Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Frar 2011 (*)

“Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-kapital – Taxxa fuq is-suċċessjoni – Legati favur entitajiet mingħajr skop ta’ lukru – Rifjut li tiġi applikata rata mnaqqsa meta dawn l-entitajiet ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru ieħor differenti minn dak li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew jaħdem – Restrizzjoni − Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C-25/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal de première instance de Liège (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Jannar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Jannar 2010, fil-proċedura

Missionswerk Werner Heukelbach eV

vs

État belge,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ottubru 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Missionswerk Werner Heukelbach eV, minn J. Roseleth, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti, assistiti minn E. Jacubowitz, avukat,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u J.-P. Keppenne, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 18 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE u 54 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Missionswerk Werner Heukelbach eV (iktar ’il quddiem “Missionswerk”) u l-Istat tal-Belġju dwar ir-rifjut tiegħu li japplika r-rata mnaqqsa għat-taxxi dovuti f’każ ta’ suċċessjoni li din l-assoċjazzjoni kienet tibbenifika minnhom.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [artikolu mħassar bit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10):

“1. Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.

Trasferimenti fir-rigward ta’ movimenti ta’ kapital għandhom isiru fuq il-kondizzjonijiet ta’ l-istess rata ta’ kambju bħal dawk li jirregolaw pagamenti relatanti għal transazzjonijiet kurrenti.”

4        Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 88/361 huma inklużi, taħt it-Titolu XI, il-“Movimenti ta’ kapital personali”, li jinkludu l-wirt u l-legati.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-Artikolu 59(2) tal-Kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni stabbilit bid-Digriet Irjali Nru 308, tal-31 ta’ Marzu 1936 (Moniteur belge tas-7 ta’ April 1936, p. 2403), ikkonfermat bil-liġi tal-4 ta’ Mejju 1936 (Moniteur belge tas-7 ta’ Mejju 1936, p. 3426, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”), jipprovdi li t-taxxa tas-suċċessjoni u taxxa fuq it-trasferiment causa mortis huma mnaqqsa “għal 7 % għal-legati magħmula għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, għas-soċjetajiet ta’ mutwu jew għas-sindakati nazzjonali ta’ soċjetajiet ta’ mutwu, għas-sindakati professjonali u għall-assoċjazzjonijiet internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru, għall-fondazzjonijiet privati u għall-fondazzjonijiet b’funzjoni pubblika”.

6        Skont l-Artikolu 60(1) tal-Kodiċi, kif emendat bid-Digriet Programm tal-gvern tal-Wallonie, tat-18 ta’ Diċembru 2003, li jirrigwarda diversi miżuri fil-qasam ta’ tassazzjoni reġjonali, ta’ tassazzjoni fuq il-likwidità u fuq id-dejn, ta’ organizzazzjoni tas-swieq tal-enerġija, tal-ambjent, tal-agrikoltura, tal-awtoritajiet lokali u subordinati, ta’ patrimonju u ta’akkomodazzjoni u ta’ Servizz pubblika (Moniteur belge tas-6 ta’ Frar 2004, p. 7196), ir-rata mnaqqsa prevista fl-Artikolu 59(2) tal-imsemmi kodiċi ma tapplikax għall-korpi u għall-istituzzjonijiet li josservaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“a.       l-entità jew l-istituzzjoni għandha jkollha l-uffiċċju rreġistrat:

–        jew fil-Belġju;

–        jew inkella fi Stat Membru tal-Komunità Ewropea li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa effettivament kien preċedentement residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu;

b.       l-entità jew l-istituzzjoni għandha ssegwi f’dan l-uffiċċju, prinċipalment u b’għan disinteressat, għanijiet ta’ natura ambjentali, filantropika, reliġjuża, xjentifika, artistika, pedagoġika, kulturali, umanitarja, patrijottika jew ċivika, ta’ tagħlim, ta’ kura għall-persuni jew għall-annimali, ta’ għajnuna soċjali jew ta’ inklużjoni soċjali tal-persuni, fil-mument tal-ftuħ tas-suċċessjoni;

c.       l-entità jew l-istituzzjoni għandha jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha, l-amministrazzjoni ċentrali tagħha jew l-istabbiliment prinċipali tagħha fit-territorju tal-Unjoni Ewropea.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

