SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)
17 ta’ Jannar 2012 ( *1 )
“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Ħaddiem impjegat fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi — Assigurazzjoni obbligatorja — Rifjut tal-ħlas ta’ allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol”
Fil-Kawża C-347/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-Rechtbank Amsterdam (il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Lulju 2010, fil-proċedura
A. Salemink
vs
Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),
komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts u J.-C. Bonichot, Presidenti ta’ Awla, R. Silva de Lapuerta, K. Schiemann (Relatur), E. Juhász, G. Arestis, D. Šváby u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: L. Hewlett, amministratur prinċipali,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Ġunju 2011,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal A. Salemink, minn R. E. Zalm, jurist, |
— |
għar-Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen, minn I. Eijkhout, bħala aġent, |
— |
għall-Gvern Olandiż, minn C. M. Wissels u M. Noort, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Grieg, minn S. Vodina u E.-M. Mamouna, kif ukoll minn G. Karipsiadis, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Spanjol, inizjalment minn B. Plaza Cruz, sussegwentement minn S. Centeno Huerta, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. van Beek u V. Kreuschitz, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Settembru 2011,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 39 KE u 299 KE kif ukoll it-Titoli I u II tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35) fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”). |
2 |
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn A. Salemink, ċittadin Olandiż li ħadem fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi u li huwa residenti fi Spanja, u Raad van bestuur van het Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (Bord tad-Diretturi tal-Istitut li jamministra l-assigurazzjoni għall-impjegati) dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jagħtih allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 |
Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, iffirmata f’Montego Bay (il-Ġamajka) fl-10 ta’ Diċembru 1982, li daħlet fis-seħħ fis-16 ta’ Novembru 1994, li ġiet irratifikata mir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi fit-28 ta’ Ġunju 1996 u approvata f’isem il-Komunità Ewropea permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 (ĠU L 179, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar”) fl-Artikolu 60 tagħha intitolat “Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fiż-żona ekonomika esklussiva” tipprovdi li: “1. Fiż-żona ekonomika esklussiva, l-Istat kostali għandu jkollu d-dritt esklussiv li jibni u li jawtorizza u jirregola l-kostruzzjoni, l-[espl]oprazzjoni u l-użu ta’':
2. L-Istat kostali għandu jkollu l-ġurisdizzjoni esklussiva fuq dawk il-gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi, inkluża l-ġurisdizzjoni fir-rigward tal-liġijiet u r-regolament doganali, fiskali, tas-saħħa, tas-sigurtà u ta’ l-immigrazzjoni. […]” |
4 |
L-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar intitolat “Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka kontinentali” jipprovdi li: “1. L-Istat kostali jeżerċita fuq is-sikka kontinentali drittijiet sovrani għall-iskop ta’ l-esplorazzjoni tagħha u ta’ l-esplojtazzjoni tar-riżorsi naturali tagħha. 2. Id-drittijiet msemmija fil-paragrafu 1 huma esklussivi fis-sens li jekk Stat kostali ma jesplorax is-sikka kontinentali jew ma jutilizzax ir-riżorsi tagħha, ħadd ma jkun jista jidħol għal dawn l-attivitajiet mingħajr il-kunsens espliċitu ta’ l-Istat kostali. 3. Id-drittijiet ta’ l-Istat kostali fuq is-sikka kontinentali ma jiddependux mill-okkupazzjoni, effettiva jew mistħajjla, jew fuq xi proklama espressa. […]” |
5 |
Skont l-Artikolu 80 ta’ din l-istess konvenzjoni, intitolat “Gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fis-sikka kontinentali”: “L-Artikolu 60 japplika mutatis mutandis għal gżejjer artifiċjali, stallazzjonijiet u strutturi fis-sikka kontinentali.” |
