Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

19 ta’ Marzu 2013 (*)

“Appelli – Għajnuna mill-Istat – Miżuri finanzjarji favur France Télécom – Proġett ta’ self minn azzjonist – Dikjarazzjonijiet pubbliċi ta’ membru tal-gvern Franċiż – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u ma tordnax l-irkupru tagħha – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Kunċett ta’ vantaġġ finanzjarju – Kunċett ta’ impenn tar-riżorsi tal-Istat”

Fil-Kawżi magħquda C-399/10 P u C-401/10 P,

li għandhom bħala suġġett żewġ appelli skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ppreżentati rispettivament fl-4 u fit-3 ta’ Awwissu 2010,

Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi (Franza),

Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt (Franza),

irrappreżentati minn C. Baldon, J. Blouet-Gaillard, J. Vogel, F. Sureau u D. Theophile, avukati,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, D. Grespan u S. Thomas, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, assistiti minn U. Soltész, avukat,

intervenjenti fl-appell,

France Télécom SA, stabbilita f’Pariġi, inizjalment irrappreżentata minn S. Hautbourg, S. Quesson u L. Olza Moreno, avukati, sussegwentement minn S. Hautbourg u S. Quesson, avukati,

Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom), stabbilita f’Pariġi,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

u

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Giolito, D. Grespan u S. Thomas, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn G. de Bergues u J. Gstalter, bħala aġenti,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

sostnuta minn:

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti, assistiti minn U. Soltész, avukat,

intervenjenti fl-appell,

Bouygues SA, stabbilita f’Pariġi,

Bouygues Télécom SA, stabbilita f’Boulogne-Billancourt,

irrappreżentati minn C. Baldon, J. Blouet-Gaillard, J. Vogel, F. Sureau u D. Theophile, avukati,

France Télécom SA, stabbilita f’Pariġi, inizjalment irrappreżentata minn S. Hautbourg, S. Quesson u L. Olza Moreno, avukati, sussegwentement minn S. Hautbourg u S. Quesson, avukati,

Association française des opérateurs de réseaux et services de télécommunications (AFORS Télécom), stabbilita f’Pariġi,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, viċi President, A. Tizzano, M. Ilešič, J. Malenovský, Presidenti ta’ Awla, U. Lõhmus, E. Levits, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur), J.-J. Kasel u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-13 ta’ Marzu 2012,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appelli tagħhom, Bouygues SA u Bouygues Télécom SA (iktar ’il quddiem, flimkien, il-“kumpanniji Bouygues”), minn naħa, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, min-naħa l-oħra, jitolbu l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni (T-425/04, T-444/04, T-450/04 u T-456/04, Ġabra p. II-2099, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”), li permezz tagħha, minn naħa, annullat l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/621/KE, tat-2 ta’ Awwissu 2004, dwar l-għajnuna mill-Istat implementata minn Franza favur France Télécom (ĠU 2006, L 257, p. 11, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), u, min-naħa l-oħra, tiddikjara li ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-talbiet għal annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

 Il-kuntest ġenerali tal-kawża

2        France Télécom SA (iktar ’il quddiem “FT”), operatur u fornitur ta’ netwerks u ta’ servizzi tat-telekomunikazzjonijiet, kienet ġiet stabbilita fl-1991 fil-forma ta’ persuna ġuridika taħt id-dritt pubbliku u kellha, sa mill-31 ta’ Diċembru 1996, l-istatus ta’ kumpannija b’responsabbiltà limitata. Sa minn Ottubru 1997, FT ġiet ikkwotata fil-Borża. Fl-2002, il-parteċipazzjoni tal-Istat Franċiż fil-kapital ta’ FT kienet tammonta għal 56.45 %, il-kumplament kien diviż bejn il-pubbliku (32.25 %), France Télécom innifisha (8.26 %) u l-impjegati tal-impriża (3.04 %).

3        Fl-ewwel trimestru tal-2002, FT ippubblikat il-kontijiet tagħha għas-sena 2001, li kienu juru dejn nett ta’ EUR 63.5 biljun u telf ta’ EUR 8.3 biljun.

4        Matul il-perijodu minn Marzu sa Ġunju 2002, l-aġenziji tar-rating Moody’s u Standard & Poor’s (iktar ’il quddiem “S & P”) naqsu il-livell tar-“rating” ta’ FT u naqsu wkoll il-perspettiva tagħha għal waħda negattiva. B’mod partikolari, fl-24 ta’ Ġunju 2002, Moody’s naqset ir-rating tal-credit ratings għal żmien qasir u għat-tul ta’ FT għall-aħħar pożizzjoni tal-klassifika ta’ investiment ċert (“investment grade”). Fl-istess waqt, l-ishma ta’ FT waqgħu b’mod kunsiderevoli.

5        Fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT, il-Ministru tal-Ekonomija, tal-Finanzi u tal-Industrija Franċiża ddikjara f’intervista ppubblikata fit-12 ta’ Lulju 2002 fil-gazzetta ta’ kuljum Les Échos (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002”), li l-Istat Franċiż jieħu, jekk FT ikollha problemi ta’ finanzjament, id-deċiżjonijiet neċessarji sabiex dawn ikunu megħluba.

6        F’din l-istess data, S & P naqset ir-rating tal-credit ratings fit-tul ta’ FT għall-aħħar pożizzjoni tal-klassifika ta’ investiment ċert, fejn indikat li din il-klassifika kienet inżammet biss minħabba l-indikazzjonijiet tal-Istat Franċiż dwar FT.

7        Fit-12 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ħabbru li kienu aċċettaw ir-riżenja taċ-chief executive officer ta’ FT.

8        Fit-13 ta’ Settembru 2002, FT ippublikat il-kontijiet semestrali tagħha, li kkonfermaw li, fit-30 ta’ Ġunju 2002, il-fondi kkonsolidati proprji ta’ FT kienu saru negattivi għall-ammont ta’ EUR 440 u li dan id-dejn nett kien jitla’ għal EUR 69.69 biljun, li minnu EUR 48.9 biljun ta’ dejn tal-bonds li jsir rimborsabbli mill-2003 sa l-2005.

9        Fi stqarrija għall-istampa fuq is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT tat-13 ta’ Settembru 2002, l-awtoritajiet Franċiżi ddikjaraw, essenzjalment, li l-Istat Franċiż ser jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-fondi proprji ta’ FT u tieħu, jekk ikun neċessarju, il-miżuri li jippermettu lil FT li tevita kull problema ta’ finanzjament.

10      Fl-istess jum, l-aġenzija Moody’s biddlet il-perspettiva tad-dejn ta’ FT minn negattiva għal stabbli minħabba l-konferma tal-Istat Franċiż tal-impenn tiegħu ta’ sostenn tal-FT.

11      Fit-2 ta’ Ottubru 2002, ġie maħtur chief executive officer ġdid tal-FT. L-istqarrija għall-istampa li kienet tannunċa din il-ħatra kkonfermat, essenzjalment, id-dikjarazzjoni li tidher fl-istqarrija għall-istampa tat-13 ta’ Settembru 2002 imsemmija fil-punt 9 tas-sentenza preżenti.

12      Matul il-laqgħa tal-bord tad-diretturi ta’ FT tal-4 ta’ Diċembru 2002, id-diriġenti l-ġodda ta’ FT ippreżentaw pjan ta’ azzjoni intitolat “Ambition France Télécom 2005” (iktar ’il quddiem il-“pjan Ambition 2005”) li essenzjalment għandu l-għan li jerġa’ jibbilanċja l-karta tal-bilanċ ta’ FT billi jsaħħaħ il-fondi tagħha sa EUR 15-il biljun.

