Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TRSTENJAK

ippreżentati fit-8 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C-10/10

Il-Kummissjoni Ewropea

vs

Ir-Repubblika tal-Awstrija

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Artikolu 258 TFUE – Artikolu 56 KE – Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE – Moviment liberu tal-kapital – Vantaġġi fiskali li jirriżultaw minn donazzjonijiet lil istituzzjonijiet tat-taħriġ, riċerka u tagħlim – Subordinazzjoni ta’ dawn il-vantaġġi għall-kundizzjoni li l-benefiċjarju tad-donazzjoni jkun stabbilit fit-territorju nazzjonali – Natura oġġettivament kumparabbli tal-istituzzjonijiet – Ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali – Promozzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u ta’ taħriġ – Proporzjonalità”






Werrej


I –   Introduzzjoni

II – Il-kuntest ġuridiku

A –   Id-dritt tal-Unjoni 

B –   Il-Ftehim ŻEE

C –   Id-dritt nazzjonali

III – Il-fatti

IV – Il-proċedura ta’ qabel il-kawża

V –   Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

VII – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

A –   Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

B –   Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

1.     Fuq in-natura oġġettivament kumparabbli tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża

2.     Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

3.     Sinteżi

C –   Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE

VIII – Spejjeż

IX – Konklużjoni


I –    Introduzzjoni

1.        Din il-kawża hija bbażata fuq rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it-Trattat, li tressaq mill-Kummissjoni abbażi tal-Artikolu 258 TFUE, u li permezz tiegħu hija titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tikkonstata li r-Repubblika tal-Awstrija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, peress li limitat it-tnaqqis fiskali għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul tad-donazzjonijiet lil istituzzjonijiet li jwettqu attivitajiet ta’ taħriġ, riċerka u tagħlim, għal istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni (2)

2.        L-Artikolu 56(1) KE jipprojbixxi, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 4, kull restrizzjoni għall-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

3.        L-Artikolu 58 KE huwa fformulat b’dan il-mod:

“1. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 m’għandhomx jippreġudikaw id-dritt ta’ l-Istati Membri:

a)      li japplikaw id-disposizzjonijiet relevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li mhumiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit;

b)      li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jevitaw il-ksur tal-liġi u tar-regolamenti nazzjonali, partikolarment fil-qasam fiskali u fil-qasam tas-superviżjoni prudenzjali ta’ l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew li jimponu proċeduri għal skopijiet ta’ informazzjoni amministrattiva jew ta’ statistika għad-dikjarazzjoni ta’ movimenti ta’ kapital, jew li jieħdu miżuri li jkunu ġustifikabbli minħabba fl-interess pubbliku jew is-sigurtà pubblika.

[…]

3. Il-miżuri u l-proċeduri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 56”.

B –    Il-Ftehim ŻEE

4.        L-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE jipprovdi skont kif ġej:

“Fil-qafas ta’ dan il-ftehim, ir-restrizzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti fuq il-moviment tal-kapital li jappartjeni lil persuni residenti fl-Istati Membri tal-KE jew fl-Istati EFTA, kif ukoll id-diskriminazzjoni msejsa fuq in-nazzjonalità jew ir-residenza tal-partijiet jew il-post ta’ investiment, huma pprojbiti. L-Anness XII fih id-dispożizzjonijiet neċessarji biex jigi implimentat dan l-Artikolu”.

C –    Id-dritt nazzjonali

5.        L-Artikolu 4 tal-liġi Awstrijaka tal-1988 (3) dwar it-taxxa fuq id-dħul (iktar ’il quddiem “l-EStG”) jikkunsidra d-determinazzjoni tal-“qligħ” bħala l-bażi tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul. Dak l-artikolu jipprovdi li l-ispejjeż tal-operat għandhom jitnaqqsu mill-qligħ. L-Artikolu 4(4) tal-EStG jiddefinixxi l-kunċett ta’ spejjeż tal-operat bħala l-infiq jew l-ispejjeż iġġenerati mill-operat. Barra minn hekk, l-istess artikolu jelenka ċerti kategoriji ta’ spejjeż li jitqiesu, fi kwalunkwe każ, u għaldaqstant de jure, bħala spejjeż tal-operat.

6.        L-Artikolu 4a tal-EStG, fil-verżjoni li tirriżulta mil-liġi tal-2009 li wettqet riforma fiskali, jelenka taħt it-titolu “donazzjonijiet mogħtija mill-kapital tal-impriża”, serje ta’ donazzjonijiet li jitqiesu wkoll bħala spejjeż tal-operat. F’dan il-kuntest, l-Artikolu 4a tal-EStG jirriproduċi l-elenku ta’ spejjeż tal-operat li kien jinsab sal-31 ta’ Marzu 2009 fl-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG.

7.        L-Artikolu 4a tal-EStG huwa fformulat b’dan il-mod:

“Jitqiesu wkoll bħala spejjeż tal-operat:

1. id-donazzjonijiet mogħtija mill-kapital tal-impriża bil-għan li jkunu jistgħu jitwettqu

–        attivitajiet ta’ riċerka jew

–        attivitajiet ta’ tagħlim fil-qasam tal-edukazzjoni għall-adulti, meta dawn ikunu jirrigwardaw tagħlim xjentifiku jew artistiku u jkunu konformi mal-liġi dwar l-Università tal-2002,

u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati ma’ dan, lill-istituzzjonijiet li ġejjin:

a) universitajiet, skejjel ta’ tagħlim avvanzat artistiku u l-Akkademja tal-arti klassiċi, il-fakultajiet tagħhom, kif ukoll dipartimenti jew istituzzjonijiet speċjali;

b) fondi maħluqa minn liġi federali jew reġjonali li jkunu inkarigati minn missjonijiet relatati mal-promozzjoni tar-riċerka;

c) l-Akkademja Awstrijaka tax-xjenza;

d) istituzzjonijiet ta’ awtoritajiet territorjali mhux awtonomi mill-aspett ġuridiku, li jkunu inkarigati prinċipalment minn attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim tat-tip imsemmi iktar ’il fuq għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati;

e) persuni ġuridiċi li jkunu inkarigati prinċipalment minn attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim tat-tip imsemmi iktar ’il fuq għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka u l-produzzjoni ta’ pubblikazzjonijiet u dokumenti xjentifiċi relatati. Il-kundizzjoni l-oħra hija li entità lokali jkollha sehem ta’ mill-inqas b’mod maġġoritarju f’dawk il-persuni ġuridiċi jew li l-persuna ġuridika bħala entità lokali skont l-Artikoli 34 et sequitur tal-kodiċi federali dwar it-taxxa tkun issegwi esklużivament għanijiet xjentifiċi.

Il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti d) u e) għandhom jiġu ppruvati mill-istituzzjoni kkonċernata permezz ta’ attestazzjoni tal-Finanzamt Wien 1/23, flimkien ma’ riżerva li tippermetti li tiġi rrevokata f’kull ħin. Il-lista tal-istituzzjonijiet kollha li għalihom tkun inħarġet tali attestazzjoni għandha tiġi ppubblikata ta’ mill-inqas darba fis-sena, fuq formola elettronika adattata, fuq il-paġna tal-internet ewlenija tal-ministeru federali tal-finanzi. Il-valur monetarju tad-donazzjonijiet jista’ jitnaqqas kemm-il darba, meta jiżdied mal-valur monetarju tad-donazzjonijiet fis-sens tal-punt 2), ma jaqbiżx l-10 % tal-qligħ tas-sena finanzjarja preċedenti. Barra minn hekk, il-valur kontabbli residwali ma għandux jiġi kontabilizzat bħala spiża tal-operat, u l-valur parzjali lanqas ma għandu jiġi kontabilizzat bħala dħul tal-operat. Ir-riżervi moħbija, li jiġu ttrasferiti b’mod konformi mal-Artikolu 12 lejn l-ass ekonomiku li kien is-suġġett tad-donazzjoni, għandhom jiġu integrati mill-ġdid fid-dħul taxxabbli. Kemm-il darba l-valur monetarju jaqbeż il-limitu indikat, dan jista’ jiġi mnaqqas bħala spiża speċjali b’mod konformi mal-Artikolu 18(1)(7)”.

III – Il-fatti

8.        Skont id-dritt Awstrijak dwar it-taxxa fuq id-dħul, id-donazzjonijiet li jsiru mill-kapital tal-impriża favur serje ta’ istituzzjonijiet elenkati mil-liġi u li jkunu inkarigati minn attivitajiet ta’ riċerka, tagħlim jew taħriġ jistgħu jiġu invokati bħala spejjeż tal-operat, sabiex b’hekk titnaqqas il-bażi taxxabbli tat-taxxa fuq id-dħul. Madankollu, din il-possibbiltà teżisti biss jekk dawk l-istituzzjonijiet ikunu jinsabu fit-territorju nazzjonali jew jekk ikunu inkarigati prinċipalment minn attivitajiet ta’ riċerka jew tagħlim għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka.

