SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
4 ta’ Ottubru 2012(*)
“Sigurtà soċjali — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikolu 14(2)(b) — Persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar — Kuntratti ta’ xogħol suċċessivi — Persuna li timpjega stabbilita fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tal-ħaddiem — Attività bħala persuna impjegata eżerċitata esklużivament fi Stati Membri oħra”
Fil-Kawża C-115/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mis-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Warszawie (il-Polonja), permezz tad-deċiżjoni tal-15 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2011, fil-proċeduri
Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe sp. z o.o.
vs
Zakład Ubezpieczeń Społecznych,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Rosas, A. Ó Caoimh (Relatur), A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-29 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe sp. z o.o., minn W. Barański, avukat,
– għal Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie, minn J. Czarnowski u M. Drewnowski, radcowie prawni,
– għal W. Kita, minn W. Barański, avukat,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn A. Siwek-Ślusarek u J. Fałdyga, bħala aġenti,
– għall-Gvern Belġjan, minn M. Jacobs u L. Van den Broeck, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller kif ukoll minn A. Wiedmann, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u M. Owsiany-Hornung, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Mejju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe Sp. z o. o. (iktar ’il quddiem “Format”), fil-preżenza ta’ wieħed mill-impjegati tagħha, W. Kita, u Zakład Ubezpieczeń Społecznych (l-Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, iktar ’il quddiem iz-“ZUS”), dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal W. Kita fis-sens ta’ dan ir-regolament.
Il-kuntest ġuridiku
Ir-Regolament Nru 1408/71
3 Skont is-sitt premessa tar-Regolament Nru 1408/71, ir-regoli ta’ koordinament għandhom jiżguraw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità Ewropea kif ukoll lill-aventi kawża u lis-superstiti tagħhom, iż-żamma tad-drittijiet u tal-vantaġġi miksuba jew li huma fil-proċess li jinkisbu.
4 Dan l-għan għandu jintlaħaq, skont is-seba’ premessa ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari bl-aggregazzjoni tal-perijodi kollha meħuda inkunsiderazzjoni mil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali differenti għall-finijiet tal-ksib u taż-żamma tad-dritt għall-benefiċċji.
5 Mit-tmien premessa tal-imsemmi regolament jirriżulta li d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-istess regolament huma intiżi li l-persuni kkonċernati jkunu, fil-prinċipju, suġġetti għas-sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, sabiex jevitaw il-kumulu ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minnhom.
6 L-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, il-kelma “residenza” tfisser il-post abitwali ta’ residenza.
7 Taħt it-Titolu II ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli”, l-Artikolu 13, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi:
“1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.
2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
a) persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;
[...]
b) persuna li għaliha tispiċċa li tkun valida il-leġislazzjoni ta’ Stat Membru, mingħajr ma ssir applikabbli għaliha leġislazzjoni ta’ Stat ieħor skond waħda mir-regoli stipulata fis-sottoparagrafi li għaddew jew skond waħda mill-eċċezzjonijiet jew dispożizzjonijiet speċjali stipulati fl-Artikoli 14 u 17 tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun tabita skond id-dispożizzjonijiet ta’ dik il-leġislazzjoni”.
8 Taħt dan l-istess artikolu, l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, jipprovdi:
“L-Artikolu 13(2)(a) għandu japplika bla ħsara għall-eċċezzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi li ġejjin:
1) a) Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha;
[...]
2) Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:
a) Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar. [...]
b) Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f[’](a) tkun soġġetta:
i) għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma’ diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;
ii) għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma’ diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti”.
9 L-aggregazzjoni msemmija fis-seba’ premessa tar-Regolament Nru 1408/71 hija prevista b’mod partikolari fl-Artikoli 10a(2), 18, 38, 45, 64 u 72 ta’ dan ir-regolament.
10 Skont il-punti 2 u 4 tal-Artikolu 12(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 574/72, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implementazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 311/2007, tad-19 ta’ Marzu 2007 (ĠU L 82, p. 6), l-awtoritajiet tal-Istat kompetenti għandhom, fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71, jipprovdu lil persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, fis-sens tal-Artikolu 14(2)(b) ta’ dan l-aħħar regolament, ċertifikat li jikkonferma li din il-persuna hija suġġetta għal-leġiżlazzjoni tal-imsemmi Stat kompetenti.
