SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Lulju 2012 (*)
“Sitt Direttiva tal-VAT — L-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), l-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u tal-Artikolu 17(2) — Parti minn beni ta’ investiment allokat lil impriża — Użu temporanju għal finijiet privati — Xogħol ta’ trasformazzjonijiet permanenti fl-imsemmi beni — Ħlas tal-VAT għal tibdiliet fit-tul — Dritt għal tnaqqis ”
Fil-Kawża C-334/10,
għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-12 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura
X
vs
Staatssecretaris van Financiën
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, M. Ilešič, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. Noort, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-1 ta’ Marzu 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), l-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Volum 1, p. 274, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn X (iktar ’il quddiem il-“persuna taxxabbli”), partenarjat ta’ persuni taxxabbli issuġġettati għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), u s-Staatssecretaris van Financiënawtoritajiet, dwar is-suġġett tat-tnaqqis, minn din il-persuni taxxabbli, tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud, fuq l-ispejjeż fir-rigward tat-trasformazzjonijiet permanenti magħmula, bil-ħsieb ta’ użu temporanju għal finijiet privati mill-persuna taxxabbli, f’beni ta’ investiment allokat lill-impriża tagħha.
Il-kuntest ġuridiku
3 Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikoli 6(2) tas-Sitt Direttiva:
“Dawn li ġejjin għandhom jitqiesu bħala provvisti ta’ servizzi bi ħlas:
a) l-użu ta’ oġġetti [beni] li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju [impriża] għall-użu privat [bżonnijiet privati] ta’ persuna taxxabbli jew tal-persunal tiegħu jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozzju tiegħu fejn it-taxxa fuq il-valur miżjud fuq dawn l-oġġetti hija deduċibbli kollha jew parti minnha;
b) il-provvista ta’ servizzi magħmula mingħajr ħlas minn persuna taxxabbli għall-użu privat tagħha jew għall-persunal tagħha jew b’mod iktar ġenerali għal skopijiet barra dawk tan-negozju tiegħu.
Stati Membri jistgħu jidderogaw mid-disposizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu, iżda li din id-deroga ma twassalx għal distorzjoni tal-kompetizzjoni.”
4 L-Artikolu 11 A (1)(ċ) tas-Sitt Direttiva:
“A) Fit-territorju tal-pajjiż
1) L-ammont taxxabbli għandu jkun:
[…]
ċ) fir-rigward ta’ provvisti msemmija fl-Artikolu 6(2), l-ispejjeż kollha lill-persuna taxxabbli tal-provvediment tas-servizzi.”
5 L-Artikolu 17(2)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“Sa kemm l-oġġetti u s-servizzi huma użati għall-iskopijiet fuq it-transazzjoni taxxabbli tiegħu, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata biex tnaqqas mit-taxxa li hi responsabbli biex tħallas:
a) taxxa fuq il-valur miżjud dovuta jew mħallsa fil-pajjiż fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi pprovduti jew li għandhom ikunu pprovduti lilu minn persuna taxxabbli oħra;”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
6 Kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-persuna taxxabbli hija partenarjat mingħajr personalità ġuridika li ħadet il-forma ta’ soċjetà f’isem kollettiv li tiġbor fiha żewġ persuni fiżiċi. Matul is-sena 2000, il-persuna taxxabbli eżerċitat kummerċ bl-ingrossa ta’ żebgħa għal karozzi. Iż-żewġ fundaturi tal-persuna taxxabbli akkwistaw, matul l-1999, maħżen li huma immedjatament użaw fil-kuntest tal-attività ekonomika tagħhom.
7 Fil-bidu tas-sena 2000, parti mill-kamra ta’ taħt il-bejt tal-maħżen ġiet żviluppata sabiex isservi bħala abitazzjoni temporanja għaż-żewġ soċji u t-tfal tagħhom, sakemm jiksbu abitazzjoni kummerċjali ħdejn il-maħżen. Għal dan il-għan, ġew installati żewġ twieqi tas-soqfa, kif ukoll entratura, kamra tal-banju u toilets. Il-VAT ġiet iffatturata fuq dan ix-xogħol.