9.        Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-Repubblika tal-Awstrija naqset milli tosserva, permezz ta’ din l-iskema, l-obbligi tagħha taħt il-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u, barra minn hekk, taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (il-Ftehim ŻEE). Barra minn hekk, hija ressqet kontra r-Repubblika tal-Awstrija l-proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt it-Trattat, li hija s-suġġett ta’ din il-kawża.

IV – Il-proċedura ta’ qabel il-kawża

10.      B’ittra tat-12 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni staqsiet lill-Ministeru Federali tal-Finanzi Awstrijak jekk, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG, id-donazzjonijiet jistgħux ikunu suġġetti wkoll għal tnaqqis fiskali jekk jitħallsu lill-istituzzjonijiet imsemmija f’dik id-dispożizzjoni jew lil istituzzjonijiet kumparabbli ma’ dawn tal-aħħar, jekk dawn ikunu jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-UE jew taż-ŻEE.

11.      B’ittra tal-5 ta’ Settembru 2005, il-Ministeru Federali tal-Finanzi Awstrijak ikkonferma li l-benefiċjarji tad-donazzjonijiet iddefiniti fl-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (d) tal-EStG jistgħu jkunu biss istituzzjonijiet Awstrijaki. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 4(4)(5)(e) tal-EStG ma huwiex limitat, mill-mod kif huwa fformulat, għal istituzzjonijiet nazzjonali.

12.      Fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni tal-4 ta’ April 2007, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (e) tal-EStG jmur kontra l-Artikolu 49 KE kif ukoll l-Artikolu 36 tal-Ftehim ŻEE. Hija intimat lir-Repubblika tal-Awstrija biex tippreżenta osservazzjonijiet fuq dan il-punt fi żmien xahrejn.

13.      Fl-osservazzjonijiet tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2007, ir-Repubblika tal-Awstrija rribattiet totalment il-pożizzjoni ġuridika li ħadet il-Kummissjoni fl-ittra ta’ intimazzjoni tagħha. Hija b’mod partikolari targumenta li l-libertà ta’ forniment ta’ servizzi invokata mill-Kummissjoni kienet għal kollox irrilevanti.

14.      F’ittra ta’ intimazzjoni supplimentari tat-8 ta’ Mejju 2008, il-Kummissjoni elaborat fuq l-kunsiderazzjoni ġuridika ppreżentata fl-ewwel ittra ta’ intimazzjoni billi indikat li, minbarra l-forniment liberu ta’ servizzi, id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali inkwistjoni f’din il-kawża kienu jmorru wkoll kontra l-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikoli 56 et seq tat-Trattat KE. Għaldaqstant, fil-fehma tagħha, ir-Repubblika tal-Awstrija kienet naqset ukoll milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu llimitat għall-istituzzjonijiet Awstrijaki t-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija favur istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka.

15.      Fl-osservazzjonijiet tagħha tad-9 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika tal-Awstrija essenzjalment irreferiet għall-osservazzjonijiet tagħha tal-5 ta’ Ġunju 2007. Hija b’hekk tenniet l-argument li l-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG jinkludi restrizzjoni awtorizzata għall-iskema fiskali favorevoli mogħtija għad-donazzjonijiet, fl-isfond tal-għan materjali tal-istituzzjoni, fis-sens li kienu ffavoriti biss għanijiet ta’ interess ġenerali fil-preżenza ta’ rabta suffiċjenti mal-pajjiż. Dik ir-rabta mal-pajjiż timmanifesta ruħha jew permezz ta’ relazzjoni partikolari max-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka jew inkella permezz ta’ responsabbiltà finanzjarja partikolari tal-Istat fir-rigward ta’ kull istituzzjoni.

16.      Fid-19 ta’ Marzu 2009, il-Kummissjoni adottat opinjoni mmotivata li ntbagħtet lir-Repubblika tal-Awstrija fit-23 ta’ Marzu 2009. Fl-analiżi ġuridika tagħha tal-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet tal-punti (a) sa (d) u dawk tal-punt (e). L-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (d) tal-EStG kellu l-konsegwenza li setgħu jiġu rrikonoxxuti bħala spejjeż tal-operat biss dawk id-donazzjonijiet mogħtija favur istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali, imsemmija f’dik id-dispożizzjoni u li jinsabu fl-Awstrija. Id-donazzjonijiet mogħtija favur istituzzjonijiet barranin komparabbli ma setgħux, min-naħa l-oħra, jiġu rrikonoxxuti bħala spejjeż tal-operat. Għaldaqstant, saret distinzjoni skont is-sede tal-istituzzjoni kkonċernata. Għalkemm l-Artikolu 4(4)(5)(e) tal-EStG ma jistabbilixxi ebda distinzjoni abbażi tas-sede tal-benefiċjarju tad-donazzjonijiet, il-kwalifikazzjoni tad-donazzjonijiet bħala spejjeż tal-operat hija rrikonoxxuta biss jekk dik il-persuna ġuridika tkun twettaq l-attivitajiet tagħha essenzjalment għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni kkonstatat, fl-ewwel lok, li r-Repubblika tal-Awstrija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE billi awtorizzat it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u tagħlim esklużivament meta dawk l-istituzzjonijiet ikunu bbażati fl-Awstrija. Hija sussegwentement ikkonkludiet li r-Repubblika tal-Awstrija kisret l-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 49 u 56 KE u l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE billi limitat it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija għal persuni ġuridiċi li jeżerċitaw attivitajiet ta’ tagħlim jew ta’ riċerka għal każijiet fejn dawk il-persuni jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom essenzjalment għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka.

17.      Ir-Repubblika tal-Awstrija rrispondiet permezz tal-osservazzjonijiet tal-25 ta’ Mejju 2009. Hija sostniet l-argument li kienet issollevat, fejn qalet li l-Artikolu 4(4)(5) tal-EStG ma jmurx kontra l-Artikoli 49 u 56 KE u lanqas kontra l-Artikoli 36 u 40 tal-Ftehim ŻEE.

V –    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

18.      Peress li skont il-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Awstrija ma rrispondietx għall-opinjoni mmotivata, l-istess Kummissjoni ressqet rikors fit-8 ta’ Jannar 2010 abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

19.      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tikkonstata li, billi awtorizzat tnaqqis tat-taxxa għad-donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet b’funzjonijiet ta’ riċerka u ta’ edukazzjoni biss fil-każ ta’ istituzzjonijiet li jinsabu fl-Awstrija, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Awstrija tbati l-ispejjeż tal-kawża.

20.      Ir-Repubblika tal-Awstrija titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiċħad ir-rikors u tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-kawża.

VI – L-argumenti prinċipali tal-partijiet

21.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-iskema ta’ tnaqqis fiskali li issa tinsab fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, u li tikkorrispondi totalment mal-Artikolu 4(4)(5)(a) sa (d) tal-EStG, li kien fis-seħħ sal-31 ta’ Marzu 2009, hija inkompatibbli mar-rekwiżiti kemm tal-Artikolu 56 KE kif ukoll tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Il-Gvern Awstrijak jikkontesta tali inkompatibbiltà.

22.      Il-Kummissjoni hija tal-fehma li skema bħal dik prevista fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, li permezz tagħha huma eliġibbli għall-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali biss dawk id-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet li jwettqu attivitajiet fl-oqsma tat-taħriġ, tar-riċerka u tax-xjenza, u li jkunu jinsabu fl-Awstrija, bl-esklużjoni tad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet ta’ dak it-tip, li jkunu jinsabu fi Stati Membri oħrajn, tikkostitwixxi ksur tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital. Tali skema hija fil-prinċipju pprojbita mill-Artikolu 56 KE. Ebda ġustifikazzjoni għal dak il-ksur ma tista’ tiġi identifikata. Jirriżulta b’mod ċar mill-formulazzjoni tal-liġi kif ukoll mill-argument ippreżentat mir-Repubblika tal-Awstrija matul il-proċedura ta’ qabel il-kawża li jistgħu jitnaqqsu biss id-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali. Il-Kummissjoni tikkontesta dik id-distinzjoni bbażata fuq il-post tal-istabbiliment tal-benefiċjarju tad-donazzjoni.