7        Missionswerk hija assoċjazzjoni reliġjuża li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja. B’testment olografiku tal-5 ta’ Novembru 2003, din l-assoċjazzjoni nħatret bħala legatarja universali ta’ R. Renardie, ċittadina Belġjana. It-testatriċi, li kienet residenti matul ħajjitha kollha fil-Belġju, mietet f’Malmedy (il-Belġju) fit-12 ta’ Ġunju 2004.

8        Fl-14 ta’ Ġunju 2005, Missionswerk ippreżentat dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni f’isem il-mejta quddiem l-Amministrazzjoni tar-reġistrazzjoni u tal-proprjetà ta’ Malmedy (iktar ’il quddiem l-“Amministrazzjoni”) u, sussegwentement, ħallset it-taxxi tas-suċċessjoni bir-rata marġinali ta’ 80 % mitluba minn din l-amministrazzjoni, għal ammont ta’ EUR 60 038.51.

9        Permezz ta’ ittra tal-1 ta’ Diċembru 2005, Missionswerk talbet lill-amministrazzjoni l-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxi tas-suċċessjoni stabbilit fl-Artikolu 59(2) tal-Kodiċi. Din it-talba ġiet miċħuda, għar-raġuni li din l-assoċjazzjoni ma kinitx tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 60(1) ta’ dan il-kodiċi.

10      Fis-7 ta’ Awwissu 2006, Missionswerk talbet lill-amminitrazzjoni r-rimbors tad-differenza bejn l-ammont tat-taxxi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tar-rata marġinali u dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa. It-talba tagħha ġiet miċħuda mill-imsemmija amministrazzjoni peress li hija ma pprovatx suffiċjentment li R. Ranardie kienet residenti jew ħadmet fil-Ġermanja.

11      Fir-rikors ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, Missionswerk talbet il-ħlas lura tat-taxxi tas-suċċessjoni li l-ammont tagħhom kien jeċċedi dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa li hija titlob il-benefiċċju tagħha. Din l-assoċjazzjoni ssostni li l-Artikoli 59(2) u 60(1) tal-Kodiċi joħolqu diskriminazzjoni għad-detriment tar-residenti tar-reġjun tal-Wallonie li jħallu b’legat il-beni tagħhom għall-benefiċċju ta’ assoċjazzjonijiet jew entitajiet tal-karità stabbiliti fi Stati Membri tal-Unjoni li fihom huma qatt ma kienu għexu jew ħadmu.

12      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal de première instance de Liège ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Għandhom l-Artikoli 18 [TFUE], 45 [TFUE], 49 [TFUE] u 54 [TFUE] jiġu interpretati fis-sens li jipprojbixxu l-adozzjoni jew iż-żamma fis-seħħ, mil-leġiżlatur ta’ Stat Membru, ta’ regola li l-iskop tagħha jkun li tirriżerva l-benefiċċju ta’ tassazzjoni bir-rata mnaqqsa ta’ 7 % għall-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru, għas-soċjetajiet ta’ mutwu jew għas-sindakati nazzjonali ta’ soċjetajiet ta’ mutwu, għas-sindakati professjonali u għall-assoċjazzjonijiet internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru, għall-fondazzjonijiet privati u għall-fondazzjonijiet b’funzjoni pubblika li jkunu stabbiliti fi Stat membru fejn id-de cujus – residenti fir-reġjun tal-Wallonie – kien effettivament residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa kien preċedentement effettivament residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq l-identifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni

13      Il-qorti tar-rinviju għamlet id-domanda preliminari tagħha b’riferiment għall-Artikoli 18 TFUE, 45 TFUE, 49 TFUE u 54 TFUE. Madankollu, il-Kummissjoni Ewropea tqis, li s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt il-moviment liberu tal-kapital.