8 Matul u wara l-imsemmijin xogħlijiet, il-kamra ta’ taħt il-bejt intużat għal 23 xahar bħala akkomodazzjoni mill-persuna taxxabbli. Sussegwentement, il-kamra ta’ taħt il-bejt ġiet organizzata sabiex tintuża, kif previst, għall-bżonnijiet tal-impriża u serviet bħala uffiċċju u ta’ post għat-taħriġ.
9 Il-persuna taxxabbli naqqset il-VAT relatata mal-ispejjeż ta’ żvilupp. L-ispettur fiskali kkunsidra li dan it-tnaqqis sar b’mod żbaljat, bl-eċċezzjoni tal-VAT iffatturata għall-iżvilupp tal-kamra tal-banju u tat-toilets, sa fejn il-persuna taxxabbli setgħet turi li l-iżvilupp ta’ dawn iż-żewġ servizzi kienu servew bl-istess mod għall-bżonnijiet professjonali tal-impriża.
10 Il-persuna taxxabbli ppreżentat rikors kontra dik id-deċiżjoni. Il-qorti tal-ewwel istanza ddeċidiet li x-xogħol ta’ installazzjoni tat-twieqi u tal-entratura kienu saru biss għal finijiet ta’ abitazzjoni u li qatt ma ġie pretiż jew magħmul plawżibbli li dawk ix-xogħlijiet saru għall-bżonnijiet tal-impriża u għalhekk ma kienx hemm dritt għal tnaqqis.
11 Din l-istess qorti kkunsidrat li l-persuna taxxabbli lanqas ma kienet tibbenefika minn dritt għal tnaqqis skont l-Artikolu 17 tas-Sitt Direttiva peress li l-iżviluppi ma kinux intużaw għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. Barra minn hekk, l-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 6(2), tas-Sitt Direttiva ma huwiex applikabbli minħabba li x-xogħlijiet ta’ trasformazzjoni kellhom jiġu kklassifikati bħala provvista ta’ servizzi u li, f’dan il-qasam, ma setax jiġi kkonfermat li kien hemm “użu ta’ oġġetti [beni] li jifformaw parti mill-assi ta’ negozju [impriża] għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju [impriża]”. Fl-aħħar nett l-ewwel subparagrafu (b) tal-Artikolu 6(2), tas-Sitt Direttiva lanqas ma huwa applikabbli peress li din id-dispożizzjoni teskludi s-servizzi li ma jitwettqux mill-persuna taxxabbli nnifisha.
12 Insostenn tal-appell ta’ kassazzjoni tagħha quddiem il-Hoge Raad der Nederlanden, il-persuna taxxabbli sostniet li, f’dan il-każ, l-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2) tas-Sitt Direttiva huwa applikabbli. F’dan ir-rigward, hija sostniet li hija kienet użat temporanjament parti minn beni allokat lill-impriża għal finijiet mhux relatati magħha, u b’hekk dan kien jikkostitwixxi tranżazzjoni taxxabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Il-bażi taxxabbli ta’ tranżazzjonijiet jikkorrispondu għall-ammont ta’ spejjeż magħmula mill-persuna taxxabbli għat-twettiq tal-provvista tas-servizz, li jinkludu mhux biss spejjeż ta’ akkwist, iżda wkoll spejjeż ta’ manutenzjoni u rinnovazzjoni. Sa fejn dawn l-ispejjeż ikunu parti mill-bażi taxxabbli tal-użu privat, il-prinċipju ta’ newtralità jwassal biex jirrendi kompletament deduċibbli b’mod immedjat u sħiħ mhux biss il-VAT fuq in-nefqa tal-akkwist iżda wkoll il-VAT fuq l-ispejjeż ta’ manutenzjoni u rinnovazzjoni.
