Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

Kawża C-444/10

Finanzamt Lüdenscheid

vs

Christel Schriever

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“VAT — Sitt Direttiva — Artikolu 5(8) — Kunċett ta’ ‛trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom’ — Trasferiment tal-proprjetà ta’ stokk ta’ merkanzija u ta’ tagħmir kummerċjali fl-istess ħin mal-kiri tal-bini kummerċjali”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxxabbli — Kunsinna ta’ beni — Possibbiltà għall-Istati Membri li jeskludu t-trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 5(8))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Valur taxxabbli — Kunsinna ta’ beni — Trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom

(Direttiva tal-Kunsill 77/388, Artikolu 5(8))

1.        Sabiex it-trasferiment ta’ avvjament jew ta’ parti awtonoma ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ jiġi kkonstatat, hemm bżonn li l-elementi kollha ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu t-tkomplija ta’ attività ekonomika awtonoma.

Fil-każ fejn attività ekonomika ma teħtieġx l-użu ta’ bini partikolari jew mgħammar b’installazzjonijiet fissi meħtieġa għat-tkomplija tal-attività ekonomika, jista’ jkun hemm trasferiment tal-assi kollha fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tas-Sitt Direttiva anki mingħajr it-trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà fuq proprjetà immobbli. Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li jkun hemm tali trasferiment, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, meta l-persuna li favuriha jsir it-trasferiment ma tingħatax il-pussess tal-bini kummerċjali fil-każ fejn l-attività ekonomika kkonċernata tikkonsisti fl-operat ta’ grupp indisassoċjabbli ta’ proprjetà mobbli u immobbli. B’mod partikolari, jekk il-bini kummerċjali huwa mgħammar b’installazzjonijiet fissi meħtieġa għat-tkomplija tal-attività ekonomika, din il-proprjetà immobbli għandha tkunu tifforma parti mill-elementi ttrasferiti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li kien hemm trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom fis-sens tas-Sitt Direttiva. Dan it-trasferiment jista’ jseħħ ukoll jekk il-bini kummerċjali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li favuriha jsir it-trasferiment permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew inkella jekk dan tal-aħħar innifsu jkollu proprjetà immobbli xierqa fejn l-assi kollha ttrasferiti jistgħu jitqiegħdu u fejn huwa jista’ jkompli jeżerċita l-attività ekonomika kkonċernata.

Barra minn hekk, elementi bħal ma huma t-tul permess tal-kirja u l-metodi miftiehma għat-tmiem tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali tal-operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi, dejjem fis-sens tal-istess dispożizzjoni, peress li dawn jista’ jkollhom effett fuq din l-evalwazzjoni fil-każ fejn jistgħu jostakolaw it-tkomplija fit-tul tal-attività ekonomika. Madankollu, il-possibbiltà li kuntratt ta’ kiri permanenti jiġi xolt permezz ta’ avviż ta’ żmien qasir ma hijiex, fiha nnifisha, determinanti sabiex jiġi konkluż li l-persuna li favuriha sar it-trasferiment kellha l-intenzjoni li tillikwida immedjatament l-avvjament jew il-parti tal-impriża ttrasferita. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi rrifjutata biss abbażi ta’ din ir-raġuni.

(ara l-punti 25, 27-29, 42, 43)

2.        L-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva 77/388, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir kummerċjali ta’ ħanut li jbigħ bl-imnut, li jsir fl-istess ħin mal-kiri, lill-persuna li favuriha jsir it-trasferiment, tal-bini tal-imsemmi ħanut għal tul indeterminat, iżda fejn il-kuntratt tal-kiri jista’ jiġi xolt fi żmien qasir miż-żewġ partijiet, jikkostitwixxi trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-assi ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex l-imsemmija persuna li favuriha sar it-trasferiment tkun tista’ tkompli fit-tul attività ekonomika awtonoma.

