Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-132/10

Olivier Halley et

vs

Belgische Staat

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa

mir-Rechtbank van eerste aanleg te Leuven)

“Tassazzjoni diretta — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 63 TFUE — Taxxa tas-suċċessjoni fuq l-azzjonijiet irreġistrati — Terminu ta’ preskrizzjoni għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet f’kumpanniji mhux residenti itwal minn dak applikabbli għall-kumpanniji residenti — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”

Sommarju tas-sentenza

Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Leġiżlazzjoni fiskali — Taxxa fuq is-suċċessjoni

(Artikolu 63 TFUE)

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru milli tipprovdi, fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-valutazzjoni ta’ azzjonijiet irreġistrati ta’ kumpannija li tagħha l-mejjet kien azzjonista u li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor filwaqt li dan l-istess terminu jkun ta’ sentejn meta s-sede ta’ tmexxija effettiva tinsab fl-ewwel Stat Membru.

Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni itwal fuq l-eredi li għandhom azzjonijiet f’kumpannija li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha hija stabbilita fi Stat Membru ieħor jista’ jkollha l-konsegwenza li tiddiswadi lir-residenti tal-ewwel Stat milli jinvestu jew milli jżommu investimenti f’assi li jinsabu barra minn dan l-Istat Membru, peress li l-eredi tagħhom ikunu jinsabu iktar spiss f’inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà li jkunu s-suġġett ta’ kontroll fiskali.

Tali leġiżlazzjoni ma hijiex iġġustifikata mill-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali u lanqas mill-għan ta’ ġlieda kontra l-frodi fiskali fil-każ fejn l-applikazzjoni ġenerali tat-terminu ta’ għaxar snin ma jirrigwarda bl-ebda mod iż-żmien meħtieġ sabiex jintuża effettivament il-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka jew mezzi alternattivi oħra li jippermettu li jiġi investigat il-valur tal-azzjonijiet ikkonċernati. Għandha ssir fil-fatt distinzjoni bejn sitwazzjoni li fiha elementi li huma taxxabbli ma jkunux ġew iddikjarati lill-awtoritajiet fiskali nazzjonali, liema awtoritajiet ma jkollhom l-ebda ħjiel dwar l-eżistenza tal-imsemmija elementi sabiex ikunu jistgħu jibdew investigazzjoni, minn sitwazzjoni li fiha l-imsemmija awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar dawn l-elementi taxxabbli. Meta l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jkollhom l-indizzji li jippermettulhom jikkomunikaw, kemm jekk permezz tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka prevista fid-Direttiva 77/799, dwar l-għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa diretta, kemm permezz ta’ konvenzjonijiet bilaterali, sabiex dawn l-awtoritajiet tal-aħħar jgħaddulhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit l-ammont preċiż tat-taxxa, is-sempliċi fatt li l-ħwejjeġ taxxabbli kkonċernati jinsabu fi Stat Membru ieħor ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ġenerali ta’ terminu addizzjonali ta’ rettifika li ma jirrigwarda bl-ebda mod iż-żmien meħtieġ sabiex jintuża b’mod għaqli dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka.

(ara l-punti 24, 30, 33, 36, 39, 40 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Settembru 2011 (*)

“Tassazzjoni diretta – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Taxxa tas-suċċessjoni fuq l-azzjonijiet irreġistrati – Terminu ta’ preskrizzjoni għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet f’kumpanniji mhux residenti itwal minn dak applikabbli għall-kumpanniji residenti – Restrizzjoni − Ġustifikazzjoni”

Fil-Kawża C-132/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank van eerste aanleg te Leuven (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Frar 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Marzu 2010, fil-proċedura

Olivier Halley,

Julie Halley,

Marie Halley

vs

Belgische Staat,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Jannar 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        Għas-Sinjuri Halley, minn A. Biesmans u R. Deblauwe, avukat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u J.-C. Halleux, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal, P. van Nuffel u W. Roels, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 26 TFUE, 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn O. Halley, J. Halley u M. Halley kontra l-Belgische Staat dwar it-taxxa ta’ suċċessjoni dovuta fuq azzjonijiet irreġistrati ta’ impriża li għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha barra mill-Belġju.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3        Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 88/361/KEE, tal-24 ta’ Ġunju 1988, għall-implementazzjoni tal-Artikolu 67 tat-Trattat [Artikolu mħassar mit-Trattat ta’ Amsterdam] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 10, Vol. 1, p. 10):