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
6 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi: “1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[…]” |
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
7 |
Skont l-Artikolu 3 tal-liġi dwar l-assigurazzjoni għall-mard, (Ziektewet, iktar ’il quddiem, iz-“ZW”): “1. Il-ħaddiem impjegat huwa l-persuna fiżika li tkun għadha ma laħqitx l-età ta’ 65 sena, li tkun impjegata abbażi ta’ relazzjoni ta’ dritt privat jew ta’ dritt pubbliku. 2. Il-persuna li l-impjieg tagħha jitwettaq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex ikkunsidrata bħala ħaddiem impjegat, sakemm hija ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi u sakemm min iħaddimha wkoll ma jirrisjedix jew ma jkunx stabbilit fil-Pajjiżi l-Baxxi.” |
8 |
Il-liġi dwar ix-xogħol u d-dħul skont il-kapaċità tax-xogħol (Wet werk en inkomen naar arbeidsvermogen, iktar ’il quddiem il-“WIA”), li daħħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2006, tipprovdi fl-Artikolu 7(1) tagħha li “il-ħaddiem impjegat għandu jkollu assigurazzjoni obbligatorja”. |
9 |
Skont l-Artikolu 8(1) tal-WIA, “il-ħaddiem impjegat fis-sens taz-[ZW], bl-eċċezzjoni ta’ dak li għandu l-istatus tal-Artikolu 4(1)(g) tal-imsemmija liġi, huwa kkunsidrat bħala ħaddiem impjegat fis-sens tal-liġi preżenti”. |
10 |
Mill-Artikolu 18(1) u (2) tal-WIA jirriżulta li l-assigurazzjoni volontarja hija disponibbli għall-persuna, li ma tkunx għadha laħqet l-età ta’ 65 sena, li ma hijiex ikkunsidrata bħala ħaddiem impjegat fis-sens tal-Artikolu 3(2) u (5) taz-ZW, u li l-assigurazzjoni obbligatorja tagħha tkun spiċċat, li tirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi u li, eżattament wara t-tmiem tal-assigurazzjoni obbligatorja, tkun marbuta b’kuntratt tax-xogħol ta’ żmien massimu ta’ ħames snin ma’ persuna li timpjega li tirrisjedi jew li hija stabblilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. |
11 |
Skont l-Artikolu 47(1) tal-WIA, il-persuna assigurata li timrad għandha dritt għall-allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol jekk it-terminu ta’ stennija jkun skada, l-inkapaċità għax-xogħol tkun totali u għal żmien twil, u l-ebda raġuni għal esklużjoni ma tapplika għaliha. |
12 |
Skont l-Artikolu 3 tal-liġi dwar dwar ix-xogħol ta’ tħaffir fil-baħar tan-Tramuntana (Wet arbeid mijnbouw Noordzee): “1. Dan l-artikolu japplika għall-ħaddiema li la huma assigurati taħt iz-[ZW] u lanqas minn ebda sistema legali korrispondenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, u li l-kuntratt tax-xogħol tagħhom huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni Olandiża dwar il-kuntratti tax-xogħol, jew għall-inqas id-dispożizzjonijiet vinkolanti. 2. Il-ħaddiem li, minħabba xi mard, ma jkunx f’pożizzjoni li jwettaq ix-xogħol miftiehem għandu dritt għar-remunerazzjoni prevista fl-Artikolu 629(1) tal-Ktieb 7 tal-Kodiċi Civili matul 104 ġimgħat, anki jekk il-kuntratt ta’ xogħol tiegħu jkun intemm matul dan il-perijodu.” |
Il-fatti tal-kawża prinċipali u d-domanda prinċipali
13 |
A. Salemink, ċittadin Olandiż, ħadem sa mill-1996 bħala infermier u parzjalment bħala radjografu fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass tal-kumpannija Olandiża Aardolie Maatschappij. Il-pjattaforma inkwistjoni tinsab barra mill-ibħra territorjali Olandiżi, fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, madwar 80 kilometru ’l bogħod mill-kosta Olandiża. |
14 |
Fl-10 ta’ Settembru 2004, A. Salemink ittrasferixxa r-residenza tiegħu fi Spanja. |
15 |
Qabel ma telaq għal Spanja, A. Salemink kien assigurat b’mod obbligatorju skont iz-ZW, li l-Artikolu 3(2) tagħha jipprovdi li l-persuna li l-impjieg tagħha jitwettaq barra mill-Pajjiżi l-Baxxi ma hijiex ikkunsidrata bħala ħaddiem impjegat, sakemm hija ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi u sakemm min iħaddimha wkoll ma jirrisjedix jew ma jkunx stabbilit f’dan l-Istat Membru. |
16 |
