Kawżi magħquda C-180/10 u C-181/10
Jarosław Słaby
vs
Minister Finansów
u
Emilian Kuć et Halina Jeziorska-Kuć
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie
(talbiet għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny)
“Tassazzjoni — Taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Kunċett ta’ persuna taxxabbli — Bejgħ ta’ artijiet għall-bini — Artikoli 9, 12 u 16 — Assenza ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-VAT”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Attivitajiet ekonomiċi fis-sens tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2006/112 — Kunċett
(Direttiva tal-Kunsill 2006/112, Artikoli 9(1), 12(1) u 295(1)(3))
Il-provvista ta’ art iddestinata għall-kostruzzjoni għandha titqies bħala li hija suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jekk dan l-Istat Membru jkun għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, irrispettivament min-natura permanenti tat-tranżazzjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tkun wettqet il-provvista teżerċitax l-attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, sakemm din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix is-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
Persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, ġiet riklassifikata f’art iddestinata għall-kostruzzjoni, ma għandhiex titqies bħala suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/112, meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art, jekk dan il-bejgħ jidħol fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ din il-persuna.
Min-naħa l-oħra, jekk din il-persuna tipproċedi, bi ħsieb li twettaq l-imsemmi bejgħ, b’inizjattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi tuża mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, din il-persuna għandha titqies bħala li teżerċita “attività ekonomika” fis-sens tal-imsemmi artikolu u għandha, għalhekk, titqies bħala persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Il-fatt li din il-persuna hija “bidwi b’rata fissa” fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva 2006/112 ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward.
(ara l-punt 49 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
15 ta’ Settembru 2011(*)
“Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 2006/112/KE – Kunċett ta’ persuna taxxabbli – Bejgħ ta’ artijiet għall-bini – Artikoli 9, 12 u 16 – Assenza ta’ tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-VAT”
Fil-Kawżi magħquda C-180/10 u C-181/10,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-9 ta’ Marzu 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ April 2010, fil-proċeduri
Jarosław Słaby
vs
Minister Finansów (C-180/10),
u
Emilian Kuć
Halina Jeziorska-Kuć
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie (C-181/10),
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev (Relatur), U. Lõhmus, Ó Caoimh u P. Lindh, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal E. Kuć u H. Jeziorska-Kuć, minn W.Modzelewski, radcy prawni,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ April 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 9, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, (ĠU L 352M, p. 757, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), kif ukoll tal-Artikoli 9(1), 16 u 295(1)(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/138/KE, tad-19 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 200M, p. 541, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”).
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, minn naħa, J. Slaby u l-Minister Finansów (Ministru tal-Finanzi) (Kawża C-180/10), u min-naħa l-oħra, E. Kuć u H. Jeziorska-Kuć (iktar ’il quddiem il-“konjuġi Kuć”) u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie (Direttur tal-Kamra tat-Taxxa ta’ Varsavja) (Kawża C-181/10) dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-bejgħ ta’ diversi artijiet intiżi għall-kostruzzjoni għandu jkun suġġett għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Id-Direttiva VAT, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva VAT, kien meħtieġ li s-Sitt Direttiva titfassal mill-ġdid sabiex id-dispożizzjonijiet dwar l-armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-VAT jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u formulazzjoni mfassla mill-ġdid iżda, bħala regola, mingħajr ma jsir tibdil fil-mertu. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 huma, essenzjalment, identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva.
4 Skont l-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva VAT, li essenzjalment jirriproduċi kliem l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, “għandhom ikunu soġġetti għall-VAT il-provvista ta’ merkanzija magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
5 L-Artikolu 9(1) tad-Direttiva VAT, li huwa essenzjalment redatt bi kliem simili għal kliem l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva, jistabbilixxi:
“Persuna taxxabbli għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
6 L-Artikolu 12(1) u (3) tad-Direttiva VAT, li essenzjalment jirriproduċi kliem l-Artikolu 4(3) tas-Sitt Direttiva, jinkludi d-dispożizzjonijiet segwenti:
“1. L-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw bħala persuna taxxabbli lil kull min iwettaq transazzjoni, fuq bażi okkażjonali, li jkollha x’taqsam ma’ l-attivitajiet imsemmija fit–tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 9(1) u partikolarment waħda mit-transazzjonijiet li ġejjin:
[…]
b) il-provvista ta’ art għall-bini. […]
3. Għall-finijiet tal-paragrafu 1(b), ‘art għall-bini’ għandha tfisser kull art mhux żviluppata jew art żviluppata meqjusa bħala tali mill-Istati Membri”.
