SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
6 ta’ Settembru 2012 (*)
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Artikolu 49 TFUE — Leġiżlazzjoni fiskali — Trasferiment tad-domiċilju fiskali — Trasferiment ta’ assi — Taxxa tal-ħruġ immedjata”
Fil-Kawża C-38/10,
li għanda bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2010,
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn R. Lyal, G. Braga da Cruz u P. Guerra e Andrade, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,
rikorrenti,
vs
Ir-Repubblika Portugiża, irrappreżentata minn L. Fernandes u J. Menezes Leitão, bħala aġenti,
konvenuta,
sostnuta minn:
Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Vang, bħala aġent,
Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn C. Blaschke u K. Petersen, bħala aġenti,
Ir-Renju ta’ Spanja, irrappreżentat minn M. Muñoz Pérez u A. Rubio González, bħala aġenti,
Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u N. Rouam, bħala aġenti,
Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn C. Wissels u M. de Ree, bħala aġenti,
Ir-Repubblika tal-Finlandja, irrappreżentata minn J. Heliskoski, bħala aġent,
Ir-Renju tal-Isvezja, irrappreżentat minn A. Falk u S. Johannesson, bħala aġenti,
Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Hathaway u A. Robinson, bħala aġenti,
intervenjenti
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-30 ta’ April 2012,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tikkonstata li, billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikoli 76 A, 76 B u 76 C tal-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi (Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Colectivas, iktar ’il quddiem iċ-“CIRC”), applikabbli fil-każ ta’ trasferiment, minn kumpannija Portugiża, tas-sede statutorja tagħha u tal-amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor jew fil-każ ta’ waqfien tal-attivitajiet ta’ stabbiliment permanenti fil-Portugall jew ta’ trasferiment tal-assi tiegħu mill-Portugall lejn Stat Membru ieħor, li jipprevedu:
– li l-bażi taxxabbli tas-sena li matulha seħħ il-fatt ġeneratur tinkludi l-qligħ kapitali moħbi kollu relattiv għall-assi kkonċernati, iżda mhux il-qligħ kapitali moħbi li jirriżulta minn tranżazzjonijiet purament nazzjonali;
– li s-soċji ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha u l-amministrazzjoni effettiva tagħha barra mit-territorju Portugiż huma suġġetti għal taxxa fuq id-differenza bejn il-valur tal-assi netti tal-kumpannija (ikkalkulat fid-data tat-trasferiment, bil-prezz tas-suq) u l-prezz tax-xiri tal-ishma korrispondenti,
ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE u taħt l-Artikolu 31 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 52, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”).
Il-kuntest ġuridiku
2 Id-Digriet-Liġi Nru 159/2009 (Decreto-Lei n.° 159/2009), tat-13 ta’ Lulju 2009 (Diário da República I, serje A, Nru 133, tat-13 ta’ Lulju 2009), għamel numerazzjoni mill-ġdid tal-Artikoli taċ-CIRC rilevanti fil-kuntest ta’ din il-kawża. Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza tan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata fid-dawl ta’ kif kienet is-sitwazzjoni tal-Istat Membru fit-tmiem tat-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, u l-bidliet li jkunu seħħew sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. Dan id-Digriet-Liġi daħal fis-seħħ fl-1 ta’Jannar 2010 filwaqt li l-iskadenza tat-terminu stabbilit mill-Kummissjoni kienet fl-1 ta’ Frar 2009. Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għaldaqstant, l-emendi li jirriżultaw mid-dħul fis-seħħ tad-Digriet-Liġi Nru 159/2009 ma humiex se jittieħdu inkunsiderazzjoni.
3 L-Artikoli 76 A, 76 B u 76 C taċ-CIRC kienu jipprovdu dan li ġej:
“Artikolu 76 A
Trasferiment tar-residenza
1. Sabiex jiġi stabbilit il-qligħ taxxabbli tas-sena li matulha jseħħ il-waqfien tal-attività ta’ entità li s-sede jew l-amministrazzjoni effettiva tagħha li jinsabu fit-territorju Portugiż jiġu ttrasferiti ’l barra minn dan it-territorju, inkluż dawk ta’ kumpannija Ewropea u ta’ kumpannija Ewropea tal-koperattivi, id-differenzi bejn il-valuri fis-suq u l-valuri kontabbli li huma fiskalment rilevanti tal-elementi tal-assi tagħha fid-data tal-waqfien tal-attività jikkostitwixxu profitt jew telf.
2. Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 ma għandhomx japplikaw għall-assi li jibqgħu effettivament assenjati għand stabbiliment permanenti tal-istess entità u li jipparteċipaw fil-formazzjoni tal-qligħ taxxabbli tiegħu, peress li l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 68(3) huma sodisfatti mutatis mutandis għal dawn l-assi.
3. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 68(4) japplikaw mutatis mutandis għad-determinazzjoni tal-qligħ taxxabbli tal-istabbiliment permanenti.
4. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 2, it-telf fiskali ta’ qabel il-waqfien tal-attività jistgħu jitnaqqsu mill-qligħ taxxabbli attribwibbli għall-istabbiliment permanenti tal-entità mhux residenti, skont il-modalitajiet u l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 15.
5. Is-sistema speċjali prevista fil-paragrafi 2, 3 u 4 ma tapplikax għall-każijiet imsemmija fl-Artikolu 67(10) taċ-CIRC.
Artikolu 76 B
Waqfien ta’ attivitajiet tal-istabbiliment permanenti
Id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 1 tal-Artikolu ta’ qabel dan għandhom japplikaw mutatis mutandis għad-determinazzjoni tal-qligħ taxxabbli attribwibbli għall-istabbiliment permanenti ta’ entità mhux residenti li jinsab fit-territorju Portugiż:
a) f’każ ta’ waqfien tal-attività tagħha fit-territorju Portugiż;
b) f’każ ta’ trasferiment barra mit-territorju Portugiż, ikunu x’ikunu l-modalitajiet materjali jew ġuridiċi tiegħu, ta’ assi li huma assenjati lill-istabbiliment permanenti.
Artikolu 76 C
Sistema applikabbli għas-soċji
1. Għas-sena li matulha s-sede statutorja u l-amministrazzjoni effettiva jiġu ttrasferiti barra mit-territorju Portugiż, għall-finijiet tal-intaxxar tas-soċji għandu jittieħed kont tad-differenza bejn il-valur nett tal-assi f’dik id-data u l-prezz tax-xiri tal-ishma korrispondenti, billi jiġu applikati mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 75(2) u (4).
2. Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu ta’ qabel dan, l-evalwazzjoni tal-assi għandha ssir fuq il-valur tagħhom fis-suq.
3. It-trasferiment tas-sede ta’ kumpannija Ewropea jew ta’ kumpannija Ewropea tal-koperattivi fih innifsu ma jwassalx għall-applikazzjoni tad-dispożizzjoni tal-paragrafu 1.”
4 L-Artikolu 43(1) taċ-CIRC kien jipprovdi li “jitqies bħala qligħ kapitali jew telf kapitali mwettqa l-profitt miksub u t-telf irrappurtat fuq elementi tal-assi fissi matul trażmissjoni b’titolu oneruż, tkun xi tkun ir-raġuni tagħha, kif ukoll dawk li jirriżultaw minn aċċidenti jew dawk li jirriżultaw mir-rabta permanenti ta’ dawn l-elementi ma’ finijiet oħrajn għajr l-attività eżerċitata”.
5 L-Artikolu 43(2) ta’ dan il-kodiċi kien jipprovdi li l-qligħ kapitali u t-telf kapitali jikkorrispondu għad-“differenza bejn l-ammont tat-twettiq, bl-ispejjeż applikabbli għalih imnaqqsa minnu, u l-ammont tax-xiri wara tnaqqis tal-integrazzjonijiet mill-ġdid jew tad-deprezzamenti mwettqa”.
6 Skont l-Artikolu 43(3) taċ-CIRC, l-ammont tat-twettiq tat-trażmissjoni b’titolu oneruż tal-elementi tal-assi kien jikkorrispondi għall-ammont ta’ kontro-provvista iżda, fil-każ ta’ beni relatati b’mod permanenti ma’ finijiet oħrajn għajr l-attività eżerċitata, l-ammont tat-twettiq kien il-valur tas-suq tiegħu.