13      Il-preżentazzjoni tal-pjan Ambition 2005 kienet akkumpanjata minn stqarrija għall-istampa tal-Ministru tal-Ekonomija tal-4 ta’ Diċembru 2002 (iktar ’il quddiem, l-“avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002”), li tgħid dan li ġej:

“[Il]-Ministru tal-[E]konomija […] jikkonferma s-sostenn tal-Istat [Franċiż] għall-pjan ta’ azzjoni approvat mill-bord tad-diretturi ta’ [FT] fl-4 ta’ Diċembru [2002]. 1) Il-grupp [FT] jikkostitwixxi grupp industrijali koerenti li l-prestazzjonijiet tiegħu huma notevoli. Madankollu, [FT] illum għandha taffaċċja struttura finanzjarja żbilanċjata, bżonnijiet ta’ fondi u rifinanzjament għal terminu medju. Din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-falliment tal-investimenti li kien hemm fl-imgħoddi, li ġew ġestiti ħażin u saru fl-agħar żmien tal-‘bużżieqa’ finanzjarja u, b’mod iktar ġenerali, meta s-swieq kienu fl-iktar livelli baxxi tagħhom. Il-fatt li [FT] ma tistax tiffinanzja l-iżvilupp tagħha ħlief bid-dejn iggrava din is-sitwazzjoni. 2) L-Istat [Franċiż], fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist b’maġġoranza, talab lid-diriġenti l-ġodda sabiex jerġgħu jistabbilixxu l-bilanċi finanzjarji ta’ [FT], filwaqt li jżommu l-integrità tal-grupp […] 3) Fid-dawl tal-pjan ta’ azzjoni mfassal mid-diriġenti u tal-perspettivi ta’ qligħ mill-investiment, l-Istat [Franċiż] se jieħu sehem fit-tisħiħ tal-fondi ta’ FT b’EUR 15-il biljun pro rata, jiġifieri investiment ta’ EUR 9 biljuni. L-Istat [Franċiż] fil-kapaċità tiegħu ta’ azzjonist biħsiebu jġib ruħu għaldaqstant bħala investitur prudenti. Għandha tkun [FT] li tiddefinixxi l-metodi u l-iskeda preċiża tat-tisħiħ tal-fondi tagħha. Il-Gvern [Franċiż] jixtieq li din l-operazzjoni ssir filwaqt li tittieħed sew inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni tal-azzjonisti individwali u tal-impjegati azzjonisti ta’ [FT]. Biex [FT] tingħata l-possibbiltà li tniedi operazzjoni tas-suq fl-iktar mument xieraq, l-Istat [Franċiż] lest li jantiċipa s-sehem tiegħu fit-tisħiħ tal-fondi tagħha, permezz ta’ self minn azzjonist temporanju, li se jiġi rremunerat skont il-kundizzjonijiet tas-suq u li se jitqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ [FT]. 4) Is-sehem kollu tal-Istat [Franċiż] f’[FT] se jiġi ttrasferit f’[Entreprise de recherches et d’activités pétrolières (Korporazzjoni tar-Riċerka u tal-Attivitajiet relatati maż-Żejt) (iktar ’il quddiem l-‘ERAP’)], entità industrijali u kummerċjali pubblika. Hija se tiddejjen mas-swieq finanzjarji sabiex tiffinanzja l-parti tal-Istat [Franċiż] fit-tisħiħ tal-fondi ta’ [FT].”

14      Fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 2002, FT ħarġet żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi li kienu jlaħħqu total ta’ EUR 2.9 biljun.

15      Fis-17 ta’ Diċembru 2002, S & P ippreċiżat li sa minn Lulju 2002, is-sostenn tal-Istat Franċiż kien wieħed mill-fatturi prinċipali għaż-żamma tal-klassifikazzjoni ta’ FT fil-livell ta’ investiment ċert u li l-avviż tagħha dwar is-self tal-azzjonisti u l-impenn li jissottoskrivu, proporzjonalment għall-parteċipazzjoni tagħha, għal operazzjoni ta’ kapitalizzazzjoni mill-ġdid ta’ EUR 15-il biljun kienu kkonfermaw dan is-sostenn.

16      Fl-20 ta’ Diċembru 2002, l-ERAP ikkomunikat lill-FT abbozz inizjalat u ffirmat ta’ kuntratt ta’ self minn azzjonist (iktar ’il quddiem is-“self minn azzjonist”). Din tal-aħħar ma ffirmatx dan l-abbozz ta’ kuntratt u s-self minn azzjonist qatt ma ġie eżegwit.

17      Fil-15 ta’ Jannar 2003, FT ħadet xi self fil-forma ta’ ħruġ ta’ bonds li jammonta għal total ta’ EUR 5.5 biljun. Dan is-self ma kienx kopert b’sigurtà jew b’garanzija Statali. Fl-10 ta’ Frar 2003, FT ġeddet parti minn self sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jlaħħaq EUR 15-il biljun.

18      Fl-4 ta’ Marzu 2003, tnediet l-operazzjoni ta’ tisħiħ tal-fondi prevista mill-pjan Ambition 2005. Fl-24 ta’ Marzu 2003, FT għamlet żieda ta’ kapital ta’ EUR 15-il biljun. L-Istat Franċiż ħa sehem f’din l-operazzjoni b’EUR 9 biljun pro rata tas-sehem tiegħu fil-kapital ta’ FT. Din l-operazzjoni ngħalqet fil-11 ta’ April 2003.

19      FT għalqet is-sena finanzjarja 2002 b’telf ta’ madwar EUR 21 biljun u b’dejn finanzjarju nett ta’ madwar EUR 68 biljun. Il-kontijiet għas-sena finanzjarja 2002, ippubblikati minn FT fil-5 ta’ Marzu 2003, kienu juru żieda fid-dħul mill-bejgħ ta’ 8.4 %, riżultat ta’ dħul/telf operattiv qabel id-deprezzament ta’ 21.1 % u riżultat ta’ dħul/telf operattiv ta’ 30.9 %. Fl-14 ta’ April 2003, l-Istat Franċiż kellu 58.9 % mill-kapital ta’ FT, li minnu 28.6 % permezz ta’ ERAP.

 Il-proċeduri amministrattivi u d-deċiżjoni kkontestata

20      Fl-4 ta’ Diċembru 2002, ir-Repubblika Franċiża nnotifikat lill-Kummissjoni l-miżuri finanzjarji previsti mill-pjan Ambition 2005, inkluż il-proġett ta’ self minn azzjonist.

21      Fit-22 ta’ Jannar 2003, il-kumpanniji Bouygues, żewġ kumpanniji taħt il-liġi Franċiża, li minnhom Bouygues Télécom SA li hija attiva fis-suq Franċiż tat-telefonija mobbli, ressqu quddiem il-Kummissjoni lment li jikkonċerna, b’mod partikolari, żewġ għajnuniet allegatament mogħtija mill-Istat Franċiż lil FT minħabba, minn naħa, dikjarazzjonijiet ippubblikati mill-awtoritajiet Franċiżi favur FT sa minn Lulju 2002 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002”) u, min-naħa l-oħra, tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 tas-self minn azzjonist sa EUR 9 biljun.

22      Fit-12 ta’ Marzu 2003, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE fir-rigward, b’mod partikolari, miżuri finanzjarji implementati mill-Istat Franċiż insostenn ta’ FT (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni dwar ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali”) ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 57, p. 5).

23      Fit-3 ta’ Awwissu 2004, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Franċiżi d-deċiżjoni kkontestata. L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni jipprevedi li “s-self minn azzjonist mogħti mir-[Repubblika Franċiża] lil [FT] f’Diċembru 2002 fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun, imqiegħed fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet […] minn Lulju 2002, jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont l-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni, “[l]-għajnuna stabbilita fl-Artikolu 1 ma għandhiex tiġi rkuprata” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

24      Fil-premessi 17 sa 26 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat li, minn Ġunju 2002, is-sitwazzjoni finanzjarja ta’ FT kienet ikkaratterizzata minn problemi strutturali gravi u kienu jippreżentaw bilanċ mhux ibbilanċjat. Mill-premessa 37 tal-istess deċiżjoni jirriżulta li, fid-data tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, l-aġenziji tar-ratings S & P u Moody’s kienu fil-punt li jnaqqsu r-rata tad-dejn ta’ FT sal-livell ta’ obbligu spekulattiv (“junk bond”).

25      Fil-premessa 39 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni b’hekk ikkunsidrat li, f’Lulju 2002, FT kienet is-suġġett ta’ kriżi ta’ fiduċja fejn kienet qed thedded il-finanzjamenti mill-ġdid previsti u li tikkrea riskji għal-likwidità tagħha fl-2003. Hija tippreċiża b’mod partikolari fl-premessi 212 u 222 ta’ din id-deċiżjoni li, fir-rigward tal-komunikati tal-istampa tal-awtoritajiet Franċiżi tat-13 ta’ Settembru u tat-2 ta’ Ottubru 2002, l-aġenziji ta’ ratings Moody’s u S & P kienu mmodifikaw l-evalwazzjoni tagħhom dwar il-ġestjoni tad-dejn ta’ FT u rreferiet għal żieda fil-fiduċja tas-suq.

26      Fil-premessi 185 sa 187 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri meħuda f’Diċembru 2002, li huma s-suġġett tan-notifika, kienu ġew preċeduti minn, b’mod partikolari, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u kkunsidrat li dawn id-dikjarazzjonijiet kellhom impatt fuq il-perċezzjoni tas-swieq u tal-atturi ekonomiċi tas-sitwazzjoni ta’ FT minn Diċembru 2002. Hija tikkunsidra li l-imsemmija dikjarazzjonijiet u l-miżuri nnotifikati setgħu, b’hekk, jiġu analizzati f’daqqa.