7 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tad-Direttiva VAT, li essenzjalment jikkorrispondi għall-Artikolu 5(6) tas-Sitt Direttiva, huwa redatt kif ġej:
“L-applikazzjoni minn persuna taxxabbli ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju tagħha għall–użu privat tagħha jew tal-persunal tagħha, jew biex issir it-tneħħija tagħhom mingħajr ħlas jew, b’mod iktar ġenerali, l-applikazzjoni tagħhom għal skopijiet barra dawk tan-negozju tagħha għandhom jitqiesu bħala provvista bi ħlas, fejn il-VAT fuq dik il-merkanzija jew il-partijiet komponenti tagħhom kienet deduċibbli kollha jew parti minnha”.
8 L-Artikolu 295(1)(1) u (3) tad-Direttiva VAT jiddefinixxi, bħall-ewwel u bħat-tielet inċiż tal-Artikolu 25(2) tas-Sitt Direttiva, “bidwi”, għall-finijiet tal-Kapitolu 2 tat-Titolu XII, bħala “persuna taxxabbli li twettaq l-attività ekonomika tagħha f’impriża agrikola, tal-foresti jew tas-sajd” u “bidwi b’rata fissa” bħala “bidwi kopert mill-iskema ta’ rata fissa pprovduta f’dan il-Kapitolu”.
9 L-Artikolu 296(1) tad-Direttiva VAT, li jikkorrispondi għall-Artikolu 25(1) tas-Sitt Direttiva, jistabbilixxi:
“Fejn l-applikazzjoni għall-bdiewa ta’ l–arranġamenti normali tal-VAT, jew l-iskema speċjali pprovduta fil-Kapitolu 1, x’aktarx li twassal għal diffikultajiet, l-Istati Membri jistgħu japplikaw għall-bdiewa, skond dan il-Kapitolu, skema b’ rata fissa mfassla b’mod li tpatti għall-VAT imposta fuq xiri ta’ merkanzija u servizzi magħmula mill-bdiewa b’ rata fissa”.
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
10 L-Artikolu 15(1), (2), (4) u (5) tal-Att tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), jistabbilixxi:
“1. Il-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-iskop u mir-riżultati ta’ din l-attività, huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli.
2. Attività ekonomika tfisser kull attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, inklużi l-attivitajiet fil-minjieri, fil-biedja u dawk ta’ professjonijiet liberali jew simili, anki meta l-attività titwettaq darba waħda biss iżda fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li l-intenzjoni kienet li dik l-attività titwettaq ripetutament. Attività ekonomika tfisser ukoll l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa.
[…]
4. Persuni taxxabbli tfisser, fil-każ ta’ persuni fiżiċi li jeżerċitaw esklussivament attività agrikola, tal-foresti jew tas-sajd, il-persuni li jkunu mlew dikjarazzjoni ta’ reġistrazzjoni bħal dik imsemmija fl-Artikolu 96(1).
5. Id-dispożizzjoni tal-paragrafu 4 tapplika mutatis mutandis għall-persuni fiżiċi li jeżerċitaw esklussivament attività agrikola f’ċirkustanzi oħra li ma humiex dawk imsemmija fl-imsemmi paragrafu”.
11 L-Artikolu 43(1)(3) u (9) tal-liġi dwar il-VAT jistabbilixxi:
“1. Huma eżenti mit-taxxa:
[…]
3) il-bejgħ minn bidwi b’rata fissa tal-prodotti agrikoli riżultanti mill-attività agrikola tiegħu u l-prestazzjoni ta’ servizzi agrikoli minn bidwi b’rata fissa;
[…]
9) il-bejgħ ta’ proprjetà immobbli mhux mibnija minbarra artijiet għall-bini u ddestinati għal kostruzzjoni”.
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-Kawża C-180/10
12 J. Slaby fl-1996 xtara, bħala persuna fiżika li ma teżerċitax attività ekonomika, art li ġiet ikklassifikata, skont il-pjan ta’ żvilupp tat-territorju fis-seħħ dak iż-żmien, f’żona agrikola. Huwa uża l-imsemmija art għall-ħtiġijiet ta’ attività agrikola bejn l-1996 u l-1998, u temm din l-attività fl-1999.