Il-proċedura prekontenzjuża
7 Billi kkunsidrat, fid-dawl tal-informazzjoni disponibbli dak iż-żmien, li r-Repubblika Portugiża ma kinitx osservat l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE billi, b’applikazzjoni tal-Artikoli 76 A, 76 B u 76 C taċ-CIRC, imponiet taxxa immedjata fuq il-qligħ moħbi f’każ ta’ trasferiment tas-sede statutorja u tal-amministrazzjoni effettiva ta’ kumpannija Portugiża lejn Stat Membru ieħor jew f’każ ta’ trasferiment tal-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-terrritorju Portugiż lejn Stat membru ieħor, il-Kummissjoni, fid-29 ta’ Frar 2008, indirizzat ittra ta’ intimazzjoni lil dan l-Istat Membru fejn stednitu sabiex, skont l-Artikolu 226 KE, jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu.
8 Fir-risposta tagħha tal-10 ta’ Lulju 2008, ir-Repubblika Portugiza kkontestat il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
9 Fl-1 ta’ Diċembru 2008, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata fejn fiha hija sostniet li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 43 KE u l-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikoli 76 A, 76 B u 76 C taċ-CIRC, u stiednet lir-Repubblika Portugiża sabiex tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha f’terminu ta’ xahrejn mir-riċezzjoni tal-imsemmija opinjoni.
10 Billi, fir-risposta tagħha tas-6 ta’April 2009 ir-Repubblika Portugiża sostniet li kienet tqis il-pożizzjoni tal-Kummissjoni bħala waħda żbaljata, din tal-aħħar iddeċidiet li tippreżenta dan ir-rikors.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
11 Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ġunju 2010, ir-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, ir-Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq ġew awtorizzati jintervenju insostenn tat-talbiet tar-Repubblika Portugiża.
12 Wara s-sentenza tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, (C-371/10, Ġabra p. I-12273), b’applikazzjoni tal-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja l-intervenjenti kollha intalbu jagħtu l-kummenti tagħhom bil-miktub dwar il-kwistjoni ta’ liema huma l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din is-sentenza.
13 Ir-Renju tad-Danimarka u r-Repubblika Portugiża bagħtu r-risposta tagħhom lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 u fis-27 ta’ Marzu 2012 rispettivament. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u r-Renju Unit bagħtu r-risposta tagħhom lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-29 ta’ Marzu 2012. F’dak li jirrigwarda r-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, ir-Renju tal-Isvezja u l-Kummissjoni, dawn bagħtu r-risposta tagħhom lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Marzu 2012.
Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors
14 Minkejja li, fin-noti tiegħu, il-Gvern Portugiż ma jeċċipixxi ebda motiv ta’ inammissibbiltà ta’ dan ir-rikors, il-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 11 sa 13 tal-konklużjonijiet tiegħu, tista’ tivverifika ex officio jekk il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 226 KE għall-preżentata ta’ rikors għall-konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu humiex sodisfatti.
15 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar b’mod partikolari li l-ittra ta’ intimazzjoni indirizzata mill-Kummissjoni lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll l-opinjoni motivata maħruġa mill-imsemmija istituzzjoni jiddefinixxu s-suġġett tal-kawża, li għaldaqstant, ma jistax jiġi estiż iktar. Konsegwentement, l-opinjoni motivata u r-rikors tal-Kummissjoni għandhom ikunu bbażati fuq l-istess ilmenti bħal dawk imsemmija fl-ittra ta’ intimazzjoni li tibda l-proċedura prekontenzjuża (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-10 ta’ Settembru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-457/07, Ġabra p. I-8091, punt 55, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C-535/07, Ġabra p. I-9483, punt 41).
16 Jekk dan ma huwiex il-każ, tali irregolarità ma tistax titqies bħala eliminata mill-fatt li l-Istat Membru konvenut ifformula xi osservazzjonijiet dwar l-opinjoni motivata (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-proċedura prekontenzjuża tikkostitwixxi garanzija essenzjali mhux biss għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-Istat Membru inkwistjoni, iżda wkoll sabiex jiġi żgurat li l-proċedura kontenzjuża eventwali tkun tirrigwarda kwistjoni ddefinita b’mod ċar (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-365/97, Ġabra p. I-7773, punt 35 u tal-10 ta’ April 2003, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C-392/99, Ġabra p. I-3373, punt 133).