27      Fil-premessi 188 u 189 kif ukoll 203 sa 219 tal-imsemmija deċiżjoni, din l-istituzzjoni ppreċiżat li, skont din, id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 ċertament kellha effett fuq is-swieq u tat vantaġġ finanzjarju lil FT. Madankollu, wara l-analiżi tagħha ta’ ħafna argumenti ġuridiċi, hija kkunsidrat li ma għandhiex elementi suffiċjenti sabiex jippermettulha turi li din id-dikjarazzjoni kienet ta’ natura li tuża għall-inqas potenzjalment riżorsi tal-Istat.

28      Min-naħa l-oħra, fil-premessi 194 sa 196 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni kkunsidrat li s-self minn azzjonist ta vantaġġ lil FT u potenzjalment intużaw riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, minn naħa, din l-offerta setgħet ippermettiet lil FT li żżid il-mezzi tagħha ta’ finanzjament u li tiżgura s-suq fir-rigward tal-kapaċità tagħha sabiex tilħaq it-termini tagħha. Min-naħa l-oħra, piż potenzjalment żejjed fuq ir-riżorsi ta’ Stat kien ġie kkreat permezz tal-avviż tas-self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet qabel il-provvista, mill-impressjoni mogħtija lis-suq li dan is-self kien fil-fatt sar u, finalment, permezz tal-ħruġ ta’ self mill-azzjonisti.

29      Fil-premessi 197 sa 201 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkunsidrat ukoll li, fis-settur kompetittiv tat-telekomunikazzjonijiet, vantaġġi bħal dawk li allegatament kienet ibbenefikat minnhom FT kienu ta’ distorsjoni jew kienu ta’ theddida li jkunu ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni b’mod partikolarment sensittiv u li jistgħu jippreġudikaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri.

30      Fil-premessi 203 sa 256 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li, fid-dawl tal-impatt fuq is-suq, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, il-miżuri notifikati ma kinux jissodisfaw la l-kriterju tal-investitur privat prudenti fl-ekonomija tas-suq u lanqas għal dawk ta’ għajnuniet ta’ salvataġġ jew ta’ ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà. B’hekk, hija kkonkludiet li l-miżuri previsti jammontaw għal għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni.

31      Madankollu, peress li huwa meqjus li l-impatt ta’ din l-għajnuna ma setax ikun evalwat bi preċiżjoni u li l-analiżi globali tal-elementi tal-imsemmija għajnuna minbarra s-self minn azzjonist fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħhom mar-regoli fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat kienet ġdida, il-Kummissjoni kkunsidrat, fil-premessi 257 sa 264 tal-imsemmija deċiżjoni, li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kienu jipprekludu r-rekuperazzjoni tagħha.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

32      Permezz tar-rikors tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, ir-Repubblika Franċiża, FT u l-kumpanniji Bouygues talbu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, u l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-operaturi tan-netwerks u tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni (AFORS Télécom) l-annullament parzjali ta’ din id-deċiżjoni.

33      In sostenn tat-talba tagħhom għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-Repubblika Franċiża u FT qajmu, b’mod partikolari, t-tieni aggravju, ibbażat fuq żbalji ta’ dritt fl-applikazzjoni tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE għall-miżuri notifikati, u t-tielet aggravju, ibbażat fuq żbalji manifesti fl-evalwazzjoni tal-kontenut u/jew tal-allegati effetti tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002.

34      In sostenn tat-talba tagħhom għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet tagħhom sa minn Lulju 2002, meħuda waħedhom jew flimkien, bħala għajnuna mill-Istat, il-kumpanniji Bouygues qajmu l-ewwel aggravju ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 87(1) KE u t-tieni aggravju, ibbażat fuq kontradizzjoni u nuqqas ta’ motivi li jmorru kontra l-Artikolu 253 KE.

35      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat l-imsemmija aggravji flimkien, sa fejn dawn jikkonċernaw il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat.

36      Fil-punti 126 sa 133 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet b’mod partikolari l-argumenti tal-Kummissjoni li skont din it-talba tal-kumpanniji Bouygues intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat kienet inammissibbli minħabba nuqqas ta’ interess ġuridiku, peress li dawn tal-aħħar jikkontestaw esklużivament il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u ma jistgħux jieħdu benefiċċji supplimentari mill-fatt li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw ukoll għal għajnuna mill-Istat.

37      Fuq il-mertu, hija sostniet fil-punt 215 tas-sentenza appellata li, sabiex miżura tkun ikklassifikata bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE, jeħtieġ b’mod partikolari li hija tinkludi vantaġġ, li tista’ tieħu forom differenti, li jirriżultaw b’mod dirett jew indirett mir-riżorsi ta’ Stat.

38      Fil-punt 262 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li jeżisti rekwiżit ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ identifikat u l-użu tar-riżorsi tal-Istat, l-imsemmi vantaġġ għandu jkun marbut mill-qrib ma’ responsabbiltà korrispondenti li jaqa’ taħt il-baġit tal-istat jew għall-kreazzjoni, fuq il-bażi tal-obbligi ġuridikament vinkolanti meħuda mill-Istat, ta’ riskju ekonomiku suffiċjentement konkret għal dan il-baġit.

39      Fil-punt 231 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddefiniet il-kunċett ta’ vantaġġ bħala li jimplika li l-intervent tal-Istat għandu jkollu bħala konsegwenza titjib tal-pożizzjoni ekonomika u/jew finanzjarja tal-benefiċjarju.

40      F’din il-kawża, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 259 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni wriet li, fl-intier tagħhom, id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, inkluż fosthom l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, jinkludu l-għoti ta’ vantaġġ lil FT fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE.

41      Min-naħa l-oħra, fil-punt 257 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li l-Kummissjoni ma wrietx l-eżistenza ta’ vantaġġ supplimentari u distint li jirriżulta mis-self minn azzjonist, li l-ħruġ fl-20 ta’ Diċembru 2002 ma kienx pubbliku, peress li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, b’mod partikolari, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, taw il-possibbiltà lil FT li tiffinanzja mill-ġdid id-dejn tagħha sa EUR 9 biljun taħt il-kundizzjonijiet li kienu japplikaw, dak iż-żmien, fis-suq obbligatorju.

42      Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ffukat fuq il-kwistjoni jekk il-vantaġġ identifikat mill-Kummissjoni jirriżultax mir-riżorsi tal-Istat.

43      F’dan ir-rigward, fil-punti 269 sa 289 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat b’mod partikolari li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma setgħux jiġu assimilati ma’ garanzija jew ikunu interpretati bħala li jesponu r-riżorsi tal-Istat Franċiż għal riskju li jammonta għal trasferiment tar-riżorsi ta’ Stat u ċaħdet it-talba tal-kumpanniji Bouygues intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat.

44      Fir-rigward tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 293 tas-sentenza appellata, li la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma sostnew li dan l-avviż jinkludi, fih innifsu, impenn suffiċjentement preċiż, b’saħħtu u bla kundizzjoni li jippermettu li tiġi konkluża l-preżenza ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 87(1) KE. Barra minn hekk, fil-punti 294 sa 298 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wrietx li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kien jinkludi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat.

45      Fir-rigward tas-self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 299 tas-sentenza appellata, li, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti li jirriżulta vantaġġ, ma huwiex, a fortiori, possibbli għall-Qorti Ġenerali sabiex tikkonkludi l-eżistenza ta’ trasferiment tar-riżorsi ta’ Stat li jkun konness ma’ dan il-vantaġġ.

46      Fil-punti 302 sa 309 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eżaminat barra minn hekk jekk il-Kummissjoni setgħetx madankollu tikkonkludi, fuq il-bażi ta’ eżami globali tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u s-self minn azzjonist, fuq l-eżistenza ta’ vantaġġ finanzjarju li jirriżulta mir-riżorsi tal-Istat.

47      F’dan ir-rigward, minn naħa, hija kkunsidrat, fil-punt 304 tal-imsemmija sentenza, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ma jinkludux l-antiċipazzjoni ta’ sostenn finanzjarju speċifiku bħal dak li ġie kkonkretizzat f’Diċembru 2002, l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 jammonta għal ksur importanti fis-suċċessjoni tal-avvenimenti li wasslu għal finanzjament mill-ġdid ta’ FT.