11 Dan iċ-ċertifikat, li l-mudell tiegħu ġie previst fid-Deċiżjoni Nru 202 tal-Kummissjoni amministrattiva tal-Komunitajiet Ewropej għas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti, tas-17 ta’ Marzu 2005, fuq il-formoli mudell neċessarji għall-applikazzjoni tar-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71 u (KEE) Nru 574/72 (E 001, E 101, E 102, E 103, E 104, E 106, E 107, E 108, E 109, E 112, E 115, E 116, E 117, E 118, E 120, E 121, E 123, E 124, E 125, E 126 u E 127) (ĠU 2006 L 77, p. 1) huwa komunament magħruf bl-isem ta’ “formola E 101” jew ta’ “ċertifikat E 101”.
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li Format, li għandha s-sede tagħha f’Varsavja (il-Polonja), teżerċita attivitajiet ta’ sub-appalt fil-qasam tal-kostruzzjoni f’ċerti Stati Membri. Fl-2008, Format kienet involuta f’madwar 15 sa 18-il proġett ta’ kostruzzjoni simultanjament, f’ħames jew f’sitt Stati Membri. Format kienet topera billi timpjega ħaddiema fil-Polonja, iżda tikkollokahom fi proġetti ta’ kostruzzjoni kurrenti f’diversi Stati Membri skont il-ħtiġijiet tal-kumpannija u skont in-natura tax-xogħol li kellu jitwettaq.
13 Ħaddiem li kellu jiġi kkollokat għal sit ieħor ta’ kostruzzjoni kien jingħata istruzzjonijiet sabiex imur hemmhekk. F’każ ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt ta’ kostruzzjoni u fin-nuqqas ta’ xogħol għal dan il-ħaddiem, dan kien imur lura l-Polonja u għalhekk kien jibbenefika minn leave bla ħlas, jew inkella l-kuntratt tax-xogħol tiegħu kien jiġi tterminat. Fil-prinċipju, il-ħaddiem kellu jaħdem fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
14 Skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju, matul il-perijodi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-post ta’ “residenza” ta’ W. Kita fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71, baqa’ fil-Polonja.
15 W. Kita ġie impjegat full-time minn Format tliet darbiet abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.
16 L-ewwel kuntratt għal żmien determinat ġie konkluż għall-perijodu bejn is-17 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Jannar 2007 u kien estiż sat-22 ta’ Diċembru 2007. Madankollu, dan il-kuntratt intemm fit-30 ta’ Novembru 2006. Tali kuntratt kien jiddefinixxi l-post tax-xogħol bħala “operazzjonijiet u siti tal-kostruzzjoni fil-Polonja u fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (l-Irlanda, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġermanja u l-Finlandja), skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega”. Fil-kuntest ta’ dan il-kuntratt, W. Kita ħadem taħt dan il-kuntratt fi Franza biss. Skont l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, iz-ZUS ħareġ ċertifikat E 101 dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-perijodu bejn is-17 ta’ Lulju 2006 u t-22 ta’ Diċembru 2007. Wara t-terminazzjoni tal-kuntratt fit-30 ta’ Novembru 2006, iċ-ċertifikat kien sussegwentement emendat sabiex ikun japplika għall-perijodu mis-17 ta’ Lulju sat-30 ta’ Novembru 2006.
17 It-tieni kuntratt ġie konkluż għall-perijodu bejn l-4 ta’ Jannar 2007 u l-21 ta’ Diċembru 2008. Il-post tax-xogħol kien ġie ddikjarat li huwa l-istess bħal dak stabbilit fl-ewwel kuntratt. Fil-kuntest tiegħu, W. Kita eżerċita l-attività tiegħu fi Franza. B’applikazzjoni tal-istess dispożizzjonijiet bħal dawk tal-ewwel kuntratt, iz-ZUS ħareġ ċertifikat E 101 fir-rigward tiegħu għall-perijodu mill-4 ta’ Jannar 2007 u l-21 ta’ Diċembru 2008. Mit-22 ta’ Awwissu 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007, W. Kita ma setax jaħdem minħabba raġunijiet ta’ mard u dan il-kuntratt intemm fil-5 ta’ April 2008. Konsegwentement, iz-ZUS emenda ċ-ċertifikat E 101 bil-għan li jkopri l-perijodu mill-4 ta’ Jannar sat-22 ta’ Awwissu 2007.
18 B’deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008, indirizzata lil Format u lil W. Kita (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), iz-ZUS, billi bbażat ruħha fuq il-leġiżlazzjoni Pollakka u fuq l-Artikolu 14(1)(a) u 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, irrifjutat li toħroġ ċertifikat E 101 rigward il-leġiżlazzjoni applikabbli għal W. Kita jew li tikkonferma fuq dan iċ-ċertifikat li, matul il-perijodi bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-21 ta’ Diċembru 2008 u bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009, huwa kien jagħmel parti mill-iskema tas-sigurtà soċjali Pollakka. Skont din id-deċiżjoni, W. Kita ma kienx normalment impjegat fit-territorju ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea iżda impjegat ikkollokat skont is-sitwazzjoni tal-persuna li timpjegah.