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet segwenti, l-Istati Membri għandhom jabolixxu restrizzjonijiet fuq il-movimenti ta’ kapital li jseħħu bejn persuni residenti fi Stati Membri. Biex jiffaċilitaw l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, movimenti ta’ kapital għandhom jkunu kklassifikati skond in-Nomenklatura fl-Anness I.”

4        Fost il-movimenti ta’ kapital elenkati fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 88/361 huma inklużi, taħt l-Anness I tagħha, il-“Movimenti ta’ kapital personali”, li jinkludu l-wirt u l-legati.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5        L-Artikolu 1(1) tal-Kodiċi tat-taxxa tas-suċċessjoni stabbilit bid-Digriet Irjali Nru 308, tal-31 ta’ Marzu 1936 (Belgisch Staatsblad tas-7 ta’ April 1936, p. 2403), ikkonfermat bil-liġi tal-4 ta’ Mejju 1936 (Belgisch Staatsblad tas-7 ta’ Mejju 1936, p. 3426, iktar ’il quddiem il-“Kodiċi”), jipprovdi li t-taxxa tas-suċċessjoni tiġi evalwata fuq il-valur, wara li jitnaqqas id-dejn, ta’ dak kollu li jinġabar fis-suċċessjoni tal-mejjet mill-eredi tiegħu.

6        L-Artikolu 111 tal-Kodiċi jipprovdi:

“Sabiex tiġi stabbilita l-insuffiċjenza tal-valutazzjoni tat-totalità jew ta’ parti mill-beni ta’ suċċessjoni li jinsabu fir-Renju [tal-Belġju], li jiġu ddikjarati bil-valur miżjud tagħhom, min jirċievhom jista’ bla ħsara għall-mezzi ta’ prova oħra previsti fl-Artikolu 105, jitlob il-perizja tal-imsemmija proprjetà; madankollu, fir-rigward tal-proprjetà mobbli korporali, dan id-dritt ta’ perizja japplika biss għall-vapuri u d-dgħajjes”.

7        It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(1) tal-imsemmi Kodiċi jipprovdi li hemm preskrizzjoni fuq it-talba “ta’ att ta’ perizja fuq il-proprjetà suġġetta għal tali kontroll u xi taxxi, interessi u multi fil-każ ta’ valutazzjoni insuffiċjenti tal-imsemmija proprjetà, wara sentejn; xi taxxi, interessi u multi fil-każ ta’ valutazzjoni insuffiċjenti tal-proprjetà mhux suġġetta għal perizja, wara għaxar snin; li tibda tiddekorri mill-ġurnata li fiha sseħħ il-preżentata tad-dikjarazzjoni”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        Il-konjuġi De Pinsun u Halley, il-ġenituri tar-rikorrenti, mietu t-tnejn f’daqqa fis-6 ta’ Diċembru 2003. Huma kienu jirrisjedu f’Tervuren (Belġju), u kellha ssir dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni f’Leuven.

9        Fis-16 ta’ Awwissu 2004 u 2005, ir-rikorrenti ħallsu, rispettivament, EUR 16 miljun u EUR 4 miljun bħala ħlas tat-taxxa ta’ suċċessjoni.

10      Fis-7 ta’ Novembru 2005, ir-rikorrenti ppreżentaw, quddiem l-amministrazzjoni fiskali ta’ Leuven, dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni għal missierhom u dikjarazzjoni ta’ suċċessjoni oħra għal ommhom.