48      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 309 tas-sentenza appellata, li, anki jekk il-Kummissjoni setgħet tikkunsidra l-avvenimenti kollha li kienu ppreċedew l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 sabiex tikklassifika l-vantaġġ li jirriżulta mill-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarji u tat-titjib tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament mill-ġdid ta’ FT, dan il-vantaġġ “ma għandux bħala konsegwenza tnaqqis korrispondenti fil-finanzi tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż li jaffettwaw dawn il-finanzi. B’mod partikolari, dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li [l-offerta] ta’ self minn azzjonist […] seta’ jinvolvi u li d-deċiżjoni [kontenzjuża] naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti”.

49      Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni kienet injorat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 87(1) KE meta kkunsidrat li s-self minn azzjonist, impoġġi fil-kuntest ta’ dikjarazzjonijiet sa minn Lulju 2002, kien jammonta għal għoti ta’ benefiċċju favur FT li kien jirriżulta minn trasferiment tar-riżorsi ta’ Stat u annulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

50      B’att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Diċembru 2010, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja talbet sabiex tintervjeni fil-kawżi C-399/10 P u C-401/10 P in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża.

51      B’digrieti tat-28 ta’ Frar 2011, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja aċċetta lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tintervjeni fil-kawżi C-399/10 P u C-401/10 P.

52      B’digriet tat-8 ta’ Settembru 2011, huwa għaqqad dawn iż-żewġ kawżi għall-finijiet tal-proċeduri orali u tas-sentenza.

 It-talbiet tal-partijiet

53      Il-kumpanniji Bouygues jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi fuq il-mertu u tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn dan ma jikklassifikax bħala għajnuna mill-Istat id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni sa fejn dan ma jobbligax lir-Repubblika Franċiża sabiex tirkupra l-għajnuna kkonstatata lil FT;

–        sussidjarjament, fil-każ fejn hija tikkunsidra li l-kawża ma hijiex fi stat li tiġi deċiża, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, u

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lil FT, lir-Repubblika Franċiża u lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

54      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn din annullat l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundannaha sabiex tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk esposti mir-Repubblika Franċiża u minn FT;

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali għal eżami mill-ġdid; u

–        tirriżerva l-ispejjeż tal-proċedimenti.

55      FT titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli;

–        fin-nuqqas ta’ dan, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tilqa’, fil-każ fejn hija tannulla s-sentenza appellata mingħajr ma tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, totalment jew parzjalment it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza; u

–        tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

56      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appelli;

–        fin-nuqqas ta’ dan, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        fil-każ fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tirrifjuta li tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali, tilqa’ totalment jew parzjalment it-talbiet tagħha fl-ewwel istanza; u

–        tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues u lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

57      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tintervjeni in sostenn tat-talbiet tar-Repubblika Franċiża u titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tikkundanna lill-kumpanniji Bouygues u lill-Kummissjoni, barra minn hekk, għall-ispejjeż sostnuti minnha.

 Fuq l-appelli

58      Il-kumpanniji Bouygues invokaw żewġ aggravji insostenn tal-appell tagħhom.

59      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, quddiem il-Qorti Ġenerali, il-kumpanniji Bouygues, minn naħa, kienu ppreżentaw rikors għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat u għall-annullament tal-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni (Kawża T-450/04) kif ukoll, min-naħa l-oħra, kienu intervjenew in sostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni fir-rikors ippreżentat minn FT bil-għan tal-annullament ta’ din l-istess deċiżjoni (Kawża T-444/04).

60      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali, l-ewwel nett, ddikjarat ammissibbli iżda infondata t-talba tal-kumpanniji Bouygues intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni allegatament irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat (Kawża T-450/04), sussegwentement, iddikjarat ammissibbli t-talba ta’ FT intiża għall-annullament tal-Artikolu 1 kollu tal-imsemmija deċiżjoni (Kawża T-444/04) u, fl-aħħar nett, ddeċidiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx iktar lok li tiddeċiedi fuq, b’mod partikolari, it-talba tal-kumpanniji Bouygues intiża għall-annullament tal-Artikolu 2 tal-istess deċiżjoni.

61      B’hekk, l-ewwel aggravju ta’ appell tal-kumpanniji Bouygues jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-450/04 u hija bbażata fuq żbalji mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta ċaħdet l-argumenti tagħhom bil-għan li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta naqset milli tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat.

62      It-tieni aggravju jirrigwarda l-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-444/04 u huwa bbażat fuq żbalji ta’ dritt imwettqa mill-Qorti Ġenerali meta annullat id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u s-self minn azzjonist, meħuda flimkien. Dan l-aggravju jinqasam f’żewġ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi dwar rabta neċessarja bejn il-vantaġġ mogħti u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat kif ukoll, it-tieni, fuq żball ta’ liġi dwar il-kwistjoni jekk is-self minn azzjonist kienx jagħti vantaġġ lil FT.

63      Il-Kummissjoni tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha, fejn l-ewwel waħda hija bbażata fuq motivazzjoni kontradittorja tas-sentenza appellata.

64      It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji tad-dritt imwettqa mill-Qorti Ġenerali meta annullat d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u s-self minn azzjonist, flimkien. Dan l-aggravju huwa sub-diviż f’erba’ partijiet ibbażati, l-ewwel waħda, fuq żball ta’ liġi dwar ir-rabta neċessarja bejn il-vantaġġ mogħti u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat, it-tieni, ta’ żball ta’ liġi dwar impenn tar-riżorsi tal-Istat minħabba l-fatt tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u tas-self minn azzjonist, flimkien, it-tielet, ta’ żball ta’ liġi dwar l-eżami ta’ vantaġġ għal FT, li jirriżulta minn nuqqas ta’ kunsiderazzjoni tal-applikazzjoni li saret mill-Kummissjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti, u, ir-raba’, ta’ injorar tal-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha l-Kummissjoni meta hija tkun impenjata f’analiżi ekonomiċi kumplessi.

65      It-tielet aggravju huwa bbażat fuq interpretazzjoni żbaljata u fuq żnaturament tad-deċiżjoni kkontestata.

66      Fl-ewwel lok, għandu jiġi eżaminat l-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u, fit-tieni lok, flimkien, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-kumpanniji Bouygues u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni bbażati fuq żbalji ta’ dritt dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u tas-self minn azzjonist, meħuda flimkien.

 Fuq l-ewwel aggravju tal-kumpanniji Bouygues, dwar il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tad-dikjarazzjonijiet sa minn Lulju 2002

67      L-ewwel aggravju tal-appell tal-kumpanniji Bouygues huwa bbażat fuq interpretazzjoni restrittiva wisq tal-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, ta’ żnaturament tad-dritt Franċiż u ta’ żball fil-klassifikazzjoni ġuridika tal-fatti allegatament imwettqa mill-Qorti Ġenerali meta hija ċaħdet l-argumenti tagħhom bil-għan li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni kienet wettqet żball ta’ liġi meta rrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat.

68      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kawża T-450/04, il-kumpanniji Bouygues talbu, b’mod partikolari, l-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tinkludi ċaħda impliċita tal-argumenti tagħhom, espressi kemm fl-ilment tagħhom ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2003 lill-Kummissjoni kif ukoll matul il-proċeduri amministrattivi, li skont dawn id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw, fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat.

69      Fil-punti 36 u 43 tas-sentenza preżenti intqal li mill-punti 133 u 325 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ddikjarat din it-talba ammissibbli iżda infondata.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li jirriżulta b’mod partikolari mid-deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri previsti, li jidhru fil-premessi 39 sa 57 tad-deċiżjoni dwar ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, li din id-deċiżjoni tirrigwarda esklużivament fuq il-miżuri notifikati u li, għalhekk, il-Kummissjoni, permezz tal-imsemmija deċiżjoni, ma stednietx lill-partijiet ikkonċernati sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq il-kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw, fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat.

71      Issa, skont l-Artikoli 4(4), 6(1), u 13(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, tat-22 ta’ Marzu 1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu [88 KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 08, Vol. 1 p. 339), deċiżjoni bħal din u invit bħal dan huma meħtieġa kemm sabiex jiġi stabbilit l-għan tal-proċeduri amministrattivi kif ukoll sabiex tiġi żgurata informazzjoni tal-Kummissjoni kemm jista’ jkun kompluta.

72      B’hekk, peress li l-Kummissjoni ma adottat ebda deċiżjoni kumplimentari ta’ natura li testendi l-portata tal-proċeduri amministrattivi li wasslu għad-deċiżjoni kkontestata għal kwistjoni dwar jekk id-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontawx, fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat, jirriżulta li din l-istituzzjoni ma’ rrispondietx, permezz tad-deċiżjoni dwar ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, għal dan l-element tal-ilment tal-kumpanniji Bouygues ippreżentat lilha fit-22 ta’ Jannar 2003.