17 Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku, kif il-Kummissjoni barra minn hekk ammettiet waqt is-seduta, li l-ittra ta’ intimazzjoni mibgħuta lir-Repubblika Portugiża fid-29 ta’ Frar 2008 ma kienet tinkludi ebda referenza għal allegat ksur tal-Artikolu 31 tal-Ftehim ŻEE.
18 Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi ddikjarat inammissibbli sa fejn dan jirrigwarda l-ksur tal-imsemmija dispożizzjoni.
19 Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma spjegatx b’mod preċiż biżżejjed kif l-Artikolu 76 C taċ-CIRC, li jipprevedi intaxxar immedjat tas-soċji fuq il-qligħ kapitali moħbi relattiv għal ishma mill-kapital tal-kumpanniji matul it-trasferiment tas-sede statutorja tagħhom u tal-amministrazzjoni effettiva tagħhom lejn Stat Membru ieħor, jista’ jikkostitwixxi ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment tal-kumpanniji inkwistjoni.
20 Konsegwentement, it-tieni lment tal-Kummissjoni għandu jiġi ddikjarat inammissibbli.
Fuq ir-rikors
21 Preliminarjament għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma tikkontestax id-dritt tal-Istati Membri li jintaxxaw il-qligħ kapitali mnissel fit-territorji rispettivi tagħhom.
22 Essenzjalment, hija tikkritika lir-Repubblika Franċiża għad-differenza fit-trattament fiskali tal-qligħ kapitali moħbi stabbilit bid-dispożizzjonijiet kontenzjużi bejn, minn naħa, trasferiment ta’ attivitajiet ta’ kumpannija lejn Stat Membru ieħor, u, min-naħa l-oħra, trasferimenti simili fi ħdan it-territorju Portugiż. Meta kumpannija teżerċita d-dritt tagħha ta’ stabbiliment liberu u tittrasferixxi xi attivitajiet mit-territorju Portugiż lejn Stat Membru ieħor, din ma għandhiex, skont il-Kummissjoni, tkun suġġetta għal impożizzjoni ta’ taxxa fiskali li tinġabar iktar kmieni, jew li tkun ta’ ammont ikbar minn dik li tkun tapplika għal kumpannija li twettaq trasferiment ta’ attivitajiet iżda li tirrisjedi fit-territorju Portugiż. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet kontenzjużi jkunu jistgħu joħolqu xi ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment u jiksru l-Artikolu 49 TFUE.
23 Hekk kif l-Avukat Ġenerali jirrileva fil-punti 26 u 49 sa 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan ir-rigward huwa paċifiku, fid-dawl b’mod partikolari tas-sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, li l-libertà ta’ stabbiliment tapplika għat-trasferimenti ta’ attivitajiet ta’ kumpannija mit-territorju Portugiż lejn Stat Membru ieħor, u dan indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-kumpannija inkwistjoni tittrasferixxix is-sede statutorja tagħha u l-amministrazzjoni effettiva tagħha barra mit-territorju Portugiż jew jekk hi tittrasferixxix assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Portugiż lejn Stat Membru ieħor.
24 L-Artikolu 49 TFUE jimponi l-projbizzjoni tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Għall-kumpanniji stabbiliti skont il-liġijiet ta’ Stat Membru u li jkollhom is-sede statutorja, l-amministrazzjoni ċentrali jew l-istabbiliment prinċipali tagħhom ġewwa l-Komunità Ewropea, din il-libertà tinkludi d-dritt li jeżerċitaw l-attività tagħhom fi Stati Membri oħra permezz ta’ kumpannija sussidjarja, fergħa jew aġenzija (ara s-sentenzi tat-23 ta’ Ottubru 2008, Krankenheim Ruhesitz am Wannsee-Seniourenheimstatt, C-157/07, Ġabra p. I-8061, punt 28, u tal-25 ta’ Frar 2010, X Holding, C-337/08, Ġabra p. I-1215, punt 17).