13 Fl-1997 il-pjan ta’ żvilupp tat-territorju ġie emendat u l-art inkwistjoni ġiet minn issa ’l quddiem assenjata għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi. Wara din l-emenda, J. Slaby qasam l-art f’64 porzjon, li huwa, mis-sena 2000, beda jbigħ ftit ftit lill-persuni fiżiċi.
14 Fis-17 ta’ Settembru 2007, J. Slaby ressaq talba għal deċiżjoni preliminari fiskali mingħand il-Minister Finansów sabiex isir jaf jekk, fid-dawl tal-Artikolu 15(1) tal-Liġi dwar il-VAT, il-qsim ta’ art f’porzjonijiet, segwit mill-bejgħ ta’ dawn il-porzjonijiet lil xerrejja differenti, għandux jitqies bħala operazzjoni li hija suġġetta għall-VAT.
15 Fid-deċiżjoni preliminari fiskali tat-13 ta’ Diċembru 2007, il-Minister Finansów indika li l-imsemmija operazzjonijiet kienu jikkostitwixxu attività ekonomika, peress li l-bidwi huwa, fid-dawl tal-liġi dwar il-VAT, persuna taxxabbli li teżerċita attività ekonomika, u li d-daqs u l-portata tal-operazzjonijiet inkwistjoni kif ukoll il-fatt li l-art inqasmet f’porzjonijiet kienu jindikaw l-intenzjoni ta’ J. Slaby li jipproċedi bi bejgħ ripetittiv.
16 J. Slaby ippreżenta rikors kontra l-imsemmija deċiżjoni preliminari. Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny de Varsovie injorat l-interpretazzjoni tal-Minister Finansów billi ddeċidiet li mill-fatti tal-każ ma jirriżultax li J. Slaby kien jeżerċita jew ried jeżerċita attività ekonomika fil-qasam tat-tranżazzjonijiet immobbiljari, iżda li kien jeżerċita attività agrikola, li dak iż-żmien ma kinitx suġġetta għall-VAT. Skont din il-qorti, xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit li l-art inxtrat bl-intenzjoni li tinbigħ mill-ġdid, peress li din inxtrat għal ħtiġijiet ta’ attività agrikola u li kienet inħadmet għal dan il-għan. Il-qsim u l-bejgħ tal-porzjonijiet kienu l-konsegwenza ta’ emenda fil-pjan ta’ żvilupp tat-territorju li ma tistax tiġi attribwita lil J. Slaby. Għalhekk, skont din il-qorti, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ma kienx qed jaġixxi bħala kummerċjant meta xtara l-art inkwistjoni.
17 Il-Minister Finansów ippreżenta appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Huwa sostna li l-art inkwistjoni, li nxtrat għal finijiet ta’ produzzjoni agrikola, ma ġietx użata biss għall-ħtiġijiet privati ta’ J. Slaby, iżda ġiet assenjata għat-tħaddim agrikolu u kienet isservi, għalhekk, fl-eżerċizzju ta’ attività ekonomika.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“Persuna fiżika li tkun wettqet attività agrikola fuq art u li mbagħad, minħabba fi bdil fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li huma indipendenti mir-rieda tagħha, temmet din l-attività, ikklassifikat mill-ġdid il-patrimonju tagħha bħala patrimonju privat, qasmet (f’artijiet intiżi għall-kostruzzjoni ta’ akkomodazzjoni għall-vakanzi) u ntrabtet li tbiegħhom, hija, minħabba f’hekk, persuna suġġetta għall-VAT skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112/KE u l-Artikolu 4(1) u (2) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, u għalhekk għandha tħallas il-VAT għall-attività kummerċjali tagħha?”
Il-Kawża C-181/10
19 Il-konjuġi Kuć huma l-proprjetarji, mill-1996, ta’ impriża agrikola akkwistata bħala art agrikola li ma hijiex awtorizzata għall-kostruzzjoni. Huma użaw l-imsemmija art, sa tmien is-sena 2006, għall-ħtiġijiet ta’ attività agrikola, jiġifieri, it-trobbija taż-żwiemel, u wara sabiex ikabbru l-għalf għall-annimali tagħhom.
