Kawża C-421/10
Finanzamt Deggendorf
vs
Markus Stoppelkamp, bħala kuratur tal-patrimonju ta’ Harald Raab
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)
“VAT — Sitt Direttiva — Artikolu 21(1)(b) — Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni — Servizzi provduti minn fornitur residenti fl-istess pajjiż bħall-konsumatur, iżda li stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu f’pajjiż ieħor — Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż’”
Sommarju tas-sentenza
Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Persuni taxxabbli
(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 21(1)(b))
L-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/65, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex persuna tiġi kkunsidrata bħala persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż, huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha barra dan il-pajjiż.
B’mod partikolari, f’sitwazzjoni li hija kkaratterizzata, minn naħa waħda, mill-fatt li s-sede tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli hija magħrufa u qiegħda barra l-pajjiż tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li ma huwiex ikkontestat li din hija s-sede effettiva u reali, u mhux sede jew post fittizju, ma tistax titqies bħala l-eventwali residenza privata tal-persuna taxxabbli f’dan il-pajjiż.
Il-preżunzjoni li s-servizzi huma pprovduti minn persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż meta s-sede tal-attività ekonomika ta’ din il-persuna taxxabbli hija barra dan il-pajjiż, irrispettivament mill-post tar-residenza privata tagħha, tagħmilha possibbli li l-konsumatur stabbilit f’pajjiż, li huwa konxju li l-fornitur għandu s-sede tal-attività ekonomika tiegħu barra dan il-pajjiż, jevita li jkollu jwettaq riċerka dwar ir-residenza privata ta’ dak il-fornitur u tikkontribwixxi biex tiżgura, permezz ta’ dan, il-perċezzjoni affidabbli u preċiża tat-taxxa fuq il-valur miżjud.
(ara l-punti 28, 34-36 u d-dispożittiv)
SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
6 ta’ Ottubru 2011 (*),
“VAT – Sitt Direttiva – Artikolu 21(1)(b) – Determinazzjoni tal-post ta’ tassazzjoni – Servizzi provduti minn fornitur residenti fl-istess pajjiż bħall-konsumatur, iżda li stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu f’pajjiż ieħor – Kunċett ta’ ‘persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż’”
Fil-Kawża C-421/10,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-25 ta’ Awwissu 2010, fil-proċedura
Finanzamt Deggendorf
vs
Markus Stoppelkamp, bħala kuratur tal-patrimonju ta’ Harald Raab,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn J.-J. Kasel (Relatur), President tal-Awla, E. Levits u M. Safjan, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Ġermaniż, minn C. Blaschke u T. Henze, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn F. Dedousi, u I. Pouli kif ukoll minn I. Bakopoulos, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 338, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Stoppelkamp bħala l-kuratur tal-patrimonju ta’ H. Raab u l-Finanzamt Deggendorf (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”), dwar id-determinazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) fuq is-servizzi provduti minn H. Raab.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“1. ‘Persuna taxxabbli’ tfisser kull persuna li b’mod indipendenti twettaq fi kwalunkwe post attività ekonomika msemmija fil-paragrafu 2, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
4 L-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“1. Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”
5 L-Artikolu 9(2)(e) tas-Sitt Direttiva jipprevedi:
“Iżda,
[…]
(e) il-post fejn jingħataw is-servizzi li ġejjin, meta jsiru għal konsumaturi stabbiliti barra l-Komunità jew għal persuni taxxabbli stabbiliti fil-Komunità imma mhux fl-istess pajjiż bħal tal-fornitur, għandu jkun il-post fejn il-konsumatur stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss li lilu jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti:
[…]
– il-provvista ta’ persunal,
[…]”
6 L-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva huwa fformulat kif ġej:
“1. Skond is-sistema interna, dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti li jħallsu t-taxxa fuq il-valur miżjud:
a) il-persuna taxxabbli li twettaq il-provvista taxxabbli ta’ oġġetti jew servizzi, għajr fil-każi riferiti fil-(b) u fiċ-(ċ).