14      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, fir-rigward ta’ kwistjoni li tikkonċerna l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jirrigwardaw l-impożizzjoni tat-taxxi tas-suċċessjoni mad-dritt tal-Unjoni, la l-moviment liberu tal-ħaddiema (Artikolu 45 TFUE) u lanqas il-libertà ta’ stabbiliment (Artikoli 49 TFUE u 54 TFUE) ma huma rilevanti.

15      Sussegwentement, fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital, għandu jitfakkar li, fin-nuqqas ta’ definizzjoni, fit-Trattat FUE, tal-kunċett ta’ “movimenti tal-kapital”, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet valur indikattiv lin-nomenklatura annessa mad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, minkejja li din kienet ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikoli 69 u 70(1) tat-Trattat KEE (l-Artikoli 67 sa 73 tat-Trattat KEE ġew sostitwiti mill-Artikoli 73B sa 73G tat-Trattat KE, li min-naħa tagħhom saru l-Artikoli 56 KE sa 60 KE), bil-kundizzjoni li, skont l-introduzzjoni tagħha, il-lista inkluża fiha ma hijiex ta’ natura eżawrjenti (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Frar 2006, van Hilten-van der Heijden, C-513/03, Ġabra p. I-1957, punt 39; tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 22; tal-11 ta’ Settembru 2008, Eckelkamp et, C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 38, tat-11 ta’ Settembru 2008, Arens-Sikken, C-43/07, Ġabra p. I-6887, punt 29, u tat-22 ta’ April 2010, Mattner, C-510/08, Ġabra p. I-3553, punt 19).

16      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li fakkret b’mod partikolari li s-suċċessjonijiet, li jikkonsistu fit-trasferiment lil persuna jew diversi persuni tal-patrimonju li jitħalla minn persuna mejta, jaqgħu taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, iddeċidiet li s-suċċessjonijiet, jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, sitwazzjoni, bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha persuna residenti fil-Belġju għamlet legat għall-benefiċċju ta’ entità mingħajr skop ta’ lukru li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fil-Ġermanja b’ebda mod ma tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna.

17      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital japplikaw għal kawża bħal dik tal-kawża prinċipali.

18      Fl-aħħar nett, rigward ir-rilevanza tar-riferiment li tagħmel id-domanda preliminari għall-Artikolu 18 TFUE, li jistabbilixxi prinċipju ġenerali ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni hija intiża li tapplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati bid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprovdix regoli speċifiċi dwar in-nondiskriminazzjoni (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2010, SGI, C-311/08, Ġabra p. I-487, punt 31 kif ukoll tas-26 ta’ Ottubru 2010, Schmelz, C-97/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 44).

19      Peress li d-dispożizzjonijiet dwar il-moviment liberu tal-kapitali huma applikabbli u peress li jipprovdu regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni, l-Artikolu 18 TFUE għalhekk ma japplikax.

20      Għaldaqstant, jeħtieġ li jitqies li bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni li tirriżerva l-possibbiltà ta’ benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxi tas-suċċessjoni lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom f’dan l-Istat Membru jew fl-Istat Membru li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu, fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa effettivament kien preċedentement residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

21      L-Artikolu 63(1) TFUE jipprojbixxi b’mod ġenerali r-restrizzjonijiet fuq il-movimenti tal-kapital bejn l-Istati Membri.

22      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, inkwantu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital, jinkludu, fil-każ ta’ suċċessjoni, dawk il-miżuri li għandhom l-effett li jnaqqsu l-valur tas-suċċessjoni ta’ resident ta’ Stat li ma huwiex l-Stat Membru fejn jinsabu l-beni kkonċernati u li jintaxxa s-suċċessjoni fuq l-imsemmija beni (sentenza van Hilten-van der Heijden, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’din il-kawża, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tirriżerva l-benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxa tas-suċċessjoni lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom l-uffiċċju rreġistrat fil-Belġju jew fl-Istat Membru li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu, fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa effettivament kien preċedentement residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu.

