżenzjonijiet huma derogi mill-prinċipju ġenerali li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mogħtija bi ħlas minn persuna taxxabbli. Madankollu, l-interpretazzjoni ta’ dan il-kliem għandha b’mod partikolari tkun konformi mal-għanijiet imħaddna mill-imsemmija eżenzjonijiet u għandha tosserva r-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT. Għaldaqstant, din ir-regola ta’ interpretazzjoni stretta ma tfissirx li t-termini użati sabiex jiġu ddefiniti l-eżenzjonijiet stipulati fl-imsemmi Artikolu 13 għandhom jiġu interpretati b’mod li jċaħħadhom mill-effetti tagħhom (ara s-sentenza tat-28 ta’ Jannar 2010, Eulitz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
21 Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda r-raġunijiet li abbażi tagħhom ġew adottati l-eżenzjonijiet tal-VAT għat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 13B, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta illi l-għan ta’ dawn l-eżenzjonijiet huwa li jikkumpensaw għad-diffikultajiet marbuta mad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa kif ukoll tal-ammont ta’ VAT li għandu jitnaqqas, u li jevitaw żieda fl-ispiża tal-kreditu lill-konsumatur (sentenza tad-19 ta’ April 2007, Velvet & Steel Immobilien, C-455/05, Ġabra p. I-3225, punt 24).
22 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula.
Fuq l-eżenzjoni skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva
23 Jekk ma huwiex eskluż illi l-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ taqa’ f’diversi kategoriji ta’ tranżazzjonijiet eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 13B (a) jew (d)(1), (2) u (5) tas-Sitt Direttiva, fid-dawl tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura quddiemha, għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, id-domanda magħmula fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 13B(d)(5) ta’ din id-direttiva dwar it-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet.
Osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
24 SEB isostni illi s-servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandu natura awtonoma fl-Isvezja u jibqa’ distint mis-servizz globali ta’ sottoskrizzjoni ta’ sigurtajiet. Barra minn hekk, huwa jispjega illi, f’dan il-każ, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni ngħatat minn entitajiet differenti minn dawk li ħarġu l-azzjonijiet.
25 Filwaqt li jaċċetta li dan is-servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni ma jikkostitwixxix parti minn pakkett ta’ servizzi finanzjarji u li għandu jiġi evalwat b’mod separat fir-rigward tal-VAT, il-Gvern Svediż jikkunsidra li dan is-servizz ma huwiex eżentat mill-VAT skont l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva.
26 Fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dan is-servizz, SEB, li huwa appoġġjat mill-Kummissjoni Ewropea fl-argument tiegħu, isostni illi l-imsemmi servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni jirrappreżenta tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet kif iddefinita mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għax jista’ joħloq, jibdel jew itemm id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ sigurtajiet u jimmodifika l-kundizzjonijiet legali u finanzjarji bejn il-partijiet fis-sens tas-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 1997, SDC (C-2/95, Ġabra p. I-3017, punti 72 u 73), u tat-13 ta’ Diċembru 2001, CSC Financial Services (C-235/00, Ġabra p. I-10237, punt 33).
27 L-Irlanda ssostni illi, f’dan l-Istat Membru, garanzija ta’ sottoskrizzjoni tirrappreżenta biss element wieħed ta’ servizz globali u indiviżibbli marbut mal-ħruġ ta’ sigurtajiet li jinkludi, b’mod partikolari, servizzi ta’ pariri u ta’ kummerċjalizzazzjoni. Dan is-servizz globali huwa eżentat mill-VAT fl-Irlanda peress li jikkostitwixxi tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet koperta bl-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva.
28 L-iSkatteverket tikkunsidra illi l-għoti ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni ma għandux jiġi analizzat bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet peress illi, fiha nnifisha, il-garanzija tas-sottoskrizzjoni ma toħloqx, tibdel jew ittemm id-drittijiet u l-obbligi fuq il-proprjetà tal-azzjonijiet. Dawn l-effetti ġuridiċi, bejn il-garanti u l-persuna li toħroġ l-azzjonijiet, jinħolqu biss jekk is-sottoskrizzjoni ma tkunx ġiet kompletament koperta minn investituri oħra u jekk il-garanti jkollu jissottoskrivi l-bqija tas-sottoskrizzjoni. Għalhekk f’dan il-każ tkun possibbli eżenzjoni mill-VAT. Min-naħa l-oħra, jekk is-sottoskrizzjoni kienet kompletament koperta mill-investituri fis-suq, ma kien hemm l-ebda bidla fid-drittijiet u l-obbligi relatati mal-proprjetà tal-azzjonijiet u, għalhekk, l-ebda eżenzjoni ma tkun possibbli.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
29 L-ewwel nett għandu jitfakkar illi, fid-dawl tal-osservazzjonijiet sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja minn SEB u mill-Gvern Svediż, li jaqblu fuq dan is-suġġett, għandu jiġi kkonstatat illi, fl-Isvezja, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni tista’ tiġi kkunsidrata bħala servizz fih innifsu, li jista’ jingħata b’mod awtonomu u mhux bħala servizz relatat ma’ servizzi oħra mogħtija matul tranżazzjoni ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet.