73      Barra minn hekk, mill-premessa 185 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-għan ta’ dan jirrigwarda s-self minn azzjonist li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni u li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 huma kkunsidrati biss sa fejn huma oġġettivament rilevanti għall-evalwazzjoni tal-imsemmi self. B’hekk, il-Kummissjoni eżaminat l-imsemmija dikjarazzjonijiet biss sa fejn huma jiffurmaw il-kuntest ta’ din l-aħħar imsemmija miżura.

74      Barra minn hekk, il-Kummissjoni sostniet fil-premessi 188, 189, 218 u 219 tad-deċiżjoni kkontestata, li hija ma kellhiex elementi suffiċjenti sabiex tkun tista’ tieħu pożizzjoni dwar il-punt jekk l-imsemmija dikjarazzjonijiet jammontawx fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat.

75      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li din illimitat ruħha li tikklassifika s-self minn azzjonist bħala għajnuna mill-Istat inkompatibbli mas-suq komuni u li hija ssemmi d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 biss bħala li jiffurmaw il-kuntest tal-għajnuna kkonstatata.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux pożizzjoni fuq l-ilment tal-kumpanniji Bouygues sa fejn dawn sostnew li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw, fihom infushom, għal għajnuna mill-Istat.

77      B’hekk jirriżulta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 128 u 131 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata tinkludi r-rifjut tal-Kummissjoni li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat. Nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu pożizzjoni fir-rigward tal-klassifikazzjoni ta’ dawn id-dikjarazzjonijiet fihom infushom bħala għajnuna mill-Istat sussegwentement għall-ilment tal-kumpannija Bouygues, fil-fatt, ma jkunux assimilati fihom infushom ma’ deċiżjoni li tiċħad l-allegazzjonijiet tal-lanjanti.

78      B’hekk, il-Qorti Ġenerali għamlet evalwazzjoni fuq kwistjonijiet li l-Kummissjoni kienet għadha ma tkellmitx dwarhom u b’hekk għamlet konfużjoni bejn fażijiet differenti tal-proċeduri amministrattivi u ġudizzjarji, li hija inkompatibbli mas-sistemi ta’ qsim tal-kompetenzi bejn il-Kummissjoni u l-Qorti tal-Ġustizzja u tal-mezzi ta’ rikors previsti mit-Trattat FUE kif ukoll mar-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, Ġabra p. 2639, punt 20).

79      Għalhekk, l-ewwel aggravju tal-appell, li jipprevedi żbalji ta’ dritt li l-Qorti Ġenerali allegatament wettqet fl-evalwazzjoni tagħha tal-legalità tal-allegat rifjut tal-Kummissjoni li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat, huwa irrilevanti.

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-kumpanniji Bouygues u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni, ibbażati fuq żbalji ta’ dritt li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u tas-self minn azzjonist, meħuda flimkien

 L-argumenti tal-partijiet

80      Fl-ewwel lok, il-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni jsostnu li l-Qorti Ġenerali eżiġiet b’mod żbaljat, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, konnessjoni, rabta stretta, ekwivalenza u korrispondenza bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-imsemmija rabta tista’ tkun indiretta u li tali ekwivalenza jew korrispondenza ma hijiex meħtieġa.

81      Fit-tieni lok, huma jikkunsidraw li l-mod kif il-Qorti Ġenerali fasslet din ir-rabta injorat il-prinċipju li skont dan l-Artikolu 107(1) TFUE ma jiddistingwix skont il-kawżi jew l-għanijiet tal-interventi tal-istati, iżda d-definizzjoni abbażi tal-funzjoni tal-effetti tagħhom. Skont il-kumpanniji Bouygues, fil-preżenza ta’ suċċessjoni ta’ miżuri li jaqgħu fl-istess strateġija ta’ intervenzjoni favur impriża, bħal dik f’din il-kawża, ir-rabta ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġ u l-użu tar-riżorsi tal-Istat għandha tkun evalwata b’mod ġenerali, billi jiġi kkunsidrat l-intervent tal-Istat kollu kemm hu u b’mod kontinwu.

82      Il-Kummissjoni tippreċiża li miżuri strettament marbuta bejniethom li, meħuda waħedhom, jistgħu jaħarbu l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat, b’mod li huma jipproduċu effett ta’ distorsjoni kbira tal-kompetizzjoni, għandhom jiġu eżaminati flimkien. B’hekk, skont din, self minn azzjonist jammonta għal għajnuna mill-Istat, meħuda fil-kuntest ikkreat mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002.

83      FT u r-Repubblika Franċiża jsostnu, l-ewwel nett, li l-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat jeħtieġ rabta ta’ konnessjoni suffiċjentement stretta bejn vantaġġ għal intrapriża u responsabbiltà finanzjarja għall-Istat. Dawn jippreċiżaw li, skont il-ġurisprudenza, piż finanzjarju li jaqa’ fuq il-benefiċċji ta’ impriżi u jwasslu għal tnaqqis ta’ dħul għall-Istat ma jippreżentawx rabta bħal din, b’mod li r-rinunċa mill-Istat għad-dħul li huma kienu kieku jiġbru jippreżentaw rabta bħal din, jekk ikun ingħata vantaġġ indirett lil ċerti impriżi.

84      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża tikkunsidra li l-impenn tar-riżorsi tal-Istat għandu jkun l-oriġini u mhux il-konsegwenza tal-vantaġġ. Issa, il-Kummissjoni kienet qalbet bil-kontra dan ir-raġunament.

85      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja żżid li l-kawża preżenti tirrigwarda “effetti sekondarji” tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, li ma humiex suxxettibbli li jimplikaw piż li jaqa’ taħt il-baġit tal-Istat. Barra minn hekk, jekk vantaġġ li ma jwassal għal ebda piż fuq il-baġit tal-Istat iżda jista’ jikkawża distorsjoni tal-kompetizzjoni, dan ma jfissirx li tali miżura tkun suġġetta għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, l-interpretazzjoni estensiva tal-kriterju tal-impenn tar-riżorsi tal-Istat favorita mill-Kummissjoni u mill-kumpanniji Bouygues tissuġġetta numru kbir ta’ dikjarazzjonijiet, bħal dawk tal-Istati Membri fil-kriżi finanzjarja tal-2008, għall-kontroll tal-għajnuna mill-Istat.

86      Barra minn hekk, skont FT u r-Repubblika Franċiża, il-Qorti Ġenerali ma eżiġitx li l-vantaġġ jikkorrispondi għall-ammont tar-riżorsi magħmula disponibbli mill-Istat. Hija eżiġit biss korrelazzjoni bejn il-vantaġġ u l-piż finanzjarju għall-baġit tal-Istat, fis-sens li l-vantaġġ għandu jirriżulta minn tali piż. Hija kienet ammettiet ukoll li impenn tar-riżorsi tal-Istat jista’ jirriżulta minn riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu taħt il-baġit, iżda kienet fittxet ġustament, l-eżistenza ta’ obbligi ġuridikament vinkolanti.

87      Fl-aħħar nett, FT ssostni li l-prinċipju li skont dan l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi tal-istati abbażi tal-effetti tagħhom ma jeżentax lill-Kummissjoni milli tidentifika bi preċiżjoni l-vantaġġ li minnu tibbenefika impriża u teżamina jekk jirriżultax mir-riżorsi tal-Istat. B’hekk, il-Kummissjoni ma tistax, fuq il-bażi ta’ eżami globali, tattribwixxi għad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ir-riżorsi tal-Istat potenzjalment impenjati permezz ta’ miżura differenti u ulterjuri, jiġifieri t-trażmissjoni tal-offerta tas-self minn azzjonist.

88      Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża ssostni li l-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 301 sa 310 tas-sentenza appellata, b’analiżi ġenerali tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 u tas-self minn azzjonist u kkunsidrat li hija kkonkludiet ġustament dwar in-nuqqas ta’ rabta ta’ konnessjoni bejn il-vantaġġi identifikati u impenn tar-riżorsi tal-Istat.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

89      Il-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni jikkritikaw, essenzjalment, lill-Qorti Ġenerali li wettqet żbalji ta’ dritt meta eżiġiet, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, rabta ta’ konnessjoni stretta bejn, minn naħa, vantaġġ li għandu jiġi identifikat separatament għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u għas-self minn azzjonist kif ukoll, min-naħa l-oħra, impenn tar-riżorsi tal-Istat ekwivalenti u korrispondenti għal vantaġġ wieħed jew iktar hekk identifikati.