11      Is-suċċessjoni kien fiha, fiż-żewġ każijiet, in-nofs indiviż ta’ 2 172 600 azzjoni rreġistrata tal-kumpannija Carrefour SA, li s-sede tagħha, fiż-żmien meta seħħew il-fatti tal-kawża, kienet tinsab f’Levallois-Perret (Franza), u 2 085 azzjoni rreġistrata ta’ din l-istess kumpannija. Ir-rikorrenti evalwaw il-valur tal-azzjonijiet irreġistrati tagħhom għal EUR 28.31 kull sehem, jiġifieri l-valur tagħhom fil-Borża, fil-ġurnata li fiha mietu l-ġenituri tagħhom, flimkien ma’ tnaqqis ta’ 35 %.

12      B’ittra tal-20 ta’ Frar 2008, id-Derde Ontvangkantoor van de Registratie te Leuven (it-Tielet Uffiċċju tar-Reġistrazzjonijiet ta’ Leuven) informa lir-rikorrenti li l-amministrazzjoni ċentrali ta’ Brussell kienet iddeċidiet, fid-29 ta’ Jannar 2008, li l-azzjonijiet kellhom jiġu evalwati EUR 43.55 kull waħda.

13      Fir-rikors tagħhom ippreżentat quddiem il-qorti tar-rinviju, ir-rikorrenti jinvokaw, prinċipalment, il-preskrizzjoni tal-azzjoni tal-amministrazzjoni fiskali Belġjana sabiex tikkonstata l-insuffiċjenza tal-valutazzjoni tal-imsemmija azzjonijiet irreġistrati. Sussidjarjament, huma jikkontestaw il-valur tagħhom ikkonstatat minn din l-amministrazzjoni.

14      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, abbażi tal-qari flimkien tal-Artikolu 111 u tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(1) tal-Kodiċi, il-perizja tal-azzjonijiet irreġistrati prevista fl-Artikolu 111 huwa possibbli sakemm dawn jinżammu f’kumpannija li tinsab fil-Belġju. L-azzjonijiet jitqiesu li jinsabu f’dan l-Istat Membru meta s-sede ta’ tmexxija effettiva tal-kumpannija kkonċernata tinsab f’dan l-Istat. It-terminu ta’ preskrizzjoni għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet huwa, f’dan il-każ, ta’ sentejn. Madankollu, għall-azzjonijiet miżmuma f’kumpanniji li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħhom tinsab barra mit-terittorju Belġjan, tali perizja ma hijiex possibbli u l-imsemmi terminu jiżdied sa għaxar snin.

15      Peress li kkunsidra li l-kontroversja fil-kawża prinċipali tqajjem kwistjonijiet ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, ir-Rechtbank van eerste aanleg te Leuven iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-dispożizzjonijiet ta[t-tieni] subparagrafu tal-Artikolu 137(1) tal-Kodiċi […] moqrija flimkien mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 111 ta’ dan l-istess kodiċi, huma kompatibbli mal-Artikoli 26 [TFUE], 49 [TFUE], 63 [TFUE] u 65 [TFUE], peress li t-terminu ta’ preskrizzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni dovuta fuq l-azzjonijiet irreġistrati huwa ta’ sentejn meta l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija jinsab fil-Belġju, filwaqt li dan l-istess terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin meta l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpannija ma jinsabx fil-Belġju?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Fuq il-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali

16      Id-domanda ppreżentata mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda l-Artikoli 26 TFUE, 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE. Fl-osservazzjonijiet li ppreżentaw lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni Ewropea jsostnu li huma biss iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar, jiġifieri dawk li jirrigwardaw il-moviment liberu tal-kapital, li huma rilevanti għall-kawża prinċipali.

17      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk liġi nazzjonali taqax taħt waħda jew oħra mil-libertajiet ta’ moviment, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-għan tal-liġi inkwistjoni (sentenzi tal-24 ta’ Mejju 2007, Holböck, C-157/05, Ġabra p. I-4051, punt 22 u tas-17 ta’ Settembru 2009, Glaxo Wellcome, C-182/08, Ġabra p. I-8591, punt 36).

18      Fil-kawża prinċipali, l-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni huwa li jiġi stabbili terminu li fih tista’ sseħħ valutazzjoni tal-azzjonijiet irreġistrati miżmuma f’kumpannija li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha tinsab barra mit-territorju Belġjan u li huma ttrasferiti permezz ta’ suċċessjoni.