Minn meta mar joqgħod fi Spanja, A. Salemink ma baqax jissodisfa l-kundizzjoni ta’ residenza prevista fl-imsemmi Artikolu 3(2) u, konsegwentement, ġie eskluż mill-assigurazzjoni obbligatorja, b’mod partikolari, għall-inkapaċità għax-xogħol. |
17 |
Mill-4 ta’ Ottubru 2004, A. Salemink ġie aċċettat għall-assigurazzjoni volontarja li, madankollu, intemmet sussegwentement minħabba nuqqas ta’ ħlas tal-kontribuzzjonijiet. It-tentattivi ulterjuri ta’ A. Salemink matul is-sena 2006 sabiex jiġi aċċettat għall-assigurazzjoni volontarja, fallew minħabba li dan il-pass sar tard wisq. |
18 |
Wara li ddikjara li kien marid, fl-24 ta’ Ottubru 2006, A. Salemink talab, fil-11 ta’ Settembru 2007, allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol skont il-WIA, sa mill-24 ta’ Ottubru 2008. |
19 |
Din it-talba ġiet irrifjutata mill-Uitvoeringsinstituut werknemersverzekeringen (l-Istitut li jamministra l-assigurazzjoni għall-impjegati, iktar ’il quddiem l-“UWV”) minħabba li fid-data ta’ meta bdiet l-inkapaċità għax-xogħol, jiġifieri fl-24 ta’ Ottubru 2006, A. Salemink ma kienx assigurat b’mod obbligatorju. Peress li A. Salemink kien ilu jirrisjedi barra mill-Pajjiżi l-Baxxi mill-10 ta’ Settembru 2004, l-UWV qies li ma kienx għadu assigurat b’mod obbligatorju sa minn din id-data. |
20 |
Quddiem ir-Rechtbank Amsterdam, A. Salemink sostna li kien f’pożizzjoni li jibbenefika minn allowance ta’ inkapaċità għax-xogħol fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1408/71 li, fil-fehma tiegħu, japplika fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, li kellha titqies bħala li tagħmel parti mit-territorju Olandiż. |
21 |
F’dan ir-rigward, huwa invoka l-politika mħaddna mis-Sociale Verzekeringsbank (Bank ta’ assigurazzjonijiet soċjali, iktar ’il quddiem is-“SVB”) mill-1 ta’ Jannar 2006, li hija ispirata mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ġunju 1994, Aldewereld (C-60/93, Ġabra p. I-2991) u li tikkunsidra lill-ħaddiema impjegati li jaħdmu fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi bħala assigurati taħt is-sigurtà soċjali Olandiża. |
22 |
Il-qorti tar-rinviju tiddeskrivi din il-politika kif ġej: “Is-SVB jitlaq mill-prinċipju li t-Titolu II tar-Regolament [Nru 1408/71] japplika jekk il-ħaddiem impjegat jirrisjedi fit-territorju tal-Komunità iżda jaħdem, barra minn dan it-territorju, għal persuna li tħaddmu li hija stabbilita fil-Komunità. F’dan ir-rigward, is-SVB joħroġ mill-[motivi tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Lulju 1984,] Prodest [, 237/83, Ġabra p. 3153] u Aldewereld [, iċċitata iktar ’il fuq,] il-kundizzjoni li l-ħaddiem impjegat għandu jkun assigurat, immedjatament qabel ma jaħdem barra mill-Komunità, fl-Istat Membru fejn huwa stabbilit min iħaddmu jew ikun assigurat fuq il-bażi tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ dan l-Istat Membru meta jaħdem barra mill-Komunità. Jekk waħda minn dawn il-kundizzjonijiet hija sodisfatta, is-SVB iqis li hija l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ min iħaddem li hija applikabbli matul il-perijodu ta’ xogħol barra mill-Komunità. [traduzzjoni mhux uffiċjali]” |
23 |
L-UWV qies li, wara li A. Salemink mar joqgħod fi Spanja, huwa ma baqax jissodisfa l-kundizzjonijiet għall-affiljazzjoni fl-assigurazzjoni obbligatorja. |
24 |
Il-qorti tar-rinviju tesprimi d-dubji tagħha dwar jekk l-applikabbiltà tar-Regolament Nru 1408/71 testendix għas-sikka kontinentali inkwistjoni. Hija tistaqsi jekk hemmx lok li ssir distinzjoni bejn, minn naħa, it-territorju li fih Stat Membru huwa sovran u, min-naħa l-oħra, it-territorju li fih huwa awtorizzat jeżerċita drittijiet sovrani limitati iżda fejn huwa wkoll intitolat li ma jeżerċitahomx — bħalma għamel, fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, l-Istat Olandiż għal dak li jikkonċerna l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali fuq is-sikka kontinentali. Għaldaqstant tqum il-kwistjoni jekk Stat Membru huwiex intitolat jittratta b’mod differenti, fil-limitu tal-ġurisdizzjoni funzjonali li jeżerċita fuq is-sikka kontinentali, l-impjegati li jaħdmu fuqha u dawk li jaħdmu fit-territorju ta’ dan l-Istat. |