90      Fil-punti 40 u 41 tas-sentenza preżenti ġie rrilevat li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-għoti ta’ vantaġġ lil FT kien ġie muri għall-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002, iżda li ma kienx ġie stabbilit li vantaġġ supplimentari u distint kien jirriżulta mis-self minn azzjonist.

91      Fil-punt 262 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-vantaġġ hekk kif identifikat “għandu jirriżulta minn trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat” u li dan ir-“rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi, bħala prinċipju, li l-imsemmi vantaġġ ikun marbut mill-qrib mal-ispejjeż korrispondenti li jaffettwaw il-finanzi tal-Istat jew mal-ħolqien, fuq il-bażi ta’ obbligi ġuridikament vinkolanti meħuda mill-Istat, ta’ riskju ekonomiku suffiċjentement konkret għal dawn il-finanzi”.

92      Fil-punti 293 sa 298 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali għamlet eżami individwali tal-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002. B’mod partikolari, fil-punti 293 sa 295 ta’ din is-sentenza, hija kkunsidrat li ma kinitx kompitu tagħha li tivverifika jekk dan l-avviż kienx jinkludi trasferiment tar-riżorsi tal-Istat, peress li la l-Kummissjoni u lanqas il-kumpanniji Bouygues ma kienu qajmu argument bħal dan jew ressqu elementi rilevanti u ta’ prova f’dan ir-rigward.

93      Fil-punt 296 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żiedet li, “Kien x’kien il-każ, trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat li jirriżulta mill-[imsemmi] avviż […] jista’ jikkorrispondi biss għal vantaġġ li jinsab fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni li kienet espressament prevista fih” u li “dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, kif ġie kkunsidrat” fid-deċiżjoni kkontestata.

94      Fil-punt 297 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, ir-“rekwiżit ta’ rabta bejn il-vantaġġ identifikat u t-trasferiment tar-riżorsi tal-Istat jippreżumi li l-imsemmi vantaġġ jikkorrispondi għal spiża ekwivalenti li taffettwa l-finanzi tal-Istat […]. Din ma hijiex is-sitwazzjoni f’dan il-każ fir-rigward tar-relazzjoni bejn il-vantaġġ […] li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 […] u l-allegat trasferiment ta’ riżorsi pubbliċi li jikkonsisti fil-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljuni, kif ġie previst fl-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002”.

95      Fir-rigward ta’ self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat, fil-punt 299 tas-sentenza appellata, li, sa fejn il-Kummissjoni ma stabbilixxietx b’mod suffiċjenti vantaġġ riżultanti, ma huwiex, a fortiori, possibbli għall-Qorti Ġenerali li tikkonkludi li hemm l-eżistenza ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li jkun konness ma’ dan il-vantaġġ.

96      Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni bbażat il-konstatazzjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq eżami globali tad-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 flimkien mas-self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 307 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma tistax “taħrab mid-dmir tagħha li tidentifika vantaġġ speċifiku li jinvolvi trasferiment korrispondenti ta’ riżorsi tal-Istat” u, fil-punt 309 ta’ din is-sentenza, li, għalkemm kien permissibbli għall-Kummissjoni li tikkunsidra l-avvenimenti kollha li ppreċedew l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 sabiex jiġi kkaratterizzat il-vantaġġ li jikkonsisti fl-istabbiliment mill-ġdid tal-fiduċja tas-swieq finanzjarji u t-titjib tal-kundizzjonijiet tal-finanzjament mill-ġdid ta’ FT, dan il-vantaġġ “ma għandux bħala konsegwenza tnaqqis korrispondenti fil-finanzi tal-Istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ spejjeż li jaffettwaw dawn il-finanzi. B’mod partikolari, dan il-vantaġġ huwa distint minn dak li [l-offerta] ta’ self minn azzjonist [...] seta’ jinvolvi u li d-Deċiżjoni [kontenzjuża] naqset milli tistabbilixxi b’mod suffiċjenti”.

97      B’hekk jirriżulta li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet obbligata teżamina għal kull intervent tal-istat individwalment jekk din kinitx tagħti vantaġġ speċifiku permezz tar-riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, ġie kkunsidrat li tnaqqis biss tal-baġit tal-Istat, jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu taħt dan il-baġit, marbuta mill-qrib u li jikkorrispondu għal vantaġġ hekk identifikat jirrispettaw il-kundizzjoni dwar il-finanzjament permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

98      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jingħad li, skont l-Artikolu 107(1) TFUE, ħlief għad-derogi previsti fit-Trattati, kull għajnuna, ta’ kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi għandha, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, tkun inkompatibbli mas-suq intern.

99      B’hekk, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jammontaw għal piż supplimentari għall-Istat li għandhom jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u tar-regoli tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra barra r-riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C-72/91 u C-73/91, Ġabra p. I-887, punt 19; tal-1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C-200/97, Ġabra p. I-7907, punt 35; kif ukoll tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 58).

100    Issa, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma hemmx għalfejn jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat biex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C-387/92, Ġabra p. I-877, punt 14; tad-19 ta’ Mejju 1999, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C-6/97, Ġabra p. I-2981, punt 16, u tas-16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il-Kummissjoni, C-482/99, Ġabra p. I-4397, punt 36).

101    B’hekk, huma kkunsidrati b’mod partikolari bħala għajnuna, l-interventi li, taħt forom differenti, inaqqsu l-ispejjeż li normalment jolqtu l-finanzi ta’ impriża u li, bl-istess mod, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma tal-istess natura u għandhom effetti identiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Banco Exterior de España, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tas-17 ta’ Ġunju 1999, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C-75/97, Ġabra p. I-3671, punt 23; u tad-19 ta’ Settembru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-156/98, Ġabra p. I-6857, punt 25).

102    Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-Artikolu 107(1) TFUE jiddefinixxi l-interventi tal-Istat abbażi tal-effetti tagħhom (sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF et, C-124/10 P, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Issa, l-interventi statali jieħdu forom differenti u għandhom ikunu analizzati abbażi tal-effetti tagħhom, ma jkunx eskluż, hekk kif ġustament isostnu l-kumpanniji Bouygues u l-Kummissjoni, li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, ikunu meqjusa bħala intervent wieħed.

104    Dan jista’ jkun partikolarment il-każ meta interventi konsekuttivi jippreżentaw, fir-rigward b’mod partikolari tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża fil-mument ta’ dawn l-interventi, rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu disassoċjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ April 1980, Il-Kummissjoni vs L-Italja, 72/79, Ġabra p. 1411, punt 24).

105    B’hekk jirriżulta li, billi kkunsidrat li kien neċessarju li jiġi identifikat tnaqqis tal-baġit tal-istat jew riskju ekonomiku suffiċjentement konkret ta’ piżijiet li jaqgħu fuq dak il-baġit marbut mill-qrib u li jikkorrispondi għal, jew li jagħmel tajjeb, għal vantaġġ speċifiku riżultanti kemm mill-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 kemm mis-self minn azzjonist, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta applikat kriterju ta’ tip li jeskludi mal-ewwel li dawn l-interventi tal-istat jistgħu, abbażi tar-rabtiet bejniethom u tal-effetti tagħhom, ikunu meqjusa bħala intervent wieħed.

106    Barra minn hekk, għandu jingħad li jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li intervent tal-istat jista’, kemm il-darba, ipoġġi lill-impriżi li għalihom japplika f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn u li tikkrea riskju suffiċjentement konkret tat-twettiq, fil-futur, ta’ piż supplimentari għall-Istat, jista’ jkun ta’ piż fuq ir-riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

107    B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja kellha l-okkażjoni li tippreċiża li vantaġġi konsentiti fil-forma ta’ garanzija tal-Istat jistgħu jimplikaw piż supplimentari għall-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ecotrade, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43, u tat-8 ta’ Diċembru 2011, Residex Capital IV, C-275/10, Ġabra, p. I-13043, punti 39 sa 42).

108    Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, peress li, f’termini ekonomiċi, il-modifika tal-kundizzjonijiet tas-suq, li tiġġenera vantaġġ indirettament mogħti lil ċerti impriżi, hija r-riżultat tat-telf tar-riżorsi minn naħa tal-awtoritajiet pubbliċi, anki t-teħid ta’ deċiżjoni awtonoma minn naħa tal-investituri ma għandux bħala effett li jħassar rabta eżistenti bejn l-imsemmi telf tar-riżorsi u l-vantaġġ li jibbenefikaw minnu l-impriżi kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 25 sa 28).

109    Konsegwentement, għall-finijiet tal-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi rabta suffiċjentement diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ mogħti lil benefiċjarju u, min-naħa l-oħra, tnaqqis tal-baġit tal-istat, saħansitra riskju ekonomiku suffiċjentement konkret tal-piżijiet li jaqgħu fuqha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-279/08 P, Ġabra, p. I-7671, punt 111).

