Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-116/10

L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu

u

Administration de l’enregistrement et des domaines

vs

Pierre Feltgen, li jaġixxi bħala kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Bacino Charter Company SA,

u

Bacino Charter Company SA

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu))

“Sitt Direttiva tal-VAT — Eżenzjonijiet – Artikolu 15, punti 4(a) u 5 — Eżenzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kiri ta’ vapuri — Portata”

Sommarju tas-sentenza

Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Eżenzjonijiet previsti mis-Sitt Direttiva — Eżenzjoni tal-kiri ta’ vapuri użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 15, punt 5)

L-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva 77/388, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva 91/680, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ vapur, bi ħlas, flimkien ma’ ekwipaġġ, għad-dispożizzjoni ta’ individwi għall-finijiet ta’ vjaġġi ta’ divertiment f’ibħra miftuħa.

Fil-fatt, dan l-artikolu jirrigwarda l-kiri ta’ vapuri użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u li jġorru passiġġieri bi ħlas jew li joperaw attività kummerċjali, industrijali jew tas-sajd. Sabiex din l-operazzjoni ta’ kiri tkun eżenti taħt din id-dispożizzjoni jeħtieġ li l-kerrej ta’ tali vapur jużah biex jopera attività ekonomika. Minn dan isegwi li, jekk il-vapur jinkera lil persuni li jużawh esklużivament għad-divertiment u mhux għall-profitt, mingħajr ebda attività ekonomika, il-kiri ma jissodisfax il-kundizzjonijiet espliċiti għall-eżenzjoni mill-VAT previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva.

(ara l-punti 13, 14, 21 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

22 ta’ Diċembru 2010 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT – Eżenzjonijiet – Artikolu 15, punti 4(a) u 5 – Eżenzjoni tal-operazzjonijiet ta’ kiri ta’ vapuri – Portata”

Fil-Kawża C-116/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Cour de cassation (il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

L-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu,

Administration de l’enregistrement et des domaines

vs

Pierre Feltgen, li jaġixxi bħala kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Bacino Charter Company SA,

Bacino Charter Company SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, D. Šváby, R. Silva de Lapuerta, E. Juhász u G. Arestis (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u għall-Administration de l’enregistrement et des domaines, minn F. Kremer u P.-E. Partsch, avukati,

–        għal M. Feltgen, li jaġixxi bħala kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Bacino Charter Company SA, u Bacino Charter Company SA, minn B. Felten, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, C. Blaschke u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn D. Kallí, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Afonso, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Istat tal-Gran Dukat tal-Lussemburgu u l-Administration de l’enregistrement et des domaines (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), u P. Feltgen, kuratur fil-proċedura ta’ falliment ta’ Bacino Charter Company SA, kumpanija stabbilita skont il-liġi Lussemburgiża, u din l-aħħar kumpanija (iktar ’il quddiem “Bacino”), dwar is-suġġett tal-ħlas min-naħa tagħha tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem “VAT”) li jidhru fl-istima tat-taxxa għas-snin ta’ ħidma 1998 u 1989.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Taħt it-titolu “Eżenzjonijiet tal-esportazzjonijet u tranżazzjonijet simili u trasport internazzjonali”, l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kundizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar [evażjoni] u abbuż:

[...]

4.      il-provvista ta’ oġġetti għall-għoti tal-karburant u l-provedimenti għall-bastimenti:

a)      użati fin-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u jġorru passiġġieri għal ħlas u użati għall-iskop kummerċjali, industrijali jew għall-attivitajiet tas-sajd;

b)      użati għas-salvataġġ u għajnuna fil-baħar, għas-sajd mal-kosta, ħlief bl-eċ[ċ]ezzjoni, għal ta’ l-aħħar, għall-provvedimenti tal-vapuri;

[...]

5.      il-provvista, modifikazzjoni, tiswija, manteniment, nolleġġjar u kiri ta’ vapuri msemmija fil-paragrafu 4 (a) u (b) [u i]l-provvista, kiri, tiswija u manteniment tat-tagħmir - inkluż it-tagħmir tas-sajd - inkorporat jew użat hemmhekk;

[...]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

4        Is-Sitt Direttiva ġiet trasposta fis-sistema legali Lussemburgiża permezz tal-liġi, tat-12 ta’ Frar 1979, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“liġi Lussemburgiża”). It-tieni inċiż tal-Artikolu 43(1)(i) ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data ta’ meta seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, jipprevedi li l-għoti ta’ servizzi intiżi għall-ħtiġijiet tan-navigazzjoni marittima huma eżenti mill-VAT fil-limiti u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mir-Regolament tal-Gran Dukat.

