Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fis-16 ta’ Frar 2012 (1)

Kawżi magħquda C-611/10 u C-612/10

Waldemar Hudzinski

vs

Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse


u


Jaroslaw Wawrzyniak

vs

Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja)]

“Sigurtà Soċjali — Allowances tal-familja — Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Xogħol temporanju fi Stat Membru ieħor — Leġiżlazzjoni applikabbli — Dritt ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jagħti allowances tal-familja”





I –  Introduzzjoni

1.        B’żewġ digrieti separati tal-21 ta’ Ottubru 2010, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-23 ta’ Diċembru 2010, il-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-Finanzi, il-Ġermanja) għamlet domandi preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE fuq l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2), kif emendat bir-Regolament Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ April 2005 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).

2.        It-talbiet saru fil-kuntest ta’ żewġ kawżi differenti, iżda t-tnejn li huma jikkonċernaw id-dritt għall-allowances tal-familja fil-Ġermanja: fir-rigward tal-Kawża C-611/10, fil-proċeduri bejn W. Hudzinski, ċittadin Pollakk li ħadem bħala impjegat staġjonali fil-Ġermanja, u l-Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse (Aġenzija ta’ Wesel għall-Allowances tal-Impjiegi u l-Familja) u, fir-rigward tal-Kawża C-612/10, fil-proċeduri bejn J. Wawrzyniak, ċittadin Pollakk li kien jaħdem il-Ġermanja bħala “ħaddiem ikkollokat”, u l-Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse (Aġenzija ta’ Mönchengladbach għall-Allowances tal-Impjiegi u tal-Familja).

3.        Il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tivverifika sa liema punt Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti u li l-leġiżlazzjoni tiegħu, konformi mar-Regolament Nru 1408/71, ma hijiex il-leġiżlazzjoni applikabbli fir-rigward ta’ ħaddiem, jibqa’ madankollu liberu li jagħti benefiċċji tal-familja lill-ħaddiem ikkonċernat, bħall-allowances tal-familja inkwistjoni. Għalhekk, hija qiegħda titlob li ssir kjarifika ta’ ċerti aspetti tas-sentenza Bosmann fejn il-Qorti tal-Ġustizzja, filwaqt li rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi ta’ dak il-każ, il-Ġermanja ma kinitx meħtieġa li tagħti allowances tal-familja, osservat li l-Istat Membru ta’ residenza ma jistax jiċċaħħad mid-dritt li jagħti allowances tal-familja bħal dawn lil persuni residenti fit-territorju tiegħu (4).

II –  Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“UE”)

4.        Safejn huwa rilevanti għall-iskopijiet preżenti, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jistipula kif ġej fir-rigward tal-għażla tal-leġiżlazzjoni applikabbli:

“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2. Soġġetta [Bla ħsara] għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed għandha tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat ukoll jekk tkun tgħix fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju rreġistrat jew il-post tan-negozju ta’ l-intrapriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha jkun jinsab fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[…]”

5.        L-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, għajr għall-baħħara, ingaġġati f’impjieg bi ħlas”, jistipula:

“L-Artikolu 13(2)(a) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi segwenti:

1.(a)      Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li s-soltu tkun marbuta magħha li tkun kollokata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex twettaq xogħol hemmhekk għal dik l-impriża, għandha tkompli tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, sakemm it-tul ta’ żmien mistenni ta’ dak ix-xogħol ma jaqbiżx it-12-il xahar u sakemm ma tintbagħatx biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet it-terminu tal-kollokazzjoni tagħha;

[…]”

6.        L-Artikolu 14a tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, għajr għal baħħara, li jaħdmu għal rashom”, jistipula:

“L-Artikolu 13(2)(b) għandu jgħodd soġġett għall-eċċezzjonijiet u ċ-ċirkostanzi li ġejjin:

1.(a)      Persuna li normalment taħdem għal rasha fit-territorju ta’ kwalunkwe Stat Membru u li twettaq xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandha tkompli tkun soġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, sakemm it-tul ta’ żmien tax-xogħol ma jaqbiżx it-12-il xahar;

[…]”

7.        L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Persuni impjegati jew li jaħdmu għal rashom li l-membri tal-familji tagħhom jabitaw fi Stat Membru differenti mill-Istat kompetenti”, jistipula:

“Persuna impjegata jew li taħdem għal rasha suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru tkun intitolata, fejn jidħlu l-membri tal-familja tagħha li qegħdin jabitaw fi Stat Membru ieħor, għall-benefiċċji tal-familja pprovduti mill-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-ewwel, bħallikieku huma kienu jabitaw f’dak l-Istat, suġġetti għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Anness VI.”

B –    Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

8.        L-Artikolu 62(1) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“EStG”), li għandu t-titolu ‘Persuni intitolati’, jistipula:

“Fir-rigward ta’ ulied fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 63, persuna tkun intitolata għall-allowances tal-familja skont din il-liġi:

1.      jekk ikollha r-residenza permanenti jew abitwali tagħha fit-territorju nazzjonali, jew

2.      jekk, billi ma jkollhiex la residenza permanenti u lanqas dik abitwali fit-territorju nazzjonali, hija

(a)      suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul skont il-paragrafu 1(2), jew

(b)      ikkunsidrata bħala suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul skont il-paragrafu 1(3).”

9.        Sa fejn huwa rilevanti għall-iskopijiet preżenti, l-Artikolu 65 tal-EStG jistipula kif ġej:

“1)      Ma għandhomx jitħallsu allowances tal-familja għal wild li jibbenefika minn xi wieħed mill-benefiċċji li ġejjin jew li kien jirċievi tali benefiċċju jekk applikazzjoni f’dan is-sens tkun ġiet ippreżentata:

1.      […]

2.      benefiċċji għall-ulied mogħtija fl-esteru u komparabbli għall-allowances tal-familja jew għal xi wieħed mill-benefiċċji msemmija fil-punt 1;

3.      […]

2)      Jekk, fil-każijiet imsemmija fil-punt 1 tas-subparagrafu 1, l-ammont gross tal-benefiċċju l-ieħor ikun inqas mill-ammont tal-allowance tal-familja pagabbli skont l-Artikolu 66 u d-differenza bejn dawn iż-żewġ ammonti hija ugwali jew teċċedi EUR 5, dik id-differenza fl-ammont għandha titħallas bħala allowance tal-familja.”

III –  Il-kawżi pendenti quddiem il-Bundesfinanzhof u d-domandi preliminari

A –    Il-Kawża C-611/10

10.      W. Hudzinski, ċittadin Pollakk, jaħdem fil-Polonja bħala bidwi għal rasu u huwa kopert taħt is-sistema tas-sigurtà soċjali Pollakka.

11.      Mill-20 ta’Awwissu sas-7 ta’ Diċembru 2007, huwa ħadem bħala ħaddiem staġjonali ma’ impriża ortikulturali fil-Ġermanja.

12.      Wara li għamel talba f’dan is-sens, l-applikant kien ikkunsidrat bħala li kien suġġett għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, skont l-Artikolu 1(3) tal-EStG għas-sena 2007.

13.      W. Hudzinski għamel talba skont l-Artikoli 62 et seq tal-EStG għall-allowances tal-familja li kellu jingħata għal kull wieħed miż-żewġt itfal tiegħu fl-ammont ta’ EUR 154.00 kull xahar għall-perijodu li matulu huwa ħadem bħala ħaddiem staġjonali fil-Ġermanja.

14.      Din it-talba nċaħdet mill-Agentur für Arbeit Wesel — Familienkasse, kif ukoll l-azzjoni amministrattiva sussegwenti. Fl-aħħar nett, azzjoni ġudizzjarja kontra dan ir-rifjut inċaħdet mill-Finanzgericht (qorti tal-finanzi).