13 Din il-qorti tippreċiża li, f’dan il-każ, huwa stabbilit li l-maħżen, wara l-akkwist tiegħu, intuża għall-bżonnijiet tal-impriża. Huwa wkoll stabbilit li, minn mument partikolari, parti minn dan il-maħżen ġiet provviżorjament allokata għal bżonnijiet privati u li, għall-iskop uniku ta’ dan l-użu, saru x-xogħlijiet fuqu. Il-partijiet ma kinux iddikjaraw ruħhom fuq il-punt dwar jekk il-VAT ġietx iffatturata għall-persuna taxxabbli matul l-akkwist tal-maħżen u l-qrati inferjuri ma kkonkludew xejn f’dan ir-rigward. Il-qorti tar-rinviju kkonkludiet li jeħtieġ, li jiġu eżaminati ż-żewġ ipoteżijiet.
14 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Persuna taxxabbli li temporanjament tuża għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni ta’ investiment tal-impriża tagħha — fid-dawl tal-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), tal-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u tal-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva — għandha d-dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż magħmula sabiex isiru tibdiliet fit-tul bl-uniku għan ta’ użu għal skopijiet privati?
2) Ir-risposta għal din id-domanda tkun differenti fl-ipoteżi fejn l-akkwist ta’ beni ta’ investiment kien intaxxat bil-VAT u li din kienet tnaqqset mill-persuna taxxabbli?”
Fuq id-domandi preliminari
15 Permezz tad-domandi tagħha, li hemm lok li jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), l-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u l-Artikolu 17(2), tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, persuna taxxabbli li tuża temporanjament għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni ta’ investiment allokat lill-impriża tagħha għandhiex, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-ispejjeż magħmula sabiex isiru trasformazzjonijiet permanenti fuq dan il-beni anki meta dawn it-trasformazzjonijiet ikunu bil-ħsieb ta’ dak l-użu temporanju għal finijiet privati u li, minn naħa oħra, jekk dan id-dritt għal tnaqqis jeżistix indipendentement mill-punt dwar jekk, waqt l-akkwist ta’ beni ta’ investiment li fih saru l-imsemmija trasformazzjonijiet, il-VAT ġietx iffatturata għall-persuna taxxabbli u jekk tnaqqsitx minn din tal-aħħar.
16 Sabiex tingħata risposta għall-imsemmija domandi, l-ewwel nett, għandu jiġi ppreċiżat li l-qorti tar-rinviju speċifikat li l-kawża prinċipali llimitat ruħha għad-dritt għal tnaqqis relatat ma’ ċerti trasformazzjonijiet magħmula fir-rigward ta’ beni allokat interament lill-impriża u iktar speċifikament mal-installazzjoni permanenti ta’ żewġ twieqi tas-soqfa u ta’ entratura. Dawn it-trasformazzjonijiet jistgħu, għar-raġunijiet imsemmija mill-Avukat Ġenerali fil-punti 59 sa 63 tal-konklużjonijiet tagħha, jitqiesu li ħolqu beni ta’ investiment separat.
17 It-tieni nett, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza jirriżulta li huwa l-akkwist ta’ beni minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali li jiddetermina l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT u, għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. L-użu li jsir minn beni, jew li huwa maħsub għalih, jiddetermina biss il-portata tat-tnaqqis inizjali li l-persuna taxxabbli għandha dritt għalih skont l-Artikolu 17 u l-portata ta’ kwalunkwe aġġustamenti matul il-perijodi li ġejjin (sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz, C-97/90, Ġabra p. I-3795, punt 15). Għall-kuntrarju, meta persuna taxxabbli takkwista beni esklużivament għal bżonnijiet privati, tkun qed taġixxi bħala persuna privata u mhux bħala persuna taxxabbli fis-sens tas-Sitt Direttiva (sentenza tas-6 ta’ Mejju 1992, de Jong, C-20/91, Ġabra p. I-2847, punt 17).
18 Għandu għalhekk jiġi eżaminat sa fejn, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna taxxabbli tista’ titqies bħala li aġixxiet “bħala tali” meta hija tkun wettqet trasformazzjonijiet permanenti f’beni li jkunu ħolqu beni ta’ investiment ġdid.