19      Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li s-suċċessjonijiet, li jikkonsistu fi trasferiment lil persuna jew lil diversi persuni tal-patrimonju li jitħalla minn persuna mejta, jaqgħu taħt it-Titolu XI tal-Anness I tad-Direttiva 88/361, intitolat “Movimenti ta’ kapital personali”, jikkostitwixxu movimenti ta’ kapital fis-sens tal-Artikolu 63 TFUE, ħlief f’dawk il-każijiet fejn l-elementi kostitwenti tagħhom ikunu limitati għal Stat Membru wieħed biss (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ċċitata iktar ’il fuq, Eckelkamp et C-11/07, Ġabra p. I-6845, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata). Issa, sitwazzjoni, bħal dik tal-kawża prinċipali, li fiha l-azzjonijiet huma miżmuma minn resident Belġjan f’kumpannija li għandha s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha fi Franza, bl-ebda mod ma tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna.

20      Minn dan isegwi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital japplikaw għal kawża bħal dik tal-kawża prinċipali.

21      Għaldaqstant, jeħtieġ li jitqies li bid-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi, fil-qasam tas-suċċessjoni, terminu ta’ preskrizzjoni differenti għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet irreġistrati skont jekk is-sede ta’ tmexxija effettiva tal-kumpannija li fiha l-mejjet kien azzjonista tinsab jew le f’dan l-Istat Membru.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

22      Għandu jitfakkar li l-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-moviment tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu dawk li ma humiex residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jżommu tali investiment (ara f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Jannar 2009, STEKO Industriemontage, C-377/07, Ġabra p. I-299, punti 23 u 24 kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, li għada ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 30).

23      Fir-rigward tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din tistabbilixxi distinzjoni fir-rigward tat-terminu ta’ preskrizzjoni għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet irreġistrati fid-dawl ta’ tassazzjoni fuq is-suċċessjoni, permezz tal-lokalizzazzjoni tas-sede tat-tmexxija effettiva tal-impriża kkonċernata, billi t-terminu ta’ preskrizzjoni għall-valutazzjoni tal-azzjonijiet maħruġa minn kumpannija li s-sede ta’ tmexxija effettiva hija stabbilita fil-Belġju huwa ta’ sentejn, filwaqt li meta l-azzjonijiet huma miżmuma f’kumpannija li s-sede tagħha tinsab fi Stat Membru ieħor, l-imsemmi terminu ta’ preskrizzjoni huwa ta’ għaxar snin.

24      Issa, l-applikazzjoni ta’ tali terminu ta’ preskrizzjoni itwal fuq l-eredi li għandhom azzjonijiet f’kumpannija li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha hija stabbilita fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju jista’ jkollha l-konsegwenza li tiddiswadi lir-residenti Belġjani milli jinvestu jew milli jżommu investimenti f’assi li jinsabu barra minn dan l-Istat Membru, peress li l-eredi tagħhom ikunu jinsabu iktar spiss f’inċertezza fir-rigward tal-possibbiltà li jkunu s-suġġett ta’ kontroll fiskali.

25      Għaldaqstant, tali leġiżlazzjoni nazzjonali tikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, fis-sens tal-Artikolu 63(1) TFUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital

26      Sabiex tiġi ġġustifikata r-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital, il-Gvern Belġjan jinvoka numru ta’ kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw, minn naħa, il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali u, min-naħa l-oħra, il-ġlieda kontra l-frodi fiskali.

27      Skont l-imsemmi Gvern, fir-rigward tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali, l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ preskrizzjoni itwal għall-evalwazzjoni tal-azzjonijiet tal-kumpanniji li jinsabu fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju huwa neċessarju sabiex tinkiseb informazzjoni dwarhom.

