Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-93/10

Finanzamt Essen-NordOst

vs

GFKL Financial Services AG

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikoli 2(1) u 4 — Kamp ta’ applikazzjoni — Kunċetti ta’ ‘provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas’ u ta’ ‘attività ekonomika’ — Bejgħ ta’ dejn dubjuż — Prezz tal-bejgħ inqas mill-valur nominali ta’ dan id-dejn — Teħid ta’ responsabbiltà mix-xerrej għall-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-imsemmi dejn u tar-riskju ta’ falliment tad-debituri”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ servizzi bi ħlas — Kunċett

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikoli 2(1) u 4)

L-Artikoli 2(1) u 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu ma jipprovdix servizz bi ħlas, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1), u ma jwettaqx attività ekonomika li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta d-differenza bejn il-valur nominali tal-imsemmi dejn u l-prezz ta’ xiri tiegħu tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tad-dejn inkwistjoni fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu.

Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, iċ-ċessjonarju tad-dejn ma jirċievi l-ebda kontropartita mingħand iċ-ċedent, peress li d-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn ċedut u l-prezz ta’ xiri ta’ dan id-dejn tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tal-imsemmi dejn fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu, li tiddependi fuq in-natura dubjuża tagħhom u fuq ir-riskju ikbar ta’ falliment tad-debituri.

(ara l-punti 22, 25, 26 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ottubru 2011 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Artikoli 2(1) u 4 – Kamp ta’ applikazzjoni – Kunċetti ta’ ‘provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas’ u ta’ ‘attività ekonomika’ – Bejgħ ta’ dejn dubjuż – Prezz tal-bejgħ inqas mill-valur nominali ta’ dan id-dejn – Teħid ta’ responsabbiltà mix-xerrej għall-operazzjonijiet ta’ ġbir tal-imsemmi dejn u tar-riskju ta’ falliment tad-debituri”

Fil-Kawża C-93/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-17 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Finanzamt Essen-NordOst

vs

GFKL Financial Services AG,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, J. Malenovský, R. Silva de Lapuerta (Relatur), G. Arestis u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal GFKL Financial Services AG, minn A. Bartsch u B. Keller, avukati,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u C. Blaschke, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u G. Clohessy, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-14 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1), 4, 11A(1)(a) kif ukoll tal-Artikolu 13B(d)(2) u (3), tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Finanzamt Essen-NordOst (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u GFKL Financial Services AG (iktar ’il quddiem “GFKL”) dwar it-taxxa li għaliha din tal-aħħar kienet suġġetta skont it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) minħabba x-xiri, minn waħda mis-sussidjarji tagħha, ta’ dejn marbut ma’ 70 kuntratt ta’ self terminat u li għalaq.

 Il-kuntest ġuridiku

3        L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi :

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-[VAT]:

1.      il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.

4        L-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:

“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

2.      L-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 1 jinkludu l-attivitajiet kollha ta’ produtturi, kummerċjanti u [jew] persuni li jagħtu [servizzi], magħduda [li jinkludu] attivitajiet fil-minjieri, fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skop ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandu wkoll [b’mod partikolari] jitqies bħala attività ekonomika.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

5        GFKL hija l-unika msieħba u l-kumpannija parent ta’ kumpannija taħt id-dritt Ġermaniż li fis-26 ta’ Ottubru 2004 xrat mingħand bank l-ipoteki fuq proporjetà immobili u d-dejn marbut ma’ 70 kuntratt ta’ self terminat u li għalaq.

6        Fid-data ta’ għeluq tad-29 ta’ April 2004, il-valur nominali ta’ dan id-dejn kien ta’ EUR 15 500 915.16.

7        Il-kuntratt ta’ xiri kien jipprovdi b’mod partikolari li, minn din id-data ta’ għeluq, l-imsemmija ipoteki u dejn kienu meqjusa bħala amministrati jew miżmuma f’isem u għar-riskju tax-xerrej, li l-ħlasijiet marbuta magħhom kellhom jibbenefikaw lil dan tal-aħħar u li r-responsabbiltà tal-bejjiegħ għall-ġbir tad-dejn inkwistjoni kienet eskluża.

8        Madankollu, wara ittra tal-Ministeru Federali tal-Finanzi, tat-3 ta’ Ġunju 2004, dwar l-implementazzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Ġunju 2003, MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring (C-305/01, Ġabra p. I-6729), il-partijiet fil-kuntratt ta’ xiri qiesu li, fid-dawl tal-ammont kunsiderevoli tal-ħlas, il-parti tad-dejn inkwistjoni li għandha tinġabar kienet ferm inqas mill-valur nominali tiegħu u ffissaw il-valur ekonomiku tiegħu għal EUR 8 956 101.