19 F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija b’mod partikolari l-intenzjoni, ikkonfermata minn provi oġġettivi, tal-persuna taxxabbli li tuża beni jew servizz għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha li tiddetermina jekk, fil-mument meta hi twettaq it-tranżazzjonijiet tal-input, l-imsemmija persuna taxxabbli kinitx qiegħda taġixxi bħala tali u għandha għaldaqstant tibbenefika mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT dovuta jew kinitx tħallset għall-imsemmija beni u servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Lennartz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 8, u tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl, C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 34).
20 Fir-rigward tal-intenzjoni tal-persuna taxxabbli msemmija fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, li l-awtorità fiskali kkunsidrat li t-twieqi tas-saqaf u l-entratura, b’differenza ta’ elementi oħra użati fl-iżvilupp ta’ parti mill-maħżen bħala abitazzjoni, kienu installati b’għan esklużivament privat.
21 Min-naħa l-oħra, kif ġustament osservat l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tagħha, l-istess deċiżjoni tar-rinviju twassal ukoll għall-konklużjoni li mill-bidu tat-trasformazzjonijiet, l-użu ta’ parti mill-maħżen żviluppat għal finijiet ta’ abitazzjoni kien ippjanat biss għal perijodu temporanju. Barra minn hekk, mis-sentenza tal-ewwel istanza jirriżulta li kien ukoll magħruf minn qabel li l-imsemmija parti tal-maħżen kellha tiġi żviluppata ulterjorment sabiex tintuża, esklużivament għall-bżonnijiet tal-impriża, bħala uffiċċju u bħala post għat-taħriġ.
22 Fil-kawża prinċipali, ma jidhirx li ġie stabbilit b’mod ċar li, fil-mument meta saru t-trasformazzjonijiet inkwistjoni, il-persuna taxxabbli kellha l-intenzjoni li tużahom esklużivament għall-bżonnijiet privati tagħha.
23 Fir-rigward tal-elementi oġġettivi li jistgħu jiġu adottati sabiex jiġi evalwat, jekk persuna taxxabbli f’każ partikolari, tkunx akkwistat beni għall-bżonnijiet tal-attivitajiet ekonomiċi tagħha, għandu jitfakkar li fost dawn l-elementi, hemm inkluż, b’mod partikolari, in-natura tal-beni kkonċernati u l-perijodu dekors bejn l-akkwist ta’ dawk l-beni u l-użu tagħhom għal attivitajiet ekonomiċi tal-persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lennartz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21)
24 Filwaqt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina s-sitwazzjoni fattwali f’każ partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, madankollu, tipprovdiha b’kull element utli ta’ interpretazzjoni biex issolvi l-kawża.
25 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mill-ewwel nett, irrilevat, li fir-rigward tan-natura tal-beni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmul mit-twieqi tas-saqaf u l-entratura, ma jistax jiġi kkontestat li huma, fil-prinċipju, jistgħu jintużaw għal użu kemm privat u kif ukoll għall-bżonnijiet professjonali.
26 Sussegwentement, peress li l-beni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali tħalla fil-post u fl-istat wara l-bidla fl-allokazzjoni ta’ parti mill-maħżen temporanjament użat għal finijiet ta’ abitazzjoni, jista’ jitqies li dan l-beni kien sussegwentement użat għall-bżonnijiet tal-impriża. Tant huwa minnu dan li l-imsemmi beni ġie integrat f’bini allokat kompletament lill-impriża.
27 Fl-aħħar nett, il-perijodu ta’ 23 xahar, li matulu l-beni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħall-beni l-oħra li kienu ntużaw biex tiġi żviluppata parti mill-maħżen għal finijiet ta’ abitazzjoni, kien intużat għal bżonnijiet esklużivament privati, ma jistax, fir-rigward tan-natura permanenti ta’ dan l-beni u kif ukoll tal-ħajja prevedibbli tiegħu, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu prova li twassal għall-konklużjoni li l-persuna taxxabbli ma kellhiex l-intenzjoni li tuża l-imsemmi beni għall-bżonnijiet tal-impriża tiegħu.