28      Fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, tali terminu joffri lill-awtoritajiet fiskali Belġjani l-possibbiltà, fil-każ fejn jiskopru insuffiċjenza fil-valur tal-azzjonijiet ta’ kumpanniji li jinsabu barra mill-pajjiż, li jibdew investigazzjoni u, meta jsir magħruf li dawn l-azzjonijiet ġew suġġetti għal taxxa għal ammont żgħir wisq, li japplikaw taxxa addizzjonali.

29      Barra minn hekk, il-Gvern Belġjan isostni li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija neċessarja sabiex tirrimedja għan-nuqqas tal-possibbiltà reali, għall-imsemmija awtoritajiet, sabiex jiksbu informazzjoni fuq l-assi miżmuma fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju. Dan il-Gvern josserva li talba għal informazzjoni ppreżentata fuq il-bażi tal-Artikolu 2 tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar l-għajnuna mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-taxxa diretta (ĠU L 336, p. 15), ma tistax tiġi ppreżentata minn Stat Membru ħlief fil-każ preċiż fejn dan tal-aħħar ikun diġà ppreżenta elementi insuffiċjenti mill-bidu.

30      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kemm il-ġlieda kontra l-frodi fiskali u kemm in-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess pubbliku li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni għall-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment iggarantiti mit-Trattat FUE (ara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, is-sentenza tal-14 ta’ Settembru 2006, Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, Ġabra p. I-8203, punt 32, u, fir-rigward tal-effikaċja tal-kontrolli fiskali, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2009, Persche, C-318/07, Ġabra p. I-359, punt 52).

31      Mandakollu, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital tista’ tkun ammessa biss bil-kundizzjoni li tkun xierqa sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan inkwistjoni mingħajr ma tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ottubru 2010, Établissements Rimbaud, C-72/09, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Issa, anki jekk jitqies li l-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tilħaq l-għanijiet li jirrigwardaw il-ħtieġa li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontrolli fiskali u tal-ġlieda kontra l-frodi fiskali, għandu jiġi rrilevat li tali leġiżlazzjoni tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

33      Fil-fatt, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar it-terminu ta’ rettifika fil-każ li d-dħul minn tfaddil u/jew dħul imnissel minn dan it-tfaddil ma jiġix iddikjarat lill-awtoritajiet fiskali, għandha ssir distinzjoni bejn dawn iż-żewġ eżempji, fejn l-ewwel xenarju jikkorrispondi għal sitwazzjoni fejn elementi li huma taxxabbli ma jkunux ġew iddikjarati lill-awtoritajiet fiskali u dawn tal-aħħar ma jkollhom l-ebda ħjiel dwar l-eżistenza tal-imsemmija elementi sabiex ikunu jistgħu jibdew investigazzjoni u t-tieni tirrigwarda sitwazzjoni li fiha l-imsemmija awtoritajiet ikollhom informazzjoni dwar dawn l-elementi taxxabbli (sentenza tal-11 ta’ Ġunju 2009, X u Passenheim-van Schoot, C-155/08 u C-157/08, Ġabra p. I-5093, punti 62 u 63).

34      Fil-kawża prinċipali, huwa stabbilit li l-azzjonijiet irreġistrati inkwistjoni ssemmew fid-dikjarazzjonijiet ta’ suċċessjoni, fis-sens li l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru kkonċernat għandhom l-informazzjoni dwar dawn l-azzjonijiet. Għaldaqstant, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqa’ taħt it-tieni eżempju msemmi fil-punt preċedenti.

35      Issa, fir-rigward tat-tieni ipoteżi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 74 tas-sentenza X u Passenheim-van Schoot, iċċitata iktar ’il fuq, li ma tistax tkun iġġustifikata l-applikazzjoni minn Stat Membru ta’ terminu pprorogat ta’ rettifika, li ma huwiex intiż speċifikament sabiex jippermetti lill-awtoritajiet fiskali ta’ dan l-Istat Membru jużaw b’mod għaqli l-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri u li japplika meta l-ħwejjeġ taxxabbli kkonċernati jinsabu fi Stat Membru ieħor.

