Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

29 ta’ Marzu 2012 ( * )

“Tassazzjoni — VAT — Artikolu 4(3) TUE — Sitt Direttiva — Artikoli 2 u 22 — Għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza”

Fil-Kawża C-500/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Commissione tributaria centrale, sezione di Bologna (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid-19 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Ufficio IVA di Piacenza

vs

Belvedere Costruzioni Srl,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal, L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn P. Gentili, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Traversa u L. Lozano Palacios, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-17 ta’ Novembru 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE u tal-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn l-Ufficio IVA di Piacenza (Uffiċċju tal-VAT ta’ Piacenza) u Belvedere Costruzioni Srl (iktar ’il quddiem “Belvedere Costruzioni”) dwar stima mill-ġdid tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għas-sena 1982.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Skont l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva, huma suġġetti għall-VAT il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali, kif ukoll l-importazzjonijiet ta’ oġġetti.

4

L-Artikolu 22 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“[...]

4.   Kull persuna taxxabbli għandha tissottometti prospett [dikjarazzjoni] f’intervall li għandu jkun stabbilit minn kull Stat Membru. […]

[...]

5.   Kull persuna taxxabbli għandha tħallas l-ammont net ta[l-VAT] meta jissottometti l-prospett. L-Istati Membri jistgħu, madanakollu, jiffissaw data differenti għall-ħlas ta’ l-ammont u jistgħu jitolbu ħlas temporanju..

[...]

8.   […] l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligazzjonijiet oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-impożizzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa u għall-prevenzjoni ta’ frodi.

[...]”

Id-dritt nazzjonali

5

L-Artikolu3(2a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 (GURI Nru 71, tas-26 ta’ Marzu 2010), ikkonvertit, b’emendi, fil-Liġi Nru 73/2010 (GURI Nru 120, tal-25 ta’ Mejju 2010, iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 40/2010) jipprovdi kif ġej:

“Sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri ġudizzjarji f’kawżi fiskali jinżammu fi żmien raġonevoli, kif titlob il-[Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-‘KEDB’)], irrattifikata permezz tal-Liġi Nru 848 tal-4 ta’ Awwissu 1955, il-kawżi fiskali pendenti li jirriżultaw minn rikorsi ppreżentati fl-ewwel istanza iktar minn 10 snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-liġi li kkonvertiet id-digriet attwali f’liġi, u li fir-rigward tagħhom l-Awtorità tat-Taxxa Statali tkun tilfet fl-ewwel u fit-tieni istanza, għandhom jiġu magħluqa, abbażi tan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit ta’ ‘żmien raġonevoli’ stipulat fl-Artikolu 6(1) ta’ din il-konvenzjoni, f’konformità mar-regoli li ġejjin:

(a)

il-kawżi fiskali pendenti quddiem il-Commissione tributaria centrale, għajr dawk li jikkonċernaw talbiet għal rimbors, għandhom jiġu magħluqa awtomatikament fuq ordni tal-president ta’ dik il-qorti jew ta’ membru ieħor magħżul għal dak l-għan […]

[…]”

6

Il-Liġi Nru 73/2010, li kkonvertiet f’liġi d-Digriet-Liġi Nru 40/2010, daħlet fis-seħħ fis-26 ta’ Mejju 2010.

7

Mill-1 ta’ April 1996, il-Commissione tributaria centrale, li kienet teżerċita l-funzjonijiet ta’ qorti tat-tielet istanza fil-qasam tat-taxxa, ġiet abolita permezz tad-Digriet Leġiżlattiv Nru 5451992 (GURI Nru 9, tat-13 ta’ Jannar 1993).

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8

Fid-dikjarazzjoni annwali tagħha tal-VAT għas-sena 1982, Belvedere Costruzioni naqset kreditu ta’ taxxa ta’ ITL 22264000 indikat bħala kreditu li jirriżulta mid-dikjarazzjoni għas-sena 1981. Fit-12 ta’ Awwissu 1985, l-Ufficio IVA di Piacenza, peress li kien iqis li d-dikjarazzjoni tal-VAT għas-sena 1981 kienet tardiva u li għaldaqstant ma kienx possibbli li dan il-kreditu ta’ taxxa jitnaqqas fil-kuntest tad-dikjarazzjoni tal-VAT għas-sena 1982, bagħat lil din il-kumpannija avviż ta’ stima mill-ġdid.