23.      Il-Gvern Awstrijak jirrikonoxxi li l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG jiddistingwi, f’ċerti aspetti, bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor, iżda jikkunsidra li dik l-iskema hija konformi mad-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, huwa jindika fl-ewwel lok, li l-istituzzjonijiet tat-tagħlim, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, imsemmija fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, ma humiex komparabbli mal-istituzzjonijiet li ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema inkwistjoni. L-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, huma fil-biċċa l-kbira istituzzjonijiet pubbliċi, li nħolqu mill-awtoritajiet pubbliċi u li ngħataw missjonijiet ta’ promozzjoni tal-interess ġenerali nazzjonali. Għaldaqstant, element komuni bejn dawk l-istituzzjonijiet huwa li dawn inħolqu mil-leġiżlazzjoni federali jew reġjonali, u għal din ir-raġuni huwa mifhum li hija fil-kompetenza tal-leġiżlatur li jiddefinixxi mhux biss l-għanijiet u l-missjonijiet tagħhom, iżda wkoll li essenzjalment jiżgura l-konformità ta’ dawk l-għanijiet u dawk il-missjonijiet mal-għanijiet soċjali fis-sens tal-promozzjoni tal-interess ġenerali nazzjonali. Ma teżistix tali possibbiltà għall-awtorità pubblika li teżerċita influwenza fuq l-istabbilimenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu f’pajjiżi barranin. Barra minn hekk, normalment dawk l-istituzzjonijiet barranin ma jkollhomx il-missjoni li jippromwovu x-xjenza u r-riċerka fl-Awstrija.

24.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-argument hekk issollevat mill-Gvern Awstrijak huwa parzjalment żbaljat. Meta titqies il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan l-argument huwa, fi kwalunkwe każ, irrilevanti.

25.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, kemm-il darba tiġi pprovata, hija barra minn hekk iġġustifikata minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. Effettivament, l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, issegwi l-għan ta’ promozzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u tat-taħriġ. L-element determinanti tal-vantaġġ fiskali assoċjat mad-donazzjonijiet ma huwiex marbut mal-fatt li l-attività ta’ riċerka ssir fl-Awstrija, iżda mal-fatt li dik l-attività tkun ta’ benefiċċju għax-xjenza Awstrijaka jew għall-Awstrija bħala ċentru xjentifiku. L-għan tal-garanzija ta’ livell għoli ta’ riċerka xjentifika fl-Awstrija jikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali li tiġġustifika r-restrizzjoni tal-vantaġġ fiskali għal donazzjonijiet mogħtija favur l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, kemm-il darba jitħares il-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan huwa l-każ fir-rigward tal-iskema inkwistjoni f’din il-kawża.

26.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti għall-Kummissjoni. B’mod partikolari, il-Gvern Awstrijak ma weriex li l-iskema diskriminatorja ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet hija xierqa u neċessarja biex jintlaħaq l-għan invokat minnha, li jikkonsisti fit-tisħiħ tar-rwol tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku. Il-Kummissjoni tirribatti l-argument li l-universitajiet nazzjonali vvantaġġati fiskalment jeżerċitaw, inter alia, attivitajiet li huma ta’ importanza partikolari għall-interess ġenerali nazzjonali, billi tindika li huwa faċli għall-Awstrija li tippreċiża t-temi li għandhom jiġu kkunsidrati għad-donazzjonijiet li jibbenefikaw minn vantaġġi fiskali.

27.      Finalment, il-Gvern Awstrijak isostni li l-istituzzjonijiet iċċitati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, għandhom jiġu kkwalifikati bħala “istituzzjonijiet inkarigati minn missjonijiet ta’ interess ġenerali” u jippreżentaw rabta partikolarment mill-qrib mar-Repubblika tal-Awstrija inkwantu jeżerċitaw attivitajiet statali jew jappoġġjaw permezz ta’ fondi pubbliċi l-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u t-taħriġ ta’ xjenzati żgħażagħ fl-Awstrija. Il-mezzi provenjenti minn donazzjonijiet privati jissupplimentaw il-baġit u b’hekk il-finanzjament ta’ dawn il-missjonijiet stabbiliti mill-awtorità pubblika. It-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet jippermetti li jkun hemm mezzi finanzjarji supplimentari għad-dispożizzjoni ta’ dawn il-missjonijiet pubbliċi. Mill-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital u l-ġurisprudenza attwali tal-Qorti tal-Ġustizzja wieħed ma jistax jiddeduċi obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni, li permezz tiegħu Stat Membru jrid jappoġġja bl-istess mod l-interess ġenerali u s-servizzi pubbliċi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor billi jagħti vantaġġi fiskali.

28.      Il-Kummissjoni tikkwalifika bħala mhux validu l-argument tal-Gvern Awstrijak, li jgħid li huma biss id-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet Awstrijaki, u mhux dawk mogħtija lil istituzzjonijiet barranin, li permezz tagħhom l-Awstrija twettaq ir-responsabbiltajiet finanzjarji tagħha fil-konfront ta’ dawk l-istituzzjonijiet. Ma ntweriex li teżisti interazzjoni bejn iż-żewġ sorsi ta’ finanzjament. Anki jekk tingħata prova ta’ tali interazzjoni, ir-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm ir-Repubblika tal-Awstrija ma hijiex obbligata li tippromwovi l-interess ġenerali ta’ Stati Membri oħrajn permezz ta’ għajnuniet diretti, hija lanqas ma għandha d-dritt li tirrestrinġi fuq dan il-pretest il-moviment liberu tal-kapital.

VII – Kunsiderazzjonijiet ġuridiċi

29.      F’din il-kawża, għandu jiġi rrimarkat fl-ewwel lok li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax, fil-prinċipju, lill-Istati Membri li jħallsu għajnuniet diretti favur istituzzjonijiet barranin tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi. Barra minn hekk, it-tassazzjoni diretta normalment taqa’ taħt il-qasam tal-kompetenza tal-Istati Membri. Madankollu ma jirriżultax minn dawn il-konstatazzjonijiet ta’ natura ġenerali li l-Istati Membri għandhom il-fakultà li jeżerċitaw is-sovranità fiskali tagħhom fil-qasam tal-promozzjoni tar-riċerka, tat-taħriġ u tax-xjenza mingħajr ma jieħdu inkunsiderazzjoni l-obbligi li jirriżultaw mil-libertajiet fundamentali. Effettivament, hija ġurisprudenza stabbilita li l-Istati Membri huma obbligati jeżerċitaw is-sovranità fiskali residwali tagħhom b’ħarsien permanenti tad-dritt tal-Unjoni (4).

30.      F’dan il-kuntest, fil-kunsiderazzjonijiet segwenti, għandu jiġi vverifikat fl-ewwel lok jekk l-iskema fiskali inkwistjoni twassalx għal restrizzjoni, li fil-prinċipju hija pprojbita, tal-moviment liberu tal-kapital. Peress li, fil-fehma tiegħi, għandha tingħata risposta fl-affermattiv għal din id-domanda, għandu jiġi eżaminat sussegwentement jekk din ir-restrizzjoni hijiex madankollu awtorizzata skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital jew jekk hijiex iġġustifikata minn waħda mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza.

A –    Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

31.      B’mod konformi mal-Artikolu 56(1) KE, ir-restrizzjonijiet kollha tal-moviment ta’ kapital bejn l-Istati Membri huma pprojbiti. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-trattament fiskali tad-donazzjonijiet mogħtija fi flus jew in natura b’hekk jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment tal-kapital, ħlief f’każijiet fejn l-elementi kostituttivi tal-operazzjonijiet ikkonċernati jkunu jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed (5).

32.      L-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, tipprevedi, minn naħa waħda, li d-donazzjonijiet li jingħataw mill-kapital ta’ impriża favur istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) sa (d) tal-EStG, jitqiesu bħala spejjeż tal-operat, li jitnaqqsu abbażi tar-regolamentazzjoni applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul. Il-Gvern Awstrijak ma jikkontestax li d-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet barranin ma jaqgħux, fil-prinċipju, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-dispożizzjoni.

33.      Min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 4(1)(e) tal-EStG, id-donazzjonijiet mogħtija mill-kapital ta’ impriża lil istituzzjonijiet inkarigati b’attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaki u li jsegwu esklużivament għanijiet xjentifiċi jitqiesu wkoll bħala spejjeż tal-operat li jistgħu jitnaqqsu għall-finijiet tar-regolamentazzjoni applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul. Għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni ma tirrestrinġix espressament iċ-ċirku ta’ istituzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik l-iskema għall-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, jidhirli li fil-prattika l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea jiltaqgħu ma’ diffikultajiet serji biex jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 4(1)(e) tal-EStG. F’dan ir-rigward, jista’ jkun hemm diffikultà, qabel kollox, biex tingħata prova mill-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea li dawn tal-aħħar huma inkarigati minn attivitajiet ta’ riċerka u tagħlim għax-xjenza jew l-ekonomija Awstrijaka (6). Fi kwalunkwe każ, il-Gvern Awstrijak ma tax eżempju konkret, la fir-risposta u lanqas fir-replika tiegħu, ta’ istituzzjoni barranija li tissodisfa dik il-kundizzjoni (7).