9        Barra minn hekk, peress illi l-ġbir ta’ dan id-dejn kien mifrux fuq tliet snin, il-partijiet ftiehmu, fuq il-bażi ta’ rata ta’ interess maqbula flimkien ta’ 5.97 %, li x-xerrej kien ser jagħti lill-bejjiegħ kreditu li jinkludi EUR 556 293 ta’ interessi, b’mod li wara li jitnaqqsu dawn l-interessi, il-valur ekonomiku tal-imsemmi dejn kien ta’ EUR 8 399 808.

10      Il-prezz ta’ xiri finali tad-dejn inkwistjoni kien finalment iffissat għal EUR 8 034 883 u l-kuntratt ta’ xiri ma kienx jipprovdi għall-possibbiltà li dan il-prezz jiġi ulterjorment rivedut.

11      Barra minn hekk, il-partijiet qiesu li, billi xtara dan id-dejn, ix-xerrej ma kienx qed jipprovdi lill-bejjiegħ servizz li kien taxxabbli. Madankollu, huma stipulaw li, fil-każ li l-awtorità fiskali ma taqbilx ma’ din l-analiżi, id-differenza ta’ EUR 364 925 bejn il-valur ekonomiku mingħajr interessi u l-prezz ta’ xiri finali tal-imsemmi dejn kellha titqies bħala li tikkostitwixxi l-kontropartita ta’ dan is-servizz.

12      Wara li ppreżentat dikjarazzjoni provviżorja dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ li fiha hija indikat li din id-differenza tikkostitwixxi r-remunerazzjoni ta’ servizz taxxabbli pprovdut lill-bejjiegħ tad-dejn inkwistjoni, GFKL ippreżentat ilment kontra d-dikjarazzjoni provviżorja tagħha, li l-Finanzamt ċaħdet bħala infondata.

13      Sussegwentement, GFKL ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht li laqgħet dan ir-rikors billi qieset li, kuntrarjament għall-fattura proprja, it-trasferiment ta’ dejn dubjuż ma jwassalx biex il-bejjiegħ ta’ dan id-dejn jiġi pprovdut b’servizz taxxabbli skont it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ.

14      Il-Finanzamt ippreżentat rikors ta’ “Reviżjoni” kontra s-sentenza tal-Finanzgericht quddiem il-qori tar-rinviju.

15      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-punt 1 tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva […]:

Fil-każ ta’ bejgħ (xiri) ta’ dejn dubjuż li jwassal sabiex tittieħed responsabbiltà għall-irkupru u għar-riskju ta’ falliment mix-xerrej, dan tal-aħħar għandu jiġi kkunsidrat bħala li qed jagħmel provvista bi ħlas u li qed iwettaq attività ekonomika anki meta l-prezz tax-xiri huwa bbażat

–        mhux fuq il-bażi tal-valur nominali tad-dejn, wara tnaqqis ta’ somma ffissata bi ftehim sabiex tkopri t-teħid ta’ responsabbiltà għall-irkupru u għar-riskju ta’ falliment, iżda

–        fuq il-bażi tar-riskju ta’ falliment stmat għal kull dejn u meta l-irkupru għandu biss importanza subordinata meta mqabbel mat-tnaqqis magħmul taħt ir-riskju ta' falliment?

2)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 13B(d)(2) u (3) tas-Sitt Direttiva […], fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda :

a)      It-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju ta’ falliment mix-xerrej fil-każ ta’ akkwist ta’ dejn dubjuż bi prezz ferm inqas mill-valur nominali tiegħu huwa eżenti billi jikkostitwixxi sigurtà jew garanzija oħra ?

b)      Jekk it-teħid ta’ responsabbiltà għar-riskju huwa eżenti :

L-irkupru tad-dejn huwa eżenti bħala parti minn servizz wieħed jew bħala provvista anċillari jew huwa ntaxxat bħala provvista separata ?