9

Belvedere Costruzioni ppreżentat rikors kontra dan l-avviż quddiem il-Commissione tributaria di primo grado di Piacenza (Qorti Fiskali tal-Prim’Istanza ta’ Piacenza) fejn sostniet li l-kreditu ta’ taxxa inkwistjoni ma kienx jirriżulta mid-differenza bejn it-taxxa “ta’ debitu” fuq il-bejgħ u t-taxxa “ta’ kreditu” fuq ix-xiri għall-operazzjonijiet taxxabli mwettqa matul is-sena 1981, iżda kienet tirrappreżenta parti mill-kreditu ta’ taxxa msemmi fid-dikjarazzjoni tagħha għas-sena 1980 Hija sostniet li, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, id-dritt tagħha li tnaqqas dan il-kreditu ta’ taxxa ma kienx estint, filwaqt li l-Ufficio IVA di Piacenza sostna l-kontra.

10

Il-Commissione tributaria di primo grado di Piacenza laqgħet dan ir-rikors permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Ottubru 1986, li ġiet ikkonfermata permezz ta’ deċiżjoni tal-Commissione tributaria di secondo grado (Qorti Fiskali tal-Appell) tat-28 ta’ Mejju 1990 wara l-appell ippreżentat minn dan l-Ufficio IVA. Għaldaqstant dan tal-aħħar ippreżenta appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju

11

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Commissione tributaria centrale, sezione di Bologna tindika li, peress li l-awtorità tat-taxxa tilfet quddiem l-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji, hija għandha tapplika l-Artikolu 3(2a)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata u l-kreditu fiskali mitlub mill-awtorità tat-taxxa quddiem it-tliet istanzi ġudizzjarji jiġi estint.

12

Hija madankollu tqis li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tista’ twassal għal ksur tal-Artikolu 4(3) TUE kif ukoll tal-Artikoli 2 u22 tas-Sitt Direttiva, kif interpretati fis-sentenza tas-17 ta’ Lulju 2008, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C-132/06, Ġabra p. I-5457) peress li din tostakola definittivament l-irkupru tal-kreditu tal-VAT li l-awtorità tat-taxxa espressament titlob il-konstatazzjoni tiegħu b’mod ġudizzjarju. Fil-fatt skontha dan jikkostitwixxi ksur tal-obbligu tal-Istat Taljan li jiġġarantixxi l-ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni Ewropea.

13

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Commissione tributaria centrale, sezione di Bologna, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari li ġejja lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 10 […] KE, li issa sar l-Artikolu 4 […] TUE, u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva […], jipprekludu regola tal-Istat Taljan, li tinsab fl-Artikolu 3(2a) tad-[Digriet-Liġi Nru 40/2010], li tipprojbixxi l-qorti kompetenti fil-qasam fiskali milli tiddeċiedi dwar l-eżistenza ta’ dejn fiskali li l-ħlas tiegħu ntalab fit-terminu previst mill-awtorità tat-taxxa permezz ta’ appell minn deċiżjoni sfavorevoli, u li għaldaqstant tipprovdi, essenzjalment, għar-rinunzja totali tal-kreditu ta’ VAT inkwistjoni meta l-ineżistenza ta’ dan tal-aħħar tkun ġiet ikkonstatata f’żewġ istanzi ġudizzjarji, mingħajr ebda ħlas, lanqas parzjali, tal-kreditu inkwistjoni mill-persuna taxxabbli li tibbenefika minn din ir-rinunzja?”

Fuq id-domanda preliminari

14

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-applikazzjoni, fil-qasam tal-VAT, ta’ dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza, meta dawn il-proċeduri joriġinaw minn rikors ippreżentat fl-ewwel istanza iktar minn għaxar snin qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni u meta l-awtorità tat-taxxa tilfet quddiem l-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji, bil-konsegwenza li dan l-għeluq awtomatiku jwassal sabiex id-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata u l-kreditu fiskali mitlub mill-awtorità jiġi estint.