36      Fil-fatt, meta l-awtoritajiet fiskali ta’ Stat Membru jkollhom l-indizji li jippermettulhom jikkomunikaw, kemm jekk permezz tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka prevista fid-Direttiva 77/799, kemm permezz ta’ konvenzjonijiet bilaterali mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor sabiex dawn l-awtoritajiet tal-aħħar jgħaddulhom l-informazzjoni neċessarja sabiex jiġi stabbilit l-ammont preċiż tat-taxxa, is-sempliċi fatt li l-ħwejjeġ taxxabbli kkonċernati jinsabu fi Stat Membru ieħor ma jiġġustifikax l-applikazzjoni ġenerali ta’ terminu addizzjonali ta’ rettifika li ma jirrigwarda bl-ebda mod iż-żmien meħtieġ sabiex jintuża b’mod għaqli dan il-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka (sentenza X u Passenheim-van Schoot, iċċitata iktar ’il fuq, punt 75).

37      Issa, għalkemm fil-kawża preżenti huwa minnu li d-direttiva ma tapplikax għat-taxxa tas-suċċessjoni, mill-proċess ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma huwiex eskluż li l-awtoritajiet fiskali Belġjani setgħu madankollu jirrikorru, sabiex jivverifikaw il-valur tal-assi inkwistjoni, għal strumenti oħra ta’ għajnuna reċiproka, bħal, pereżempju, il-konvenzjoni bejn Franza u l-Belġju, intiża sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja u sabiex tirregola kwistjonijiet oħra dwar it-taxxa fuq is-suċċessjoni u taxxi ta’ reġistrazzjoni, iffirmata fi Brussell, fl-20 ta’ Jannar 1959.

38      F’kull każ, hekk kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni, sabiex jivvalutaw l-azzjonijiet tal-kumpanniji kkwotati fil-Borża, bħal dawk li huma inkwistjoni fil-kawża prinċipali, xejn ma jipprojbixxi lill-awtoritajiet fiskali Belġjani, sabiex jibdew l-investigazzjoni tagħhom, milli jirreferu għall-valur ta’ dawn l-azzjonijiet fid-data tal-mewt tal-proprjetarju tagħhom, kemm fil-medja, u kemm fl-internet. Hekk kif jirriżulta mill-punti 11 u 12 ta’ din is-sentenza, huwa barra minn hekk fuq din il-bażi li l-azzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġew ivvalutati minn dawn l-awtoritajiet iktar minn sentejn wara l-preżentata tad-dikjarazzjonijiet ta’ suċċessjoni.

39      Isegwi li l-applikazzjoni ta’ terminu ta’ għaxar snin sabiex jiġu vvalutati l-azzjonijiet miżmuma f’kumpannija li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha tinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju tal-Belġju ma hijiex ġustifikata fil-każ fejn l-applikazzjoni ġenerali ta’ tali terminu ma tirrigwarda bl-ebda mod iż-żmien meħtieġ sabiex jintuża effettivament il-mekkaniżmu ta’ għajnuna reċiproka jew mezzi alternattivi oħra li jippermettu li jiġi investigat il-valur ta’ dawn l-azzjonijiet.

40      Minn dak kollu li ntqal qabel jirriżulta li r-risposta għad-domanda ppreżentata għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi, fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-valutazzjoni ta’ azzjonijiet irreġistrati ta’ kumpannija li tagħha l-mejjet kien azzjonista u li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor, filwaqt li dan l-istess terminu jkun ta’ sentejn meta s-sede ta’ tmexxija effettiva tinsab fl-ewwel Stat Membru.

 Fuq l-ispejjeż

41      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, milli tipprovdi, fil-qasam tat-taxxa tas-suċċessjoni, terminu ta’ preskrizzjoni ta’ għaxar snin għall-valutazzjoni ta’ azzjonijiet irreġistrati ta’ kumpannija li tagħha l-mejjet kien azzjonista u li s-sede ta’ tmexxija effettiva tagħha tkun stabbilita fi Stat Membru ieħor filwaqt li dan l-istess terminu jkun ta’ sentejn meta s-sede ta’ tmexxija effettiva tinsab fl-ewwel Stat Membru.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.