34.      Għaldaqstant, bħala sinteżi għandu jingħad li l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, normalment tapplika biss għad-donazzjonijiet li jsiru lil istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi. Id-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea ġeneralment ma jistgħux jitnaqqsu mit-taxxa fuq id-dħul.

35.      Kif kien enfasizza ġustament l-Avukat Ġenerali Mengozzi (8) fil-konklużjonijiet ippreżentati fil-kawża Persche, ġeneralment ma jkunx hemm wisq dubju li t-tnaqqis fiskali ta’ donazzjoni jinfluwixxi b’mod sinjifikattiv fuq il-ġenerożità tad-donatur. Permezz tal-għoti ta’ dawk il-benefiċċji, l-Istati Membri jnaqqsu l-ispiża tad-donazzjoni għad-donatur u għalhekk iħeġġuh biex jirrepeti l-ġest tiegħu. Wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-esklużjoni ta’ tali vantaġġ twassal biex ikun hemm inqas persuni li jagħtu tali donazzjonijiet. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat (9), fis-sentenza Persche, li skema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tapplika biss għad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali ta’ interess ġenerali u li b’hekk hija ta’ tali natura li taffettwa d-disponibbiltà tal-persuni taxxabbli li jagħtu donazzjonijiet favur istituzzjonijiet korrispondenti, li jkunu jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, li fil-prinċipju hija pprojbita.

36.      Fl-ipoteżi fejn, bħal fil-każ tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, ikunu jistgħu jiġu invokati bħala spejjeż tal-operat biss dawk id-donazzjonijiet li jsiru mill-kapital ta’ impriża favur istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, il-persuni kkonċernati, li huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul, jippreferu li jagħtu donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet nazzjonali elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (e) tal-EStG. Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka b’hekk hija ta’ tali natura li tiskoraġġixxi lill-persuni taxxabbli milli jagħtu donazzjonijiet favur istituzzjonijiet barranin tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi (10).

37.      Meta titqies iċ-ċirkustanza li anki restrizzjoni ta’ portata dgħajfa jew ta’ importanza minuri taqa’ taħt il-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet prevista fl-Artikolu 56 KE (11), għandu jiġi kkunsidrat li l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, tikkostitwixxi restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, li fil-prinċipju hija pprojbita.

B –    Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni għar-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital

38.      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mill-applikazzjoni kkombinata tal-Artikoli 56, 58(1)(a) u 58(3) KE li, għal regolamentazzjoni fiskali nazzjonali bħal dik inkwistjoni, li tistabbilixxi distinzjoni bejn donazzjonijiet favur istituzzjonijiet nazzjonali u donazzjonijiet favur istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor, li b’hekk tintroduċi restrizzjoni għall-moviment tal-kapital, li fil-prinċipju hija pprojbita, tista’ titqies bħala kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital biss jekk id-differenza fit-trattament tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament kumparabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, b’ħarsien tal-prinċipju tal-proporzjonalità (12).

39.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Awstrijak jindika, f’din il-kawża, li l-istituzzjonijiet ta’ tagħlim, ta’ riċerka u dawk xjentifiċi, imsemmija fl-Artikolu 4 a(1)(a) sa (d) tal-EStG, ma humiex kumparabbli mal-istituzzjonijiet korrispondenti li jinsabu fi Stati Membri oħrajn. Barra minn hekk, id-differenza fit-trattament applikata għad-donaturi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija u kkritikata mill-Kummissjoni hija ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

1.      Fuq in-natura oġġettivament kumparabbli tal-istituzzjonijiet nazzjonali u l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża

40.      Sabiex jiġi evalwat l-argument tal-Gvern Awstrijak, li jgħid li l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, ma humiex kumparabbli mal-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li din il-kawża tirrigwarda d-differenza fit-trattament fiskali tad-donaturi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija. Il-Kummissjoni tikkritika prinċipalment il-fatt li l-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul jinċaħdilhom, fil-prinċipju, it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet li huma jagħmlu favur istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu fi Stati Membri oħrajn, waqt li jistgħu jnaqqsu fiskalment, fil-limiti ffissati mil-liġi, donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet Awstrijaki elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG. Minn dan isegwi li r-regolamentazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża twassal għal trattament differenti, fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul, li hija bbażata fuq il-post tal-investiment tal-kapital.

41.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li din id-differenza fit-trattament hija awtorizzata, peress li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, u l-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma jinsabux f’sitwazzjoni kumparabbli. B’dan il-mod, il-Gvern Awstrijak jasserixxi, b’mod definittiv, li r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, li tinsab inkwistjoni f'din il-kawża, hija ġġustifikata, peress li s-sitwazzjoni tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija u li jagħtu donazzjonijiet favur l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, u dik tal-persuni li jagħtu donazzjonijiet favur istituzzjonijiet korrispondenti, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma humiex kumparabbli minħabba d-differenzi li jeżistu bejn il-benefiċjarji tad-donazzjonijiet.

42.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Jidhirli li l-Gvern Awstrijak ma jagħtix prova li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, u l-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma humiex oġġettivament kumparabbli.

43.      Sabiex jissostanzja l-argument tiegħu li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, ma humiex oġġettivament kumparabbli mal-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern Awstrijak isostni fl-ewwel lok li l-attività tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, hija kkaratterizzata mill-influwenza eżerċitata mill-awtorità pubblika fl-Awstrija, waqt li tali influwenza ma teżistix fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

44.      Dan l-argument ma huwiex konvinċenti. Kif jenfasizza l-Gvern Awstrijak stess, l-influwenza eżerċitata mill-awtorità pubblika fuq l-istituzzjonijiet Awstrijaki elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, timmaterjalizza essenzjalment permezz tad-definizzjoni tal-għanijiet ta’ interess ġenerali assenjati lil dawk l-istituzzjonijiet kif ukoll permezz ta’ intervent governattiv jekk dawk l-għanijiet ma jintlaħqux. Barra minn hekk, wieħed jista’ jinferixxi mill-argument tal-Gvern Awstrijak li d-donazzjonijiet mogħtija lil dawk l-istituzzjonijiet huma suġġetti għal vantaġġ fiskali abbażi tat-taxxa fuq id-dħul, għaliex dawn tal-aħħar huma inkarigati b’ċerti għanijiet li jistħoqilhom li jiġu appoġġjati. Il-kriterju deċiżiv biex jiġi ddefinit iċ-ċirku ta’ istituzzjonijiet rilevanti fil-qasam ta’ applikazzjoni tal-vantaġġ fiskali assoċjat mad-donazzjonijiet b’hekk huwa relatat mal-għan segwit minn dawk l-istituzzjonijiet u mhux miċ-ċirkustanza li r-Repubblika tal-Awstrija ddefinixxiet dawk l-għanijiet jew li hija tista’ tintervjeni biex tiggarantixxi t-twettiq tagħhom.

45.      F’dan il-kuntest, għandha ssir evalwazzjoni tal-kumparabbiltà bejn l-istituzzjonijiet barranin tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, u l-istituzzjonijiet Awstrijaki elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, fuq il-bażi tal-għanijiet segwiti minn dawk l-istituzzjonijiet. Għalkemm l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, u l-istituzzjonijiet Awstrijaki elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, isegwu l-istess għanijiet, dawn jinsabu f’sitwazzjoni oġġettivament kumparabbli, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar min iffissa dawn l-għanijiet fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

46.      Fil-qosor, għandu jiġi stabbilit li fil-prinċipju huwa permessibbli għar-Repubblika tal-Awstrija li tiddefinixxi indirettament jew direttament, b’ħarsien tar-rekwiżiti dderivati mid-dritt tal-Unjoni, l-għanijiet li għandhom isegwu l-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, kemm-il darba dawn jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet (13). Jekk l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea jsegwu l-istess għanijiet, in-natura oġġettivament kumparabbli mal-istituzzjonijiet nazzjonali ma tistax tiġi rrifjutata fil-konfront tagħhom għas-sempliċi raġuni li ma ġewx assenjati dawk l-għanijiet mil-leġiżlatur Awstrijak.