(ara l-punt 45 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Novembru 2011 (*)

“VAT – Sitt Direttiva – Artikolu 5(8) – Kunċett ta’ ‛trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom’ – Trasferiment tal-proprjetà ta’ stokk ta’ merkanzija u ta’ tagħmir kummerċjali fl-istess ħin mal-kiri tal-bini kummerċjali”

Fil-Kawża C-444/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Settembru 2010, fil-proċedura

Finanzamt Lüdenscheid

vs

Christel Schriever,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Rosas, A. Ó Caoimh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Finanzamt Lüdenscheid, minn H. Selle, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23 iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ appell “fuq punt ta’ liġi” bejn il-Finanzamt Lüdenscheid (Awtorità fiskali, iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) u C. Schriever dwar kont tat-taxxa rettifikattiv li permezz tiegħu l-Finanzamt ikklassifikat it-trasferiment tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir ta’ ħanut imwettaq minn C. Schriever bħala operazzjoni suġġetta għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Is-Sitt Direttiva

3        Skont l-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva, il-provvista ta’ merkanzija u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, hija suġġetta għall-VAT.

4        Skont l-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva, “[p]rovvista ta’ oġġetti” tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali bħala proprjetarju.

5        Skont l-Artikolu 5(8) tal-imsemmija direttiva:

“F’każ ta’ trasferiment, bi ħlas jew mingħajr, jew kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom, Stati Membri jistgħu jqisu li ma tkunx saret provvista ta’ oġġetti, u f’dak il-każ il-benefiċjarju għandu jitqies bħala s-suċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment. Fejn jixraq Stati Membri jistgħu jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ma ssirx distorzjoni tal-kompetizzjonijet f’każijiet fejn il-benefiċjarju ma jkunx għal kollox suġġett għat-taxxa.”

6        Skont l-Artikolu 6(5) tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 5(8) tagħha japplika “fl-istess mod għall-provvista ta’ servizzi”.

 Id-dritt nazzjonali

7        Skont l-ewwel frażi tal-Artikolu 1(1)(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ tal-1993 (Umsatzsteuergesetz 1993, BGB1. 1993 I, P. 565, iktar ’il quddiem l-“UStG”), huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ il-provvisti u servizzi oħra li jsiru bi ħlas ġewwa l-pajjiż, minn imprenditur fil-kuntest tal-impriża tiegħu.

8        L-Artikolu 1(1a) tal-UstG, li huwa intiż sabiex jittrasponi l-Artikoli 5(8) u 6(5) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“L-operazzjonijiet imwettqa fil-kuntest ta’ trasferiment ta’ impriża lill-imprenditur għall-finijiet tal-impriża tiegħu ma humiex suġġetti għal VAT. Ikun hemm trasferiment ta’ impriża meta impriża jew stabbiliment amministrat b’mod separat fl-istruttura tal-impriża jkun kompletament ittrasferit jew integrat ma kumpannija, kemm jekk bi ħlas u anki jekk mingħajr ħlas. L-imprenditur li jakkwista jkompli bħala suċċessur ta’ min jittrasferixxi”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        C. Schriever kienet topera, sat-30 ta’ Ġunju 1996, negozju bl-imnut ta’ oġġetti relatati mal-isport f’bini kummerċjali li kien proprjetà tagħha. B’effett minn din id-data, hija ttrasferiet l-istokk ta’ merkanzija u t-tagħmir tal-ħanut lill-Sport S. GmbH (iktar ’il quddiem “Sport S.”) għall-prezz totali ta’ DEM  455 000, mingħajr ma l-VAT ma ssemmiet fuq l-irċevuta mfassla f’dan il-kuntest.

10      Fl-istess ħin C. Schriever, b’effett mill-1 ta’ Awwissu 1996 u għal żmien indeterminat, tat b’kiri lill-Sport S. il-bini kummerċjali fejn kienet tiġi eżerċitata l-attività kummerċjali. Madankollu, skont it-termini tal-kuntratt tal-kiri, dan seta jiġi xolt minn kull waħda mill-partijiet l-iktar tard fit-tielet ġurnata tax-xogħol ta’ trimestru ta’ sena, b’effett mit-tmiem tat-trimestru segwenti.