5        L-ewwel inċiż tal-Artikolu 7(2)(a) tar-Regolament tal-Gran Dukat, tas-16 ta’ Ġunju 1999, dwar l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud ta’ operazzjonijiet ta’ esportazzjonijet barra l-Komunità, ta’ kunsinni intra-Komunitarji ta’ beni u ta’ operazzjonijiet oħra jippreċiża li, bi provvista ta’ servizzi għall-ħtiġijiet tan-navigazzjoni marittima b’konformità mal-imsemmi Artikolu 43, hemm lok li jinftiehem bħala l-innoleġġjar u l-kiri ta’ vapuri, bl-esklużjoni ta’ jottijiet u ta’ vapuri oħra intiżi għad-divertiment jew għall-isport, użati għan-navigazzjoni marittima u li jiżguraw it-trasport bi ħlas ta’ persuni jew ta’ oġġetti jew l-eżerċizzju ta’ attività kummerċjali, industrijali jew tas-sajd.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        Bejn l-10 ta’ Lulju 1998 u t-8 ta’ Awwissu 1999, Bacino poġġiet b’mod regolari vapur li hija proprjetarja tiegħu kif ukoll ekwipaġġ bi ħlas, għad-dispożizzjoni ta’ individwi biex ibaħħru f’ibħra miftuħa għal finijiet ta’ divertiment. Peress li qieset li din l-operazzjoni kienet eżentata mill-VAT, Bacino ma ħallsitx taxxa.

7        Peress li qieset li ma kienx hemm lok li tapplika l-eżenzjoni mill-VAT skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 43(1)(i) tal-liġi Lussemburgiża, inkwantu dan il-vapur ma kienx vapur kummerċjali, iżda jott skont ir-regolament tal-Gran Dukat imsemmi fil-punt 5 ta’ din is-sentenza, l-amministrazzjoni fiskali nnotifikat lil Bacino, matul s-sena 2001, permezz ta’ stimi tat-taxxa li jikkorrispondu għas-snin 1998 u 1999, li jinkludu l-ammonti li kienu dovuti mill-kumpanija bħala VAT.

8        Wara lment li ma kellux eżitu tajjeb, Bacino kkontestat din l-impożizzjoni quddiem it-Tribunal d’arrondissement tal-Lussemburgu, u sostniet li din l-operazzjoni kienet taqa’ fl-ambitu tat-tieni inċiż tal-Artikolu 43(1)(i) tal-liġi Lussemburgiża.

9        Peress li r-rikors tagħha ġie miċħud, Bacino appellat quddiem il-Cour d’appel, li laqgħet ir-rikors tagħha. Din il-qorti kkonkludiet, b’mod partikolari, li kien hemm servizz prinċipali ta’ kiri ta’ vapur bl-ekwipaġġ u servizz anċillari ta’ trasport. Billi ġie kkonstatat li l-vapur li dak iż-żmien kien proprjetà ta’ Bacino intuża fl-ibħra miftuħa u li t-traffiku tal-passiġġieri kien imħallas b’tali mod li l-kiri ta’ dan il-vapur kienet operazzjoni kummerċjali, din il-qorti kkunsidrat li ż-żewġ kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva ġew sodisfatti.

10      L-awtorità fiskali ippreżentat appell quddiem il-Cour de cassation li, peress li kkunsidrat li s-soluzzjoni tal-kawża prinċipali teħtieġ l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Jistgħu servizzi mogħtija mill-proprjetarju ta’ bastiment li jipprovdih bi ħlas, flimkien ma’ ekwipaġġ, għad-dispożizzjoni ta’ individwi għall-finijiet ta’ vjaġġi ta’ divertiment fl-ibħra miftuħa għall-klijenti tagħhom, jiġu eżentati skont l-Artikolu 15(5) [il-punt 5 tal-Artikolu 15] tas-Sitt Direttiva [...], jekk dawn is-servizzi huma kkunsidrati fl-istess ħin kemm bħala kiri ta’ bastiment u kif ukoll bħala servizz ta’ trasport?”

 Fuq id-domanda preliminari

11      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni għandhiex tapplika għal servizzi ta’ tqegħid ta’ vapur bi ħlas, flimkien ma’ ekwipaġġ, għad-dispożizzjoni ta’ individwi għal finijiet ta’ vjaġġi ta’ divertiment fl-ibħra miftuħa.

12      F’dan ir-rigward, għandha titfakkar il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li tgħid li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss il-kliem tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet tal-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12; tal-1 ta’ Marzu 2007, Schouten, C-34/05, Ġabra p. I-1687, punt 25, u tat-3 ta’ Diċembru 2009, Klarenberg, C-466/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24).

13      Għandu jiġi mfakkar f’dan ir-rigward, li l-kliem tal-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, li jirreferi għall-punt 4(a) tal-Artikolu 15, isemmi l-kiri ta’ vapuri użati għan-navigazzjoni fl-ibħra miftuħa u li jġorru passiġġieri bi ħlas jew li joperaw attività kummerċjali, industrijali jew tas-sajd. Sabiex din l-operazzjoni ta’ kiri tkun eżenti taħt din id-dispożizzjoni jeħtieġ li l-kerrej ta’ tali vapur jużah biex jopera attività ekonomika.