3)      Fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva […], fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda u jekk ma hemmx provvista eżentata:

Il-kunsiderazzjoni għal servizz taxxabbli għandha tiġi ddeterminata fuq il-bażi tal-ispejjeż ta’ rkupru li fil-fatt intefqu jew fuq il-bażi tal-istima li ġiet magħmula mill-partijiet ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

16      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2(1) u 4 tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu jipprovdix servizz bi ħlas u jwettaqx attività ekonomika.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tas-sistema tal-VAT, it-tranżazzjonijiet taxxabbli jippreżumu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet fejn ikun stipulat prezz jew korrispettiv. Għalhekk, meta l-attività ta’ prestatarju tikkonsisti esklużivament fil-provvista ta’ servizzi mingħajr kontropartita diretta, ma jkunx hemm bażi taxxabbli u għalhekk dawn is-servizzi ma jkunux suġġetti għall-VAT (ara s-sentenza tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Finlandja, C-246/08, Ġabra p. I-10605, punt 43).

18      F’dan il-kuntest, provvista ta’ servizzi ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, u hija taxxabbli biss meta jkun hemm relazzjoni legali bejn il-prestatarju u l-benefiċjarju li matulha jkun hemm skambju ta’ servizzi reċiproċi, fejn il-ħlas li jirċievi l-prestatarju jkun il-korrispettiv effettiv tas-servizz mogħti lill-benefiċjarju (sentenza MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).

19      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, jippreżumi l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn is-servizz mogħti u l-korrispettiv riċevut (sentenza tad-29 ta’ Lulju 2010, Astra Zeneca UK, C-40/09, Ġabra p. I-7505, punt 27, u l-ġurisprudenza ċċitata).

20      Fis-sentenza tagħha MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li l-persuna li tipprovdi l-fattorar tiggarantixxi lil klijent il-ħlas tad-dejn billi tassumi r-riskju ta’ falliment tad-debituri għandu jitqies bħala sfruttament tal-beni inkwistjoni bi ħsieb li jagħmel qligħ ta’ natura permanenti, fis-sens tal-Artikolu 4(2) tas-Sitt Direttiva, meta din it-tranżazzjoni titwettaq, permezz ta’ remunerazzjoni, għal perijodu determinat (ara s-sentenza MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50).

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-operazzjoni tal-assenjazzjoni tad-dejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali li wasslet għal din is-sentenza, iċ-ċessjonarju tad-dejn intrabat li jipprovdi s-servizzi ta’ fatturar liċ-ċedent, li bħala kontropartita huwa rċieva remunerazzjoni, jiġifieri kummissjoni ta’ fatturar u tariffa del credere.

22      Issa, fir-rigward tal-kawża prinċipali, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-fatti li wasslu għas-sentenza MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, iċ-ċessjonarju tad-dejn ma jirċievi l-ebda kontropartita mingħand iċ-ċedent, b’mod li la jwettaq attività ekonomika fis-sens tal-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva u lanqas ma jipprovdi servizzi fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

23      Ċertament, hemm differenza bejn il-valur nominali tad-dejn ċedut u l-prezz ta’ xiri ta’ dan id-dejn.

24      Madankollu, kuntrarjament għall-kummissjoni ta’ fatturar u għat-tariffa del credere, li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza MKG-Kraftfahrzeuge-Factoring, iċċitata iktar ’il fuq, kienu miġbura mill-persuna li twettaq il-fattorar, din id-differenza ma tikkostitwixxix, fil-kawża prinċipali, remunerazzjoni intiża li tipprovdi ħlas b’mod dirett għal servizz ipprovdut mix-xerrej ta’ dejn ċedut.

25      Fil-fatt, id-differenza bejn il-valur nominali tad-dejn ċedut u l-prezz ta’ xiri tad-dejn ma tikkostitwixxix il-kontropartita ta’ dan is-servizz, iżda tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tal-imsemmi dejn fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu, li tiddependi fuq in-natura dubjuża tagħhom u fuq ir-riskju ikbar ta’ falliment tad-debituri.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 2(1) u 4 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu ma jipprovdix servizz bi ħlas, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1) u ma jwettaqx attività ekonomika fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta d-differenza bejn il-valur nominali tal-imsemmi dejn u l-prezz ta’ xiri tiegħu tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tad-dejn inkwistjoni fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

27      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, it-tieni u t-tielet domanda ma għandhomx jingħataw risposta.

 Fuq l-ispejjeż

28      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li operatur li jixtri, b’riskju għalih, dejn dubjuż bi prezz inqas mill-valur nominali tiegħu ma jipprovdix servizz bi ħlas, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 2(1) u ma jwettaqx attività ekonomika fis-sens li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva meta d-differenza bejn il-valur nominali tal-imsemmi dejn u l-prezz ta’ xiri tiegħu tirrifletti l-valur ekonomiku effettiv tad-dejn inkwistjoni fil-mument tal-assenjazzjoni tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.