15.      Għalhekk W. Hudzinski appella quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Finanzgericht.

16.      Fil-kawża prinċipali, W. Hudzinski argumenta, b’mod partikolari, li mis-sentenza Bosmann (5) jirriżulta li, skont l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71, Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont dan ir-regolament għandu madankollu jagħti l-benefiċċji tal-familja jekk jiġu osservati l-kundizzjonijiet korrispondenti taħt il-liġi nazzjonali — f’dan il-każ, l-Artikoli 62 et seq tal-EStG.

17.      Il-qorti tar-rinviju tosserva li, anki jekk wieħed isegwi s-sentenza Bosmann (6), Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont l-Artikolu 14a(1)(a) tar-Regolament Nr 1408/71 ma għandux is-setgħa li jagħti lil persuna benefiċċji tal-familja taħt il-liġi nazzjonali, sakemm dik il-persuna ma tkunx soffriet żvantaġġ legali talli tkun eżerċitat id-dritt tagħha għal moviment liberu — li, madankollu, ma huwiex il-każ ta’ W. Hudzinski.

18.      Jekk Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti kellu tabilħaqq is-setgħa li jagħti benefiċċji tal-familja irrispettivament minn jekk l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu huwiex ser iwassal għal żvantaġġ legali, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk din is-setgħa teżistix ukoll fiċ-ċirkustanzi tal-każ li għandha quddiemha, fejn — b’kuntrast mas-sitwazzjoni f’Bosmann (7) — la l-ħaddiem ikkonċernat u lanqas it-tfal tiegħu ma għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti.

19.      Fid-dawl ta’ dan, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“L-Artikolu 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru li ma għandux kompetenza skont l-imsemmi artikolu huwa fi kwalunkwe każ imċaħħad mill-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, lil ħaddiem li għandu biss impjieg temporanju fit-territorju tiegħu, jekk la l-ħaddiem stess u lanqas it-tfal tiegħu ma għandhom ir-residenza tagħhom jew il-post abitwali ta’ residenza f’dan l-Istat?”

B –    Il-Kawża C-612/10

20.      J. Wawrzyniak huwa ċittadin Pollakk li jgħix, flimkien ma’ martu u bintu, fil-Polonja, fejn huwa assigurat għall-iskopijiet ta’ sigurtà soċjali.

21.      Minn Frar sa Diċembru 2006, J. Wawrzyniak ħadem fil-Ġermanja bħala ħaddiem ikkollokat. Għas-sena 2006, huwa kien suġġett għal kollox, flimkien ma’ martu, għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja.

22.      Fir-rigward tal-perijodu li matulu ħadem fil-Ġermanja, J. Wawrzyniak talab il-ħlas tal-allowances tal-familja fl-ammont ta’ EUR 154.00 fix-xahar, skont l-Artikoli 62 et seq tal-EStG, għal bintu li twieldet fl-2005. Matul dak il-perijodu, il-konjuġi ta’ J. Wawrzyniak kienet koperta biss bl-assigurazzjoni tas-saħħa fil-Polonja u rċeviet allowance f’dak il-pajjiż għat-tifla tagħhom bir-rata ta’ PLN 48 fix-xahar (madwar EUR 12).

23.      L-Agentur für Arbeit Mönchengladbach — Familienkasse rrifjutat it-talba ta’ J. Wawrzyniak għall-ħlas tal-allowances tal-familja skont l-Artikoli 62 et seq tal-EStG kif ukoll l-azzjoni amministrattiva li ressaq kontra din iċ-ċaħda. L-azzjoni ġudizzjarja li tressqet quddiem il-Finanzgericht (qorti tal-finanzi) inċaħdet wkoll.

24.      Fil-kawża prinċipali, il-qorti tar-rinviju trid tiddeċiedi dwar l-appell ta’ J. Wawrzyniak fuq punt ta’ dritt kontra s-sentenza tal-Finanzgericht.

25.      Bħal W. Hudzinski, J. Wawrzyniak argumenta fil-kawża prinċipali li, b’konformità mas-sentenza Bosmann, id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali stipulati fl-Artikoli 62 et seq tal-EStG japplikaw għall-każ tiegħu minkejja l-fatt li, skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża ma hijiex il-leġiżlazzjoni applikabbli għalih għall-iskopijiet ta’ dak ir-regolament.

26.      Bħal fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari fil-Kawża C-611/10, il-Bundesfinanzhof tieħu l-pożizzjoni li, b’konformità mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont l-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 ma għandu l-ebda setgħa li jagħti l-allowances tal-familja Ġermaniżi anki jekk ikunu ġew osservati r-rekwiżiti tal-Artikoli 62 et seq tal-EStG.

27.      Il-Bundesfinanzhof tosserva, b’mod partikolari, li b’kuntrast mal-każ ta’ B. Bosmann (8), l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu minn J. Wawrzyniak ma kkawżalu l-ebda telf ta’ drittijiet, peress li huwa sempliċement baqa’ suġġett għal-leġiżlazzjoni Pollakka. Barra minn hekk, il-post fejn J. Wawrzyniak jirrisjedi flimkien ma’ martu u ma’ bintu huwa l-Polonja.

28.      Barra minn hekk, il-Bundesfinanzhof tosserva li jekk, f’ċirkustanzi bħal dawn, Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti ma huwiex prekluż milli jagħti benefiċċji tal-familja taħt il-liġi nazzjonali, imbagħad tqum il-kwistjoni dwar sa fejn ir-rikonoxximent ta’ dik is-setgħa huwa suġġett għal konstatazzjoni li ma jeżisti l-ebda dritt fl-Istat Membru kompetenti għal benefiċċji tal-familja komparabbli, peress li fil-każ preżenti kien ġie stabbit li, matul il-perijodu rilevanti, kien jeżisti taħt il-liġi Pollakka d-dritt għal benefiċċji tal-familja għat-tifla ta’ J. Wawrzyniak u li l-benefiċċji rilevanti attwalment kienu tħallsu.

29.      Barra minn hekk, jekk il-preżunzjoni hija li Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont it-tifsira tal-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71 għandu s-setgħa li jagħti benefiċċji tal-familja b’konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, tqum il-kwistjoni dwar jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix regola bħal dik stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG, li permezz tagħha l-allowances tal-familja ma għandhomx jitħallsu għal wild meta allowances komparabbli jkunu ngħataw barra mill-Ġermanja. Skont il-Bundesfinanzhof, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv, peress li la hemm ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema u lanqas tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni.

30.      Fl-aħħar nett, jekk id-dritt tal-Unjoni għandu madankollu jipprekludi l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-EStG li jsir riferiment għalihom iktar ’il fuq, allura trid tiġi riżolta l-kwistjoni tal-kumulu ta’ drittijiet.

31.      Fid-dawl ta’ dan, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi kwalunkwe każ, iċaħħad lill-Istat Membru, li ma huwiex kompetenti skont l-imsemmija dispożizzjoni, li fih ħaddiem ġie ikkollokat u li lanqas huwa l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal, mill-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja lill-ħaddiem ikkollokat meta dan tal-aħħar ma soffriex minn żvantaġġ legali minħabba l-kollokament tiegħu f’dan l-Istat Membru?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda:

L-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fi kwalunkwe każ, l-Istat Membru li ma huwiex kompetenti li fih ħaddiem ġie ikkollokat għandu l-awtorità li jalloka benefiċċji tal-familja biss meta jkun stabbilit li fl-Istat Membru l-ieħor ma jeżistix dritt għal allowances tal-familja paragunabbli?