28 Fl-ipoteżi fejn, fil-kawża prinċipali, il-qorti nazzjonali tasal għall-konklużjoni li, fil-mument meta inkorriet l-ispejjeż għat-trasformazzjonijiet inkwistjoni, il-persuna taxxabbli ma kellhiex l-intenzjoni li tuża l-beni ta’ investiment li jirriżulta għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, allura d-dritt għal tnaqqis tal-VAT relattiva għat-trasformazzjonijiet ma jistax jingħata lilha.
29 Għall-kuntrarju, fil-każ li l-qorti nazzjonali, fid-dawl tal-elementi ta’ interpretazzjoni pprovduta mill-Qorti tal-Ġustizzja, tikkonstata li l-persuna taxxabbli kellha l-intenzjoni li tuża l-beni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali għall-bżonnijiet tal-impriża tagħha, għandhom jiġu indirizzati wkoll tliet elementi
30 L-ewwel nett, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 67 tal-konklużjonijiet tagħha, huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk il-fatt li l-beni ta’ investiment intuża fl-ewwel fażi, esklużivament għall-bżonnijiet privati u fit-tieni fażi, esklużivament għall-bżonnijiet tal-impriża jostakolax il-ħolqien tad-dritt għal tnaqqis.
31 Madankollu, kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, il-fatt li l-beni akkwistati għal bżonnijiet ta’ attività ekonomika ma jintużawx immedjatament għal dawn l-attivitajiet ma huwiex, fil-prinċipju, tali li jqiegħed fid-dubju d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Lennartz, iċċitata iktar ’il fuq, punti 14 u 15).
32 L-interpretazzjoni li l-użu inizjali esklużivament għal finijiet privati ta’ beni allokat lill-impriża segwit minn użu esklużivament għall-bżonnijiet tal-impriża ma għandux jaffettwa d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud hija wkoll konsistenti mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti fis-sistema komuni tal-VAT.
33 Fil-fatt, kif jirriżulta minn ġurisprudenza li tirrigwarda l-beni ta’ investiment b’użu mħallat li jvarja fiż-żmien, kull interpretazzjoni kuntrarja tista’ jkollha l-konsegwenza li t-tnaqqis tat-taxxa dovuta tal-input fuq il-valur miżjud jiġi rrifjutat lill-persuna taxxabbli għall-użu professjonali futur li jiġi ntaxxat, minkejja l-intenzjoni tal-bidu tal-persuna taxxabbli li talloka l-beni inkwistjoni, fit-totalità tiegħu, lill-impriża tagħha, fid-dawl ta’ tranżazzjonijiet futuri. Issa, f’tali sitwazzjoni, il-persuna taxxabbli ma hijiex ħielsa mit-totalità tat-taxxa relatata mal-beni li tuża għall-bżonnijiet tal-attività ekonomika tagħha u t-tassazzjoni tal-attivitajiet professjonali tagħha twassal għal tassazzjoni doppja kuntrarjament għall-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni ta’ VAT u li s-Sitt Direttiva taqa’ taħtu (ara, f’dan is sens, is-sentenza tat 23 ta’ April 2009, Puffer, C-460/07, Ġabra p. I-3251, punti 45 u 46).
34 Minn dan isegwi li l-użu bħal dak previst fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kkunsidrat bħala użu mħallat, fis-sens tal-ġurisprudenza, ta’ beni ta’ investiment allokat lill-impriża.
35 It-tieni nett, huwa importanti, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-persuna taxxabbli tistax tnaqqas totalment it-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud, li jiġi analizzat sa fejn beni ta’ investiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-twieqi u l-entratura, jistax jitqies bħala li ntuża għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli tal-persuna taxxabbli.
36 F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tinvoka b’mod partikolari żewġ dispożizzjonijiet.
37 Fir-rigward, minn naħa, tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva, għandu jitfakkar li, skont dik id-dispożizzjoni, l-użu ta’ beni allokat lill-impriża għall-bżonnijiet tal-persuna taxxabbli jew għal dawk tal-persunal tagħha, huwa simili għall-provvista ta’ servizzi bi ħlas.
38 Peress li, f’din l-ipoteżi, il-beni ta’ investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kompletament allokat lill-impriża, l-użu tiegħu għal finijiet privati għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva u jiġi ntaxxat bħala tali.