25 Minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment għandhom l-għan li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament ugwali għal dak nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, bl-istess mod huma jipprojbixxu lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment, fi Stat Membru ieħor, ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skont il-liġi tiegħu (sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà għandhom jiġu kkunsidrati bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment (sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
27 Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif sostniet il-Kummissjoni fil-kuntest tal-ewwel ilment tagħha, li l-Artikoli 76 A u 76 B taċ-CIRC jinkludu ostakoli għal-libertà ta’ stabbiliment peress li, f’każ ta’ trasferiment, minn kumpannija Portugiża, tas-sede statutorja tagħha u tal-amminstrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, kif ukoll f’każ ta’ trasferiment parzjali jew totali tal-assi ta’ stabbiliment permanenti ta’ kumpannija li ma tirrisjedix fil-Portugall li jinsab fit-territorju Portugiż lejn Stat Membru ieħor, tali kumpannija hija ppenalizzata finanzjarjament meta mqabbla ma’ kumpannija simili li żżomm l-attivitajiet tagħha fit-territorju Portugiż.
28 Fil-fatt, skont dawn id-dispożizzjonijiet, kumpannija Portugiża li tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha u l-amministrazzjoni effettiva tagħha barra mit-territorju Portugiż tiġi intaxxata fuq il-qligħ kapitali moħbi. Għall-kuntrarju, dan ma huwiex il-każ meta din il-kumpannija żżomm is-sede tagħha fit-territorju Portugiż, billi din tiġi intaxxata biss fuq il-qligħ kapitali mwettaq. Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu wkoll l-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi f’każ ta’ trasferiment parzjali jew totali tal-assi ta’ stabbiliment permanenti ta’ kumpannija li ma hijiex residenti fil-Portugall li jinsab fit-territorju Portugiż, lejn Stat Membru ieħor, filwaqt li trasferiment ta’ assi fit-territorju Portugiż ma jwassalx għal tali taxxa. Din id-differenza fit-trattament hija ta’ natura li tiskoraġġixxi kumpannija milli titrasferixxi l-attivitajiet tagħha mit-territorju Portugiż lejn Stat Membru ieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., C-380/11, punt 36).
29 Id-differenza fit-trattament ikkonstatata ma hijiex spjegata minn differenza ta’ sitwazzjoni oġġettiva. Fil-fatt, hekk kif essenzjalment jirrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 55, 94 sa 99 u 111 tal-konklużjonijiet tiegħu, fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li hija intiża li tintaxxa l-qligħ kapitali ġġenerat fit-territorju tiegħu, is-sitwazzjoni ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede statutorja tagħha u l-amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, kif ukoll dik ta’ kumpannija li tittrasferixxi parti mill-assi jew l-assi kollha ta’ stabbiliment permanenti Portugiż lejn Stat Membru ieħor, għal dak li jikkonċerna l-intaxxar tal-qligħ kapitali li jkun ġew iġġenerati fl-ewwel Stat Membru qabel l-imsemmija tranżazzjonijiet, din hija analoga għal dik ta’ kumpannnija li tillimita dawn it-tranżazzjonijiet għat-territorju nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).
30 Sa fejn l-Artikolu 76 B(a) taċ-CIRC jipprevedi intaxxar f’sitwazzjoni fejn il-waqfien tal-attività fit-territorju Portugiż ma huwiex il-konsegwenza ta’ trasferiment tal-attivitajiet kollha relatati ma’ stabbiliment permanenti Portugiż lejn Stat Membru ieħor, iżda huwa l-konsegwenza ta’ waqfien, mill-kumpannija taxxabbli, tal-attività ekonomika inkwistjoni, fid-dawl tal-Artikolu 43 taċ-CIRC għandu jiġi kkonstatat li ma hemmx differenza fit-trattament bejn sitwazzjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 49 TFUE u sitwazzjoni purament interna. Fil-fatt, hekk kif irrilevat ir-Repubblika Portugiża, l-imsemmi Artikolu 43 taċ-CIRC jipprevedi l-intaxxar, ta’ kumpannija Portugiża, fuq il-qligħ kapitali moħbi relattiv għall-assi distakkati mill-attività ekonomika tal-imsemmija kumpannija. Għaldaqstant, ma hemmx restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment.
31 F’dak li jikkonċerna l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni eventwali tar-restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment ikkonstatata kif ukoll in-natura proporzjonata tagħha, għandu jitfakkar li, fis-sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 86, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 49 TFUE jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li timponi l-irkupru immedjat tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi relattiv għall-elementi ta’ patrimonju ta’ kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor, fil-mument tal-imsemmi trasferiment.