3)      Jekk tingħata risposta negattiva wkoll għal din id-domanda:

F’dan il-każ, id-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju jew tal-Unjoni jipprekludu regola ta’ liġi nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tal-punt 2 tal-Artikolu 65(1) flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG li jeskludu dritt għall-benefiċċji tal-familja meta benefiċċju paragunabbli għandu jitħallas barra mill-pajjiż jew għandu jkun dovut jekk applikazzjoni ssir f’dan is-sens?

4)      Fil-każ li tingħata resposta fl-affermattiv għal din id-domanda:

Kif għandha tissolva l-akkumulazzjoni li tirriżulta bejn id-dritt li jeżisti fl-Istat kompetenti li huwa fl-istess waqt l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal u d-dritt li jeżisti fl-Istat li la huwa kompetenti u lanqas l-Istat Membru ta’ residenza tat-tfal?”

IV –  It-tagħqid tal-kawżi

32.      Minħabba l-konnessjoni mill-qrib bejn il-Kawża C-611/10 u l-Kawża C-612/10, dawn il-kawżi ngħaqdu b’digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 2011 għall-iskopijiet tal-proċedura bil-miktub u dik orali kif ukoll tas-sentenza.

V –  Evalwazzjoni ġuridika

A –    Id-domanda unika fil-Kawża C-611/10 u d-domandi 1 u 2 fil-Kawża C-612/10 rigward id-dritt ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jagħti allowances tal-familja

33.      Permezz tad-domanda unika tagħha fil-Kawża C-611/10 u d-domandi 1 u 2 tagħha fil-Kawża C-612/10, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhomx jiġu interpretati bħala li jipprekludu Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-iskopijiet ta’ dawk id-dispożizzjonijiet milli jagħti benefiċċji tal-familja taħt il-liġi nazzjonali tiegħu lil ħaddiem li jkun biss impjegat jew ikkollokat temporanjament fit-territorju tiegħu, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, fejn la l-ħaddiem u lanqas it-tfal tiegħu ma jirrisjedu abitwalment f’dak l-Istat Membru, fejn il-ħaddiem ma jsofri l-ebda żvantaġġ legali b’riżultat talli jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u fejn hemm, jew jista’ jkun hemm, dritt għal allowances tal-familja fl-Istat kompetenti.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

34.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn W. Hudzinski u minn J. Wawrzyniak, kif ukoll mill-Gvern tal-Ungerija u l-Gvern tal-Ġermanja u mill-Kummissjoni. Il-partijiet kollha kienu wkoll irrappreżentati fis-seduta tat-6 ta’ Diċembru 2011.

35.      W. Hudzinski u J. Wawrzyniak isostnu, essenzjalment, li mis-sentenza Bosmann (9) jirriżulta li l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati bħala li ma għandhomx l-effett li jċaħħdu Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti mid-dritt li jagħti allowances tal-familja f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

36.      W. Hudzinski u J. Wawrzyniak isostnu li d-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli taħt ir-Regolament Nru 1408/71 ma teskludix l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni domestika ta’ Stat Membru ieħor jekk il-kundizzjonijiet stipulati mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jkunu ġew osservati. Huma jirrilevaw li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawk ir-regoli ta’ koordinazzjoni ma għandux ikollhom l-effett li jċaħħdu ħaddiema immigranti mid-dritt tagħhom għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew li jnaqqsu l-ammont ta’ dawk il-benefiċċji. Ir-regoli ta’ koordinazzjoni taħt ir-Regolament Nru 1408/71 sempliċement jiggarantixxu li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed ser tintgħażel bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli, iżda huma newtrali dwar jekk, lil hinn mill-iskop tar-Regolament Nru 1408/71, Stat Membru jista’ jagħti benefiċċju tal-familja b’konformità mal-liġi domestika tiegħu. Id-dritt ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jagħti benefiċċji tal-familja, barra minn hekk, ma huwiex suġġett għall-kundizzjoni li l-ħaddiem ikun sofra minn żvantaġġ legali; lanqas ma huwa meħtieġ li t-tfal tal-ħaddiem ikunu jirrisjedu abitwalment hemmhekk. Interpretazzjoni differenti tmur kontra l-prinċipju ta’ moviment liberu tal-ħaddiema.

37.      Għal dak li jirrigwarda l-eżistenza ta’ dritt għal benefiċċji tal-familja komparabbli fl-Istat Membru kompetenti, mis-sentenza Bosmann (10), ma jirriżultax, skont W. Hudzinski u J. Wawrzyniak, li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat in-nuqqas ta’ tali dritt korrispondenti bħala kundizzjoni sabiex Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti skont ir-Regolament ikollu d-dritt li jagħti benefiċċji tal-familja. Huwa biss il-leġiżlatur nazzjonali li huwa kompetenti sabiex jadotta regoli li jirregolaw tali kumulu ta’ drittijiet.

38.      Il-Gvern Ungeriż jaqbel essenzjalment mal-pożizzjoni li ħadu W. Hudzinski u J. Wawrzyniak. Huwa jsostni li anki jekk, skont ir-Regolament Nru 1408/71, l-awtoritajiet Ġermaniżi ma humiex obbligati li jipprovdu benefiċċji tal-familja lill-ħaddiema kkonċernati, mis-sentenza Bosmann (11) kif ukoll mill-għan u mill-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1408/71, jirriżulta li dawk l-awtoritajiet għandhom il-possibbiltà li jagħtu tali benefiċċji skont id-dritt nazzjonali tagħhom. Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti, madankollu, ma huwiex meħtieġ li jagħmel dan skont id-dritt tal-Unjoni.

39.      B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Ġermaniż isostni li dawn id-domandi għandhom jingħataw risposta fin-negattiv, u ċjoè, fis-sens li, bis-saħħa tal-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 rispettivament, il-Germanja — bħala l-Istat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti — hija fi kwalunkwe każ prekluża milli tagħti benefiċċji tal-familja f’sitwazzjonijiet bħal dawn.

40.      Insostenn għal dan l-argument, il-Gvern Ġermaniz essenzjalment iressaq tliet argumenti. L-ewwel nett, huwa jagħmel riferiment għall-kliem tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li taħtu persuni li għalihom japplika dan ir-regolament għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss. It-tieni nett, skont il-Gvern Ġermaniż, dan huwa prinċipju fundamentali li huwa l-bażi tar-Regolament Nru 1408/71 u li kien ikkonfermat mill-ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja.

41.      It-tielet nett, għandha ssir distinzjoni bejn iċ-ċirkustanzi tal-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju u dawk fil-kawża Bosmann (12). F’dan ir-rigward, b’mod partikolari, B. Bosmann kienet tirrisjedi fil-Ġermanja u għalhekk, bħala prinċipju, kienet intitolata li tirċievi l-allowances tal-familja f’dak l-Istat Membru — dritt li mbagħad intilef, madankollu, meta hija qabdet impjieg fil-Pajjiżi Baxxi. Fil-kazijiet prezenti, W. Hudzinski u J. Wawrzyniak ma tilfu ebda dritt minħabba l-attività tax-xogħol temporanju tagħhom fil-Ġermanja, iżda sempliċement naqsu milli jiksbu drittijiet addizzjonali; barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni applikabbli ma nbidlitx. Fi kwalunkwe każ jirriżulta, l-iktar mis-sentenza Bosmann, li l-Ġermanja tista’ tagħti allowances tal-familja jekk tagħżel li tagħmel dan; madankollu fiċ-ċirkustanzi tal-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, ma hemm ebda dritt taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali, kif joħroġ ċar mill-Artikolu 65(1) tal-EStG.