Fuq l-ammissibbiltà

15

Il-Gvern Taljan iqis li din id-domanda hija inammissibbli. Skontu l-qorti tar-rinviju naqset milli twettaq l-obbligu li tipprovdi lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi kollha li jippermettu li tiġi mifhuma r-raġuni li għaliha hija tqis li l-Artikolu 3(2a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 jinvolvi rinunzja tal-awtorità tat-taxxa għas-setgħa ta’ verifika tagħha tal-operazzjonijiet taxxabbli. Fl-assenza ta’ analiżi ta’ dan l-artikolu fid-deċiżjoni tar-rinviju, id-domanda hija manifestament astratta u ipotetika.

16

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn qorti nazzjonali tista’ tiġi ddikjarata inammissibbli biss jekk jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni mitluba tad-dritt tal-Unjoni ma għandha ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema hija ta’ natura ipotetika jew meta wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman, C-415/93, Ġabra p. I-4921, punt 61, kif ukoll tal-31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C-450/09, Ġabra p. I-2497, punt 17).

17

Fir-rigward b’mod partikolari tal-informazzjoni li għandha tingħata lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, din ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati l-oħra l-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, għal dawn il-finijiet, huwa, minn naħa, neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi magħmula minnha jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati. Min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni tar-rinviju għandha tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tat-8 ta’ Settembru 2009, Liga Portuguesa de Futebol Profissional u Bwin International, C-42/07, Ġabra p. I-7633, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

18

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi sunt tal-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali u tad-dritt nazzjonali rilevanti, jiġifieri l-Artikolu 3(2a)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010. Barra minn hekk, din tindika r-raġunijiet li wasslu lill-qorti tar-rinviju sabiex ikollha dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ dan l-artikolu mad-dritt tal-Unjoni u sabiex tqis neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-domanda mhux talli ma hijiex astratta u ta’ natura ipotetika iżda tidher li hija determinanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali peress li, skont l-analiżi ta’ din id-dispożizzjoni mwettqa mill-qorti tar-rinviju, hija għandha tagħlaq il-kawża mingħajr ma tiddeċiedi dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata quddiemha.

19

Għaldaqstant, id-domanda preliminari għandha titqies bħala ammissibbli

Fuq il-mertu

20

Hekk kif fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 37 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja ċċitata iktar ’il fuq, mill-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva kif ukoll mill-Artikolu 4(3) TUE jirriżulta li kull Stat Membru għandu l-obbligu li jadotta l-liġijiet u l-miżuri amministrattivi neċessarji kollha sabiex jiġi żgurat il-ġbir tal-VAT kollha dovuta fit-territorju tiegħu. F’dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw id-dikjarazzjonijiet tal-persuni taxxabbli, il-kontijiet tagħhom u d-dokumenti rilevanti l-oħra u għandhom jikkalkolaw u jiġbru t-taxxa dovuta.

21

Fil-kuntest tas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu l-osservanza tal-obbligi li għalihom huma suġġetti l-persuni taxxabbli filwaqt li jibbenefikaw, f’dan ir-rigward, minn ċertu flessibbiltà fir-rigward, b’mod partikolari, tal-mod ta’ kif għandhom jagħmlu użu mill-mezzi għad-dispożizzjoni tagħhom (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

22

Din il-flessibbiltà hija madankollu limitata mill-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni u minn dak li ma jinħolqux differenzi sinjifikattivi fil-mod ta’ kif jiġu ttrattati l-persuni taxxabbli, kemm fi ħdan wieħed mill-Istati Membri kif ukoll fl-Istati Membri kollha. Is-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata skont il-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, li skontha operaturi ekonomiċi li jwettqu l-istess operazzjonijiet ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti matul il-ġbir tal-VAT. Kull azzjoni tal-Istati Membri fir-rigward tal-ġbir tal-VAT għandha tosserva dan il-prinċipju (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

23

Madankollu, l-ewwel nett, l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni ma jistax imur kontra l-osservanza tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli ta’ deċiżjoni, li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundametali tal-Unjoni Ewropea, huwa impost fuq l-Istati Membri meta huma jimplementaw id-dritt tal-Unjoni u li l-protezzjoni tiegħu hija imposta wkoll bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) tal-KEDB

24

F’dan il-każ, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 3(2a)(a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 jipprevdi l-għeluq tal-proċeduri fiskali biss li t-tul tagħhom wara l-preżentata tar-rikors fl-ewwel istanza huwa itwal minn għaxar snin fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni, u li dan huwa intiż, hekk kif jirriżulta mill-kliem tiegħu stess, sabiex jirrimedja għall-ksur tal-osservanza tat-terminu raġonevoli previst fl-Artikolu 6(1) tal-KEDB. Barra minn hekk mill-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 3(2a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 daħal fis-seħħ iktar minn erbatax-il sena wara t-terminu li fih setgħu jiġu ppreżentati rikorsi quddiem il-Commissione tributaria centrale, b’mod li l-proċeduri kollha li kienu għadhom pendenti quddiem din il-qorti kienu, fil-fatt laħqu tul ta’ itwal minn erbatax-il sena.