32 Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-punt 73 tas-sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, leġiżlazzjoni nazzjonali li toffri l-għażla lill-kumpannija li tittrasferixxi s-sede ta’ amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor bejn, minn naħa, il-ħlas immedjat tal-ammont tat-taxxa u, min-naħa l-oħra, il-ħlas postpost tal-ammont tal-imsemmija taxxa, flimkien, jekk ikun il-każ, mal-interessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, tikkostitwixxi miżura li hija inqas ta’ theddida għal-libertà ta’ stabbiliment mill-miżuri inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
33 F’dan ir-rigward għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika Portugiża, fir-risposta bil-miktub għad-domanda tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, aċċettat li, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tikkonstata li l-leġiżlazzjoni tirrestrinġi effettivament l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment, hija tintroduċi fil-leġiżlazzjoni tagħha l-possibbiltà, għall-kumpanniji li jkunu jixtiequ jittrasferixxu s-sede tagħhom lejn Stat Membru ieħor, li ma jkollhomx għalfejn iħallsu immedjatament l-ammont sħiħ tat-taxxa fuq il-qligħ kapitali moħbi ġġenerat fit-territorju Portugiż.
34 Għandu jiżdied li, kuntrarjament għal dak li r-Repubblika Portugiża sostniet matul is-seduta, għandha tingħata l-istess risposta bħalma ngħatat fil-punt 31 ta’ din is-sentenza fir-rigward tal-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi relattiv għall-assi ta’ stabbiliment permanenti li jinsab fit-territorju Portugiż li jkunu ttrasferiti lejn Stat Membru ieħor. L-osservazzjoni li tidher fil-punt 57 tas-sentenza National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, li tgħid li “l-assi ta’ kumpannija huma direttament marbuta mal-attivitajiet ekonomiċi li huma ddestinati li jiġġeneraw qligħ” u li fuqha tibbaża ruħha r-Repubblika Portugiża, ma saritx fil-kuntest tal-eżami tan-natura restrittiva tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti fil-kawża inkwistjoni, iżda fil-kuntest tal-analiżi tal-proporzjonalità tagħha, sa fejn din irrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni t-telf imwettaq wara t-trasferiment tas-sede amministrattiva ta’ kumpannija lejn Stat membru ieħor. Għaldaqstant, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, minn din il-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma huwiex possibbli li tinsilet il-konsegwenza li, minn naħa, it-tmien tar-rabta tal-assi ta’ stabbiliment permanenti ma’ kull attività ekonomika fi Stat Membru u, min-naħa l-oħra, it-trasferiment ta’ tali assi lejn Stat Membru ieħor matul il-waqfien tal-attività tal-imsemmi stabbiliment permanenti fl-ewwel Stat Membru huma sitwazzjonijiet paragunabbli.
35 Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni, billi dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 49 TFUE huwa fondat sa fejn dawn jikkonċerna t-trasferiment, minn kumpannija Portugiża, tas-sede statutorja tagħha u tal-amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor jew it-trasferiment, minn kumpannija li ma tirrisjedix fil-Portugall, ta’ parti jew tal-assi kollha relatati ma’ stabbiliment permanenti Portugiż, mill-Portugall lejn Stat Membru ieħor, u li l-kumplament tar-rikors għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
36 Skont l-Artikolu 69(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika Portugiża tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) Billi adottat u żammet fis-seħħ l-Artikoli 76 A u 76 B tal-Kodiċi tat-taxxa fuq id-dħul tal-persuni ġuridiċi (Código do Imposto sobre o Rendimento das Pessoas Colectivas), applikabbli f’każ ta’ trasferiment, minn kumpannija Portugiża, tas-sede statutorja tagħha u tal-amministrazzjoni effettiva tagħha lejn Stat Membru ieħor jew f’każ ta’ trasferiment, minn kumpannija li ma tirrisjedix fil-Portugall, ta’ parti jew tal-assi kollha relatati ma’ stabbiliment permanenti Portugiż, mill-Portugall lejn Stat Membru ieħor, u li jipprovdu għall-intaxxar immedjat tal-qligħ kapitali moħbi relattiv għall-assi kkonċernati, iżda mhux għall-intaxxar tal-qligħ kapitali moħbi li jirriżulta minn tranżazzjonijiet purament nazzjonali, ir-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 TFUE.
2) Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3) Ir-Repubbika Portugiża hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.