42.      Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza, fl-aħħar nett, li d-dritt għall-għoti ta’ allowances tal-familja ma jistax ikun estiż lil hinn minn dak li huwa rikjest skont ir-regoli dwar il-libertajiet fundamentali. Li kieku kellu jkun estiż, is-sistema ta’ koordinazzjoni kif stabbilita skont it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 tkun imċaħħda mill-effett utli tagħha. Dik is-sistema la tinvolvi diskriminazzjoni u lanqas restrizzjonijiet għall-għanijiet tal-Artikoli 45 u 56 TFUE. Fuq kollox, id-dispożizzjonijiet dwar il-libertajiet fundamentali ma jistipulaw l-ebda regola li tirrikjedi “l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni l-iktar favorevoli”, li taħtha iċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu liberi li jagħżlu l-leġiżlazzjoni li hija l-iktar vantaġġjuża għalihom. Ir-regoli stipulati fit-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 huma intiżi sabiex jistabbilixxu, skont kriterji oġġettivi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tas-sigurtà soċjali li għandha tiġi applikata fil-konfront ta’ persuna impjegata li għamlet użu mid-dritt tagħha għal moviment liberu.

43.      Il-Kummissjoni tissuġġerixxi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tirrispondi għad-domandi preliminari fis-sens li l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jirrikjedux Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jipprovdi benefiċċji tal-familja f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

44.      Il-Kummissjoni tirrileva, b’mod partikolari, li ċ-ċirkustanzi ta’ W. Hudzinski u J. Wawrzyniak huma sostanzjalment differenti minn dawk li abbażi tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tat is-sentenza tagħha f’Bosmann (13). Għalhekk, b’kuntrast ma’ B. Bosmann, la W. Hudzinski u lanqas J. Wawrzyniak ma tilfu d-dritt tagħhom għall-benefiċċji tal-familja fil-Polonja; u l-ebda wieħed minnhom ma sofra xi żvantaġġ għax eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu.

45.      Skont il-Kummissjoni, ma huwiex għal kollox inkonċepibbli li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkonkludi, b’analoġija ma’ ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi kkontemplati bir-Regolament Nru 1408/71, li hemm iktar minn Stat kompetenti wieħed f’każijiet bħal dawk li jinsabu quddiem il-qorti tar-rinviju u li jista’ jkun hemm ukoll kumulu ta’ benefiċċji. Madankollu, il-Kummissjoni twissi kontra approċċ bħal dan, peress li dan ma jkunx jirrifletti s-sitwazzjoni legali kurrenti taħt ir-Regolament Nru 1408/71, jew taħt ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (14), u jistgħu għalhekk ikunu qarrieqa għaċ-ċittadini tal-Unjoni.

2.      Evalwazzjoni

46.      Għandu jiġi mfakkar li t-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 — li minnu jifformaw parti l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) — jinkludi r-regoli ġenerali li skonthom għandha tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli għal persuna impjegata li tagħmel użu, f’diversi ċirkustanzi, mid-dritt tagħha għal moviment liberu (15).

47.      F’dan ir-rigward, l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 it-tnejn li huma jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għar-regola stipulata fl-Artikolu 13(2)(a) tiegħu, li skontu ħaddiem għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa impjegat (ir-regola tal-lex loci laboris), peress li dawn jipprovdu li persuni li huma kkollokati biex iwettqu xogħol fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew li jwettqu xogħol fuq bażi temporanja fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għandhom ikomplu jkunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali, rispettivament, tal-Istat Membru fejn l-impriża li magħha huma normalment impjegati tkun stabbilita jew fejn dawn normalment jaħdmu għal rashom, minflok il-leġiżlazzjoni relattiva tal-Istat Membru fejn dawn il-ħaddiema attwalment jaħdmu matul il-perijodu kkonċernat (16).

48.       Għandu jiġi osservat li l-premessa li fuqha huma bbażati d-domandi preliminari, essenzjalment ma kinitx ikkontestata, u ċjoè li W. Hudzinski jaqa’ taħt l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 u li J. Wawrzyniak jaqa’ taħt l-Artikolu 14a(1)(a), li jfisser li l-leġiżlazzjoni tal-Polonja ġiet iddeterminata bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli fiż-żewġ każijiet għal dak li jirrigwarda l-għoti ta’ allowances tal-familja u li, għalhekk, il-Polonja — u mhux il-Ġermanja — hija l-Istat Membru kompetenti għall-iskopijiet tas-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71.

49.      L-għan tad-domanda unika magħmula fil-Kawża C-611/10 u tad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C-612/10 huwa limitat għalhekk sabiex jiġi vverifikat jekk, minkejja l-fatt li l-Ġermanja ma hijiex l-Istat Membru kompetenti, hija madankollu għandhiex il-possibbiltà, b’konsegwenza tas-sentenza Bosmann (17) —li tagħti allowances tal-familja fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali.

50.      F’dan ir-rigward, għandu jkun imfakkar qabel xejn li, skont ġurisprudenza stabblita, huwa l-għan tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 li jiġi żgurat li l-persuni kkonċernati jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss sabiex ikun evitat li iktar minn sistema ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali waħda jkunu applikabbli u b’hekk jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet relattivi. Dan il-prinċipju kien espress fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistipula li ħaddiem li għalih tapplika dik il-leġiżlazzjoni għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (18).

51.      Fis-sentenza Bosmann, filwaqt li tenniet il-ġurisprudenza msemmija, il-Qorti tal-Ġustizzja identifikat, abbażi tar-regola tal-lex loci laboris stipulata fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn B. Bosmann qabdet l-impjieg — ċjoè l-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi Baxxi — bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għas-sitwazzjoni tagħha (19).

52.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, b’konformità mal-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (20), li l-awtoritajiet tal-Ġermanja, bħala l-Istat Membru (mhux kompetenti) ta’ residenza, ma kienx meħtieġ li jagħti lil B. Bosmann il-benefiċċju tal-familja inkwistjoni (21).

53.      Filwaqt li indikat b’mod ċar li, skont id-dritt tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ residenza mhux kompetenti, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-parti sussegwenti tas-sentenza tagħha f’Bosmann li dak l-Istat ma kienx prekluż, madankollu, milli jagħti l-allowances tal-familja inkwistjoni b’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu (22).

54.      Din il-konstatazzjoni, li timplika l-possibbiltà li jingħataw tali benefiċċji, għandha tiġi interpretata — u tabilħaqq tiżvela t-tifsira tagħha — fl-isfond tal-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, imsemmi hawn fuq (23), li skontu s-sistema ta’ regoli ta’ kunflitt stabbilita fit-Titolu II ta’ dan ir-regolament huwa intiż li jiżgura li, bħala regola, ħaddiem huwa suġġett għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, u anki fid-dawl tal-effett, b’konformità mal-ġurisprudenza Ten Holder, tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru partikolari bħala l-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiem skont dawn ir-regoli ta’ kunflitt, ċjoè “li l-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat Membru biss hija applikabbli għalih” (24).

55.      Fis-sentenza Bosmann, milli jidher il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet il-pożizzjoni — fid-dawl, b’mod partikolari, tal-għan ġenerali tal-Artikolu 42 KE, li fuqu huwa bbażat ir-Regolament Nru 1408/71, ċjoè li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-ħaddiema, u tal-iskop tas-sistema ta’ koordinazzjoni stabbilita f’dan ir-regolament, ċjoè li tikkontribwixxi għat-titjib tal-kwalità tal-ħajja u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema (25) — li l-“effett esklussiv” tar-regoli stabbiliti fl-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71, li jirriżulta mir-“regola tal-Istat Membru wieħed” u kif interpretat mill-ġurisprudenza Ten Holder, għandu jiġi interpretat b’mod ristrett kemm għal dak li huwa skop u anki tifsira biex b’hekk, fi kwalunkwe każ, Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti ma jistax jiġi prekluż milli jagħti benefiċċju sa fejn il-possibbiltà li jagħmel dan toħroġ mil-leġiżlazzjoni tiegħu (26).

