Kawża C-270/10
Lotta Gistö
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein hallinto-oikeus)
“Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 — Iffissar tar-residenza fiskali tal-konjugi ta’ uffiċjal tal-Unjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi regola li tgħid li persuna kkonċernata li kienet tirrisjedi għal tliet snin barra mill-pajjiż ma hijiex iktar ikkunsidrata bħala residenti fil-pajjiż u għaldaqstant ma hijiex iktar suġġetta għat-taxxa sħiħa”
Sommarju tas-sentenza
Privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej — Uffiċjali u membri tal-persunal tal-Komunitajiet — Residenza fiskali tal-konjugi ta’ uffiċjal tal-Unjoni li ma jeżerċitax attività professjonali separata
(Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14)
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konjugi ta’ persuna li, għar-raġuni biss li din tal-aħħar daħlet fis-servizz tal-Unjoni, jistabbilixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza fiskali li huwa kellu fil-mument tad-dħul tal-imsemmija persuna fis-servizz tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala li jkun żamm ir-residenza fiskali tiegħu f’dan l-aħħar Stat Membru jekk huwa stess ma jeżerċitax attività professjonali separata.
(ara l-punt 22 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
28 ta’ Lulju 2011 (*)
“Protokoll dwar il-Privilieġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej – L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 – Iffissar tar-residenza fiskali tal-konjuġi ta’ uffiċjal tal-Unjoni – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprovdi regola li tgħid li persuna kkonċernata li kienet tirrisjedi għal tliet snin barra mill-pajjiż ma hijiex iktar ikkunsidrata bħala residenti fil-pajjiż u għaldaqstant ma hijiex iktar suġġetta għat-taxxa sħiħa”
Fil-Kawża C-270/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Mejju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-31 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura mibdija minn
Lotta Gistö,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.-J. Kasel (Relatur), President tal-Awla, A. Borg Barthet u M. Ilešič, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,
– għall-Gvern Estonjan,, minn M. Linntam, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn I. Koskinen u D. Martin kif ukoll minn M.-I. Martínez del Peral, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li inizjalment kien anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, (ĠU 1967, 152, p. 13), u sussegwentement, bis-saħħa tat-Trattat ta’ Amsterdam, mat-Trattat KE (iktar ’il quddiem il-“Protokoll”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn L. Gistö intiża sabiex jiġi ddeterminat jekk, għas-sena fiskali 2007, hija kinitx suġġetta b’mod sħiħ jew parzjalment għat-taxxa fuq id-dħul fil-Finlandja.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 13 tal-Protokoll kien ifformulat kif ġej:
“Uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet ikunu suġġetti għal taxxa għall-benefiċċju tal-Komunitajiet fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa lilhom mill-Komunitajiet, skond il-kondizzjonijiet u l-proċedura stipulata mill-Kunsill, li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni.
Ikunu eżenti minn taxxi nazzjonali fuq salarji, pagi u emolumenti mħallsa mill-Komunitajiet.”
4 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll jipprovdi:
“Fl-applikazzjoni tat-taxxa fuq id-dħul, it-taxxa fuq il-ġid u t-taxxa tas-suċċessjoni u fl-applikazzjoni ta’ konvenzjonijiet dwar il-ħelsien mit-taxxa doppja magħmulin bejn Stati Membri tal-Komunitajiet, uffiċjali u impjegati oħra tal-Komunitajiet li, unikament minħabba fil-qadi tad-doveri tagħhom fis-servizz tal-Komunitajiet, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru li ma jkunx il-pajjiż ta’ domiċilju tagħhom għal skopijiet ta’ taxxa, meta jidħlu fis-servizz tal-Komunitajiet, jiġu kunsidrati, sew fil-pajjiż tar-residenza attwali tagħhom sew fil-pajjiż tad-domiċilju għal skopijiet ta’ taxxa, bħala li jkunu żammew id-domiċilju tagħhom f’dan l-aħħar pajjiż basta li dan ikun membru tal-Komunitajiet. Dawn id-disposizzjonijiet jgħoddu wkoll għall-konjuġi, safejn il-konjuġi ma jkollux jew ma jkollhiex separatament xi okkupazzjoni bi qliegħ, u għal ulied dipendenti fuq u taħt ir-responsabbiltà tal-persuni msemmija f’dan l-Artikolu.”