11      Sport S. kompliet l-attività tal-ħanut ta’ oġġetti sportivi sal-31 ta’ Mejju 1998.

12      C. Schriever ittrattat it-trasferiment tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir tal-ħanut bħala trasferiment integrali mhux taxxabbli ta’ impriża, skont l-Artikolu 1(1a) tal-UStG. Konsegwentement, hija ma inkludietx l-ammont ta’ dan il-bejgħ fid-dikjarazzjoni tal-VAT tagħha tal-1996.

13      Il-Finanzamt ikkunsidrat, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżiti għal trasferiment integrali ta’ impriża ma kinux sodisfatti, sa fejn il-proprjetà immobbli, inkwantu element essenzjali tal-impriża, ma kinitx tifforma parti mill-elementi ttrasferiti lill-Sport S. Fil-kont tat-taxxa rettifikattiv għas-sena 1996, il-Finanzamt ikklassifikat it-trasferiment bħala operazzjoni taxxabbli u ffissat il-VAT konsegwentement.

14      Il-Finanzgericht, adita bir-rikors ippreżentat minn C. Schriever kontra d-deċiżjoni tal-Finanzamt, ikkunsidrat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża, l-operazzjoni kkontestata kienet tabilħaqq tikkostitwixxi trasferiment integrali ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 1(1a) tal-UstG peress li, minn naħa, Sport S. kienet effettivament kompliet l-attività tal-impriża ta’ C. Schriever u li, min-naħa l-oħra, is-sempliċi possibbiltà teoretika li l-kuntratt tal-kiri jiġi xolt f’kull ħin ma kellha ebda effett f’dan ir-rigward.

15      Il-Finanzamt ippreżentat appell “fuq punt ta’ liġi” kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof, fejn sostniet li kuntratt ta’ kiri li jista’ jiġi xolt b’avviż legali minn qabel ma jiggarantixxix it-tkomplija fit-tul tal-attività tal-impriża peress li, mingħajr il-bini tal-ħanut, it-twettieq tan-negozju bl-imnut ma jkunx possibbli.

16      Fid-deċiżjoni tagħha, l-Bundesfinanzhof tfakkar li, skont il-ġurisprudenza stabbilita tagħha, trasferiment jista’ jiġi kklassifikat bħala trasferiment ta’ impriża minkejja l-fatt li ċerti elementi essenzjali tal-imsemmija impriża jkunu ġew esklużi mill-operazzjoni, sakemm, madankollu, l-imprenditur ikun jista’ juża dawn l-elementi essenzjali għal żmien twil, sabiex ikompli fit-tul l-attività tal-impriża. Din il-qorti tosserva li hija kkunsidrat li kuntratt ta’ kiri konkluż għal tul ta’ għaxar snin kien suffiċjenti sabiex jippermetti użu tal-imsemmija elementi essenzjali għal perijodu twil, filwaqt li l-Finanzgericht Baden-Württemberg qieset, f’sentenza li kisbet saħħa ta’ res judicata, li kiri għal tul ta’ ħames snin ta’ proprjetà immobbli tal-impriża, fejn il-persuna li titrasferixxi kienet il-proprjetarju, ma kienx suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li kien hemm “tkomplija” tal-attività tal-impriża.

17      Skont il-Bundesfinanzhof, iċ-ċirkustanzi tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali huma madankollu partikolari, sa fejn il-kuntratt ta’ kiri għal żmien indeterminat seta’ jiġi xolt minn kull waħda mill-partijiet fi żmien qasir.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Meta imprenditur jittrasferixxi l-proprjetà tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir kummerċjali tal-ħanut tiegħu ta’ bejgħ bl-imnut lil akkwirent u sempliċement jikri lil dan tal-aħħar il-bini tal-ħanut, proprjetà tiegħu, dan ikun qiegħed jagħmel “trasferiment” tal-assi kollha fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva […]?