47.      Għaldaqstant għandu jinċaħad, minħabba nuqqas ta’ rilevanza, l-argument li jallega nuqqas ta’ kumparabbiltà, minħabba l-influwenza eżerċitata mill-awtorità pubblika fl-Awstrija, bejn l-istituzzjonijiet Awstrijaki elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, u l-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

48.      Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li n-nuqqas ta’ kumparabbiltà oġġettiva bejn l-istituzzjonijiet nazzjonali u dawk li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, li jinsab inkwistjoni f’din il-kawża, huwa kkorroborat ukoll mill-fatt li huma biss dawk id-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, li jappoġġjaw lill-Istat Awstrijak fil-kuntest tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt is-servizz pubbliku Awstrijak. Effettivament, l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, għandhom relazzjoni partikolarment mill-qrib mar-Repubblika tal-Awstrija fis-sens li jeżerċitaw attivitajiet statali – pereżempju, il-qasam kollu tat-taħriġ fl-universitajiet – jew jappoġġjaw, permezz ta’ fondi pubbliċi, il-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u t-taħriġ tax-xjenzati żgħażagħ fl-Awstrija. Peress li mezzi provenjenti minn donazzjonijiet privati jissupplimentaw il-baġit ta’ dawn l-istituzzjonijiet, it-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet jippermetti li jitpoġġew mezzi finanzjarji supplimentari għad-dispożizzjoni ta’ dawk il-missjonijiet pubbliċi permezz ta’ inqas spejjeż baġitarji.

49.      Fil-kawża Persche, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni li tindirizza argument simili, li hija ċaħdet b’mod definittiv. F’dik il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi, inter alia, dwar il-kompatibbiltà mal-Artikoli 56 et seq tat-Trattat KE, ta’ regolamentazzjoni fiskali Ġermaniża, li kienet tistipula li d-donazzjonijiet lil istituzzjonijiet rikonoxxuti ta’ interess ġenerali li kellhom is-sede tagħhom fit-territorju nazzjonali setgħu jitnaqqsu fiskalment, kemm-il darba l-benefiċċju tat-tnaqqis fiskali ma kienx jingħata għad-donazzjonijiet mogħtija lil korp ta’ interess ġenerali, stabbilit fi Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat, inter alia, l-argument li l-istituzzjonijiet ta’ interess ġenerali nazzjonali u barranin ma kinux kumparabbli, fl-ipoteżi fejn l-istituzzjonijiet nazzjonali ta’ interess ġenerali jassumu attivitajiet li jservu l-interess ġenerali u b’hekk jilliberaw lill-Istat minn dak l-obbligu. Ċertament, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li l-istituzzjonijiet nazzjonali rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali setgħu jassumu ċerti responsabbiltajiet li jappartjenu lill-awtoritajiet pubbliċi u li tali teħid ta’ responsabbiltà seta’ jwassal għal tnaqqis tal-ispejjeż tal-Istat Membru kkonċernat, li jista’ jikkumpensa, ta’ mill-inqas parzjalment, għat-tnaqqis tad-dħul fiskali tiegħu li jirriżulta mit-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet. Madankollu, hija ċaħdet l-argument li d-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali u barranin rikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali jistgħu jkunu suġġetti, għal dik ir-raġuni biss, għal skema ta’ vantaġġ fiskali differenti (14). Il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat f’dan ir-rigward fuq il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, li tgħid li n-neċessità li jiġi evitat tnaqqis tad-dħul fiskali la jinsab fost l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 58 KE u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat (15).

50.      Dik l-evalwazzjoni, li tgħid li l-konsegwenzi finanzjarji possibbli fuq il-bilanċ li jirriżultaw mit-tqegħid f’konformità ta’ regolamentazzjoni fiskali nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni normalment ma jaqgħux taħt l-għanijiet elenkati fl-Artikolu 58 KE u lanqas taħt ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jidhirli li hija applikabbli għal din il-kawża (16).

51.      Ma jistax jiġi eskluż, f’din il-kawża, li d-donazzjonijiet fiskalment vantaġġjati, li jsiru favur l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, jappoġġjaw lill-Istat Awstrijak fil-kuntest tar-responsabbiltà finanzjarja tiegħu fir-rigward tal-istituzzjonijiet li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fil-qasam tar-riċerka u tat-taħriġ fl-Awstrija. Madankollu, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet li semmejt iktar ’il fuq, ma jirriżultax minn dak li ntqal qabel li r-Repubblika tal-Awstrija għandha, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tar-regolamentazzjoni tat-tnaqqis fiskali tad-donazzjonijiet għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul, il-fakultà li tintroduċi differenza fit-trattament, li tirrestrinġi l-moviment liberu tal-kapital, bejn donaturi li jagħtu donazzjonijiet lil istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi u donaturi favur istituzzjonijiet tal-istess natura stabbiliti fi Stat Membru ieħor, mingħajr ma tagħti ġustifikazzjoni oħra għajr dik li tafferma li d-donazzjonijiet imħallsa lil dawn tal-aħħar ma jappoġġjawx lir-Repubblika tal-Awstrija fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-obbligi ta’ finanzjament li hija għandha f’dan il-qasam.

52.      Fil-kontroreplika tiegħu, il-Gvern Awstrijak ipprova, b’mod definittiv, jiġġustifika n-nuqqas ta’ komparabbiltà tal-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, billi sostna li r-Repubblika tal-Awstrija tinqeda b’dawk l-istituzzjonijiet biex teżerċita l-missjonijiet tagħha fil-qasam tat-tagħlim avvanzat, tar-riċerka xjentifika u tal-promozzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku. Fil-kuntest tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, l-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola li tipprovdi vantaġġ fiskali għad-donazzjonijiet biss jekk huma essenzjalment isegwu għanijiet ta’ interess ġenerali għall-kollettività nazzjonali fil-qasam tax-xjenza. L-istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea jistgħu, huma wkoll, jaqgħu taħt il-qasam ta’ applikazzjoni tar-regola tal-vantaġġ fiskali assoċjat mad-donazzjonijiet, kemm-il darba jsegwu għanijiet simili.

53.      Il-Gvern Awstrijak għaldaqstant isostni li l-istituzzjonijiet nazzjonali jservu l-interess ġenerali nazzjonali, waqt li l-istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea normalment iservu l-interess nazzjonali tal-Istat fejn ikollhom is-sede tagħhom. Fid-dawl ta’ din id-differenza fl-għan, qed issir ammissjoni dwar id-differenza fit-trattament għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul tad-donaturi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija. Effettivament, kieku f’każ eċċezzjonali kellhom jeżistu istituzzjonijiet ta’ taħriġ, ta’ riċerka u dawk xjentifiċi li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea u li jsegwu għanijiet li jservu l-interess ġenerali Awstrijak fil-qasam tax-xjenza, dawk l-istituzzjonijiet ikunu jistgħu wkoll, permezz tal-Artikolu 4a(1)(e) tal-EStG, jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regola ta’ vantaġġ fiskali assoċjat mad-donazzjonijiet li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża.

54.      Dan l-argument lanqas ma huwa konvinċenti.

55.      Għalkemm, fil-kuntest tal-għażla tal-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ skema nazzjonali ta’ vantaġġ fiskali assoċjat mad-donazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Awstrija għandha l-fakultà li teżiġi li jkun hemm ċertu grad ta’ konnessjoni bejnha u dawk l-istituzzjonijiet (17), dik il-limitazzjoni taċ-ċirku ta’ istituzzjonijiet li jimmeritaw li jingħataw appoġġ għandha, f’kawża bħal din, issir fil-prinċipju permezz ta’ definizzjoni tal-għanijiet preċiżi li l-istituzzjonijiet ikkonċernati għandhom isegwu. B’hekk, ir-Repubblika tal-Awstrija tista’ tiddeċiedi li tillimita l-vantaġġ fiskali għad-donazzjonijiet imħallsa lill-istituzzjonijiet li jagħmlu riċerka f’oqsma li huma ta’ importanza partikolari fir-rigward tal-interess ġenerali nazzjonali, bħal pereżempju r-riċerka fil-qasam tal-valangi. Jekk dik il-limitazzjoni tal-oqsma tar-riċerka li jimmeritaw vantaġġi fiskali twassal għal sitwazzjoni fejn, fil-prattika, ikunu biss id-donazzjonijiet imħallsa lil istituzzjonijiet nazzjonali li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, din tkun kumpatibbli, fil-prinċipju, mal-moviment liberu tal-kapital.

56.      F’din il-kawża, il-Gvern Awstrijak sempliċement jinvoka, b’mod ġenerali, il-fatt li l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, isegwu għanijiet li jservu l-interess ġenerali Awstrijak fil-qasam tax-xjenza. Dak l-għan huwa ddefinit b’tali manjiera li kważi l-istituzzjonijiet kollha tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija jissodisfawh, waqt li ma ngħata ebda eżempju ta’ istituzzjoni ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea li jissodisfa dak l-għan. Għaldaqstant, l-għan hekk iddefinit iwassal biex, b’mod definittiv, jitqies bħala kriterju l-post tal-istabbiliment li ma jistax, per definizzjoni, jiġi invokat biex tiġi ġġustifikata d-differenza fit-trattament, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, bejn id-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali u donazzjonijiet favur istituzzjonijiet li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea u li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fl-oqsma tat-taħriġ, ir-riċerka u l-qasam xjentifiku.