Id-dritt nazzjonali
5 L-Artikolu 9(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul [Tuloverolaki (1992/1535)], tat-30 ta’ Diċembru 1992, jipprovdi:
“Hija suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul:
1) kull persuna fiżika jew ġuridika, komunità ta’ interessi jew suċċessjoni residenti jew miftuħa fil-Finlandja matul is-sena fiskali kkunsidrata, fuq id-dħul riċevut fil-Finlandja u barra mill-pajjiż (intaxxar sħiħ);
2) kull persuna fiżika li ma kinitx residenti fil-Finlandja matul is-sena fiskali kkonċernata u kull persuna ġuridika barranija, fuq id-dħul riċevut fil-Finlandja (intaxxar parzjali).”
6 L-Artikolu 11(1) ta’ din l-istess liġi huwa fformulat kif ġej:
“Persuna fiżika hija meqjusa li hija residenti fil-Finlandja jekk hija għandha r-residenti reali tagħha hemmhekk jew jekk hija toqgħod hemmhekk b’mod kontinwu għal iktar minn sitt xhur, f’liema każ assenza temporanja ma timpedixxix li jiġi kkunsidrat li r-residenza hija kontinwa. Ċittadin Finlandiż huwa madankollu meqjus li huwa residenti fil-Finlandja anke jekk huwa ma jkunx qgħad hemmhekk b’mod kontinwu għal iktar minn sitt xhur, bil-kundizzjoni li ma jkunux għaddew tliet snin mill-aħħar tas-sena li fiha huwa telaq mill-pajjiż, sakemm ma jippruvax li ma kellu ebda rabta essenzjali mal-Finlandja matul is-sena fiskali kkonċernata. Sakemm ma jiġix ippruvat mod ieħor, huwa ma għandux ikun meqjus li jkun residenti fil-Finlandja lil hinn minn mill-perjodu msemmi iktar ’il fuq.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
7 L. Gistö, ta’ ċittadinanza Finlandiża, stabbiliet ruħha fil-Lussemburgu mal-familja tagħha fir-rebbiegħa tal-2003, meta żewġha beda karriera bħala traduttur fil-Parlament Ewropew. Minn dakinhar, il-Lussemburgu huwa l-post ta’ residenza tal-konjuġi Gistö.
8 Fl-2007, L. Gistö kienet fuq leave parentali mill-impjieg tagħha ta’ għalliema f’kindergarten f’Turku (il-Finlandja) u ma kienet qed teżerċita ebda attvità professjonali separata fil-Lussemburgu. Fil-Finlandja, hija l-proprjetarja ta’ ċerti sigurtajiet u ta’ diversi beni immobbli akkwistati bħala investiment li hija tikri.
9 Sabiex jiġi ddeterminat jekk, għas-sena fiskali 2007, hija kinitx għadha suġġetta li tħallas it-taxxa sħiħa fuq id-dħul fil-Finlandja, L. Gistö ressqet talba quddiem il-keskusverolautakunta (Kummissjoni Ċentrali tat-Taxxi), organu tal-amministrazzjoni fiskali, li tista’, fuq talba ta’ persuna taxxabbli, tagħti deċiżjonijiet preliminari vinkolanti fuq kwistjonijiet fiskali. Fid-deċiżjoni preliminari mogħtija fuq it-talba ta’ L. Gistö, l-imsemmija kummissjoni kkunsidrat li r-residenza fiskali ta’ din tal-aħħar kien għadu jinsab fil-Finlandja fis-sens tal-Artikolu 14 tal-protokoll u li hija kienet, għaldaqstant, suġġetta għat-taxxa sħiħa fuq id-dħul minħabba li ma kinitx teżerċita attività professjonali separata fil-Lussemburgu.