Fejn il-provvista taxxabbli ta’ l-oġġetti u s-servizzi tiġi effettwata minn persuna taxxabbli li mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż, l-Istati Membri jistgħu, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti minnhom, jippreskrivu illi l-persuna soġġetta li tħallas it-taxxi hija l-persuna li għaliha tkun ġiet mwettqa l-provvista ta’ l-oġġetti jew tas-servizzi;
b) persuni taxxabbli li lilhom ikunu ġew forniti s-servizzi koperti bl-Artikolu 9(2)(e) jew il-persuni identifikati għall-għanijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud ġewwa t-territorju tal-pajjiż li lilhom jiġu forniti s-servizzi koperti bl-Artikolu 28b(Ċ), (D), (E) u (F), jekk is-servizzi jiġu mwettqa minn persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż;
[…]”
7 L-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva tal-Kunsill 79/1072/KEE, tas-6 ta’ Diċembru 1979, dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri rigward it-taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Arranġamenti għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud lill-persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-pajjiż (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 79, iktar ’il quddiem “it-Tmien Direttiva”), jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva, ‘persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż’; għandha tfisser persuna kif hemm referenza għaliha fl-Artikolu 4(1) ta’ Direttiva 77/388/KEE li, matul il-perjodu li hemm referenza għalih fl-ewwel u t-tieni sentenzi ta’ l-ewwel sotto-paragrafu ta’ l-Artikolu 7(1), li la kellha l-post ta’ l-attività ekonomika f’dak il-pajjiż, u lanqas kellha stabbiliment li minnu jkunu magħmula transazzjonijiet tan-negozju, lanqas, jekk ma jkunx jeżisti tali post jew stabbiliment fiss, id-dar tagħha jew il-post normali ta’ residenza, u li, matul l-istess perjodu, ma tkunx issuplixxiet la merkanzija u lanqas servizzi meqjusa li kienu ġew ipprovduti f’dak il-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta’:
a) servizzi ta’ trasport u servizzi li jorbtu magħhom, eżentati skond l-Artikolu 14(1)(i), l-Artikolu 15 jew l-Artikolu 16(1), B, Ċ u D ta’ Direttiva 77/388/KEE;
b) servizzi pprovduti fil-każijiet fejn it-taxxa tkun imħallsa biss mill-persuna li jkunu sarulha s-servizzi, skond l-Artikolu 21(1)(b) ta’ Direttiva 77/388/KEE.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 L-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 1(1) tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul mill-Bejgħ (Umsatzsteuergesetz 1999, BGBl. 1999 I, p. 1270), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), tistabbilixxi li “l-provvisti u servizzi oħra li jsiru bi ħlas ġewwa l-pajjiż, minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu” huma suġġetti għall-VAT.
9 L-Artikolu 3a tal-UStG jipprovdi:
“1. Il-provvista ta’ servizzi tingħata fil-post fejn jeżerċità l-attività tiegħu l-imprenditur salv għall-Artikoli 3b u 3f. Meta dak is-servizz huwa pprovdut minn stabbiliment fiss, dan għandu jitqies bħala l-post tal-provvista.
[…]
3. Jekk il-konsumatur ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 tkun impriża, b’deroga mill-paragrafu 1, is-servizz huwa meqjus li ngħata fil-post fejn jeżerċita l-attività tiegħu l-konsumatur. Madankollu, jekk is-servizz jiġi fornut fl-istabbiliment fiss tal-imprenditur, huwa l-post ta’ dan l-istabbiliment li huwa determinanti. Jekk il-konsumatur ta’ wieħed mis-servizzi l-oħra msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunx impriża u għandu r-residenza jew is-sede tiegħu fit-territorju ta’ pajjiż terz, is-servizz huwa meqjus li ngħata fir-residenza jew fis-sede tiegħu […].
4. Għall-finijiet tal-paragrafu 3, il-kliem “servizzi oħrajn” ifissru:
[…]
7) il-provvista ta’ persunal;
[…]”
10 L-Artikolu 13b(4) tal-UStG jipprovdi:
“Imprenditur stabbilit barra mill-pajjiż huwa imprenditur li r-residenza, is-sede, l-amministrazzjoni tal-impriża jew ta’sussidjarja la tinsab fit-territorju nazzjonali u lanqas fuq il-gżira ta’ Helgoland, jew f’waħda miż-żoni msemmija fl-Artikolu 1(3). Il-punt ta’ referenza huwa l-punt li fih is-servizz jiġi pprovdut. Meta jidher dubjuż li l-imprenditur jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet, il-konsumatur ma jkunx responsabbli għall-ħlas tat-taxxa meta l-imprenditur jurih, permezz ta’ dikjarazzjoni tal-Finanzamt kompetenti biex timponi l-operazzjonijiet tagħha skont ir-regoli tat-taxxa, li ma huwiex imprenditur fis-sens tal-ewwel sentenza.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
11 Fl-2002, H. Raab ittrasferixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu mill-Ġermanja għall-Awstrija. Għalhekk, huwa ddikjara, fuq żewġ postijiet fl-Awstrija, attività professjonali magħrufa bħala “Überstellungs-, Administrations- und Fahrdienst” (servizzi ta’ trasferiment, ta’ amministrazzjoni u ta’ trasport). L-attività ekonomika tiegħu kienet tikkonsisti f’li jpoġġi lill-impjegati tiegħu stess għad-dispożizzjoni tal-impriża bbażati fil-Bavarja t’Isfel għall-eżerċizzju ta’ attivitajiet ta’ trasport fit-territorju Ġermaniż.