110    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Qorti Ġenerali, la huwa neċessarju li tali tnaqqis, jew anki tali riskju, jikkorrispondi jew ikun ekwivalenti għall-vantaġġ, la li dan tal-aħħar ikollu bħala konsegwenza tali tnaqqis jew tali riskju, u lanqas li jkun tal-istess natura bħall-impenn tar-riżorsi tal-Istat minn fejn jirriżulta.

111    B’hekk jirriżulta li l-Qorti tal-Ġustizzja wettqet żbalji ta’ dritt kemm fl-istħarriġ tagħha tal-identifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-intervenzjoni tal-istat li tagħti għajnuna mill-Istat kif ukoll fl-eżami tar-rabtiet bejn il-vantaġġ identifikat u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat kkonstatati mill-Kummissjoni.

112    Fl-aħħar nett, din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata permezz tal-argument tar-Repubblika Franċiża li skont din il-Qorti Ġenerali pproċediet, fil-punti 301 sa 310 tas-sentenza appellata, b’analiżi globali tar-rabta bejn il-vantaġġ u l-impenn tar-riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, jirriżulta b’mod partikolari mis-sunt li jidher fil-punt 96 tas-sentenza preżenti li l-Qorti Ġenerali wettqet dan l-eżami biss fir-rigward tal-kriterji żbaljati identifikati fil-punti 105 u 110 tas-sentenza preżenti.

113    Peress li l-iżbalji ta’ dritt imwettqa mill-Qorti Ġenerali huma ta’ natura li jivvizzjaw ir-raġunament li wassal għall-konklużjoni, fil-punt 310 tas-sentenza appellata, li skont din il-Kummissjoni injorat il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, hemm lok li tintlaqgħa l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-kumpanniji Bouygues u l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-Kummissjoni.

114    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-aggravji l-oħra tal-appelli, jeħtieġ li s-sentenza appellata tiġi annullata.

 Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali

115    B’mod konformi mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar, f’każ ta’ annullament tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tista’ hija stess tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun fi stat li tiġi deċiża.

116    F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha elementi neċessarji sabiex tiddeċiedi definittivament, minn naħa, fuq it-talba għal annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni rrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat fil-Kawża T-450/04, u, min-naħa l-oħra, fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju mqajma mir-Repubblika Franċiża u mill-FT in sostenn tar-rikors tagħhom fil-kawżi T-425/04 u T-444/04, sa fejn din il-parti u dan l-aggravju huma diretti kontra l-konstatazzjoni, imwettqa fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil FT mill-Istat Franċiż.

 Fuq it-talba għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata fil-kawża T-450/04

117    Mill-punti 70 sa 79 tas-sentenza preżenti jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata ma tiħux pożizzjoni fuq l-ilment tal-kumpanniji Bouygues sa fejn dawn isostnu li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 jammontaw, fihom infushom, f’għajnuna mill-Istat.

118    Għalhekk, l-aggravji tar-rikors bil-għan tal-annullament tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn il-Kummissjoni kienet irrifjutat li tikklassifika d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 bħala għajnuna mill-Istat, ma humiex rilevanti.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni aggravju u t-tielet aggravju mqajma mir-Repubblika Franċiża u mill-FT, sa fejn din il-parti u dan l-aggravju huma diretti kontra l-konstatazzjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti lil FT mill-Istat Franċiż

 L-argumenti tal-partijiet

119    Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u FT isostnu li l-Kummissjoni kkonkludiet b’mod żbaljat dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat f’żewġ avvenimenti distinti, jiġifieri d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002, minn naħa, u l-interventi tal-Istat Franċiż minn Diċembru 2002, min-naħa l-oħra. Issa, dawn l-avvenimenti kienu seħħew f’mumenti differenti u ma jkunux ikkunsidrati bħala miżura waħda. Il-Kummissjoni kienet irrikonoxxiet hija stess li, meħuda separatament, l-ebda waħda minn dawn l-avvenimenti ma kienet suffiċjenti sabiex tkun ta’ bażi għal din il-konklużjoni.

120    Permezz tat-tielet aggravju tar-rikors tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u FT jsostnu, b’mod partikolari li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni meta kkunsidrat li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 setgħu jkunu perċepiti mis-swieq bħala impenn tal-Istat Franċiż u li huma kellhom impatt fuq is-sitwazzjoni tas-swieq minn Diċembru 2002. FT issostni, barra minn hekk, li r-raġunament tal-Kummissjoni li skont din is-self minn azzjonist jagħtiha vantaġġ li ma jirrispettax il-kriterju tal-investitur privat prudenti huwa wkoll ivvizzjat bi żball manifest ta’ evalwazzjoni.

121    B’hekk, ir-Repubblika Franċiża u FT isostnu li, fid-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002, in-natura tal-miżuri li għandhom jittieħdu fir-rigward ta’ FT ma kinux ġew deċiżi u l-ebda deċiżjoni dwar investiment li jista’ jiġi kklassifikat bħala impenn sod tal-Istat Franċiż ma kienet ittieħdet. Din id-dikjarazzjoni ġenerali, kundizzjonali u ġuridikament mhux vinkolanti ma tkunx ikklassifikata bħala impenn ċar, preċiż u irrevokabbli tal-Istat Franċiż.

122    Barra minn hekk, ir-Repubblika Franċiża u FT jikkontestaw li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 kienu pproduċew impatt fuq il-perċezzjoni tal-atturi tas-suq minn Diċembru 2002 u pprovokaw tkabbir anormali u mhux negliġibbli tal-valur tal-atti u tal-obbligi ta’ FT. B’mod partikolari, il-konklużjonijiet ta’ rapport tat-28 ta’ April 2004 jkunu bbażati fuq metodu ta’ analiżi mhux xierqa u jkunu insuffiċjenti sabiex tiġi stabbilita kemm l-eżistenza ta’ evoluzzjoni partikolarment anormali tal-aġir ta’ FT minn Lulju 2002, kif ukoll dik ta’ rabta kawżali bejn id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 u evoluzzjoni bħal din.

123    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika Franċiża u FT jippreċiżaw li dan ir-rapport kien jirreferi biss għall-allegati effetti tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 fuq is-swieq minn Lulju 2002. Barra minn hekk, ma setax janalizza l-effetti ssuponuti tad-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 fuq is-sitwazzjoni tas-suq minn Diċembru 2002, hekk kif jirriżulta mill-impossibbiltà milli jiġu distinti minn avvenimenti oħra li seħħew bejn Lulju u Diċembru 2002, bħalma huma r-riżultati tajbin u l-perspettivi operazzjonali ta’ FT matul it-tieni semestru tas-sena 2002, ir-riżoluzzjoni tas-sitwazzjoni tal-kumpannija Mobilcom, il-ħatra ta’ CEO ġdid u l-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ bbilanċjar mill-ġdid.

124    Fl-aħħar nett, FT ssostni li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-self minn azzjonist fih innifsu ma tax vantaġġ lil FT, peress li ma kienx ġie aċċettatt minn din, u ssostni li kien eskluż li s-suq seta’ jipperċepixxi din l-offerta bħala impenn tal-Istat Franċiż li jeċċedi l-parteċipazzjoni futura tagħha għaż-żieda tal-kapital, peress li dik il-proposta kienet strettament limitata għall-ammont ta’ EUR 9 biljun u għal perijodu ta’ 18-il xahar. Ir-reazzjoni pożittiva tas-swieq issib l-oriġini tagħha prinċipalment fil-ħatra ta’ CEO ġdid ta’ FT u fil-pjan tagħha ta’ titjib tal-prestazzjoni operattiva.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

125    Permezz tal-argumenti tagħhom, ir-Repubblika Franċiża u FT isostnu, essenzjalment li l-Kummissjoni wettqet żbalji meta kkunsidrat, li l-interventi differenti tal-Istat Franċiż bejn it-12 ta’ Lulju 2002 u l-20 ta’ Diċembru 2002 jammontaw għal intervent wieħed, li d-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002 tinkludi impenn tal-Istat Franċiż, li d-dikjarazzjonijiet minn Lulju 2002 ipproduċew impatt fuq il-perċezzjoni tal-atturi tas-suq minn Diċembru 2002 u, li s-self minn azzjonist jagħti vantaġġ lil FT.

126    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jingħad li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 188 u 189 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni ma bbażatx il-konstatazzjoni tagħha tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fuq impenn li l-Istat Franċiż kien ħa meta għamel id-dikjarazzjoni tat-12 ta’ Lulju 2002.