20 Wara li fl-2004 huma rċevew interpretazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali, il-konjuġi Kuć irreġistraw ruħhom bħala persuni taxxabbli għall-VAT, minkejja li fil-fehma tagħhom xogħolhom kien jaqa’ taħt il-patrimonju personali tagħhom.
21 Wara emenda fil-pjan ta’ żvilupp tat-territorju, li tipprovdi li l-art inkwistjoni ġiet minn issa ’l quddiem assenjata għall-kostruzzjoni ta’ residenzi u għas-servizzi, huma bdew ibigħu, b’mod okkażjonali u mhux organizzat, ċerti partijiet mill-impriża tagħhom. Dawn il-provvisti kienu suġġetta għall-VAT.
22 Skont il-konjuġi Kuć, l-imsemmija provvisti ma kellhomx jiġu suġġetta għall-VAT għaliex dawn kienu marbuta mal-patrimonju personali tagħhom. Huma talbu mingħand id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali tal-belt ta’ Wolomin interpretazzjoni bil-miktub dwar dan is-suġġett. Fid-deċiżjoni preliminari fiskali tat-13 ta’ Ġunju 2008, l-imsemmi direttur qies li l-bejgħ tal-artijiet kien jikkostitwixxi provvista ta’ proprjetà bi ħlas li kien suġġett għall-VAT. Din l-interpretazzjoni ġiet ikkonfermata mid-Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie.
23 Il-konjuġi Kuć ippreżentaw rikors kontra din l-interpretazzjoni quddiem in-Naczelnik Urzędu Skarbowego w Wołominie (direttur tal-amministrazzjoni fiskali tal-belt ta’ Wolomin). Skont dan tal-aħħar, il-provvisti tal-artijiet għall-kostruzzjoni inkwistjoni għandhom jiġu suġġetta għall-VAT għaliex, minn naħa, l-imsemmija artijiet kienu jifformaw parti mill-impriża agrikola tal-konjuġi Kuć u, min-naħa l-oħra, dawn tal-aħħar wettqu l-imsemmija provvisti bħala kummerċjanti. Dawn iż-żewġ fatti jiġġustifikaw, irrispettivament wieħed mill-ieħor, l-issuġġettar tal-imsemmija tranżazzjonijiet għall-VAT.
24 In-Naczelny Sąd Administracyjny, li quddiemha l-konjuġi Kuć ippreżentaw l-appell ta’ kassazzjoni, tosserva l-ewwel nett li dawn tal-aħħar ibbenefikaw, inkwantu bdiewa, mill-iskema b’rata fissa ta’ taxxa tal-VAT. Għalhekk, din il-qorti ssaqsi jekk il-bejgħ tal-artijiet inkwistjoni jistax jitqies bħala bejgħ ta’ proprjetà li tirriżulta mill-patrimonju personali tagħhom, meta x-xiri tal-imsemmija artijiet ma tax lok għal tnaqqis tal-VAT. Barra minn hekk, hija tenfasizza li l-artijiet inkwistjoni ġew użati mhux biss għall-kunsinna ta’ prodotti agrikoli iżda wkoll għall-ħtiġijiet privati tal-bidwi u tal-membri tal-familja tiegħu.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċedura u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1. Għandu jiġi applikat, fir-rigward ta’ bidwi b’rata fissa fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, li jbigħ biċċiet ta’ art użati għall-attività agrikola tiegħu, intiżi, skont pjan ta’ żvilupp tal-komun, għall-bini għall-akkomodazzjoni u għal servizzi iżda li nxtraw bħala artijiet agrikoli (eżenti mill-VAT), l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, li jipprovdi li l-applikazzjoni ta’ assi ta’ impriża għall-użu privat ta’ persuna taxxabbli jew għall-finijiet oħra għajr dawk tal-operat tagħha titqies biss bħala provvista bi ħlas meta l-assi jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis sħiħ jew parzjali mill-VAT?
2. [Jekk iva,] bidwi b’rata fissa fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112, li jbigħ biċċiet ta’ art li jkunu preċedentement intużaw għall-attività agrikola tiegħu, intiżi, skont pjan ta’ żvilupp lokali, għall-bini għal użu residenzjali u għal servizzi iżda li nxtraw bħala artijiet agrikoli (eżenti mill-VAT) għandu jitqies li huwa persuna suġġetta għall-VAT fir-rigward ta’ dan il-bejgħ skont ir-regoli ġenerali?”