10 Għaldaqstant L. Gistö appellat minn din id-deċiżjoni quddiem il-Korkein hallinto-oikeus.
11 Din il-qorti tirrileva li soluzzjoni tal-kawża skont il-Protokoll twassal sabiex il-persuna kkonċernata tkun suġġetta għal trattament fiskali sfavorevoli minħabba l-istabbiliment tagħha fil-Lussemburgu, peress li hija dejjem tibqa’ suġġetta għal obbligu fiskali illimitat fil-Finlandja, waqt li, b’applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, hija tista’ tibbenefika minn obbligu fiskali limitat f’dan il-pajjiż mis-sena fiskali 2007.
12 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Korkein hallinto-oikeus iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-Artikolu 14 tal-Protokoll […] għandu jiġi interpretat, fil-kawża li tirrigwarda lil Lotta Gistö, fis-sens li, skont id-dispożizzjonijiet tal-Protokoll, ir-residenza fiskali tagħha baqgħet il-Finlandja fl-2007, jew li l-Protokoll għandu jinftiehem, f’dan il-każ, li huma d-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru li, b’mod definittiv, jiddeterminaw obbligu fiskali illimitat fi Stat Membru, li fil-kawża preżenti huwa l-Finlandja?”
Fuq id-domanda preliminari
13 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll għandhux jiġu interpretat fis-sens li l-konjuġi ta’ persuna li, għar-raġuni biss li din tal-aħħar daħlet fis-servizz tal-Unjoni Ewropea, jistabbilixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza fiskali li huwa kellu fil-mument tad-dħul tal-imsemmija persuna fis-servizz tal-Unjoni huwiex ikkunsidrat bħala li jkun żamm ir-residenza fiskali tiegħu f’dan l-aħħar Stat Membru jekk huwa stess ma jeżerċitax attivita professjonali separata.
14 Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 13 u 14 tal-Protokoll jistabbilixxu tqassim tal-kompetenzi fiskali bejn l-Unjoni u l-Istat Membru li fih l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal kellu r-residenza fiskali tiegħu qabel id-dħul tiegħu fis-servizz tal-Unjoni (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Mejju 1993, Kristoffersen, C-263/91, Ġabra p. I-2755, punt 9, u tas-17 ta’ Ġunju 1993, X, C-88/92, Ġabra p. I-3315, punt 11).
15 Skont l-Artikolu 13 tal-Protokoll, l-uffiċjali u l-membru tal-persunal tal-Unjoni huma suġġetti għall-benefiċċju tal-Unjoni għal taxxa fuq is-salarji, fuq il-pagi u fuq l-emolumenti mħallsa minnhom, peress li dawn huma eżenti minn taxxi nazzjonali (ara s-sentenza Kristoffersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).
16 Skont l-ewwel paragrau tal-Artikolu 14 tal-Protokoll, għall-applikazzjoni, b’mod partikolari, tat-taxxa fuq id-dħul, l-uffiċjali u l-membri l-oħra tal-persunal tal-Unjoni li, minħabba biss l-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom fis-servizz tal-Unjoni, jistabbilixxu r-residenza tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat tar-residenza fiskali li huma għandhom fil-mument tad-dħul tagħhom fis-servizz tal-Unjoni huma kkunsidrati, kemm fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom kif ukoll fl-Istat tar-residenza fiskali tagħhom, bħala li żammew ir-residenza tagħhom f’dan l-aħħar Stat jekk dan huwa membru tal-Unjoni (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Kristoffersen, punt 11, u X, punt 9).