25

Il-fatti fil-kawża prinċipali, li jmorru lura għal xi tletin sena, juru li t-tul ta’ xi wħud minn dawn il-proċeduri kien saħansitra laħaq numru ta’ snin sinjifikattivament ogħla. Issa, tali tul tal-proċeduri jista’ a priori, fih innifsu, jippreġudika l-osservanza tal-prinċipju ta’ żmien raġonevoli kif ukoll, barra minn hekk, jikser l-obbligu li jiġi żgurat ġbir effettiv tar-riżorsi tal-Unjoni.

26

It-tieni nett, jirriżulta li din il-miżura ma hijiex paragunabbli ma’ dawk inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Italja, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, hekk kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 36 u 37 tal-konklużjonijiet tagħha, il-miżuri inkwistjoni f’din il-kawża ġew introdotti ftit taż-żmien wara l-iskadenza tat-termini mogħtija għall-ħlas tal-ammonti tal-VAT normalment dovuti u għaldaqstant kienu jippermettu lill-persuni taxxabbli kkonċernati jaħarbu minn kull kontroll tal-awtorità tat-taxxa. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dawn kienu jikkostitwixxu rinunzja ġenerali u indifferenzjata għall-verifika tal-operazzjonijiet taxxabbli mwettqa matul numru ta’ perijodi ta’ tassazzjoni. Minn dak li ntqal fil-punti 24 u 25 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-miżura li tinsab fl-Artikolu 3(2a) tad-Digriet-Liġi Nru 40/2010 ma tikkostitwixxix rinunzja ġenerali għall-ġbir tal-VAT għal perijodu partikolari, iżda dispożizzjoni eċċezzjonali intiża sabiex jiġi osservat il-prinċipju ta’ terminu raġonevoli billi jingħalqu l-proċeduri l-iktar antiki pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza, bil-konsegwenza li d-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata.

27

Barra minn hekk, minħabba n-natura selettiva u limitata tagħha, dovuta għall-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha, tali miżura ma toħloqx differenzi sinjifikattivi fil-mod li bih huma ttrattati l-persuni taxxabbli fl-intier tagħhom u, għaldaqstant, ma tiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.

28

Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni, fil-qasam tal-VAT, ta’ dispożizzjoni nazzjonali eċċezzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza, meta dawn il-proċeduri joriġinaw minn rikors ippreżentat fl-ewwel istanza iktar minn għaxar snin, u fil-prattika iktar minn erbatax-il sena, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni u meta l-awtorità tat-taxxa tilfet quddiem l-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji, bil-konsegwenza li dan l-għeluq awtomatiku jwassal sabiex id-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata u l-kreditu fiskali mitlub mill-awtorità tat-taxxa jiġi estint.

Fuq l-ispejjeż

29

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 4(3) TUE u l-Artikoli 2 u 22 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux l-applikazzjoni, fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud, ta’ dispożizzjoni nazzjonali eċċezzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-għeluq awtomatiku tal-proċeduri pendenti quddiem il-qorti fiskali tat-tielet istanza, meta dawn il-proċeduri joriġinaw minn rikors ippreżentat fl-ewwel istanza iktar minn għaxar snin, u fil-prattika iktar minn erbatax-il sena, qabel id-data tad-dħul fis-seħħ ta’ din id-dispożizzjoni u meta l-awtorità tat-taxxa tilfet quddiem l-ewwel żewġ istanzi ġudizzjarji, bil-konsegwenza li dan l-għeluq awtomatiku jwassal sabiex id-deċiżjoni tat-tieni istanza ġudizzjarja ssir res judicata u l-kreditu fiskali mitlub mill-awtorità tat-taxxa jiġi estint.

 

Firem


( * )   Lingwa tal-kawża: it-Taljan.