57.      F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-rekwiżit ta’ kumparabbiltà oġġettiva tad-donazzjonijiet imħallsa lill-istituzzjonijiet ikkonċernati ma jfissirx li dawn tal-aħħar għandhom isibu ruħhom f’sitwazzjoni identika f’kull aspett. Għall-kuntrarju, dak ir-rekwiżit għandu jinftiehem fis-sens li, fi Stat Membru partikolari, l-istituzzjonijiet għandhom ikunu f’sitwazzjoni simili. F’dan il-kuntest, iċ-ċirkustanza li, fl-għażla tal-istituzzjonijiet Awstrijaki li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Awstrija tieħu inkunsiderazzjoni, b’mod ġenerali, il-kontribut ta’ dawk l-istituzzjonijiet lejn l-interess ġenerali nazzjonali fil-qasam tax-xjenza, ma jwassalx awtomatikament għal nuqqas ta’ komparabbiltà oġġettiva bejn dawk l-istituzzjonijiet Awstrijaki u l-istituzzjonijiet korrispondenti li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea. Għall-kuntrarju, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-istituzzjonijiet ta’ Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, li jsegwu għanijiet identiċi għal dawk tal-istituzzjonijiet Awstrijaki u li jikkontribwixxu, b’dak il-mod, għall-interess ġenerali fil-qasam tax-xjenza tal-Istat fejn huma jkollhom rispettivament is-sede tagħhom, jinsabu f’sitwazzjoni simili. B’hekk, u pereżempju, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi li jwettqu riċerka fundamentali fi Stati Membri differenti, isibu ruħhom, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni simili u b’hekk huma oġġettivament komparabbli, anki jekk dawk ir-riċerki jikkontribwixxu indirettament biex jiġi stabbilit l-Istat tas-sede tal-istituzzjonijiet f’ċentru xjentifiku. Barra minn hekk, jidher li l-Gvern Awstrijak fir-risposta tiegħu wkoll bena r-raġunament tiegħu fuq dak il-kunċett (18).

58.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, jiena tal-fehma li għandhom jinċaħdu, għal nuqqas ta’ rilevanza, l-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak, fejn huwa qal li, minn naħa waħda, l-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1)(a)(d) tal-EStG, u, min-naħa l-oħra, l-istituzzjonijiet korrispondenti tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, li jinsabu fi Stati oħrajn tal-Unjoni Ewropea, ma jinsabux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli, u fejn qal ukoll li d-differenza fit-trattament, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, fir-rigward tad-donaturi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija b’hekk tirrigwarda sitwazzjonijiet (relatati mad-donazzjonijiet) mhux komparabbli bejniethom.

2.      Fuq il-ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali

59.       Il-Gvern Awstrijak jikkunsidra li restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital hija ġġustifikata, fi kwalunkwe każ, għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali. L-istituzzjonijiet kollha elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, isegwu l-għan li jikkonsisti fil-promozzjoni tal-pożizzjoni tal-Awstrija kemm bħala ċentru xjentifiku, kif ukoll fil-qasam tat-taħriġ. Dan l-għan jammonta għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. L-iskema ta’ vantaġġ fiskali inkwistjoni f’din il-kawża tikkontribwixxi biex jintlaħaq dak l-għan u tissodisfa wkoll, f’dan il-kuntest, l-eżami tal-proporzjonalità.

60.      Dan l-argument għandu jinċaħad għal raġunijiet differenti.

61.      Fl-ewwel lok għandha tiġi ċċitata s-sentenza Laboratoires Fournier (19). F’dik il-kawża l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-promozzjoni tar-riċerka u tal-iżvilupp tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Fl-istess ħin, hija madankollu enfasizzat li miżura nazzjonali, li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ kreditu tat-taxxa għar-riċerka lil kull attività ta’ riċerka mhux imwettqa fl-Istat Membru kkonċernat, tmur direttament kontra l-għan tal-politika tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u tal-iżvilupp teknoloġiku u ma tistax, għaldaqstant, tiġi ġġustifikata b’riferiment għall-għan ta’ promozzjoni, tar-riċerka u tal-iżvilupp nazzjonali li jikkostitwixxi l-oġġett tagħha. Fost il-motivi ssollevati mill-Qorti tal-Ġustizzja, hemm b’mod partikolari riferiment għall-Artikolu 163 KE, li sar l-Artikolu 179 TFUE, li l-paragrafu 2 tiegħu jippreċiża li l-Komunità tħeġġeġ lill-impriżi, iċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet fl-isforzi tagħhom ta’ riċerka u żvilupp teknoloġiku ta’ kwalità għolja u tappoġġja l-isforzi tagħhom ta’ kooperazzjoni favur, b’mod partikolari, l-eliminazzjoni tal-ostakli ġuridiċi u fiskali għal dik il-kooperazzjoni.

62.      Jidhirli li l-evalwazzjoni li saret fis-sentenza Fournier hija applikabbli direttament għal din il-kawża, u dan a fortiori issa li ż-żona Ewropea tar-riċerka hija msemmija espressament fl-Artikolu 179 TFUE bħala għan tal-politika tar-riċerka. Minn dan isegwi li l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, u r-restrizzjoni li tirriżulta minnha fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital ma jistgħux, fil-prinċipju, jiġu ġġustifikati b’riferiment għall-għan li huwa s-suġġett ta’ dik il-miżura u li jikkonsisti fil-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp fuq livell nazzjonali fiċ-ċentri tar-riċerka u l-universitajiet Awstrijaki.

63.      Inkwantu l-Gvern Awstrijak jagħmel riferiment għall-għan ta’ promozzjoni tat-taħriġ fl-Awstrija, li huwa s-suġġett tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, biex jiġġustifika r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, naċċetta li l-promozzjoni tat-taħriġ tista’ tikkostitwixxi raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. Madankollu, jiena tal-fehma li l-Gvern Awstrijak ma ressaqx prova li r-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, hija ġġustifikata minn raġunijiet imperattivi marbuta mal-promozzjoni tat-taħriġ.

64.      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar fl-ewwel lok li, skont il-ġurisprudenza tradizzjonali, ma jistgħux jiġu invokati raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali biex jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet għal-libertajiet fundamentali, applikati b’mod diskriminatorju (20).

65.      Ma hemm ebda dubju li l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, hija ta’ mill-inqas diskriminatorja b’mod indirett (21). Madankollu hemm dubju dwar il-kwistjoni jekk il-ġurisprudenza tradizzjonali, li tistabbilixxi li restrizzjonijiet diskriminatorji għal-libertajiet fundamentali ma jistgħux jiġu ġġustifikati minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, hijiex applikabbli wkoll għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża, fejn regolamentazzjoni fiskali nazzjonali li tagħmel distinzjoni skont il-post tal-investiment tal-kapital twassal għal restrizzjoni tal-libertà tal-moviment tal-kapital (22). Fil-ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja hemm ukoll indikazzjonijiet ċari tal-possibbiltà li jiġu invokati, f’ċerti oqsma, raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali inkluż biex jiġu ġġustifikati restrizzjonijiet diskriminatorji għal-libertajiet fundamentali, kemm-il darba jiġi dejjem oservat il-prinċipju tal-proporzjonalità (23).

66.      F’din il-kawża, il-kwistjoni jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni għall-moviment liberu tal-kapital tistax tkun iġġustifikata, fil-prinċipju, minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali mhux neċessarjament trid tiġi deċiża b’mod definittiv. Effettivament, tali ġustifikazzjoni tippresupponi invarjabbilment li l-prinċipju tal-proporzjonalità jitħares. Jidhirli li din l-aħħar kundizzjoni ma hijiex sodisfatta f’din il-kawża.

67.      Fil-kuntest tal-eżami tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jiġi mistħarreġ prinċipalment jekk l-iskema inkwistjoni hijiex 1) adattata u 2) neċessarja biex jintlaħaq l-għan ta’ promozzjoni tar-Repubblika tal-Awstrija bħala ċentru tat-taħriġ u jekk ir-restrizzjoni tal-moviment liberu tal-kapital li tirriżulta minn dan hijiex 3) proporzjonata (24).

68.      Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, miżura tkun adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk hija verament tipprovdi sabiex dan l-għan jintlaħaq b’mod koerenti u sistematiku (25). Miżura tkun neċessarja meta minn fost diversi miżuri adattati biex jinkiseb l-għan, din tirriżulta li tkun lanqas waħda oneruża għall-interess jew beni ġuridiku kkonċernati (26). Miżura nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata għal-libertà ta’ moviment tal-kapital meta, minkejja l-kontribut li tagħti għall-kisba tal-għan ta’ interess ġenerali, din twassal għal restrizzjoni eċċessiva tal-libertà ta’ moviment tal-kapital.