12 Fl-1 ta’ Lulju 2002, H Raab ittrasferixxa wkoll r-residenza privata tiegħu mill-Ġermanja għall-Awstrija. Madankollu, skont il-konstatazzjonijiet magħmula mill-awtoritajiet doganali kompetenti, anki wara l-bidla uffiċjali tar-residenza, H. Raab baqa’ jirresjedi fil-Ġermanja ta’ spiss.
13 L-amministrazzjoni fiskali Awstrijaka assenjat numru ta’ identifikazzjoni tal-VAT lil H. Raab. Dan kien jiffattura s-servizzi tiegħu lill-impriżi tat-trasport Ġermaniżi mingħajr il-VAT bil-frażi “il-konsumatur responsabbli għall-ħlas tat-taxxa skont l-Artikolu 13b tal-UStG”.
14 Il-Finanzamt ikkunsidra li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-mekkaniżmu tal-awtolikwidazzjoni, mill-konsumatur skont l-ewwel sentenza tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 13b(1) tal-UStG, moqri flimkien mal-paragrafu 4, tal-istess artikolu, ma kinux sodisfatti. Skont il-Finanzamt, H. Raab ma kienx persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż, peress li matul dik is-sena, kellu r-residenza privata tiegħu fil-pajjiż. Il-Finanzamt għalhekk ħareġ avviż tat-taxxi għall-VAT fl-indirizz ta’ H. Raab.
15 Dan tal-aħħar ippreżenta rikors kontra dan l-avviż. Il-qorti tal-ewwel istanza laqgħet ir-rikors għar-raġuni li, matul l-2002, is-sede tal-attività ekonomika ta’ H. Raab kienet tinsab fl-Awstrija. B’kunsiderazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 21(1)(a), tas-Sitt Direttiva, ikun xieraq li l-Artikolu 13b tal-UStG jiġi interpretat fis-sens li huwa biss is-sede tal-impriża li huwa relevanti f’dak li jirrigwarda l-istabbiliment tal-persuna taxxabbli barra l-pajjiż. Hekk meta, bħal f’dan il-każ, tali sede teżisti, l-eżistenza f’daqqa ta’ residenza privata fil-pajjiż huwa irrilevanti.
16 Insostenn tar-rikors tiegħu għal “Reviżjoni”, ippreżentat quddiem il-Bundesfinanzhof, il-Finanzamt sostna li l-qorti tal-ewwel istanza kisret l-Artikolu 13b(4) tal-UStG, li huwa ċar li l-imprenditur ma għandux jitqies li jkun stabbilit barra mill-pajjiż meta jkollu ir-residenza tiegħu ġewwa l-pajjiż.
17 Il-Bundesfinanzhof għandha dubji dwar il-konformità tal-liġi Ġermaniża mad-dritt tal-Unjoni minħabba l-fatt li, skont din il-leġiżlazzjoni, il-kriterju ta “imprenditur stabbilit barra mill-pajjiż” previst bħala kundizzjoni ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ awtolikwidazzjoni, ma jkunx sodisfatt meta l-imprenditur ikun stabbilixxa s-sede tal-attività ekonomika tiegħu barra l-pajjiż, iżda jkollu residenza privata hemmhekk. Madankollu, skont l-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva, għandu jkun biżżejjed, sabiex il-VAT tkun dovuta mill-konsumatur taxxabbli, li s-servizzi jkunu pprovduti minn “im Ausland ansässigen Steuerpflichtigen” (persuna taxxabbli mhux stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż). Madankollu, dan il-kunċett la huwa definit fl-Artikolu 21 tas-Sitt Direttiva u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra ta’ din id-direttiva.
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“Sabiex persuna taxxabbli titqies li hija ‘persuna taxxabbli residenti barra [persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż]’ fis-sens tal-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva […] huwa biżżejjed li tkun stabbiliet il-post tan-negozju tagħha barra mill-pajjiż jew huwa meħtieġ ukoll li din ikollha anki r-residenza privata tagħha barra mill-pajjiż?”