25 |
Il-qorti tar-rinviju taċċetta li r-rifjut tal-UWV jista’ jkun inkompatibbli mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema, fid-dawl tal-fatt li A. Salemink tilef vantaġġ li kien jibbenefika minnu meta kien jirrisjedi fil-Pajjiżi l-Baxxi. Madankollu, hija tistaqsi jekk din l-inkompatibbiltà tistax tiġi mmitigata mill-fatt li A. Salemink kien f’pożizzjoni li jassigura ruħu b’mod volontarju u li huwa għamel użu minn din il-possibbiltà. |
26 |
Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tosserva li l-kundizzjoni ta’ residenza stabbilita fl-Artikolu 3(2) taz-ZW hija kriterju problematiku inkwantu tista’ twassal għal diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Rechtbank te Amsterdam iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja: “Ir-regoli tad-dritt Komunitarju Ewropew li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema, u b’mod partikolari r-regoli msemmija fit-Titoli I u II tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll l-Artikoli 39 KE u 299 KE [...] jipprekludu li persuna impjegata li teżerċita l-attivitajiet professjonali tagħha barra mit-territorju Olandiż f’impjant fiss li jinsab fuq il-blata [sikka] kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, għal persuna li timpjega stabbililta fil-Pajjiżi l-Baxxi, ma tkunx assigurata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali, għar-raġuni biss li din il-persuna ma tirrisjedix fil-Pajjiżi l-Baxxi, iżda fi Stat Membru ieħor (f’dan il-każ, Spanja), anki jekk għandha nazzjonalità Olandiża u anki jekk għandha l-possibbiltà li tassigura ruħha volontarjament b’kundizzjonijiet essenzjalment identiċi għal dawk tal-assigurazzjoni mandatorja?” |
Fuq id-domanda preliminari
28 |
Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinvju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 39 KE għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ħaddiem, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fuq installazzjoni fissa li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb Stat Membru ma jkunx assigurat b’mod obbligatorju f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali sempliċement minħabba li ma jirrisjedix f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor. |
29 |
F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 il-persuna li teżerċita impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, anki jekk hija tkun tirrisjedi fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. |
30 |
Madankollu, l-applikabbiltà tal-imsemmi Artikolu 13(2)(a) kif ukoll tad-dritt tal-Unjoni inġenerali hija, f’kawża bħal dik prinċipali, ikkontestata kemm mill-Gvern Olandiż kif ukoll mill-UWV sa fejn l-attività professjonali inkwistjoni hija eżerċitata fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb il-Pajjiżi l-Baxxi, barra mill-ibħra territorjali Olandiżi. Il-Gvern Olandiż u l-UWV sostnew, f’dan ir-rigward, li l-portata territorjali tar-Regolament Nru 1408/71 hija limitata biss għat-territorju nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni għas-sikka kontinentali inkwistjoni. |
31 |
F’dan ir-rigward, huwa importanti li jsir riferiment għar-regoli u għall-prinċipji tad-dritt internazzjonali dwar is-sistema legali tas-sikka kontinentali. |
32 |
Fil-kawża tagħha tal-20 ta’ Frar 1969 (il-kawżi msejħa “tas-sikka kontinentali tal-Baħar tat-Tramuntana”, Ġabra tas-sentenzi, opinjonijiet konsultattivi u digrieti, 1969, p. 3, punt 19), il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi dwar id-drittijiet tal-Istati kostali fuq is-sikka kontinentali li tikkostitwixxi estensjoni naturali tat-territorju tiegħu taħt il-baħar. Hija ddeċidiet li l-imsemmija drittijiet jeżistu ipso facto u ab initio bis-saħħa tas-sovrantià tal-Istat fuq dan it-territorju u b’estensjoni ta’ din is-sovranità fl-għamla tal-eżerċizzju ta’ drittijiet sovrani għall-finijiet tal-esplorazzjoni ta’ qiegħ il-baħar u l-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu. |
33 |