17 Minn dan jirriżulta li, skont l-imsemmi l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14, l-Istat Membru ta’ oriġini, fejn tinżamm ir-residenza fiskali tal-uffiċjali jew tal-membru tal-persunal, jibqa’ fil-prinċipju kompetenti sabiex jintaxxa d-dħul kollu, minbarra s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni, ta’ dawn il-persuni u li jissuġġetta lil dawn tal-aħħar għat-taxxa fuq id-dħul anki jekk dawn ma jkollhomx ir-residenza effettiva tagħhom hemmhekk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-13 ta’ Novembru 2003, Schilling u Fleck-Schilling, C-209/01, Ġabra p. I-13389, punt 31). Il-kunċett ta’ taxxa fuq id-dħul, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll għandu jiġi ddeterminat skont il-kriterji tad-dritt nazzjonali applikabbli (ara s-sentenza Kristoffersen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).
18 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li t-tqassim tal-kompetenzi stabbilit bl-Artikolu 14 tal-Protokoll ikun kompromess jekk l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal kellu l-għażla ħielsa tar-residenza fiskali tiegħu (ara s-sentenza X, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).
19 Peress li, skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll, id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi Protokoll fil-qasam fiskali japplikaw ukoll għall-konjuġi tal-uffiċjal jew tal-membru tal-persunal tal-Unjoni fil-każ li dan il-konjuġi ma jeżerċitax attività professjonali separata, id-determinazzjoni tar-residenza fiskali tal-imsemmi konjuġi lanqas ma tista’ tiddependi fuq ir-rieda tal-persuna kkonċernata.
20 Minn dan isegwi li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Istat Membru li fih kienet tinsab ir-residenza fiskali tal-persuna kkonċernata qabel id-dħul tal-konjuġi tagħha fis-servizz tal-Unjoni jibqa’ kompetenti sabiex jintaxxa d-dħul kollu tal-imsemmija persuna kkonċernata minbarra s-salarji, il-pagi u l-emolumenti mħallsa mill-Unjoni, safejn din ma teżerċitax attività professjonali separata.
21 L-interpretazzjoni li ngħatat iktar ’il fuq ma hijiex inkonsistenti mal-prinċipju ta’ trattament ugwali safejn jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li, mil-lat fiskali, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni kif ukoll il-konjuġi tagħhom, sakemm dawn tal-aħħar ma jeżerċitawx attività professjonali separata fl-Istat Membru li fih l-uffiċjal jew il-membru tal-persunal jeżerċita l-funzjonijiet tiegħu fis-servizz tal-Unjoni, ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li jinsabu fl-istess sitwazzjoni bħal ħaddiem migrant li jistabbilixxi ruħu fi Stat Membru ieħor għajr l-Istat ta’ oriġini tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Schilling u Fleck-Schilling, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).
22 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konjuġi ta’ persuna li, għar-raġuni biss li din tal-aħħar daħlet fis-servizz tal-Unjoni, jistabbilixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza fiskali li huwa kellu fil-mument tad-dħul tal-imsemmija persuna fis-servizz tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala li jkun żamm ir-residenza fiskali tiegħu f’dan l-aħħar Stat Membru jekk huwa stess ma jeżerċitax attività professjonali separata.
Fuq l-ispejjeż
23 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li inizjalment kien anness mat-Trattat li jistabbilixxi Kunsill Wieħed u Kummissjoni Waħda tal-Komunitajiet Ewropej, u sussegwentement, bis-saħħa tat-Trattat ta’ Amsterdam, mat-Trattat KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-konjuġi ta’ persuna li, għar-raġuni biss li din tal-aħħar daħlet fis-servizz tal-Unjoni, jistabbilixxi r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru għajr l-Istat Membru tar-residenza fiskali li huwa kellu fil-mument tad-dħul tal-imsemmija persuna fis-servizz tal-Unjoni huwa kkunsidrat bħala li jkun żamm ir-residenza fiskali tiegħu f’dan l-aħħar Stat Membru jekk huwa stess ma jeżerċitax attività professjonali separata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.