Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

27.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 80/18


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-38/10)

2010/C 80/33

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Lyal u G Braga da Cruz, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

tiddikjara li r-Repubblika Portugiża naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 31 tal-Ftehim taż-ŻEE billi adottat u żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet leġiżlattivi, li jikkonsistu fl-Artikoli 76-A, 76-B u 76-C tal-Código português do Imposto sobre o Rendimento das pessoas Colectivas (Kodiċi Portugiż tat-Taxxa fuq id-dħul, iktar ’il quddiem il-“CIRC”), li jipprovdi li, fil-każ ta’ trasferiment tal-uffiċċju rreġistrat u tat-tmexxija effettiva ta’ impriża Portugiża lejn Stat Membru ieħor jew ta’ waqfien mill-attività fil-Portugall ta’ stabbiliment fiss jew ta’ trasferiment tal-assi tagħha fil-Portugall lejn Stat Membru ieħor:

il-bażi tat-taxxa tas-sena taxxabbli li fiha jseħħ dan l-avveniment tinkludi l-qligħ kollu mhux realizzat li jikkonċerna l-assi inkwistjoni, filwaqt li l-qligħ kollu mhux realizzat li jirriżulta minn tranżazzjonijiet purament nazzjonali mhumiex inklużi fil-bażi tat-taxxa;

l-azzjonisti ta’ kumpannija li tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat u t-tmexxija effettiva tagħha barra mit-territorju Portugiż huma suġġetti għall-ħlas ta’ taxxa bbażata fuq id-differenza bejn il-valur tal-assi likwidi tal-kumpannija (ikkalkolat skont id-data ta’ trasferiment u bi prezz tas-suq) u l-prezz tax-xiri tal-azzjonijiet rispettivi.

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni tqis li l-imsemmija artikoli tal-CIRC jistgħu jikkostitwixxu ostakolu għal-libertà ta’ stabbiliment, stabbilit fl-Artikolu 49 TFUE.

Skont din il-leġiżlazzjoni Portugiża, il-qligħ mhux realizzat huwa intaxxat biss meta kumpannija tittrasferixxi l-uffiċċju rreġistrat u t-tmexxija effettiva tagħha barra mit-territorju Portugiż jew meta tittrasferixxi elementi ta’ natura patrimonjali individwali minn stabbiliment fiss li jinsab fi Stat Membru ieħor, filwaqt li t-trasferimenti simili ta’ uffiċċju rreġistrat fi ħdan it-territorju Portugiż jew tal-assi ta’ uffiċċju rreġistrat minn sussidjarja fl-istess Stat Membru ma jinvolvu ebda konsegwenzi fiskali immedjati.

Il-Kummissjoni ma tikkontestax id-drittijiet fiskali tal-Istati Membri fir-rigward tal-qligħ akkumulat minn persuna li, bħala persuna taxxabbli residenti, kienet suġġetta għall-ħlas ta’ taxxa fuq id-dħul kollu tagħha. Madankollu, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża għandha tapplika l-istess regola kif ukoll li l-fatturi li jagħtu lok għall-obbligi fiskali għandhom ikunu l-istess — b’mod partikolari, ir-realizzazzjoni tal-assi jew kwalunkwe fattur li jikkawża aġġustament tad-deprezzament —, jiġifieri sew jekk l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija effettiva jew elementi ta’ natura partimonjali jiġu ttrasferiti barra mit-territorju Portugiż u sew jekk jibqgħu ġewwa dan it-territorju.

Il-Kummissjoni tqis li l-kumpanniji għandhom ikollhom id-dritt li jittrasferixxu l-uffiċċju rreġistrat tagħhom jew l-assi individwali tagħhom lejn Stat Membru ieħor mingħajr ma jkollhom jissuġġettaw ruħhom għal proċedimenti saħansitra kumplessi u onerużi, billi fl-opinjoni tal-Kummissjoni, ma teżistix ġustifikazzjoni għall-ġbir immedjat ta’ taxxi fuq il-qligħ mhux realizzat meta jkun hemm trasferiment ta’ uffiċċju rreġistrat u ta’ tmexxija effettiva ta’ kumpannija Portugiża lejn Stat Membru ieħor jew minħabba waqfien minn attività ta’ stabbiliment fiss fi ħdan it-territorju Portugiż jew it-trasferiment tal-assi tiegħu fil-Portugall lejn Stat Membru ieħor, billi ma teżistix din it-tip ta’ taxxa f’sitwazzjonijiet nazzjonali paragunabbli.

Il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni speċjali tad-drittijiet ta’ interessi partikolari, b’mod partikolari dawk tal-kredituri, tal-azzjonisti minoritarji u tal-awtoritajiet fiskali għandha tiġi sodisfatta, iżda b’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, hekk kif inhu interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja.

F’dan il-kuntest, pereżempju, ir-Repubblika Portugiża tista’ tiddetermina l-valur tal-qligħ mhux realizzat li fuqu għandha l-intenzjoni li tippreżerva l-ġurisdizzjoni fiskali tagħha, sakemm dan ma jinvolvix il-ħlas immedjat tat-taxxa jew kundizzjonijiet oħra għad-differiment tal-ħlas tiegħu.

Fir-rigward tal-għan li jiġi żgurat kontroll fiskali effettiv u li tiġi miġġielda l-evażjoni fiskali, li huwa leġittimu, dan jista’ jintlaħaq permezz ta’ metodi inqas restrittivi, billi jintużaw il-mekkaniżmi previsti fid-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE (1), tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta, jew fid-Direttiva tal-Kunsill 2008/55/KE (2), tas-26 ta’ Mejju 2008, dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet rigward ċerti imposti, dazji, taxxi u miżuri oħra.

Il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex tilħaq l-għanijiet imfittxija, jiġifieri, li tiżgura sistema fiskali effiċjenti. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-leġiżlazzjoni Portugiża għandha ssegwi l-istess regola sew jekk l-uffiċċju rreġistrat, it-tmexxija effettiva jew l-elementi ta’ natura patrimonjali jiġu ttrasferiti barra mit-territorju Portugiż sew jekk jibqgħu ġewwa dan it-territorju: jiġifieri t-taxxa għandha tinġabar biss wara li tiġi rrealizzata ż-żieda fil-valur tal-assi.


(1)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63

(2)  ĠU L 150, p. 28