Fuq id-domanda preliminari
19 L-ewwel nett, għandu jiġi osservat li, mill-qari tal-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva, b’mod partikolari, fil-verżjonijiet bil-Ġermaniż u bil-Franċiż, jirriżulta li f’dan il-każ, il-verżjoni Ġermaniża ma tużax il-kliem “persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż”. Din il-verżjoni tuża l-kliem “im Ausland ansässigen Steuerpflichtigen” li t-traduzzjoni litterali tagħha għandha tinftiehem bħala “persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż”.
20 Huwa għalhekk meħtieġ li wieħed jifhem id-domanda preliminari bħala li tirreferi għal, essenzjalment, jekk l-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex persuna tkun ikkunsidrata bħala “im Ausland ansässigen Steuerpflichtigen” (persuna taxxabbli mhux stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż) skont il-verżjoni Ġermaniża ta’ din id-dispożizzjoni, huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha barra dan il-pajjiż jew jekk, barra minn hekk, hija jridx ikollha r-residenzza privata tagħha f’dak il-pajjiż.
21 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, kif għamlet il-qorti tar-rinviju, li ma hemm l-ebda definizzjoni fil-verżjoni Ġermaniża tas-Sitt Direttiva tat-terminu “persuna taxxabbli stabbilita barra mill-pajjiż”.
22 Madankollu, huwa ċar li l-kunċett inkwistjoni deher qabel l-introduzzjoni tal-bidliet magħmula mid-Direttiva 2000/65, mhux biss fil-verżjoni tal-lingwa Ġermaniża, iżda wkoll, b’mod partikolari, f’verżjonijiet bil-lingwa Spanjola, Daniża, Ingliża, Franċiża, Taljana, Olandiża, Portugiża u Svediża fl-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva. Madankollu, wara d-dħul fis-seħħ ta ’din id-direttiva li temenda, dawn il-verżjonijiet lingwistiċi kollha jużaw issa, kuntrarjament għall-verżjoni Ġermaniża, il-kunċett li jikkorrispondi għal “persuna taxxabbli mhix stabbilita ġewwa t-territorju tal-pajjiż”.
23 Dan il-kunċett, kuntrarjament għal dak użat fil-verżjoni Ġermaniża tas-Sitt Direttiva, mhux biss jidher f’dispożizzjonijiet oħra tagħha, partikolarment fl-Artikolu 17(4), iżda kien ukoll is-suġġett ta’ definizzjoni f’dispożizzjoni oħra tad-dritt tal-Unjoni.
24 Fil-fatt l-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva jiddefinixxi l-kunċett ta’ “persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorj tal-pajjiż” (ara s-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-244/08, punt 26).
25 Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, l-istatus ta’ persuna taxxabbli mhux stabbilita fit-territorju tal-pajjiż tippresupponi li, matul il-perijodu ta’ referenza, l-persuna taxxabbli ma jkollha l-ebda wieħed mill-fatturi ta’ konnessjoni f’dan il-pajjiż li huma identifikati f’dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 27).
26 Issa, l-aktar importanti minn dawn il-fatturi huma s-sede tal-attività ekonomika u l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss li minnu jsiru transazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, Il-Kummissjoni vs L-Italja, punt 28).
27 Kif jirriżulta mill-kliem tal-Artikolu 1 tat-Tmien Direttiva, il-fatturi l-oħra ta’ konnessjoni elenkati fih, jiġifieri l-eżistenza ta’ residenza jew residenza abitwali tal-persuna taxxabbli, ma jistgħux jintużaw biex jiddeterminaw ta’ liema post il-persuna taxxabbli hija kkunsidrata bħala “stabbilita” ħlief fin-nuqqas ta’ informazzjoni rilevanti dwar is-sede tal-attività ekonomika jew l-istabbiliment fiss li minnu saru t-transazzjonijiet.
28 Minn dan jirriżulta li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija kkaratterizzata, minn naħa waħda, mill-fatt li s-sede tal-attività ekonomika tal-persuna taxxabbli hija magħrufa u qiegħda barra l-pajjiż tal-konsumatur u, min-naħa l-oħra, mill-fatt li ma huwiex ikkontestat li din hija s-sede effettiva u reali, u mhux sede jew post fittizju, ma tistax titqies bħala l-eventwali residenza privata tal-persuna taxxabbli f’dan il-pajjiż.