127    Barra minn hekk, jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-offerta ta’ “self minn azzjonist (li kienet tammonta għal antiċipazzjoni tal-parteċipazzjoni tal-Istat għall-kapitalizzazzjoni mill-ġdid tal-Impriża) tagħti vantaġġ [lil] FT peress li din tippermettilha żżid il-mezzi tagħha ta’ finanzjament u tirassigura s-suq fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tilħaq mal-iskadenzi tagħha”. Hija żżid li anki jekk din l-offerta ma ġietx aċċettata minn FT, “l-apparenza mogħtija lis-suq tal-eżistenza ta’ dan is-self jista’ jagħti vantaġġ lil FT, peress li s-suq kkunsidra li s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ [FT] kienet iktar solida”.

128    Fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni żiedet li, fl-analiżi tagħha dwar l-impenn tar-riżorsi tal-Istat, “li piż potenzjali supplimentari fuq ir-riżorsi ta’ Stat ġiet ikkreata permezz tal-avviż tal-implementazzjoni ta’ self minn azzjonist flimkien mat-twettiq tal-kundizzjonijiet minn qabel għal din l-implementazzjoni [...], l-apparenza mogħtija lis-suq li dan is-self kien ġie effettivament sar disponibbli [...] u finalment permezz tat-trażmissjoni tal-kuntratt ta’ self inizjalat u ffirmat minn ERAP lil FT”.

129    B’hekk jirriżulta li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u s-self minn azzjonist, meħuda flimkien, taw vantaġġ li jimplika l-impenn tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

130    F’dan il-kuntest, sa fejn ir-Repubblika Franċiża u FT jikkunsidraw li, billi jeżaminaw flimkien l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 u s-self minn azzjonist, il-Kummissjoni wettqet żball, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 103 u 104 tas-sentenza preżenti, l-interventi tal-istat jistgħu jieħdu forom differenti u b’hekk għandhom jiġu analizzati abbażi tal-effetti tagħhom. Konsegwentement, ma jkunx eskluż awtomatikament li bosta interventi konsekuttivi tal-Istat għandhom ikunu meqjusa bħala intervent wieħed b’mod partikolari meta tali interventi jippreżentaw, fir-rigward tal-kronoloġija tagħhom, tal-għan tagħhom u tas-sitwazzjoni tal-impriża, tar-rabtiet tant stretti bejniethom li huwa impossibbli li jiġu diżassoċjati.

131    Issa, huwa manifest li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 ma jistax jiġi diżassoċjat minn self minn azzjonist offrut fil-forma ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun li l-imsemmi avviż isemmi speċifikament. Għandu jingħad ukoll f’dan ir-rigward li l-avviż tal-4 ta’ Diċembru 2002 sar fl-istess jum tan-notifika ta’ self minn azzjonist lill-Kummissjoni.

132    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ġustament ikkunsidrat li s-self minn azzjonist, annunċat u nnotifikat, fl-4 ta’ Diċembru 2002, ta lil FT, vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

133    L-ewwel nett, mill-premessa 212 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, hekk kif tfakkar fil-punti 4, 6, 10 u 15 tas-sentenza preżenti, li, matul il-perijodu minn Marzu sa’ Lulju 2002, Moody’s u S & P naqqsu l-credit ratings ta’ FT għall-aħħar pożizzjoni fil-klassifika ta’ investiment ċert, b’perspettiva negattiva, fejn indikaw li din il-klassifika nżammet biss minħabba l-indikazzjonijiet tal-Istat Franċiż dwar FT.

134    Barra minn hekk, mill-elementi msemmija fin-noti ta’ qiegħ il-paġna 112 u 116 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, l-iktar tard mid-9 ta’ Diċembru 2002, is-swieq setgħu jikkunsidraw li l-intervent tal-Istat Franċiż imsemmi fil-punt 132 tas-sentenza preżenti kien żgura l-likwidità ta’ FT, fir-rigward tad-dejn tagħha, għat-tnax-il xahar segwenti.

135    Fl-aħħar nett, mill-punti 14 u 17 tas-sentenza preżenti jirriżulta li, fil-11 u 12 ta’ Diċembru 2002, FT għamlet disponibbli żewġ settijiet ta’ bonds suċċessivi għal ammont totali ta’ EUR 2.9 biljun, fil-15 ta’ Jannar 2003, hija għamlet self fil-forma ta’ bonds għal ammont totali ta’ EUR 5.5 biljun u, fl-10 ta’ Frar 2003, hija rrinovat parti mis-self sindikalizzat li fid-data ta’ skadenza kellu jlaħħaq EUR 15 biljun.

136    Minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta, hekk kif il-Kummissjoni ġustament sostniet fil-premessa 194 tad-deċiżjoni kkontestata, li self minn azzjonist jammonta għal vantaġġ fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE dment li ppermetta lil FT li “żżid il-mezzi tagħha ta’ finanzjament u tirassigura s-suq fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tilħaq mal-iskadenzi tagħha”.

137    Fir-rigward tal-kundizzjoni dwar l-impenn tar-riżorsi tal-Istat ukoll inklużi fl-Artikolu 107(1) TFUE, għandu jiġi kkonstatat li self minn azzjonist jirrigwarda l-ftuħ ta’ faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun. Jekk huwa minnu li FT ma ffirmatx il-kuntratt ta’ self li ġie mibgħut lilha, l-imsemmi benefiċjarju seta’, hekk kif ġie ġustament ikkonstatat mill-Kummissjoni fil-premessa 196 tad-deċiżjoni kkontestata, jiffirmah fi kwalunkwe mument, u b’hekk jikseb id-dritt li jikseb immedjatament il-ħlas tas-somma ta’ EUR 9 biljun.

138    Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni sostniet fin-nota ta’ qiegħ ’il paġna 116 tad-deċiżjoni kkontestata li, mill-5 ta’ Diċembru 2002, FT iddeskriviet, f’preżentazzjoni lill-investituri, il-“faċilità ta’ kreditu” tal-Istat Franċiż bħala immedjatament disponibbli, li, fl-istess jum, S & P annunċat li l-Istat Franċiż kien immedjatament ta self minn azzjonist, li ġie ssinjalat lill-Kumitat tal-Finanzi tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża li s-self minn azzjonist “diġà sar disponibbli għal FT” u li Moody’s annunċat, fid-9 ta’ Diċembru 2002, li ġie kkonfermat li “l-faċilità ta’ kreditu ta’ EUR 9 biljun ġiet implementata”.

139    Issa, fir-rigward, minn naħa, tal-piż potenzjali supplimentari għall-kompetizzjoni ta’ EUR 9 biljun fuq ir-riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 107 tas-sentenza preżenti, il-Kummissjoni ġustament ikkonstatat li l-vantaġġ li sar referenza għalih fil-punt 132 tas-sentenza preżenti ingħata permezz tar-riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

 Fuq l-aspetti l-oħra tat-tieni parti tat-tieni aggravju u tat-tielet aggravju mqajma mir-Repubblika Franċiża u minn FT kif ukoll fuq l-aggravji l-oħra mqajma mir-Repubblika Franċiża u mill-FT

140    Għandu jiġi kkonstatat li l-kawża ma waslitx f’punt li tiġi deċiża f’dak li jirrigwarda t-tieni u t-tielet aggravji invokati mir-Repubblika Franċiża u minn FT, sa fejn dawn l-aggravji huma indirizzati kontra l-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat prudenti magħmula mill-Kummissjoni.

141    L-istess japplika fir-rigward tal-ewwel aggravju mressaq mir-Repubblika Franċiża u minn FT, ibbażat fuq ksur tal-forom proċedurali sostanzjali u tad-drittijiet tad-difiża, u tar-raba’ aggravju tar-Repubblika Franċiża, ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, u, b’hekk, tat-talba tal-kumpanniji Bouygues intiżi għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata.

142    Konsegwentement, hemm lok li l-Kawżi T-425/04, T-444/04 u T-450/04 jiġu rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fuq l-imsemmija parti u l-imsemmija aggravji u argumenti mqajma kif ukoll fuq it-talba mressqa quddiemha li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunċatx ruħha.

 Fuq l-ispejjeż

143    Peress li l-kawżi ġew rinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali, l-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-21 ta’ Mejju 2010, Franza et vs Il-Kummissjoni (T-425/04T-444/04, T-450/04 u T-456/04), hija annullata.

2)      Il-Kawżi T-425/04, T-444/04 u T-450/04 huma rrinvijati quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex din tkun tista’ tiddeċiedi fuq l-aggravji mqajma quddiemha u li dwarhom il-Qorti tal-Ġustizzja ma ppronunċatx ruħha.

3)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.