2)      Huwa rilevanti, f’dan ir-rigward, jekk l-użu tal-bini tal-ħanut ngħatax skont ftehim ta’ kiri għal żmien twil jew kiri għal żmien indeterminat li jista’ jitwaqqaf miż-żewġ partijiet b’avviż ta’ żmien qasir?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà tal-stock tal-merkanzija u tat-tagħmir kummerċjali ta’ ħanut li jbiegħ bl-imnut, li jsir fl-istess ħin mall-kiri, lill-persuna li favuriha jsir it-trasferiment, tal-bini tal-imsemmi ħanut għal tul indeterminat, iżda fejn il-kuntratt tal-kiri jista’ jiġi xolt fi żmien qasir miż-żewġ partijiet, jikkostitwixxi trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom.

20      F’dan ir-rigward għandu l-ewwel nett jiġi mfakkar li l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva, jipprovdi, fl-ewwel sentenza tiegħu, li l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li, fl-okkażjoni tat-trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, ebda provvista ta’ merkanzija ma tkun saret u l-persuna li lilha tkun ġiet ittrasferita l-merkanzija għandha tiġi ttrattata bħala ssuċċessur ta’ min jagħmel it-trasferiment. B’hekk, meta Stat Membru juża din il-possibbiltà, it-trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom ma titqiesx bħala provvista ta’ merkanzija għall-finijiet tas-Sitt Direttiva u għalhekk ma huwiex suġġett għall-VAT skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Frar 2001, Abbey National, C-408/98, Ġabra p. I-1361, punt 30; tas-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, Ġabra p. I-14393, punt 29, u tad-29 ta’ Ottubru 2009, SKF, C-29/08, Ġabra p. I-10413, punt 36).

21      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jeskludu mill-applikazzjoni ta’ din ir-regola ta’ nuqqas ta provvista, it-trasferimenti tal-assi kollha favur benefiċjarju li ma huwiex persuna taxxabbli fis-sens tal-imsemmija direttiva jew inkella li jaġixxi bħala persuna taxxabbli biss f’parti mill-attivitajiet tiegħu, jekk dan huwa neċessarju sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tiġi kkunsidrata bħala li tispeċifika b’mod eżawrjenti ċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru li juża l-possibbiltà prevista fl-ewwel sentenza ta’ dan il-paragrafu jista’ jillimita l-applikazzjoni tar-regola ta’ nuqqas ta’ provvista (sentenza ċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

22      Barra minn hekk, fir-rigward tal-kunċett ta’ “trasferiment, bi ħlas jew mingħajr, jew kontribuzzjoni lil kumpannija, ta’ l-assi kollha jew parti minnhom”, previst fl-ewwel frażi tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà osservat li dan huwa kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li għandu jiġi interpretat b’mod uniformi fl-Unjoni kollha. Fin-nuqqas ta’ definizzjoni ta’ dan il-kunċett fis-sitt direttiva jew ta’ riferiment espliċitu għad-dritt tal-Istati membri, is-sens u l-portata tiegħu għandhom jiġu mfittxija billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zita Modes, iċċitata iktar ’il fuq punti 32 sa 35).

23      Huwa preċiżament fid-dawl tal-kuntest tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva u tal-għan imfittex minnha li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li din id-dispożizzjoni hija intiża sabiex tippermetti lill-Istati Membri jiffaċilitaw it-trasferimenti ta’ impriżi jew ta’ parti minn impriżi, billi jissimplifikawhom u billi jevitaw li l-baġit tal-benefiċjarju jiġi suġġett għal piż fiskali sproporzjonat li huwa kien f’kull każ jirkupra iktar ’il quddiem permezz ta’ tnaqqis tal-VAT tal-imput imħallsa (sentenza Zita Modes, iċċitata iktar ’il fuq, point 39).

