Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

13.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 63/38


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Awstrija

(Kawża C-10/10)

2010/C 63/60

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u W. Mölls, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Awstrija

Talbiet tal-parti rikorrenti

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja:

tikkonstata li, billi awtorizzat tnaqqis tat-taxxa għad-donazzjonijiet lill-istabbilimenti b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni biss fil-każ ta’ stabbilimenti li jinsabu fl-Awstrija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tat-Trattat ŻEE;

tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont il-Kummissjoni, donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni mingħajr skop ta’ lukru, jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE. Il-Gvern Awstrijak jawtorizza tnaqqis tat-taxxa biss fil-każ ta’ donazzjonijiet li jsiru lil tali istituzzjonijiet stabbiliti fl-Awstrija, iżda mhux fil-każ ta’ donazzjonijiet li jsiru lil stabbilimenti fi Stati Membri oħra jew fi Stati oħra taż-Żona Ekonomika Ewropea. Dan jikser l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tat-Trattat ŻEE.

Ir-Repubblika tal-Awstrija tiġġustifika din ir-regola abbażi tal-fatt li din tikkonċerna restrizzjoni permissibbli tal-għoti ta’ donazzjonijiet f’każijiet speċifiċi li teħles lill-Istat minn dak li altrimenti kien ikun obbligu fuqu li jipprovdi finanzi. Dan jirriżulta mis-sentenza fil-Kawża C-396/04 Centro di Musicologia Walter Stauffer (1).

Il-Kummissjoni tikkontesta din il-ġustifikazzjoni. Hija ssostni li d-dispożizzjonijiet inkwistjoni jagħmlu distinzjoni abbażi ta’ kriterji ġeografiċi u indipendentement mill-għan tal-istabbilimenti benefiċjarji. Barra minn hekk, ma hemm ebda evidenza fir-rigward tal-effett alternattiv, sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija, bejn l-iffinanzjar dirett mill-Istat u donazzjonijiet li jibbenefikaw mit-taxxa li jsiru minn persuni privati. Anke jekk jeżisti l-effett alternattiv sostnut mir-Repubblika tal-Awstrija, fil-fehma tal-Kummissjoni, dan ma jiġġustifikax restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, peress li dan ma jikkonċernax interess ikklassifikat u fiskalment sistematiku skont is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-204/90 Bachmann (2).


(1)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203

(2)  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Jannar 1992, Bachmann, C-204/90, Ġabra p. I-249.