Mill-Artikolu 77 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar jirriżulta li l-Istat kostali jeżerċita drittijiet sovrani fuq is-sikka kontinentali għall-finijiet tal-esplorazzjoni tagħha u tal-isfruttament tar-riżorsi naturali tagħha. Dawn id-drittijiet huma esklużivi fis-sens li jekk l-Istat kostali ma jesplorax is-sikka kontinentali jew ma jisfruttax ir-riżorsi naturali tagħha, ħadd ma jista’ jagħmel dan mingħajr il-kunsens espliċitu tiegħu. |
34 |
Għal dak li jirrigwarda l-gżejjer artifiċjali, l-installazzjonijiet u l-istrutturi li jinsabu fuq is-sikka kontinentali, skont l-Artikolu 80 tal-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar, moqri flimkien mal-Artikolu 60 ta’ din l-istess konvenzjoni, l-Istat kostali għandu d-dritt esklużiv li jibni kif ukoll li jawtorizza u jirregola l-bini, l-esplorazzjoni u l-użu tagħhom. L-Istat kostali għandu ġurisdizzjoni esklużiva fuq dawn il-gżejjer artifiċjali, dawn l-installazzjonijiet u dawn l-istrutturi. |
35 |
Peress li s-sikka kontinentali maġenb Stat Membru taqa’ taħt is-sovranità tiegħu, minkejja li funzjonali u limitata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 59), impjieg imwettaq fuq installazzjonijiet fissi jew li jżommu fuq wiċċ l-ilma li jinsabu fuq l-imsemmija sikka kontinentali, fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ esplorazzjoni u/jew sfruttament tar-riżorsi naturali, għandu jitqies, għall-applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, bħala mwettaq fit-territorju tal-imsemmi Stat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Frar 2002, Weber, C-37/00, Ġabra p. I-2013, punt 36, u tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C-6/04, Ġabra. p. I-9017, punt 117). |
36 |
L-Istat Membru li jieħu profitt mill-prerogattivi ekonomiċi ta’ esplorazzjoni u/jew sfruttament tar-riżorsi eżerċitati fuq il-parti tas-sikka kontinentali li tinsab maġenbu ma jistax, għaldaqstant, jevita l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni intiżi sabiex jiggarantixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fuq tali installazzjonijiet. |
37 |
Peress li l-applikabbiltà tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, tar-Regolament Nru 1408/71 għas-sikka kontinentali maġenb Stat Membru hija stabbilita, għandu jiġi eżaminat jekk l-imsemmi regolament u d-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema jipprekludux li persuna fis-sitwazzjoni ta’ A. Salemink tiġi eskluża mill-iskema ta’ assigurazzjoni obbligatorja wara t-trasferiment tar-residenza tagħha lejn Spanja. |
38 |
F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu l-uniku għan li jiddetermina liema leġiżlazzjoni nazzjonali tapplika għall-persuni li jeżerċitaw impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru. Bħala tali, dawn id-dispożizzjonijiet ma għandomx l-għan li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet tal-eżistenza tad-dritt jew tal-obbligu ta’ affiljazzjoni fi skema ta’ sigurtà soċjali jew fi kwalunkwe fergħa partikolari tal-istess skema. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja indikat diversi drabi fil-ġurisprudenza tagħha, huwa l-kompitu tal-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li tiddetermina dawn il-kundizzjonijiet (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 1982, Koks, 275/81, Ġabra p. 3013, u tas-7 ta’ Lulju 2005, van Pommeren-Bourgondiën, C-227/03, Ġabra p. I-6101, punt 33). |
39 |
Madankollu, għalkemm l-Istati Membri jżommu l-kompetenza tagħhom sabiex jorganizzaw il-kundizzjonijiet għall-affiljazzjoni fis-sistemi tagħhom tas-sigurtà soċjali huma għandhom, minkejja dan, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, jirrispettaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 1990, Kits van Heijningen, C-2/89, Ġabra p. I-1755, punt 20, u tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen, C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33). |
40 |
Konsegwentement, minn naħa, dawn il-kundizzjonijiet ma jistgħux jirriżultaw fl-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-persuni li, skont ir-Regolament Nru 1408/71 din l-istess leġiżlazzjoni tapplika għalihom u, min-naħa l-oħra, l-iskemi ta’ affiljazzjoni fl-assigurazzjonijiet obbligatorji għandhom ikunu kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 39 KE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Kits van Heijningen, punt 20 u van Pommeren-Bourgondiën, punt 39). |