69.      F’dan il-kuntest, il-Gvern Awstrijak isostni li (27) r-restrizzjoni tal-appoġġ fiskali lill-istabbilimenti msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) sa (d) tal-EStG, hija adattata u neċessarja biex jintlaħaq l-għan stabbilit, għaliex skont l-iskema ta’ vantaġġ fiskali, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, għad-donazzjonijiet, spejjeż tal-operat b’ammont massimu ta’ 10 % tal-qligħ jistgħu jiġu invokati bħala donazzjoni għax-xjenza u r-riċerka, biex b’hekk titnaqqas it-taxxa, b’tali mod li l-volum tad-donazzjonijiet li jista’ jintlaħaq huwa limitat fl-ammont tiegħu. Għaldaqstant jeżisti t-tħassib, skont ir-Repubblika tal-Awstrija, li jekk ir-restrizzjoni attwali ssir inqas riġida jista’ jkun hemm spostament parzjali tad-donazzjonijiet lill-istituzzjonijiet Awstrijaki lejn istituzzjonijiet barranin u b’hekk tnaqqis fil-mezzi li attwalment għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istituzzjonijiet Awstrijaki permezz tad-dħul mid-donazzjonijiet.

70.      Jidhirli li, permezz ta’ dan l-argument, il-Gvern Awstrijak ma weriex b’mod suffiċjenti li r-restrizzjoni tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, hija neċessarja sabiex tiġi promossa l-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u tat-taħriġ (28).

71.      Għandu jiġi kkonstatat, f’din il-kawża, li l-Gvern Awstrijak ma weriex permezz ta’ provi b’ċifri, la fir-risposta u lanqas fil-kontroreplika, l-ammonti tad-dħul annwali tad-donazzjonijiet imħallsa lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4(1)(a) sa (d) tal-EStG, u sa liema grad dak id-dħul jikkontribwixxi għall-finanzjament tal-attivitajiet tagħhom. Għall-kuntrarju, il-Gvern Awstrijak sempliċement ippreżenta kunsiderazzjonijiet ta’ natura ġenerali dwar is-sistema li tirriżulta mill-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet u l-konsegwenzi probabbli jekk dik l-iskema tinġieb konformi mad-dritt tal-Unjoni fuq id-disponibbiltà tal-persuni suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija li jagħtu dawk id-donazzjonijiet. Dan ma huwiex biżżejjed biex jikkostitwixxi prova li l-limitazzjoni tal-applikazzjoni tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet għad-donazzjonijiet mogħtija lil istituzzjonijiet nazzjonali hija neċessarja biex tiġi promossa l-pożizzjoni tal-Awstrija bħala ċentru xjentifiku u tat-taħriġ. Għall-istess raġuni, il-Gvern Awstrijak ma jagħti ebda prova tan-natura proporzjonata tal-esklużjoni tal-istituzzjonijiet barranin minn dik ir-regolamentazzjoni. F’dan il-kuntest, b’mod definittiv, għandu jitqies li l-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, tikkostitwixxi restrizzjoni sproporzjonata tal-libertà ta’ moviment tal-kapital.

72.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, nikkonkludi li għandu jinċaħad, bħala infondat, l-argument ippreżentat mill-Gvern Awstrijak, li jgħid li r-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, hija ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi marbuta mal-promozzjoni tax-xjenza u tat-taħriġ.

3.      Sinteżi

73.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, jidhirli li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, li jipprovdi li jistgħu jkunu suġġetti għal tnaqqis fiskali, fil-limiti ffissati mil-liġi, biss dawk id-donazzjonijiet minn donaturi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul fl-Awstrija, u li jitħallsu lill-istituzzjonijiet nazzjonali elenkati f’dak l-Artikolu, jikkostitwixxu restrizzjoni illeċita tal-libertà ta’ moviment tal-kapital u b’hekk jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 56 KE.

74.      Għalkemm, fl-opinjoni mmotivata, il-Kummissjoni waslet għall-konklużjoni li l-Artikolu 4a(1)(a) sa (e) tal-EstG jmur kontra l-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, u għalkemm hija talbet lir-Repubblika tal-Awstrija biex tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tirrimedja dak il-ksur, fir-rikors tagħha hija sempliċement iddenunzjat l-inkompatibbiltà tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, mal-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE (29).

75.      Jirriżulta minn qari kkombinat tal-Artikoli 38(1) u 42(2) tar-Regoli tal-Proċedura li s-suġġett tal-kawża għandu jiġi ppreċiżat fir-rikors. Peress li l-Kummissjoni limitat ir-rikors għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG, għandu jiġi kkonstatat, meta jitqiesu l-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq, li r-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 56 KE, inkwantu hija limitat it-tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul għad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG għall-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

C –    Fuq l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE

76.      Il-Kummissjoni tikkunsidra li r-raġunament li hija ppreżentat fir-rigward tar-restrizzjoni tal-libertà ta’ moviment tal-kapital prevista fl-Artikolu 56 KE permezz tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, huwa validu wkoll, b’analoġija, għall-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE. Il-Kummissjoni b’hekk titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkonstata li, permezz tal-iskema ta’ vantaġġ fiskali assoċjata mad-donazzjonijiet, li tinsab inkwistjoni f’din il-kawża, ir-Repubblika tal-Awstrija naqset ukoll mill-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE.

77.      Wieħed mill-għanijiet prinċipali tal-Ftehim ŻEE huwa li jinkiseb bl-iktar mod komplet possibbli l-moviment liberu tal-merkanzija, tal-persuni, tas-servizzi u tal-kapital fiż-ŻEE kollha, b’tali mod li s-suq intern maħluq fit-territorju tal-Unjoni jiġi estiż għall-Istati tal-EFTA. F’dik il-perspettiva, diversi dispożizzjonijiet fil-ftehim imsemmi huma intiżi li jiggarantixxu interpretazzjoni kemm jista’ jkun uniformi ta’ dan il-ftehim fiż-ŻEE kollha (30).

78.      Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE li r-regoli li jipprojbixxu r-restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital u d-diskriminazzjoni li huma jistabbilixxu, fir-rigward tar-relazzjonijiet bejn l-Istati partijiet fil-Ftehim ŻEE, irrispettivament minn jekk humiex membri tal-Unjoni jew tal-EFTA, identiċi għal dawk li d-dritt tal-Unjoni jimponi fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri (31). Minn dan isegwi li, għalkemm ir-restrizzjonijiet tal-moviment liberu tal-kapital bejn ċittadini ta’ Stati partijiet għall-Ftehim ŻEE għandhom jiġu evalwati fid-dawl tal-Artikolu 40 u l-Anness XII ta’ dak il-ftehim, dawn l-istipulazzjonijiet għandhom l-istess portata ġuridika bħad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 56 KE (32).

79.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li ssollevajt dwar il-ksur tal-Artikolu 56 KE, għandu jiġi kkonstatat, bl-istess mod, li r-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE, inkwantu hija limitat it-tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul għad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 a(1)(a) sa (d) tal-EStG għall-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

VIII – Spejjeż

80.      Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Awstrija tilfet, hija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

IX – Konklużjoni

81.      Fid-dawl tal-analiżi preċedenti, nissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi kif ġej:

1.      Ir-Repubblika tal-Awstrija naqset mill-obbligi tagħha abbażi tal-Artikolu 56 KE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE inkwantu hija limitat it-tnaqqis għall-finijiet tat-taxxa fuq id-dħul għad-donazzjonijiet mogħtija lill-istituzzjonijiet elenkati fl-Artikolu 4 a(1)(a) sa (d) tal-EStG għall-istituzzjonijiet li għandhom is-sede tagħhom fl-Awstrija.

2.      Ir-Repubblika tal-Awstrija għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż. Lingwa tal-proċedura: il-Ġermaniż.


2 – B’mod konformi mat-termini użati fit-TUE u fit-TFUE, l-espressjoni “dritt tal-Unjoni” tintuża bħala espressjoni ġenerika li tirreferi kemm għad-dritt Komunitarju kif ukoll għad-dritt tal-Unjoni. Inkwantu l-kunsiderazzjonijiet segwenti jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, isir riferiment għad-dispożizzjonijiet applikabbli ratione temporis.


3 – Liġi federali tas-7 ta’ Lulju 1988 dwar it-taxxa fuq id-dħul ta’ persuni fiżiċi (Einkommensteuergesetz 1988 –EStG 1988), BGBl nru 400/1988.


4 – Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 2010, Dijkman u Dijkman-Lavaleije (C-233/09, Ġabra p. I-6649, punt 20); tat-3 ta’ Ġunju 2010, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-487/08, Ġabra p. I-4843, punt 37); tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome (C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 34); tal-11 ta’ Settembru 2007, Schwarz u Gootjes-Schwarz (C-76/05, Ġabra p. I-6849, punt 69); tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen (C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 19), u tad-29 ta’ April 1999, Royal Bank of Scotland (C-311/97, Ġabra p. I-2651, punt 19).