Fuq id-domandi preliminari
26 Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art, akkwistata bla ħlas ta’ VAT, u riklassifikata, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, għandhiex titqies bħala persuna taxxabbli għall-VAT meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, “bidwi b’rata fissa” fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva tal-VAT, għandux jitqies bħala persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT skont l-iskema normali u jekk l-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva huwiex ta’ applikazzjoni għalih.
27 Preliminarjament, hemm lok li jiġi ppreċiżat li mill-kawżi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li parti mill-bejgħ tirrigwarda perijodu ta’ taxxa li jippreċedi l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea. Issa, f’dak li jikkonċerna l-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fi Stat Membru ġdid, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti biss sabiex tinterpretah mid-data tal-adeżjoni ta’ dan tal-aħħar fl-Unjoni Ewropea (ara, b’mod partikolari, id-digriet tas-6 ta’ Marzu 2007, Ceramika Paradyż, C-168/06, punt 22). Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet segwenti jirrigwardaw biss it-tranżazzjonijiet magħmula wara d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja fl-Unjoni Ewropea.
28 Għandu jiġi osservat ukoll li l-kwistjonijiet fil-kawża prinċipali jirrigwardaw perijodu li matul tiegħu s-Sitt Direttiva u d-Direttiva tal-VAT kienu japplikaw suċċessivament. Madankollu, ma hemmx lok, għall-finijiet tar-risposti għad-domandi preliminari, li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw mill-imsemmija direttivi, peress li dawn għandhom jitqiesu bħala li essenzjalment għandhom l-istess portata għall-ħtiġijiet tal-intepretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tagħmel fil-kuntest ta’ din il-kawża.
29 Fir-rigward tal-mertu, mid-deċiżjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ J. Slaby u l-konjuġi Kuć, l-art inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġiet riklassifikata f’art intiża għall-kostruzzjoni.
30 L-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-VAT jippermetti lill-Istati Membri li jqisu bħala persuni taxxabbli kull persuna li twettaq, fuq bażi okkażjonali, tranżazzjoni li taqa’ taħt l-attivitajiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) u b’mod partikolari provvista waħda ta’ art għall-bini.
31 Il-Gvern Pollakk isostni li huwa uża l-possibbiltà mogħtija lilu mill-imsemmi Artikolu 12(1), billi introduċa, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-VAT, li jipprovdi li “attività ekonomika tfisser kull attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi [...], anki meta l-attività titwettaq darba waħda biss iżda fejn jirriżulta miċ-ċirkustanzi li l-intenzjoni kienet li dik l-attività titwettaq ripetutament [...]”.
32 Madankollu, la mid-deċiżjonijiet tar-rinviju u lanqas minn kliem l-imsemmi Artikolu 15(2) tal-Liġi dwar il-VAT ma jirriżulta jekk ir-Repubblika tal-Polonja effettivament użatx l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-VAT, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
33 F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva jistabbilixxi possibbiltà u mhux obbligu għall-Istati Membri. Minn dan isegwi li, sabiex jibbenefikaw mill-possibbiltà prevista f’din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri huma mitluba jagħżlu li jużawha (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-4 ta’ Ġunju 2009, SALIX, C-102/08, punti 51 u 52).
34 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-traspożizzjoni fid-dritt intern ta’ direttiva ma teżiġix neċessarjament riproduzzjoni formali u testwali tad-dispożizzjonijiet tagħha f’regola legali espressa u speċifika u tista’ tiġi sodisfatta minn kuntest ġuridiku ġenerali, billi dan jiżgura effettivament l-applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod biżżejjed ċar u preċiż (ara, b’analoġija, is-sentenza SALIX, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40).