24      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fid-dawl ta’ dan il-għan, il-kunċett ta’ “trasferiment […] ta’ l-assi kollha jew parti minnhom” għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri t-trasferiment tal-avvjament jew ta’ parti awtonoma ta’ impriża li tinkludi elementi korporali u, skont il-każ, inkorporali li, flimkien, jikkostitwixxu impriża jew parti minn impriża li tista’ teżerċita attività ekonomika awtonoma, iżda li ma jkoprix is-sempliċi trasferiment ta’ merkanzija, bħall-bejgħ ta’ stokk ta’ prodotti (ara s-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq, Zita Modes, punt 40 u SKF, punt 37).

25      Minn dan jirriżulta li, sabiex it-trasferiment ta’ avvjament jew ta’ parti awtonoma ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva jiġi kkonstatat, hemm bżonn li l-elementi kollha ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex jippermettu t-tkomplija tal-attività ekonomika awtonoma.

26      Il-kwistjoni ta’ jekk dawn l-assi kollha għandhomx ikunu jinkludu, b’mod partikolari, kemm proprjetà mobbli kif ukoll immobbli, għandha tiġi evalwata fid-dawl tan-natura tal-attività ekonomika inkwistjoni.

27      Fil-każ fejn attività ekonomika ma teħtieġx l-użu ta’ bini partikolari jew mgħammar b’installazzjonijiet fissi meħtieġa għat-tkomplija tal-attività ekonomika, jista’ jkun hemm trasferiment tal-assi kollha fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva anki mingħajr it-trasferiment tad-drittijiet ta’ proprjetà fuq proprjetà immobbli.

28      Min-naħa l-oħra, ma huwiex possibbli li jiġi kkunsidrat li tali trasferiment jeżisti, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, jekk il-persuna li favuriha jsir it-trasferiment ma tingħatax il-pussess tal-bini kummerċjali fil-każ fejn l-attività ekonomika kkonċernata tikkonsisti fl-operat ta’ grupp indisassoċjabbli ta’ proprjetà mobbli u immobbli. B’mod partikolari, jekk il-bini kummerċjali huwa mgħammar b’installazzjonijiet fissi meħtieġa għat-tkomplija tal-attività ekonomika, din il-proprjetà immobbli għandha tkunu tifforma parti mill-elementi ttrasferiti sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li kien hemm trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom fis-sens tas-Sitt Direttiva.

29      Bl-istess mod, jista’ jkun hemm trasferiment ta’ assi jekk il-bini kummerċjali jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-persuna li favuriha jsir it-trasferiment permezz ta’ kuntratt ta’ kiri jew inkella jekk dan tal-aħħar innifsu jkollu proprjetà immobbli xierqa fejn l-assi kollha ttrasferiti jistgħu jitqiegħdu u fejn huwa jista’ jkompli jeżerċita l-attività ekonomika kkonċernata.

30      Kull interpretazzjoni oħra differenti jkollha bħala konsegwenza distinzjoni arbitrarja bejn, minn naħa, it-trasferimenti mwettqa minn persuni li jitrasferixxu li huma l-proprjetarji tal-bini fejn jinsab l-avvjament jew il-parti tal-impriża li beħsiebhom jitrasferixxu u, min-naħa l-oħra, it-trasferimenti mwettqa minn persuni li jitrasferixxu li għandhom biss dritt ta’ kera fuq dan l-istess bini. Fil-fatt, la l-kliem tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva u lanqas l-għan tiegħu ma jagħtu l-wieħed x’jifhem li dawn tal-aħħar ma jkunux jistgħu jwettqu trasferiment tal-assi kollha, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

31      Barra minn hekk, l-ammont ta’ VAT li għandha titħallas minħabba t-trasferiment ta’ impriża jew ta’ parti minn impriża jista’ jkun jikkostitwixxi spiża partikolarment importanti għall-persuna li favuriha jsir it-trasferiment meta mqabbel mar-riżorsi tal-impriża kkonċernata, anki fil-każ fejn l-assi kollha ttrasferiti ma jkunux jinkludu proprjetà immobbli. Għalhekk ikun konformi mal-għan tad-dispożizzjoni inkwistjoni, hekk kif tirriżulta mill-punt 23 ta’ din is-sentenza, li jingħata trattament speċjali anki għat-trasferimenti tal-assi kollha li jsiru fl-istess ħin mal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kiri ta’ bini kummerċjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zita Modes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

32      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq jirriżulta li għandha ssir evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi fattwali li jikkaratterizzaw l-operazzjoni inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk din hijiiex koperta mill-Kunċett ta’ trasferiment tal-assi kollha, fis-sens tas-Sitt Direttiva. F’dan il-kuntest, għandha tingħata importanza partikolari għan-natura tal-attività ekonomika li t-tkomplija tagħha tkun prevista.