39 F’dak li jikkonċerna, minn naħa oħra, l-applikazzjoni possibbli tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni ma tirrigwardax id-disponibbiltà ta’ beni allokat lill-impriża, iżda s-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli nnifisha għall-bżonnijiet privati tagħha jew għal dawk tal-persunal tagħha.
40 Sa fejn, f’dan il-każ, it-tranżazzjoni tal-output li jista’ jitqies li saret mill-persuna taxxabbli tiġi analizzat, kif jirriżulta mill-punt 37 ta’ din is-sentenza, bħala użu minn beni allokat lill-impriża għall-bżonnijiet privati tal-persuna taxxabbli, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(2)(a) tas-Sitt Direttiva ma huwiex applikabbli f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
41 It-tielet nett, għandu jiġi ppreċiżat li ċ-ċirkustanza li l-beni allokat lill-impriża li magħha ġie integrat b’mod permanenti beni ta’ investiment bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġifieri t-twieqi tas-saqaf u l-entratura, tagħtix lok jew le għad-dritt għal tnaqqis ma taffettwax il-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT fuq dan l-beni ta’ investiment.
42 Fil-fatt, dik iċ-ċirkustanza tinfluwenza biss il-kalkolu tal-bażi taxxabbli tat-tranżazzjoni tal-output imwettqa mill-persuna taxxabbli. F’dan il-każ, f’każ li l-VAT ġiet iffatturata lill-persuna taxxabbli fil-mument tal-akkwist tal-maħżen, il-bażi taxxabbli għall-użu privat tal-kamra ta’ taħt il-bejt se tkun magħmula minn parti mill-ispiża tal-akkwist tal-maħżen u mill-ispejjeż tat-trasformazzjoni. Għall-kuntrarju, fil-każ li l-VAT ma ġietx iffatturata lill-persuna taxxabbli fil-mument tal-akkwist tal-maħżen, il-bażi taxxabbli fir-rigward tal-użu privat ta’ parti tal-imsemmi maħżen ikun ikkostitwit unikament minn spejjeż ta’ trasformazzjoni.
43 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun, li l-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), l-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, persuna taxxabbli li tuża temporanjament għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni ta’ investiment allokat lill-impriża tagħha għandha, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż magħmula sabiex isiru trasformazzjonijiet permanenti f’dan l-beni anki meta dawn it-trasformazzjonijiet ikunu saru bl-għan ta’ dan l-użu temporanju għal finijiet privati u li, min-naħa l-oħra, dan id-dritt għal tnaqqis jeżisti indipendentement mill-punt dwar jekk, fil-mument tal-akkwist ta’ beni ta’ investiment li fih saru l-imsemmija trasformazzjonijiet, il-VAT kinitx ġiet iffatturata lill-persuna taxxabbli u jekk tnaqqsitx minn din tal-aħħar.
Fuq l-ispejjeż
44 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel subparagrafu (a) u (b) tal-Artikolu 6(2), l-Artikolu 11(A)(1)(ċ) u l-Artikolu 17(2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 95/7/KE, tal-10 ta’ April 1995 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, minn naħa, persuna taxxabbli li tuża temporanjament għall-bżonnijiet privati tagħha parti minn beni ta’ investiment allokat lill-impriża tagħha għandha, b’applikazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, dritt għal tnaqqis mit-taxxa tal-input fuq il-valur miżjud fuq l-ispejjeż magħmula sabiex isiru trasformazzjonijiet permanenti f’dan l-beni anki meta dawn it-trasformazzjonijiet ikunu saru bl-għan ta’ dan l-użu temporanju għal finijiet privati u li, min-naħa l-oħra, dan id-dritt għal tnaqqis jeżisti indipendentement mill-punt dwar jekk, fil-mument tal-akkwist ta’ beni ta’ investiment li fih saru l-imsemmija trasformazzjonijiet, il-VAT kinitx ġiet iffatturata lill-persuna taxxabbli u jekk tnaqqsitx minn din tal-aħħar.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.