56.      Għalhekk l-implikazzjoni tidher li hija, kif isostnu W. Hudzinski u J. Wawrzyniak, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal ħaddiema li jiċċaqalqu ġewwa l-Unjoni Ewropea, huma intiżi li jiggarantixxu li, taħt dik is-sistema ta’ koordinazzjoni, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss tiġi ddetrminata bħala li hija applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem, suġġett għal eċċezzjonijiet speċifiċi (27), u li, għalhekk, sa fejn huwa kkonċernat l-Istat Membru kompetenti, il-kompetenza hija mandatorja, għalkemm dan ma jimplikax — kif kien ikkonfermat reċentement mill-Qorti tal-Ġustizzja f’Chamier-Glisczinski — li Stati Membri li ma humiex l-Istat kompetenti huma pprojbiti milli jagħtu “lil ħaddiema u membri tal-familja tagħhom protezzjoni soċjali iktar wiegħsa minn dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-imsemmi regolament” (28).

57.      Madankollu, huwa veru li, kif ġie osservat b’mod korrett mill-qorti tar-rinviju, mis-sentenza Bosmann (29) ma jirriżultax b’mod ċar għal kollox sa liema punt din is-sentenza — li tipprovdi li Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti jibqa’ liberu li jagħti l-benefiċċju tal-familja inkwistjoni — kienet tiddependi miċ-ċirkustanzi speċifiċi li kienu jeżistu f’dak il-każ imma li huma assenti mill-każijiet preżenti, u ċjoè: (i) il-fatt li B. Bosmann sofriet żvantaġġ b’riżultat tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Pajjiżi l-Baxxi (il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ impjieg kompetenti), li taħthom il-kundizzjonijiet sostantivi li jirregolaw l-għoti tal-benefiċċju tal-familja kienu inqas favorevoli minn dawk li japplikaw taħt il-liġi Ġermaniża (il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza mhux kompetenti); (ii) il-fatt li ma kien hemm ebda dritt għal xi benefiċċji tal-familja komparabbli fl-Istat Membru kompetenti; u, fl-aħħar nett, (iii) il-fatt li B. Bosmann u, fi kwalunkwe każ, it-tfal tagħha, kienu ddomiċiljati jew kienu jirrisjedu abitwalment fl-Istat Membru mhux kompetenti kkonċernat.

58.      Fil-fehma tiegħi, għalkemm il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tagħti sentenza abbażi taċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-każ, li jista’ jfisser li ma hijiex eskluża interpretazzjoni differenti tas-sentenza, il-loġika tas-sentenza Bosmann (30) tittraxxendi dawn il-fatturi jew kundizzjonijiet u tikkjarifika b’mod iktar ġenerali r-relazzjoni — kif spjegat hawn fuq (31) — bejn, minn naħa waħda, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli u, min-naħa l-oħra, il-possibbiltà li tirriżulta għal Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jagħmel tali għotja permezz tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tiegħu.

59.      F’dan ir-rigward, nixtieq nenfasizza, l-ewwel nett, li — anki wara s-sentenza Bosmann (32) — ma hemm xejn li jissuġġerixxi li l-ġurisprudenza stabbilita ma għadhiex rilevanti, liema ġurisprudenza tipprovdi li, fid-dawl tal-fatt li, kif stipulat taħt l-Artikolu 42 KE (li sar l-Artikolu 48 TFUE), ir-Regolament Nru 1408/71 sempliċement ifassal sistema ta’ koordinazzjoni filwaqt li ma jaffettwax id-differenzi sostantivi u proċedurali bejn is-sistemi tas-sigurtà soċjali, ma hemm ebda garanzija għall-ħaddiem illi l-estensjoni tal-attivitajiet tiegħu f’iktar minn Stat Membru wieħed jew it-trasferiment tagħhom fi Stat Membru ieħor ser ikunu newtrali għal dik li hija sigurtà soċjali. Skont din il-ġurisprudenza, meta jitqiesu d-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni dwar is-sigurtà soċjali tal-Istati Membri, tali estensjoni, jew trasferiment, tista’ tkun ta’ vantaġġ għall-ħaddiem f’termini ta’ sigurtà soċjali jew le, skont iċ-ċirkustanzi (33).

60.      Fi kliem ieħor, kif ġie rrilevat b’mod korrett mill-Gvern Ġermaniż, is-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 1408/71 ma tiddeterminax il-liġi applikabbli abbażi tal-prinċipju li persuni li jgħixu jew jaħdmu f’żewġ pajjiżi jew iktar għandhom ikunu suġġetti għal-leġiżlazzjoni li hija l-iktar favorevoli għalihom, imma b’riferiment għal fatturi oġġettivi bħall-post ta’ impjieg jew ta’ residenza (34).

61.      Bl-istess mod, hekk kif l-obbligu ta’ Stat Membru li japplika l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tiegħu għas-sitwazzjoni ta’ ħaddiem partikolari, b’konformità mar-regoli ta’ koordinazzjoni taħt it-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, ma jiġix iddeterminat b’riferiment għal xi vantaġġ jew żvantaġġ, f’termini ta’ dritt jew benefiċċji li jistgħu b’hekk jakkumulaw għall-ħaddiem meta mqabbel mas-sitwazzjoni tiegħu kieku kellha tapplika l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ieħor, fil-fehma tiegħi ma hemm l-ebda raġuni valida għalfejn, b’kuntrast ma’ dan, id-dritt ta’ Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti li jagħti benefiċċju abbażi tal-leġiżlazzjoni tiegħu stess għandu jkun suġġett għall-kundizzjoni li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru kompetenti toħloq żvantaġġ (bħall-iżvantaġġ li attwalment sofriet in casu B. Bosmann: it-telf tad-dritt għal allowances tal-familja) għall-persuna kkonċernata.

62.      Dik il-fehma ma titqigħedx fid-dubju mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li sar ukoll riferiment għaliha fil-motivi tas-sentenza Bosmann (35), li skontha, fid-dawl tal-għanijiet sottostanti tar-Regolament Nru 1408/71, il-ħaddiema immigranti ma għandhomx jitilfu id-dritt tagħhom għal benefiċċji tas-sigurtà soċjali jew ikollhom l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji mnaqqas sempliċement għax ikunu eżerċitaw id-dritt ta’ moviment liberu mogħti lilhom mit-Trattat (36).

63.      Għalhekk, din il-ġurisprudenza ma tistabbilixxix prinċipju li japplika mingħajr eċċezzjoni għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 skont liema l-eżerċizzju tad-dritt għal moviment liberu, u għalhekk il-bidla fir-rigward tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli, ma għandha qatt twassal għal tnaqqis jew telf tad-dritt għall-benefiċċji tas-sigurtà soċjali. Pjuttost, dan il-prinċipju jirrigwarda dispożizzjonijiet speċifiċi tar-Regolament Nru 1408/71, bħall-Artikolu 58(1) li jikkonċerna l-kalkolu ta’ benefiċċji ta’ flus abbażi tal-paga jew salarju medju, kif kien il-każ fis-sentenza Nemec (37), li jsir riferiment għalih fis-sentenza Bosmann (38).

64.      B’mod ġenerali, dik il-ġurisprudenza għandha x’taqsam ma’ sitwazzjonijiet li jikkonċernaw id-dritt li tirċievi benefiċċji soċjali u, b’mod partikolari, il-kalkolu tagħhom fl-Istat Membru kompetenti b’riferiment għal perijodi ta’ assigurazzjoni akkwistati jew kontribuzzjonijiet magħmula, jew, b’mod iktar ġenerali, għandha x’taqsam ma’ drittijiet akkwistati fi Stat Membru ieħor qabel l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu u għandha l-għan li tiżgura li dawk il-fatturi kostituttivi ta’ benefiċċju soċjali jitqiesu kif xieraq u għalhekk ma jiġux “mitlufa” fir-rigward tad-dritt għall-benefiċċji soċjali kkonċernat fl-Istat Membru kompetenti (39).