35 Fil-każ li l-qorti nazzjonali tiddeċiedi li l-Istat Membru inkwistjoni uża l-fakultà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva VAT, il-provvista ta’ art għall-bini għandha titqies bħala suġġetta għall-VAT skont il-liġi nazzjonali, irrispettivament min-natura permanenti tat-tranżazzjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li wettqet il-provvista teżerċitax attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi, sakemm din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix is-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
36 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt tal-proprjetà mill-proprjetarju tagħha ma jistax, fih innifsu, jitqies bħala li jikkostitwixxi attività ekonomika (ara s-sentenza Wellcome Trust, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
37 Għandu jiġi ppreċiżat li n-numru u d-daqs tal-bejgħ imwettaq f’din il-kawża ma humiex fihom innfushom determinanti. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, id-daqs tal-bejgħ ma jistax jitqies bħala kriterju li jagħmel distinzjoni bejn l-attivitajiet ta’ operatur li jaġixxi fuq bażi privata, li jinsab lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, u l-attivitajiet ta’ operatur li t-tranżazzjonijiet tiegħu jikkostitwixxu attività ekonomika. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li bejgħ sinjifikattiv jista’ jitwettaq ukoll minn operaturi li jaġixxu fuq bażi privata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ġunju 1996, Wellcome Trust, C-155/94, Ġabra p. I-3013, punt 37).
38 Bl-istess mod, il-fatt li, qabel il-bejgħ, il-persuna kkonċernata pproċediet bil-qsim tal-art sabiex tislet minnha l-aħjar prezz globali ma huwiex, fih innifsu, determinanti, bħalma lanqas ma huwa determinanti t-tul ta’ żmien li matulu l-imsemmija tranżazzjonijiet twettqu jew l-importanza tad-dħul li rriżulta minnhom. Fil-fatt, dawn il-fatti kollha jistgħu jidħlu fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju personali tal-persuna kkonċernata.
39 Madankollu, dan ma huwiex il-każ meta l-persuna kkonċernata tipproċedi b’inizjattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi tuża mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva VAT.
40 It-tali attivitajiet jistgħu jikkonsistu, b’mod partikolari, fit-twettiq fuq dawn l-artijiet ta’ xogħlijiet ta’ żvilupp tal-art, kif ukoll l-implementazzjoni ta’ mezzi magħrufa ta’ kummerċjalizzazzjoni.
41 Peress li dawn l-inizjattivi normalment ma jidħlux fil-kuntest tal-amministrazzjoni ta’ patrimonju personali, il-provvista f’tali ipoteżi ta’ art intiża għall-kostruzzjoni ma tistax titqies bħala s-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
42 Fl-ipoteżi li l-qorti tar-rinviju tikkonstata li r-Repubblika tal-Polonja ma għamlitx użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva VAT, ikun hemm lok li jiġi eżaminat jekk l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hijiex taxxabbli skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva VAT.
43 Skont kliem din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ persuna taxxabbli huwa ddefinit b’rabta mal-kunċett ta’ attività ekonomika. Fil-fatt, hija l-eżistenza ta’ din l-attività li tiġġustifika l-klassifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli (ara s-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2005, Fini H, C-32/03, Ġabra p. I-1599, punt 19).
44 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “attività ekonomika” huwa ddefinit fl-imsemmi subparagrafu 2 tal-Artikolu 9(1) bħala li jiġbor fih kull attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant u ta’ persuna li tipprovdi servizzi u, b’mod partikolari, it-tranżazzjonijiet li jinkludu l-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli bil-ħsieb li minnha jsir dħul li jkun ta’ natura permanenti.
45 Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sempliċi xiri jew is-sempliċi bejgħ ta’ proprjetà ma jisgħux jikkostitwixxu sfruttament ta’ proprjetà intiża li tipproduċi dħul li jkun ta’ natura permanenti fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva VAT, peress li l-uniku dħul minn dawn it-tranżazzjonijiet huwa kkostitwit mill-benefiċċju eventwali meta l-imsemmija proprjetà tinbiegħ. Fil-fatt, tranżazzjonijiet bħal dawn ma jistgħux, bħala regola, jikkostitwixxu, fihom innfushom, attivitajiet ekonomiċi fis-sens ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL, C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 39, u tad-29 ta’ April 2004, EDM, C-77/01, Ġabra p. I-4295, punt 58).
46 Il-kriterji stabbiliti fil-punti 37 sa 41 ta’ din is-sentenza huma applikabbli.
47 Fir-rigward tal-Artikolu 16 tad-Direttiva VAT, għandu jiġi ppreċiżat li dan japplika, kif jirriżulta minn kliemu, meta l-proprjetà inkwistjoni jew l-elementi li jsawruha jagħtu dritt għal tnaqqis sħiħ jew parzjali ta’ VAT. F’dan ir-rigward, mid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li meta r-rikorrenti fil-kawża prinċipali xtraw l-artijiet inkwistjoni huma kienu eżentati mill-VAT. Għalhekk, ix-xiri tal-imsemmija artijiet ma ta lok għall-ebda tnaqqis ta’ VAT. Minn dan isegwi li l-Artikolu 16 ma japplikax f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawżi tal-kawża prinċipali.