14      Minn dan isegwi li, jekk, bħal fil-każ odjern, il-vapur jinkera lil persuni li jużawh esklużivament għad-divertiment u mhux għall-profitt, mingħajr ebda attività ekonomika, il-kiri ma jissodisfax il-kundizzjonijiet espliċiti għall-eżenzjoni mill-VAT previsti fil-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva.

15      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li l-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva jeżenta wkoll, permezz ta’ riferiment għal dan il-punt 4(b) tal-Artikolu 15, il-kiri ta’ vapuri tas-salvataġġ u assistenza fil-baħar, jew vapuri li huma involuti f’sajd kostali, ħlief bl-eċċezzjoni għal dawn tal-aħħar għall-provvisti tal-vapur. Madankollu, il-każijiet koperti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma manifestament estraneji għall-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

16      L-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 13 u 14 tas-sentenza preżenti hija, wkoll, sostnuta mill-għan tas-sistema ta’ eżenzjonijiet skont l-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, li, fil-każ ta’ tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni, it-tranżazzjonijiet ta’ din ix-xorta u trasport internazzjonali, li jikkonsisti fl-osservanza tal-prinċipju ta’ tassazzjoni ta’ prodotti jew servizzi kkonċernati fil-post tad-destinazzjoni tagħhom (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru, 2007, Navicon, C-97/06, Ġabra. p. I-8755, punt 29).

17      Skont dawn il-kundizzjonijiet, l-eżenzjoni prevista fil-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva ma tapplikax għall-kiri ta’ vapuri intiżi għall-utenti li biħsiebhom jużawha għal finijiet strettament privati, bħala konsumaturi finali.

18      Huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li l-ispjegazzjoni tar-raġunijiet li jakkumpanjaw il-proposta tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq in-negozju – is-Sistema Komuni tat-Taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea lill-Kunsill tal-Komunitajiet Ewropej fid-29 ta’ Ġunju 1973, tipprovdi b’mod espliċitu li l-vapuri tar-rikreazzjoni huma esklużi mill-eżenzjoni taħt il-punt 5 tal-Artikolu 15 ta’ din id-direttiva u li s-servizzi pprovduti għall-konsum finali relatati magħhom għandhom ikunu suġġetti għall-VAT. Dan id-dokument jikkonferma li l-kirjiet ta’ vapur mogħtija lill-konsumaturi finali intiżi għad-divertiment jew rikreazzjoni huma esklużi mill-iskop ta’ din l-eżenzjoni.

19      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza stabbilita, l-eżenzjonijiet tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv peress illi dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli huwa suġġett għal din it-taxxa (ara b’mod partikolari, is-sentenzi tas-26 Ġunju 1990, Velker International Oil Company, C-185/89, Ġabra p. I-2561, punt 19 u tal-14 ta’ Settembru 2006, Elmeka, C-181/04 sa C-183/04, Ġabra. p. I-8167, punt 15).

20      Barra minn hekk, l-interpretazzjoni li tinsab fil-punti 13 u 14 tas-sentenza preżenti ma tistax tiġi kkontestata permezz tal-klassifikazzjoni fid-dritt nazzjonali tas-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma taffettwax ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, mill-punti 27 u 28 tas-sentenza Navicon, iċċitata iktar ’il fuq, li kienet tikkonċerna speċifikament l-interpretazzjoni tal-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva, jirriżulta li l-issuġġettar għall-VAT ta’ tranżazzjoni partikolari jew eżenzjoni tagħha ma tiddependix fuq il-klassifikazzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali, peress li, skont ġurisprudenza stabbilita, jekk, skont is-sentenza introduttiva tal-imsemmi Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet tal-eżenzjonijiet sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara u jipprevjenu kull frodi, kull evażjoni u kull abbuż possibbli, dawn il-kundizzjonijiet ma jaffettwawx id-definizzjoni tal-kontenut tal-eżenzjonijiet previsti.

21      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mill-VAT prevista minn din id-dispożizzjoni ma tapplikax għas-servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ vapur, bi ħlas, flimkien ma’ ekwipaġġ, għad-dispożizzjoni ta’ individwi għall-finijiet ta’ vjaġġi ta’ divertiment f’ibħra miftuħa.

 Fuq l-ispejjeż

22      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Il-punt 5 tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KE, tas-16 ta’ Diċembru 1991, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud prevista f’din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal servizzi li jikkonsistu fit-tqegħid ta’ vapur, bi ħlas, flimkien ma’ ekwipaġġ, għad-dispożizzjoni ta’ individwi għall-finijiet ta’ vjaġġi ta’ divertiment f’ibħra miftuħa.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.