65.      Għalhekk, peress li huwa ċar li ċ-ċirkustanzi fil-kawża Nemec (40) huma sostanzjalment differenti min dawk tal-kawża Bosmann (41), ma jistax jiġi dedott mir-referenza għas-sentenza Nemec fil-punt 29 tas-sentenza Bosmann li l-Qorti tal-Ġustizzja kkunsidrat li t-telf ta’ B. Bosmann tad-dritt għall-allowances tal-familja minħabba l-bidla fil-leġiżlazzjoni applikabbli li jagħti lok għall-possibbiltà li l-Ġermanja, bħala l-Istat Membru mhux kompetenti, xorta waħda tagħti dawn l-allowances abbażi tal-liġi nazzjonali tagħha. Pjuttost, fil-fehma tiegħi, il-Qorti tal-Ġustizzja għamlet riferiment għall-ġurisprudenza b’mod iktar ġenerali — flimkien ma’ fatturi oħra bħall-Artikolu 42 KE u l-preambolu għar-Regolament Nru 1408/71 — sabiex turi li dak ir-regolament għandu jiġi interpretat b’mod favorevoli għall-ħaddiema immigranti fis-sens li, fir-rigward tal-punt inkwistjoni fil-kawża Bosmann, id-dispożizzjonijiet tiegħu ma għandux ikollhom l-effett li jċaħħdu Stat Membru, anki jekk mhux l-Istat kompetenti, mid-dritt li jagħti lill-ħaddiema l-benefiċċji soċjali previsti taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu (42).

66.      Dan kollu jwassalni sabiex nikkonkludi li r-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludix totalment Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti milli jagħti lill-ħaddiema u lill-membri tal-familji tagħhom protezzjoni soċjali li tmur lil hinn mill-protezzjoni mogħtija bl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, u dan japplika wkoll f’sitwazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni, fejn il-ħaddiem ma jsofrix, bħala riżultat talli jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu, telf jew tnaqqis meta mqabbel mal-protezzjoni soċjali li kien igawdi qabel u fejn ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, dritt għal allowances tal-familja fl-Istat kompetenti.

67.      Fl-aħħar nett, safejn hija kkonċernata r-rilevanza tar-residenza fl-Istat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti, ma naħsibx li d-dritt ta’ dak l-Istat Membru li jagħti benefiċċji soċjali hija dipendenti bħala tali fuq il-fatt li tiġi osservata dik il-kundizzjoni.

68.      Fl-opinjoni tiegħi, fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-kawża Bosmann, id-domiċilju jew ir-residenza abitwali kienu jikkostitwixxu sempliċement ir-rekwiżiti sostantivi rilevanti li abbażi tagħhom, b’konformità mal-Artikolu 62(1)(1) tal-EStG Ġermaniża, B. Bosmann setgħet titlob l-allowances tal-familja fil-Ġermanja (43).

69.      Madankollu, jidher li ma hemm l-ebda raġuni oġġettiva għalfejn Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti għandu, b’kuntrast ma’ dan, ma jitħalliex jagħti allowances tal-familja jekk, bħal fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, id-dritt għal allowances tal-familja jkun ibbażat fuq fattur ta’ konnessjoni differenti, bħal pereżempju l-fatt li persuna tkun suġġetta għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja, jew ittrattata bħala tali, kif previst fl-Artikolu 62(1)(2) tal-EStG. Il-punt deċiżiv huwa, skont ir-raġunament tas-sentenza Bosmann, li d-dritt għall-allowances tal-familja inkwistjoni jirriżulta mil-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li ma huwiex l-Istat Membru kompetenti (44).

70.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, nipproponi li, b’risposta għad-domanda unika fil-Kawża C-611/10 u għad-domandi 1 u 2 fil-Kawża C-612/10, għandu jingħad li l-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a), rispettivament, tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għanijiet ta’ dawk id-dispożizzjonijiet milli jagħti benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu lil ħaddiem li huwa biss impjegat jew ikkollokat temporanjament fit-territorju tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, meta la l-ħaddiem u lanqas it-tfal tiegħu ma jirrisjedu abitwalment f’dak l-Istat Membru, meta l-ħaddiem ma jsofri l-ebda żvantaġġ legali bħala riżultat talli jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u fejn ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru kompetenti.

B –    It-tielet domanda fil-Kawża C-612/10, li tikkonċerna jekk dispożizzjoni tal-liġi nazzjonali bħall-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG, hijiex konformi mad-dritt tal-Unjoni

71.      Id-domanda 3 fil-Kawża C-612/10 hija intiża sabiex jiġi vverifikat jekk id-dritt tal-Unjoni — b’mod partikolari, ir-regoli tat-Trattat dwar il-libertajiet fundamentali, kif ukoll ir-Regolament Nru 1408/71 — jipprekludix dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali bħall-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-punt 65(2) tal-EStG, milli jeskludu d-dritt għal allowances tal-familja meta — jew, fir-rigward tal-aħħar dispożizzjoni, sa fejn — allowance komparabbli titħallas fi Stat Membru ieħor jew tkun dovuta jekk tkun saret applikazzjoni f’dan is-sens.

1.      L-argumenti prinċipali tal-partijiet

72.      W. Hudzinski u J. Wawrzyniak isostnu li d-dritt tal-Unjoni jipprojbixxi regola tad-dritt nazzjonali li taħtha kull dritt għal benefiċċju soċjali skont it-tifsira tar-Regolament Nru 1408/71 huwa ġeneralment prekluż meta jkun hemm dritt għal benefiċċju komparabbli fi Stat Membru ieħor.

73.      Huma jirrilevaw, b’mod partikolari, li d-dispożizzjonijiet Ġermaniżi inkwistjoni jeskludu d-dritt għall-benefiċċji tal-familja anki f’każijiet fejn, b’konformità mal-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71, il-Ġermanja hija obbligata li tagħti benefiċċju bħala l-Istat kompetenti. Barra minn hekk, il-ħlas tal-benefiċċji huwa eskluż anki meta allowance komparabbli tiġi riċevuta jekk tkun saret applikazzjoni f’dan is-sens, li jmur kontra d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Schwemmer (45).

74.      B’kuntrast ma’ dan, il-Gvern Ungeriż jieħu l-pożizzjoni li Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti huwa liberu li jeskludi fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu — kif inhu l-każ fl-Artikolu 65(1) tal-EStG — l-għoti ta’ kwalunkwe benefiċċju tal-familja addizzjonali f’każijiet fejn il-persuna kkonċernata tkun intitolata għal allowance analoga jew komparabbli fl-Istat kompetenti.

75.      Fil-fehma tal-Kummissjoni, anki regola bħal dik stipulata fl-Artikolu 65(1) tal-EStG ma hijiex kuntrarja għall-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, jew għad-dritt primarju tal-Unjoni.

76.      Il-Gvern Ġermaniż jenfasizza li la taħt ir-Regolament Nru 1408/71 u lanqas skont ir-regoli dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema ma hemm l-obbligu għall-Ġermanja li tipprovdi allowances tal-familja f’ċirkustanzi bħal dawk tal-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

2.      Evalwazzjoni

77.      Bħala rimarka preliminari, għandu jiġu osservat li l-isfond li fih saret id-domanda 3 mill-qorti tar-rinviju huwa — kif jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju u kif ġie enfasizzat mill-Gvern Ġermaniż — il-kundizzjonijiet statutorji li għandhom ikunu sodisfatti għall-għanijiet tal-għoti tal-allowances tal-familja fil-Ġermanja ma ġewx sodisfatti fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju sa fejn dawn kellhom ikunu evalwati taħt il-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, moqri flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG.