29 Din il-konklużjoni hija konsistenti wkoll mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-determinazzjoni, fir-rigward tal-VAT, tal-post tas-sede tal-attività ekonomika ta’ kumpannija, b’mod partikolari kif isegwi mis-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2007, Planzer Luxembourg (C-73/06, Ġabra p. I-5655), dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1 tat-Tlettax-il Direttiva tal-Kunsill, tas-17 ta’ Novembru 1986, fir-rigward tal-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-taxxi ta’ ċaqliq ta’ flus - Arranġamenti għar-rifond tat-taxxa fuq il-valur miżjud lil persuni taxxabbli li ma humiex stabbiliti fit-territorju tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9 Vol. 1 p. 129).
30 Fil-fatt, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 61 tal-imsemmija sentenza, id-determinazzjoni tal-post tas-sede tal-attività ekonomika ta’ kumpannija jimplika l-kunsiderazzjoni ta’ numru ta’ fatturi, fejn l-ewwel fosthom hemm is-sede,, il-post tal-amministrazzjoni ċentrali, il-post fejn jiltaqgħu d-diriġenti tal-kumpannija u dak, li normalment ikun l-istess, fejn tiġi deċiża l-politika ġenerali ta’ din il-kumpannija.
31 Elementi oħra, bħalma huma d-domiċilju tad-diriġenti prinċipali u l-post fejn tiltaqa’ l-assemblea ġenerali jistgħu, fi stadju sussegewenti, jittieħdu inkunsiderazzjoni meta, pereżempju, ikollha tiġi ddeterminata s-sede attwali ta’ kumpannija li għandha post fittizju, bħal dik li tikkaratterizza l-kumpannija “kaxxa postali” (ara f’dan is-sens, is-sentenza Planzer Luxembourg, iċċitata iktar ’il fuq, punti 61 u 62).
32 L-interpretazzjoni li, fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-post ta’ stabbiliment tal-fornitur tas-servizz taxxabbli, il-post tar-residenza privata ta’ dan tal-aħħar ma jistax jittieħed inkunsiderazzjoni fl-assenza ta’ elementi ta’ konnessjoni direttament relatati mal-attività ekonomika eżerċitata mill-imsemmi fornitur, bħas-sede tal-attività ekonomika jew l-eżistenza ta’ stabbiliment fiss li minnu jsiru transazzjonijiet, huwa wkoll konsistenti mal-loġika tal-Artikolu 4(1) tas-Sitt Direttiva, peress li din id-dispożizzjoni ma tidentifikax il-persuna taxxabbli ħlief fir-rigward tal-attività ekonomika eżerċitata minnu.
33 Għandu jingħad ukoll li l-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu l-għan li jirrilaxxa l-persuna taxxabbli stabbilita fi Stat Membru mir-restrizzjoni li tissodisfa l-obbligi taħt l-Artikolu 22 ta’ din id-Direttiva fi Stati Membri oħra fejn tipprovdi servizz jew tikkonsenja xi merkanzija. Issa, jekk tiġi eskluża, ir-regola tal-awtolikwidazzjoni f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali tirriżulta f’li timmina serjament il-kisba ta’ dan il-għan.
34 Barra minn hekk, kif innotat il-qorti tar-rinviju, l-interpretazzjoni preċedenti hija waħda li toffri l-ikbar ċertezza legali sa fejn il-preżunzjoni li s-servizzi huma pprovduti minn “persuna taxxabbli mhix stabbilita fit-territorju tal-pajjiż” meta s-sede tal-attività ekonomika ta’ din il-persuna taxxabbli hija barra dan il-pajjiż, irrispettivament mill-post tar-residenza privata tagħha, hija tali li tissimplifika l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva u tikkontribwixxi biex tiżgura, permezz ta’ dan, il-perċezzjoni affidabbli u preċiża tal-VAT.
35 Fil-fatt, din il-preżunzjoni tagħmilha possibbli li l-konsumatur stabbilit f’pajjiż, li huwa konxju li l-fornitur, bħal dak fil-kawża prinċipali, għandu s-sede tal-attività ekonomika tiegħu barra dan il-pajjiż, jevita li jkollu jwettaq riċerka dwar ir-residenza privata ta’ dak il-fornitur.
36 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex persuna tiġi kkunsidrata bħala “persuna taxxabbli mhix stabbilita fit-territorju tal-pajjiż”, huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha barra dan il-pajjiż.
Fuq l-ispejjeż
37 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 21(1)(b) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2000/65/KE, tas-17 ta’ Ottubru 2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex persuna tiġi kkunsidrata bħala “persuna taxxabbli mhix stabbilita fit-territorju tal-pajjiż”, huwa biżżejjed li l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun stabbilixxiet is-sede tal-attività ekonomika tagħha barra dan il-pajjiż.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.