24      Għalhekk, din il-leġiżlazzjoni twassal sabiex suċċessjoni tkun suġġetta għal taxxa iktar għolja meta l-benefiċjarja tagħha tkun entità mingħajr skop ta’ lukru li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru li fih id-de cujus effettivament ma kienx residenti jew ħadem u, konsegwentement, għandha l-effett li tillimita l-movimenti tal-kapital billi tnaqqas il-valur tal-imsemmija suċċessjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza Eckelkamp et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 45).

25      Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni, l-applikazzjoni ta’ rata’ ta’ taxxa iktar għolja fuq ċertu movimenti ta’ kapital transkonfinali meta mqabbla ma’ dik applikata għall-movimenti ta’ kapital fil-Belġju hija ta’ natura li tirrendi inqas attraenti dawn il-movimenti ta’ kapital transkonfinali, billi tiddiswadi lir-residenti Belġjani milli jaħtru bħala legatarji persuni stabbiliti fi Stati Membri li fihom huma effettivament ma kinux residenti jew ħadmu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 38).

26      Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

27      Skont il-gvern Belġjan, id-differenza ta’ trattament li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Wallonie inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata peress li, fir-rigward tal-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni Belġjana, l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jinsabux f’sitwazzjoni oġġettivament komparabbli għal dik ta’ entitajiet li l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jinsab fil-Belġju. L-Istati Membri għandhom id-dritt, minn naħa, li jeħtieġu rabta suffiċjentement stretta bejn l-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru u l-attivitajiet li huma jeżerċitaw għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti benefiċċji fiskali u, min-naħa l-oħra, li jiddeċiedu liema huma l-interessi tal-kollettività li huma jridu jippromwovu filwaqt li jagħtu benefiċċji fiskali lil dawn l-istituzzjonijiet.

28      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 65(1)(a) u (3) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma jippreġudikax id-dritt li għandhom l-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni li jħallsu t-taxxa li ma humiex fl-istess sitwazzjoni rigward il-post ta’ residenza tagħhom jew rigward il-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit, sakemm dawn id-dispożizzjonijiet ma jikkostitwixxux mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital u ħlasijiet kif iddefinit f’dan l-Artikolu 63.

29      Mill-ġurisprudenza jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali tkun tista’ titqies bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital, id-differenza fit-trattament għandha tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament komparabbli jew tkun iġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43; tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 29; tat-8 Settembru 2005, Blanckaert, C-512/03, Ġabra p. I-7685, punt 42, u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 68).

30      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, għalkemm huwa leġittimu għal Stat Membru li jeħtieġ, għall-finijiet tal-għoti ta’ ċerti benefiċċji fiskali, li tkun teżisti rabta suffiċjentement stretta bejn l-entitajiet li huwa jirrikonoxxi bħala li jsegwu wħud mill-għanijiet tiegħu ta’ interess ġenerali u l-attivitajiet li huma jeżerċitaw (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Centro di Musicologia Walter Stauffer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37), madankollu, dan ma jistax jirriżerva l-benefiċċju ta’ tali vantaġġi biss għall-entitajiet stabbiliti fit-territorju tiegħu u li l-attivitajiet tagħhom jistgħu jeżentawh mir-responsabbiltajiet tiegħu (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

31      B’mod partikolari, l-eventwalità għal Stat Membru li jiġi eżentat minn uħud mir-responsabbiltajiet tiegħu ma tippermettilux li jintroduċi trattament differenti bejn l-entitajiet nazzjonali rrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali u dawk stabbiliti fi Stat Membru ieħor minħabba li l-legati magħmula għall-benefiċċju ta’ dawn l-entitajiet, anke meta l-attivatjiet tagħhom huma fost l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru, ma jistgħux iwasslu għal kumpens baġitarju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li n-neċessità li jiġi prekluż it-tnaqqis ta’ dħul fiskali la tidher fost l-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 65 TFUE, u lanqas fost ir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq libertà stabbilità permezz tat-Trattat FUE (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 46).