78.      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li — kuntrarjament għal dak li jidher li qegħdin jissuġġerixxu W. Hudzinski u J. Wawrzyniak — skont l-informazzjoni pprovduta mill-Bundesfinanzhof fid-digriet tar-rinviju tagħha fil-Kawża C-612/10, hija ġurisprudenza stabbilita tal-qrati Ġermaniżi li, bħala prinċipju, il-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG, ma japplikax għal każijiet fejn il-Ġermanja hija meħtieġa li tagħti allowances tal-familja b’konformità mar-regoli stipulati fl-Artikoli 13 et seq tar-Regolament Nru 1408/71.

79.      B’kont ta’ dan meħud, għandu jiġi enfasizzat li fis-sitwazzjonijiet taħt kunsiderazzjoni hawnhekk, id-dritt tal-Unjoni ma jimponix obbligu fuq l-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jagħtu lil W. Hudzinski jew lil J. Wawrzyniak l-allowances tal-familja inkwistjoni.

80.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li, kif ġie spjegat iktar ’il fuq (46), b’konformità mar-regoli stipulati fl-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a), rispettivament, tar-Regolament Nru 1408/71, W. Hudzinski u J. Wawrzyniak baqgħu, matul it-twettiq tax-xogħol temporanju tagħhom fil-Ġermanja, suġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru tal-oriġini tagħhom. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija għalhekk il-Polonja, bħala Stat Membru kompetenti, u mhux il-Ġermanja, li għandha l-obbligu li tagħti l-allowances tal-familja b’konformità mal-leġiżlazzjoni tagħha.

81.      It-tieni nett, fil-fehma tiegħi, ma hemm ebda indikazzjoni — u dan fis-sustanza ma kienx ikkontestat mill-partijiet — li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli, kif stipulat fl-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, ikkunsidrati b’mod iżolat, huma inkompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-moviment liberu jew il-prinċipju ta’ ugwaljanza.

82.      Għandu jkun biżżejjed li wieħed jirrileva, f’dan ir-rigward, li huwa ovvju wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li l-għanijiet tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 huma konsistenti mal-libertajiet fundamentali, peress li dik id-dispożizzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-libertà li tipprovdi servizzi għall-benefiċċju ta’ impriżi li jagħmlu użu minnha billi jibagħtu ħaddiema fi Stati Membri li ma humiex l-Istat fejn huma stabbiliti, u f’dan ir-rigward għanda l-għan li tegħleb l-ostakli li x’aktarx jimpedixxu l-moviment liberu tal-ħaddiema u kif ukoll li tinkoraġġixxi l-interpenetrazzjoni ekonomika filwaqt li tevita kumplikazzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għall-ħaddiema u għall-impriżi (47).

83.      Bl-istess mod, il-Kunsill, fil-fehma tiegħi, għamel għażla xierqa — fit-twettiq tal-kompitu tiegħu skont l-Artikolu 42 KE (li sar l-Artikolu 48 TFUE) biex tiġi stabbilita sistema ta’ koordinazzjoni li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema u l-garanzija ta’ trattament ugwali — billi pprovda fl-Artikolu 14a(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 li, bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali, individwi li normalment isegwu attivitajiet bħala persuni li jaħdmu għal rashom fi Stat Membru, jibqgħu suġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ dak l-Istat jekk iwettqu biss xogħol fuq bażi temporanja fi Stat Membru ieħor, peress li l-kumplikazzjonijiet li tista’ tinvolvi bidla fil-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli jista’ jkollhom l-effett li jiskoraġġixxu persuna milli taqbad xogħol fi Stat Membru ieħor għal perijodu ta’ żmien relattivament qasir.

84.      It-tielet nett, kif spjegajt iktar ’il fuq (48) u kif issottomettew b’mod korrett il-Gvern tal-Ġermanja u l-Gvern tal-Ungerija, anki jekk huwa applikabbli r-raġunament fis-sentenza Bosmann (49) — kif nissuġġerixxi li hu — għal ċirkustanzi bħal dawk li qegħdin jiġu diskussi, hija biss l-għażla li jingħataw l-allowances tal-familja, u mhux obbligu li jsir hekk, li tista’ tiġi dedotta minn dik is-sentenza sa fejn hija kkonċernata l-Ġermanja, bħala Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti.

85.      Ir-raba’ nett, għandu jiġi mfakkar f’dan il-kuntest li, skont il-ġurisprudenza stabbilita, id-dritt tal-Unjoni — suġġett għar-rekwiżiti li jirriżultaw, b’mod partikolari, mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema — ma jillimitax is-setgħa tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tas-sigurtà soċjali tagħhom u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom jingħataw il-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kif ukoll l-ammont ta’ dawn il-benefiċċji u l-perijodu li matulu jingħataw (50).

86.      Għalhekk jirriżulta li sa fejn id-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi li jagħtu allowances tal-familja fis-sitwazzjonijiet taħt kunsiderazzjoni hawnhekk, id-dispożizzjonijiet nazzjonali bħall-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG, li jeskludu għal kollox jew parzjalment id-dritt għall-allowances tal-familja f’dawk is-sitwazzjonijiet, ma jistgħux jitqiesu bħala li jmorru kontra d-dritt tal-Unjoni.

87.      Fl-aħħar nett, W. Hudzinski u J. Wawrzyniak argumentaw li mis-sentenza Schwemmer (51) jirriżulta li l-Artikolu 65(1) tal-EStG ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni.

88.      Madankollu, dik is-sentenza kienet tikkonċerna kwistjoni speċifika ħafna rigward id-dispożizzjonijiet għall-prevenzjoni ta’ kumulu ta’ benefiċċji, kif stipulat fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 574/72. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet essenzjalment li fis-sitwazzjoni taħt kunsiderazzjoni f’dak il-każ, id-dritt għal benefiċċji skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru ma jistax ikun sospiż b’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet jekk, skont il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat, bħala prinċipju hemm dritt għall-benefiċċji tal-familja, imma fejn dawk il-benefiċċji attwalment ma jingħatawx għaliex il-ġenitur intitolat għal dawk il-benefiċċji ma jkunx għamel applikazzjoni għalihom (52).

89.      Huwa ovvju li din l-kwistjoni, li dwarha kienet tittratta s-sentenza Schwemmer (53), ma tixbah bl-ebda mod is-sitwazzjonijiet fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju.

90.      Barra minn hekk, anki li kieku kellu jiġi konkluż mis-sentenza Schwemmer (54) li l-Artikolu 65(1) tal-EStG għandu jiġi interpretat mill-ġdid b’mod konsistenti mad-dritt tal-Unjoni jew li ma għandux jiġi applikat sa fejn huwa kkonċernat dan l-aspett partikolari (kwistjoni li għandha tiġi deċiża mill-qorti nazzjonali), ma jirriżultax minn dik is-sentenza li l-Artikolu 65(1) tal-EStG jmur kontra, b’mod ġenerali, ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar speċifiku, għal dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, ma għandux għalhekk jiġi applikat mill-qorti nazzjonali, bil-konsegwenza li, skont il-bqija tal-kundizzjonijiet sostantivi tal-EStG, W. Hudzinski u J. Wawrzyniak jistgħu isostnu — b’konformità mal-prinċipju tas-sentenza Bosmann (55), li l-Istat Membru mhux kompetenti għandu dritt jagħti benefiċċji soċjali li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu — l-allowances tal-familja fil-Ġermanja (56).