5 – Is-sentenza fundamentali hija dik tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche (C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 27). Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ April 2010, Mattner (C-510/08, Ġabra p. I-3553, punt 20), fejn ġie kkonfermat li t-trattament fiskali ta’ donazzjoni ta’ art jaqa’ taħt id-dispożizzjonijiet dwar il-moviment tal-kapital, kemm-il darba l-kawża jkollha element transkonfinali. Qabel dan, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet diġà ddeċidiet li s-suċċessjonijiet jikkostitwixxu moviment ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 56 KE, ħlief f’każijiet fejn l-elementi kostituttivi tagħhom ikunu jinsabu fi ħdan Stat Membru wieħed; ara s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et (C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 39).


6 – B’mod konformi mal-Artikolu 4a(1) tal-EStG, il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu (e) għandhom jiġu pprovati mill-istituzzjoni kkonċernata permezz ta’ attestazzjoni tal-Finanzamt Wien 1/23, li għandha tkun suġġetta għal riżerva li tippermetti r-revoka tagħha f’kull mument.


7 – Ir-Repubblika tal-Awstrija indikat biss li università barranija, istituzzjoni barranija kumparabbli għal Akkademja tax-xjenzi u fond barrani ta’ appoġġ għar-riċerka kumparabbli jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-vantaġġ fiskali għad-donazzjonijiet jekk ikunu jsegwu l-għanijiet promossi fil-qasam tax-xjenza: ara b’mod partikolari r-risposta, punti 9 et seq.


8 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi tal-14 ta’ Ottubru 2008 fil-kawża Persche (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 47.


9 – Sentenza Persche, ċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 38 et seq.


10 – Ara wkoll f’dan il-kuntest il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża Persche (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5), punt 48.


11 – Ara s-sentenza Dijkman u Dijkman-Lavaleije (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 42).


12 – Ara f’dan il-kuntest, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 47), Persche (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 41), Eckelkamp et (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 59), tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer (C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 32), tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich (C-265/04, Ġabra p. I-923, punt 38), Manninen (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 29), u tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen (C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43).


13 – Ara s-sentenzi Persche (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 48), u Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 39).


14 – Sentenza Persche (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 45 et seq).


15 – Ara s-sentenzi Centro di Musicologia Walter Stauffer (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 59) u Manninen (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 49). Ara wkoll is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Tankreederei I (C-287/10, Ġabra p. I-0000, punt 27).


16 – Ara, f’dan il-kuntest, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2010, Markus Stoß (C-316/07, C-358/07 sa C-360/07, C-409/07 u C-410/07, Ġabra p. I-8069, punt 105).


17 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010 (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 30 et seq).


18 – B’hekk, il-Gvern Awstrijak indika, fil-punt 19 tar-risposta tiegħu, li paragun oġġettiv tas-sitwazzjoni tal-istituzzjonijiet “li huma stabbiliti fi Stati Membri differenti, iżda li għandhom bħala għan il-promozzjoni ta’ interessi ġenerali identiċi”, ma jistax isir minħabba n-nuqqas ta’ influwenza statali lil hinn mill-fruntieri tal-Istat rispettiv.


19 – Sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, Laboratoires Fournier (C-39/04, Ġabra p. I-2057, punt 23).


20 – Sentenza fundamentali tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard (C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 37). Ara, fir-rigward tar-restrizzjonijiet diskriminatorji għall-forniment liberu ta’ servizzi, is-sentenzi tas-6 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Spanja (C-153/08, Ġabra p. I-9735, punt 36); tat-30 ta’ Marzu 2006, Servizi Ausiliari Dottori Commercialisti (C-451/03, Ġabra p. I-2941, punti 36 et seq); tas-16 ta’ Jannar 2003, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-388/01, Ġabra p. I-721, punt 19). Fir-rigward tal-prinċipju li ebda ġustifikazzjoni bbażata fuq raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali ma tapplika għal restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment, ibbażati fuq in-nazzjonalità, ara s-sentenza tas-16 ta’ Diċembru 2010, Il-Kummissjoni vs Franza (C-89/09, Ġabra p. I-0000, punti 50 et seq); tal-1 ta’ Ġunju 2010, Blanco Pérez u Chao Gómez (C-570/07 u C-571/07, Ġabra p. I-4629, punti 61 et seq); tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C-171/07 u C-172/07, Ġabra p. I-4171, punti 25 et seq) u tal-10 ta’ Marzu 2009, Hartlauer (C-169/07, Ġabra p. I-1721, punti 44 et seq).


21 – Il-Gvern Awstrijak ma jikkontestax li l-istituzzjonijiet barranin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1)(a) sa (d) tal-EStG. Għalkemm l-Artikolu 4(1)(e) tal-EStG ma jillimitax espressament iċ-ċirku tal-istituzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema għall-istituzzjonijiet nazzjonali tat-taħriġ, tar-riċerka u dawk xjentifiċi, wieħed għandu jitlaq mill-prinċipju li l-istituzzjonijiet ta’ Stati Membri oħrajn tal-Unjoni Ewropea fil-prattika jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(e) tal-EStG biss b’diffikultà kbira. B’hekk hemm diskriminazzjoni, fir-rigward tad-dritt applikabbli għat-taxxa fuq id-dħul, bejn donaturi suġġetti għat-taxxa fl-Awstrija minħabba l-post tal-investiment tal-kapital. Ara l-punti 32 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


22 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’ġurisprudenza li saret stabbilita, li regolamentazzjoni fiskali nazzjonali li tiddistingwi bejn sitwazzjonijiet nazzjonali u barranin u li tillimita, minħabba dan il-fatt, il-libertà ta’ moviment tal-kapital, tista’ titqies bħala kumpatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital biss jekk id-differenza fit-trattament tkun tirrigwarda sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew jekk tkun iġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara l-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 12). Din il-formola timplika b’mod definittiv li differenza fit-trattament, fil-qasam tal-liġi tat-taxxa, li tirrestrinġi l-libertà tal-moviment tal-kapital u li hija applikata għal sitwazzjonijiet nazzjonali u barranin li huma oġġettivament komparabbli, tista’ wkoll tkun iġġustifikata għal raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali; ara, f’dan is-sens, espressament, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006 (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 12, punt 42).


23 – Dan japplika pereżempju fil-qasam tal-miżuri nazzjonali ta’ ħarsien tal-ambjent li jkunu ta’ natura diskriminatorja. Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi tas-16 ta’ Diċembru 2010 fil-Kawża C-28/09 li għadha sub judice (Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punti 82 et seq).


24 – Ara, fir-rigward ta’ dik l-istruttura ta’ evalwazzjoni tal-proporzjonalità fi tliet partijiet, il-konklużjonijiet tiegħi tal-14 ta’ April 2010 fil-kawża Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C-271/08, Ġabra p. I-7091, punt 189) u tas-16 ta’ Diċembru 2010 fil-kawża Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 23, punt 93).


25 – Ara s-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2010, Attanasio Group (C-384/08, Ġabra p. I-2055, punt 51) u tas-17 ta’ Novembru 2009, Presidente del Consiglio dei Ministri (C-169/08, Ġabra p. I-10821, punt 42).


26 – Sentenza tal-11 ta’ Lulju 1989, Schräder HS Kraftfutter (265/87, Ġabra p. 2237, punt 21).


27 – Punti 29 et seq tar-risposta.


28 – Fil-kuntest ta’ rikors għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi taħt it-Trattat, hija l-Kummissjoni li għandha tressaq provi fattwali suffiċjenti li juru ksur tad-dritt tal-Unjoni. Meta dan isir, bħal f’din il-kawża, huwa l-Istat Membru li għandu jikkontesta b’mod sostanzjali u ddettaljat il-fatti ppreżentati u l-konsegwenzi li jirriżultaw minnhom: ara s-sentenza tat-22 ta’ Settembru 1988, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (272/86, Ġabra p. 4875, punt 21).


29 – Dan jirriżulta mill-preżentazzjoni tar-regoli interni tad-dritt Awstrijak fil-punti 7 et sequitur tar-rikors, fejn l-Artikolu 4a(1)(a) sa (d) tal-EStG biss huwa ppreżentat.


30 – Sentenzi tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud (C-72/09, Ġabra p. I-10659, punt 20); tal-11 ta’ Ġunju 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (C-521/07, Ġabra p. I-4873, punt 32) u tat-23 ta’ Settembru 2003, Ospelt u Schlössle Weissenberg (C-452/01, Ġabra p. I-9743, punt 29).


31 – Sentenzi Établissements Rimbaud (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 21) u Ospelt u Schlössle Weissenberg (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 28).


32 – Sentenzi Établissements Rimbaud (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 22) u Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi (iċċitata iktar ’il fuq, nota ta’ qiegħ il-paġna 30, punt 33).