33      F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, it-trasferiment tal-istokk ta’ merkanzija u tat-tagħmir ta’ negozju li jbigħ bl-imnut, dan ġeneralment jitwettaq sabiex il-persuna li favuriha jsir it-trasferiment tkompli l-operat tal-imsemmi negozju.

34      Anki jekk inkwistjoni jkun hemm attività ekonomika li ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr il-bini kummerċjali, ma huwiex neċessarju, bħala regola ġenerali, sabiex tiġi żgurata t-tkomplija tal-attività tan-negozju bl-imnut ittrasferit, li l-proprjetarju tan-negozju jkun ukoll il-proprjetarju tal-proprjetà immobbli fejn jitwettaq in-negozju.

35      Sa fejn it-trasferiment tal-istokk ta’ merkanzija u tat-tagħmir tan-negozju huwa suffiċjenti sabiex jippermetti t-tkomplija ta’ attività ekonomika awtonoma, it-trasferiment ta’ proprjetà immobbli ma huwiex determinanti sabiex l-operazzjoni tiġi kklassifikata bħala trasferiment tal-assi kollha.

36      Barra minn hekk, meta t-tkomplija tal-attività ekonomika inkwistjoni tkun tirrikjedi li l-persuna li favuriha jsir it-trasferiment tuża l-istess bini bħal dak li kien jokkupa min wettaq it-trasferiment, xejn ma jipprekludi, bħala prinċipju, li din il-pussess jiġi ttrasferit permezz tal-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ kiri.

37      Sabiex l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva jkun applikabbli huwa neċessarju wkoll li min jagħmel it-trasferiment ikollu l-intenzjoni li jkompli jopera l-avvjament jew il-parti tal-impriża ttrasferiti u mhux sempliċement li jillikwida immedjatament l-attiv ikkonċernat kif ukoll, jekk ikun il-każ, ibiegħ l-istokk (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Zita Modes, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).

38      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-intenzjonijiet tal-persuna li favuriha jsir it-trasferiment jistgħu jew, f’ċerti każijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni matul evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi ta’ operazzjoni, sa kemm dawn ikunu sostnuti minn elementi oġġettivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman, 268/83, Ġabra p. 655, punt 24; tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 24; tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa et, C-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 47, kif ukoll tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C-84/09, Ġabra p. I-11645, punti 47 u 51).

39      Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kawża prinċipali, it-trasferiment tal-istokk tal-merkanzija u tat-tagħmir tan-negozju ta’ oġġetti relatati mal-isport imwettaq fl-istess ħin mal-kiri tal-bini kummerċjali ppermetta lill-persuna li favuriha sar it-trasferiment li tkompli l-attività ekonomika awtonoma eżerċitata preċedentement mill-persuna li wettqet it-trasferiemnt. F’dan ir-rigward huwa paċifiku li dan it-trasferiment ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa s-sempliċi bejgħ ta’ stokk ta’ prodotti. Fil-fatt, kemm l-istokk tal-merkanzija kif ukoll t-tagħmir tan-negozju kienu jiffurmaw parti mill-globalità ta’ oġġetti ttrasferiti. Barra minn hekk, iċ-ċirkustanza li l-persuna li favuriha sar it-trasferiment kompliet l-operat tal-ħanut li jbigħ oġġetti relatati mal-isport għal perijodu ta’ madwar sentejn tikkonferma li l-intenzjoni tagħha ma kinitx dik li tillikwida immedjatament l-attiv ikkonċernat.