91.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda 3 fil-Kawża C-612/10 hija li d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 65(1) tal-EStG, meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-EStG, milli jiġu applikati f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti għall-iskopijiet tad-dritt għall-allowances tal-familja.

C –    Id-domanda 4 fil-Kawża C-612/10, li tikkonċerna l-kumulu ta’ drittijiet għall-allowances tal-familja

92.      Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għad-domanda 3 fil-Kawża C-612/10, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf kif kumulu possibbli bejn drittijiet fl-Istat Membru kompetenti u fi Stat Membru ieħor għandu jiġi riżolt.

93.      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għad-domanda 3 fil-Kawża C-612/10, ma hemmx bżonn li tingħata risposta għad-domanda 4 f’din il-kawża.

VI –  Konklużjoni

94.      Għar-raġunijiet mogħtija hawn fuq, nipproponi li d-domandi preliminari magħmula mill-Bundesfinanzhof għandhom jingħataw ir-risposti segwenti:

–        L-Artikoli 14(1)(a) u 14a(1)(a), rispettivament, tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar il-pubblikazzjoni [applikazzjoni] tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u l-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 647/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ April 2005, għandhom jiġu interpretati bħala li ma jipprekludux Stat Membru li l-leġiżlazzjoni tiegħu ma hijiex il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-għanijiet ta’ dawk id-dispożizzjonijiet milli jagħti benefiċċji tal-familja taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu lil ħaddiem li huwa biss impjegat jew ikkollokat temporanjament fit-territorju tiegħu f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, meta la l-ħaddiem u lanqas it-tfal tiegħu ma jirrisjedu abitwalment f’dak l-Istat Membru, meta l-ħaddiem ma jsofri l-ebda żvantaġġ legali bħala riżultat talli jkun eżerċita d-dritt tiegħu għal moviment liberu u fejn ikun hemm, jew jista’ jkun hemm, dritt għall-benefiċċji tal-familja fl-Istat Membru kompetenti;

–        id-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, ir-Regolament Nru 1408/71 ma jipprekludux dispożizzjonijiet nazzjonali, bħall-punt 2 tal-Artikolu 65(1), meħud flimkien mal-Artikolu 65(2) tal-Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz jew “EStG”), milli jiġu applikati f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-każijiet quddiem il-qorti tar-rinviju, fi Stat Membru li ma huwiex l-Istat kompetenti għall-iskopijiet tad-dritt għall-allowances tal-familja.


1 —      Il-lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3.


3 —      ĠU L 117, p. 1.


4 —      Sentenza tal-20 ta’ Mejju 2008 (C-352/06, Ġabra p. I-3827, punti 27 sa 32.


5 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


6 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


7 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


8 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


9 —      Iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


10 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


11 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


12 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


13 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


14 —      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72.


15 —      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza tad-19 ta’ Marzu 2002, Hervein et (C-393/99 u C-394/99, Ġabra p. I-2829, punt 52).


16 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Novembru, 2002, Plum (C-404/98, Ġabra p. I-9379, punti 14 u 15); tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et (C-178/97, Ġabra p. I-2005, punt 16) u tal-15 ta’ Ġunju 2006, Il-Kummissjoni vs Franza (C-255/04, Ġabra p. I-5251, punt 48).


17 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


18 —      Ara, inter alia, is-sentenzi Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 16; tat-12 ta’ Ġunju 1986, Ten Holder (302/84, Ġabra p. 1821, punti 19 u 20) u tal-15 ta’ Marzu 2001, de Laat (C-444/98, Ġabra p. I-2229, punt 31).


19 —      Ara, b’mod partikolari, il-punti 16 sa 19 ta’ din s-sentenza (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


20 —      Konklużjonijiet mogħtija fid-29 ta’ Novembru 2007 fil-kawża Bosmann (sentenza ċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 66.


21 —      Ara l-punt 27 tas-sentenza.


22 —      Ara l-punti 28 sa 33 tas-sentenza (iċċitati iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4).


23 —      Ara l-punt 50 iktar ’il fuq.


24 —      Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Ten Holder, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 18, punt 23, u tal-10 ta’ Lulju 1986, Luijten (60/85, Ġabra p. 2365, punt 16); ara wkoll is-sentenzi Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punt 17, u tal-11 ta’ Novembru 2004, Adanez-Vega (C-372/02, Ġabra p. I-10761, punt 18).


25 —      Ara s-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 29 sa 31.


26 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 32 u 33; ara wkoll is-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2009, Chamier-Glisczinski (C-208/07, Ġabra p. I-6095, punti 55 u 56).


27 —      Bħal fis-sitwazzjonijiet ikkontemplati mid-dispożizzjonijiet dwar il-kumulu ta’ drittijiet għal benefiċċji tal-familja kif stabbiliti fl-Artikolu 76 tar-Regolament Nru 1408/71 u fl-Artikolu 10 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 (ir-“Regolament Nru 574/72”); ara wkoll f’dan il-kuntest is-sentenzi Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 20 sa 22; tal-14 ta’ Ottubru 2010, Schwemmer (C-16/09, Ġabra p. I-9717, punti 43 sa 48) u tal-20 ta’ Jannar 2005, Laurin Effing (C-302/02, Ġabra p. I-553, punt 39).


28 —      Ara s-sentenza Chamier-Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 56.


29 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


30 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


31 —      Ara punti 55 u 56 iktar ’il fuq.


32 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


33 —      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski (C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 34), u Hervein et, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 15, punti 50 u 51.


34 —      Ara diġà l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Bosmann (sentenza iċċitata iktar ‘il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 65.


35 —      Ara r-referenza għas-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2006, Nemec (C-205/05, Ġabra p. I-10745) fis-sentenza Bosmann (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4), punt 29.


36 —      Ara wkoll bħala parti minn dik il-linja ta’ ġurisprudenza, inter alia, is-sentenzi tal-20 ta’ Ottubru 2011, Perez Garcia et (C-225/10, Ġabra p. I-10111, punt 51); tat-30 ta’ Ġunju 2011, da Silva Martins (C-388/09, Ġabra p. I-5737, punt 75), u tas-6 ta’ Marzu 1979, Rossi (100/78, Ġabra p. 831, punt 14).


37 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


38 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


39 —      Ara s-sentenza Nemec, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35, u s-sentenzi ċċitati fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 34.


40 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 35.


41 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


42 —      Ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza Chamier-Glisczinski, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 26, punt 56.


43 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 28 u 36.


44 —      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Bosmann, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4, punti 31 sa 33; ara wkoll il-punt 56 iktar ’il fuq.


45 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


46 —      Ara punti 47 u 48 iktar ’il fuq.


47 —      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi Plum, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 16, punti 19 u 20, u tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (202/97, Ġabra p. I-883, punti 28 u 29).


48 —      Ara punti 52 u 53 iktar ’il fuq.


49 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


50 —      Ara, b’riferiment għall-Artikolu 62(1) tal-EStG, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, Xhymshiti (C-247/09, Ġabra p. I-11845, punt 43); ara wkoll is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Klöppel (C-507/06, Ġabra p. I-943, punt 16), u tat-23 ta’ Novembru 2000, Elsen (C-135/99, Ġabra p. I-10409, punt 33).


51 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


52 —      Ara, b’mod partikolari, il-punti 44 u 59 tas-sentenza Schwemmer (iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27).


53 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


54 —      Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 27.


55 — Iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 4.


56 —      Ma hemm ebda indikazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja ser tqis l-Artikolu 65(1) tal-EStG b li, b’mod ġenerali, ma huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni; ara, f’dan is-sens, is-sentenza Xhymshiti, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 50, punti 42 sa 44.