32      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, meta entità rrikonoxxuta li hija ta’ interess ġenerali fi Stat Membru tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti għal dan il-għan mil-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor u għandha bħala għan il-promozzjoni ta’ interessi identiċi tal-kollettività, b’mod li jkun possibbli li jiġu rrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali f’dan l-Istat Membru, huma l-awtoritajiet nazzjonali tal-istess Stat Membru, inklużi l-qrati, li għandhom jevalwaw jekk l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jistgħux jirrifjutaw lil din l-entità d-dritt għal trattament ugwali biss minħabba l-fatt li ma hijiex stabbilita fit-territorju tagħhom (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49).

33      Fil-fatt, entità stabbilita fi Stat Membru u li tissodisfa l-kundizzjonijiet imposti għal dan il-għan minn Stat Membru ieħor għall-għoti ta’ benefiċċji fiskali, tinsab, fir-rigward tal-għoti minn dan l-aħħar Stat Membru ta’ benefiċċji fiskali li għandhom l-għan li jinkoraġixxu l-attivitajiet ta’ interess ġenerali kkonċernati, f’sitwazzjoni komparabbli ma’ dik tal-entitajiet irrikonoxxuti li huma ta’ interess ġenerali stabbiliti f’dan l-aħħar Stat Membru (sentenza Persche, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

34      F’din il-kawża, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni tal-Wallonie inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprovdi bħala kriterju l-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-entità mingħajr skop ta’ lukru, uffiċċju li għandu jkun jinsab fil-Belġju, jew fi Stat Membru li fih id-de cujus kien residenti jew kellu l-post ta’ xogħol tiegħu, sabiex tistabbilixxi jekk għandhiex tiġi applikata rata mnaqqsa għat-taxxi tas-suċċessjoni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 31 sa 33 ta’ din is-sentenza, meta l-entità inkwistjoni rrikonoxxuta li hija ta’ interess ġenerali tissodisfa kundizzjonijiet oħra differenti minn dik tal-post tal-uffiċċju rreġistrat imposta mil-leġiżlazzjoni tal-Wallonie sabiex tibbenefika minn benefiċċji fiskali fil-qasam ta’ taxxi tas-suċċessjoni, hija l-qorti tar-rinviju li għandha teżamina jekk l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru jistgħux jirrifjutaw lil din l-entità d-dritt għall-trattament ugwali minħabba li hija ma għandhiex uffiċċju rreġistrat fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru u lanqas fl-Istat Membru fejn id-de cujus ħadem jew kien residenti.

35      Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkunsidrat li l-leġiżlazzjoni Belġjana inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma tilħaqx l-għan imfittex, li huwa dak li jiġu ffavoriti fiskalment biss l-entitajiet li l-attivitajiet tagħhom jibbenefikaw lill-imsemmija kollettività Belġjana.

36      Fil-fatt, l-imsemmija leġiżlazzjoni, billi tqis bħala kriterju l-post tal-uffiċċju rreġistrat tal-entità kkonċernata sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ rabta mill-qrib mal-kollettività Belġjana, twassal li jiġu trattati b’mod differenti mhux biss l-entitajiet li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fit-territorju Belġjan u dawk li ma jissodisfawx dan il-kriterju filwaqt li għandhom rabta stretta ma’ din il-kollettività, iżda wkoll b’mod simili l-entitajiet li għandhom l-uffiċċju rreġistrat fil-Belġju, indipendentement minn jekk stabbilixxewx jew le rabta stretta mal-imsemmija kollettività.

37      Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membri li tirriżerva l-possibbiltà ta’ benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxi tas-suċċessjoni lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom l-uffiċċju rreġistrat f’dan l-Istat Membru jew fl-Istat Membru li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu, fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa effettivament kien preċedentement residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

38      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membri li tirriżerva l-possibbiltà ta’ benefiċċju tar-rata mnaqqsa tat-taxxi tas-suċċessjoni lill-entitajiet mingħajr skop ta’ lukru li għandhom l-uffiċċju rreġistrat f’dan l-Istat Membru jew fl-Istat Membru li fih id-de cujus effettivament kien residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu, fil-mument tal-mewt tiegħu, jew li fih huwa effettivament kien preċedentement residenti jew kellu l-post tax-xogħol tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.