41 |
L-Artikolu 12(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi espressament li l-persuna li teżerċita impjieg fit-territorju ta’ Stat Membru hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat “anke jekk [t]kun [t]abita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor”. Din id-dispożizzjoni ma tkunx osservata jekk il-kundizzjoni ta’ residenza, imposta mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa eżerċitat l-impjieg sabiex tiġi aċċettata fl-iskema tal-assigurazzjoni obbligatorja li hija tipprovdi, setgħet tiġi invokata mill-persuni msemmija fl-Artikolu 13(2)(a). Għal dak li jikkonċerna lil dawn il-persuni, din id-dispożizzjoni għandha l-effett li tissostitwixxi l-kundizzjoni ta’ residenza b’kundizzjoni bbażata fuq l-eżerċizzju ta’ impjieg fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat (ara s-sentenza Kits van Heijningen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21). |
42 |
Għaldaqstant, tmur kontra l-Arikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li huwa abbażi tal-kriterju ta’ residenza li ħaddiem, li jeżerċita l-attività tiegħu fuq pjattaforma għall-estrazzjoni tal-gass li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jkun jista’ jibbenefika minn assigurazzjoni obbligatorja f’dan l-istess Stat jew le. |
43 |
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li tali leġiżlazzjoni nazzjonali tpoġġi lil ħaddiema li ma humiex residenti, bħal A. Salemink, f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik tar-residenti f’dak li jirrigwarda s-sigurtà soċjali fil-Pajjiżi l-Baxxi u, minħabba f’dan, tippreġudika l-prinċipju ta’ moviment liberu ggarantit mill-Artikolu 39 KE. |
44 |
Minkejja li fil-punt 40 tas-sentenza van Pommeren-Bourgondiën, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskluditx li l-kundizzjoni ta’ residenza sabiex tkun tista’ titkompla l-affiljazzjoni obbligatorja ma’ ċerti friegħi tas-sigurtà soċjali tista’ tkun inkompatibbli mal-Artikolu 39 KE, il-possibbiltà li għandu A. Salemink li jieħu assigurazzjoni volontarja ma tinvalidax il-konstatazzjoni magħmula fil-punt 43 tas-sentenza preżenti. Fil-fatt, il-passi li l-ħaddiema, li ma humiex residenti u li jixtiequ jkunu assigurati b’mod volontarju, għandhom jieħdu bl-inizjattiva tagħhom stess, kif ukoll ir-restrizzjonijiet assoċjati ma’ assigurazzjoni ta’ dan it-tip, bħall-osservanza tat-termini sabiex tiġi ppreżentata applikazzjoni għal assigurazzjoni, jikkostitwixxu elementi li jpoġġu ħaddiema, li ma humiex residenti, li għandhom biss il-possibbiltà ta’ assigurazzjoni volontarja, f’sitwazzjoni inqas favorevoli meta mqabbla mar-residenti, li huma koperti minn assigurazzjoni obbligatorja. |
45 |
Konsegwentement, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u l-Artikolu 39 KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ħaddiem, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fuq installazzjoni fissa li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb Stat Membru ma jkunx assigurat b’mod obbligatorju f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali, sempliċement minħabba li ma jirrisjedix f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor. |
Fuq l-ispejjeż
46 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi: |
L-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-skemi tas-Sigurtà Soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni emendata tiegħu u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 u l-Artikolu 39 KE, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li ħaddiem, li jeżerċita l-attivitajiet professjonali tiegħu fuq installazzjoni fissa li tinsab fuq is-sikka kontinentali maġenb Stat Membru ma jkunx assigurat b’mod obbligatorju f’dan l-Istat Membru taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ assigurazzjoni soċjali, sempliċement minħabba li ma jirrisjedix f’dan l-Istat iżda fi Stat Membru ieħor. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.