48 Barra minn hekk, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti l-fatt li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali tal-Kawża C-181/10 kienu rreġistraw ruħhom bħala persuni taxxabbli għall-VAT taħt skema b’rata fissa skont l-attività agrikola tagħhom huwa irrilevanti. Fil-fatt, kif ġustament sostnew il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni, it-tranżazzjonijet l-oħra minbarra l-provvista tal-prodotti agrikoli u l-provvista ta’ servizzi agrikoli, fis-sens tal-Artikolu 295(1) tad-Direttiva VAT, magħmula mill-bidwi b’rata fissa fil-kuntest tax-xogħol agrikolu jibqgħu suġġetta għall-iskema ġenerali ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Harbs, C-321/02, Ġabra p. I-7101, punti 31 u 36, kif ukoll tas-26 ta’ Mejju 2005, Stadt Sundern, C-43/04, Ġabra p. I-4491, punt 20).
49 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-provvista ta’ art intiża għall-kostruzzjoni għandha titqies bħala li hija suġġetta għall-VAT skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jekk dan l-Istat Membru għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva VAT, irrispettivament min-natura permanenti tat-tranżazzjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tkun wettqet il-provvista teżerċitax l-attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, sakemm din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix is-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
50 Persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, ġiet riklassifikata f’art intiża għall-kostruzzjoni, ma għandhiex titqies bħala suġġetta għall-VAT fis-sens tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-VAT, meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art, jekk dan il-bejgħ jidħol fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ din il-persuna.
51 Min-naħa l-oħra, jekk din il-persuna tipproċedi, bi ħsieb li twettaq l-imsemmi bejgħ, b’inizjattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi tuża mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva VAT, din il-persuna għandha titqies bħala li teżerċita “attività ekonomika” fis-sens tal-imsemmi artikolu u għandha, għalhekk, titqies bħala persuna suġġetta għat-taxxa.
52 Il-fatt li din il-persuna hija “bidwi b’rata fissa” fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva VAT ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi li:
Il-provvista ta’ art intiża għall-kostruzzjoni għandha titqies bħala li hija suġġetta għall-VAT skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ Stat Membru jekk dan l-Istat Membru għamel użu mill-possibbiltà prevista fl-Artikolu 12(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, irrispettivament min-natura permanenti tat-tranżazzjoni jew mill-kwistjoni dwar jekk il-persuna li tkun wettqet il-provvista teżerċitax l-attività ta’ produttur, ta’ kummerċjant jew ta’ persuna li tipprovdi servizzi, sakemm din it-tranżazzjoni ma tikkostitwixxix is-sempliċi eżerċizzju ta’ dritt ta’ proprjetà mill-proprjetarju tagħha.
Persuna fiżika li tkun eżerċitat attività agrikola fuq art li, wara emenda fil-pjanijiet ta’ żvilupp tat-territorju li saret għal raġunijiet indipendentement mir-rieda ta’ din il-persuna, ġiet riklassifikata f’art intiża għall-kostruzzjoni, ma għandhiex titqies bħala suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud fis-sens tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2006/112, meta hija tipproċedi bil-bejgħ tal-imsemmija art, jekk dan il-bejgħ jidħol fil-kuntest tal-amministrazzjoni tal-patrimonju privat ta’ din il-persuna.
Min-naħa l-oħra, jekk din il-persuna tipproċedi, bi ħsieb li twettaq l-imsemmi bejgħ, b’inizjattivi ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-art billi tuża mezzi simili għal dawk użati minn produttur, kummerċjant jew persuna li tipprovdi servizzi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, din il-persuna għandha titqies bħala li teżerċita “attività ekonomika” fis-sens tal-imsemmi artikolu u għandha, għalhekk, titqies bħala persuna suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud.
Il-fatt li din il-persuna hija “bidwi b’rata fissa” fis-sens tal-Artikolu 295(1)(3) tad-Direttiva VAT ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.