40      Għalhekk, iċ-ċirkustanza li l-bini kummerċjali kien biss ingħata b’kiri lill-persuna li favuriha sar it-trasferiment, u mhux mibjugħ lilha, ma kkonstitwixxietx, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ostakolu għat-tkomplija tal-attività tal-persuna li wettqet it-trasferiment min-naħa tal-persuna li favuriha sar it-trasferiment.

41      Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk it-tul tal-kirja u l-metodi ta’ kif din għandha tintemm għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-każ tal-evalwazzjoni ta’ jekk it-trasferiment ta’ avvjament jew ta’ parti minn impriża jistgħux jiġu kklassifikati bħala trasferiment tal-assi kollha, fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva.

42      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li elementi bħal ma huma t-tul permess tal-kirja u l-metodi miftiehma għat-tmiem tagħha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni waqt l-evalwazzjoni globali tal-operazzjoni ta’ trasferiment ta’ assi fis-sens tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva, peress li dawn jista’ jkollhom effett fuq din l-evalwazzjoni fil-każ fejn jiġu meqjusa bħala li jistgħu jostakolaw it-tkomplija fit-tul tal-attività ekonomika.

43      Madankollu, il-possibbiltà li kuntratt ta’ kiri permanenti jiġi xolt permezz ta’ avviż ta’ żmien qasir ma hijiex, fiha nnifisha, determinanti sabiex jiġi konkluż li l-persuna li favuriha sar it-trasferiment kellha l-intenzjoni li tillikwida immedjatament l-avvjament jew il-parti tal-impriża ttrasferita. Għalhekk, l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva ma tistax tiġi rrifjutata biss abbażi ta’ din ir-raġuni.

44      Din l-interpretazzjoni hija konformi mal-prinċipju tan-newtralità fiskali li hija inerenti fis-sitema komuni tal-VAT. Fil-fatt dan il-prinċipju b’mod partikolari jipprekludi li operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet jiġu ttrattati b’mod differenti fil-qasam tal-ġbir ta’ din it-taxxa (ara b’mod partikolari s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 1999, Gregg, C-216/97, Ġabra p. I-4947, punt 20, u tal-10 ta’ Marzu 2011, Skandinaviska Enskilda Banken, C-540/09, Ġabra p. I-1509, punt 36). Minn dan jirriżulta li jkun hemm ksur ta’ dan il-prinċipju jekk il-possibbiltà li l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva jiġi applikat għal operazzjoni ta’ trasferiment tal-assi kollha, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tiddependi fuq il-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kiri, u b’mod partikolari fuq it-tul u fuq il-metodi ta’ xoljiment tiegħu.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà tal-stokk tal-merkanzija u tat-tagħmir kummerċjali ta’ ħanut li jbigħ bl-imnut, li jsir fl-istess ħin mall-kiri, lill-persuna li favuriha jsir it-trasferiment, tal-bini tal-imsemmi ħanut għal tul indeterminat, iżda fejn il-kuntratt tal-kiri jista’ jiġi xolt fi żmien qasir miż-żewġ partijiet, jikkostitwixxi trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-assi ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex l-imsemmija persuna li favuriha sar it-trasferiment tkun tista’ tkompli fit-tul attività ekonomika awtonoma.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 5(8) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li t-trasferiment tal-proprjetà tal-stokk tal-merkanzija u tat-tagħmir kummerċjali ta’ ħanut li jbigħ bl-imnut, li jsir fl-istess ħin mall-kiri, lill-persuna li favuriha jsir it-trasferiment, tal-bini tal-imsemmi ħanut għal tul indeterminat, iżda fejn il-kuntratt tal-kiri jista’ jiġi xolt fi żmien qasir miż-żewġ partijiet, jikkostitwixxi trasferiment tal-assi kollha jew parti minnhom, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sakemm l-assi ttrasferiti jkunu suffiċjenti sabiex l-imsemmija persuna li favuriha sar it-trasferiment tkun tista’ tkompli fit-tul attività ekonomika awtonoma.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.