30 Sabiex tingħata risposta għad-domanda magħmula, għandu jitfakkar illi, fir-rigward tal-portata tal-eżenzjoni bbażata fuq l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat illi t-tranżazzjonijiet li jinvolvu azzjonijiet u sigurtajiet huma tranżazzjonijiet fis-swieq tas-sigurtajiet negozjabbli u li n-negozjar tas-sigurtajiet jinvolvi atti li jimmodifikaw is-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet (sentenza SDC, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 73).
31 Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll illi t-tranżazzjonijiet li jinvolvu sigurtajiet, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13B(d)(5) jirrigwardaw tranżazzjonijiet li jistgħu joħolqu, jibdlu jew itemmu d-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet fir-rigward ta’ sigurtajiet (sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
32 Fid-dawl tal-kriterju użat b’dan il-mod mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza CSC Financial Services, iċċitata iktar ’il fuq, jiġifieri, il-modifika, anki jekk potenzjali, tas-sitwazzjoni legali u finanzjarja bejn il-partijiet ikkonċernati, għandu jiġi kkonstatat illi, f’din il-kawża, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 53 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-garanzija ta’ sottoskrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienet tissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza.
33 Fil-fatt, anki jekk il-ħruġ ta’ azzjonijiet kellu sussegwentement ikun kompletament kopert mill-investituri fis-suq, b’tali mod illi ma jkunx għadu meħtieġ ix-xiri tal-kumplament tal-azzjonijiet mill-garanti, il-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ fih innifsu joħloq, ibiddel jew itemm id-drittijiet fuq il-proprjetà tal-azzjonijiet, peress li tali possibbiltà fiha nnifisha hija biżżejjed sabiex tikkwalifika tali garanzija ta’ sottoskrizzjoni bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet fis-sens tal-imsemmija ġurisprudenza.
34 Barra minn hekk, skont l-argument tal-iSkatteverket, stabbiliment ta’ kreditu li jagħti garanzija fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet li wassal għal sottoskrizzjoni totali tal-azzjonijiet maħruġa mill-investituri fis-suq ma jibbenefikax, bis-saħħa ta’ tali tranżazzjoni, għal eżenzjoni mill-VAT peress illi ma jkun hemm l-ebda trasferiment ta’ azzjonijiet bejn il-partijiet u, għalhekk, l-ebda modifika effettiva tad-drittijiet u tal-obbligi ta’ dawn tal-aħħar fir-rigward tal-proprjetà tal-azzjonijiet.
35 Min-naħa l-oħra, jekk stabbiliment ta’ kreditu ieħor ta l-istess tip ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni fil-kuntest ta’ ħruġ ta’ azzjonijiet li ma wassalx għal sottoskrizzjoni totali tagħhom u li għalhekk sab ruħu obbligat li jixtri l-azzjonijiet mhux sottoskritti, tali tranżazzjoni, li kuntrarjament għal dak illi jsostni l-iSkatteverket, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tas-Sitt Direttiva, u li hija awtonoma mill-ħruġ tal-azzjonijiet, hija eżentata mill-VAT peress illi, f’din l-ipoteżi, ikun hemm bidla effettiva fid-drittijiet u fl-obbligi tal-partijiet fir-rigward tal-proprjetà tal-azzjonijiet.
36 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat illi interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva jekk servizz ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni jkunx eżentat jew le mill-VAT skont is-sottoskrizzjoni parzjali jew totali tal-azzjonijiet maħruġa tkun kuntrarja għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali li abbażi tiegħu, b’mod partikolari, tistrieħ is-sistema komuni tal-VAT stabbilita minn din id-direttiva u li tipprekludi illi operaturi ekonomiċi illi jagħmlu l-istess tranżazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fir-rigward tal-ġbir ta’ din it-taxxa (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).
37 Peress illi garanzija ta’ sottoskrizzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija eżentata mill-VAT bħala tranżazzjoni li tinvolvi sigurtajiet fis-sens tal-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva, ma huwiex meħtieġ iktar, għall-finijiet tad-deċiżjoni tal-kawża prinċipali u, għalhekk, għar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju, li tiġi eżaminata, barra minn hekk, tali garanzija fir-rigward tal-Artikolu 13B (a) jew (d)(1) u (2) tas-Sitt Direttiva.
38 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun illi l-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni tal-VAT stipulata minn din id-direttiva tkopri s-servizzi illi stabbiliment ta’ kreditu jagħti taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 13B(d)(5) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens illi l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud stipulata f’din id-dispożizzjoni tkopri s-servizzi li stabbiliment ta’ kreditu jagħti taħt il-forma ta’ garanzija ta’ sottoskrizzjoni u bi ħlas lil kumpannija li tixtieq toħroġ azzjonijiet, fejn permezz ta’ din il-garanzija dan l-istabbiliment jimpenja ruħu li jakkwista l-azzjonijiet li ma jkunux ġew sottoskritti meta jiskadi l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.