19 Fl-24 ta’ Lulju 2008, wara li ġiet adottata d-deċiżjoni inkwistjoni, ġie konkluż it-tielet kuntratt għall-perijodu bejn it-30 ta’ Lulju 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2012, li kien jistabbilixxi l-istess post tax-xogħol bħal dak iddikjarat fiż-żewġ kuntratti preċedenti. Madankollu, f’emenda għall-kuntratt tal-24 ta’ Lulju 2008, ġie ppreċiżat li l-post tax-xogħol kien il-power station nukleari f’Olkiluoto fil-Finlandja. Wara li ħadem fil-Finlandja, W. Kita ngħata leave mingħajr ħlas bejn l-1 ta’ Novembru 2008 u t-30 ta’ Settembru 2009. Il-kuntratt tax-xogħol ġie tterminat bi ftehim bejn il-partijiet fis-16 ta’ Marzu 2009.
20 Permezz tas-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, is-Sąd Okręgowy Ubezpieczeń Społecznych w Warszawie (il-qorti reġjonali — il-qorti tas-sigurtà soċjali ta’ Varsavja), ċaħdet ir-rikors ippreżentat minn Format kontra d-deċiżjoni inkwistjoni, billi kkunsidrat li l-kundizzjonijiet ma kinux sodisfatti sabiex jitqies li l-ħaddiem kien kkollokat skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, sa fejn Format ma kinitx twettaq l-attività tagħha prinċipalment fl-Istat li fih hija kellha s-sede tagħha. Din il-qorti sostniet ukoll li W. Kita ma kienx normalment jeżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar, iżda kien jeżerċita l-attività tiegħu permanentement matul diversi xhur jew matul iktar minn għaxar xhur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed (l-ewwel fi Franza, imbagħad fil-Finlandja), u li, konsegwentement, ir-regola ġenerali ta’ koordinament kienet tapplika fir-rigward tiegħu, jiġifieri li l-leġiżlazzjoni applikabbli kienet iddefinita skont il-prinċipju tal-post tal-eżerċizzju tal-attività.
21 Format u W. Kita ppreżentaw appell mis-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009 quddiem il-qorti tar-rinviju.
22 Format sostniet li s-sistema li fil-kuntest tagħha jeżerċitaw l-attività tagħhom l-impjegati tagħha hija dik prevista taħt l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, li ma tirrikjedix neċessarjament li jkun hemm impjieg fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar matul l-istess perijodu, u ma tirreferix għall-perijodi ta’ komputazzjoni kwalunkwe jew għall-frekwenza li biha impjegat ibiddel il-postijiet jew jaqsam il-fruntieri.
23 W. Kita huwa tal-istess fehma bħal Format u fl-appell tiegħu jsostni li s-sitwazzjoni tiegħu hija konformi mal-Artikolu 14(2)(2)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, peress li huwa kien diġà “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” matul ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ Format, jiġifieri, taħt kuntratti li ġew konklużi għat-territorju ta’ sitt Stati Membri, għalkemm twettqu fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri biss (fi Franza u fil-Finlandja). Barra minn hekk, li kieku W. Kita jmur f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Polonja, l-Artikolu 14(2)(b)(i) tal-imsemmi regolament japplika wkoll fir-rigward tiegħu.
24 Il-qorti tar-rinviju tqis li l-kliem “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” inkluż fl-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 ma huwiex ċar.
25 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Warszawie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
‘1. Il-fatt li “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” — li dwarha l-Artikolu 14(2)(b) jiċċara li dan jirrigwarda persuna differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 14(2)(a) — taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament [Nru 1408/71], ifisser li persuna impjegata permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol minn min iħaddem, fejn dan tal-aħħar huwa persuna waħda,
a) hija pparagunata ma’ tali pers[j]una jekk, minħabba n-natura tal-impjieg tagħha, hija impjegata attività f’diversi Stati Membri fl-istess waqt (simultanjament), inkluż għal perijodi relattivament qosra, u għaldaqstant, taqsam il-fruntiera ta’ spiss,
u jfisser ukoll li din il-persuna impjegata
b) huwa pparagunat ma’ tali persuna jekk, fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed ta’ xogħol, jitqies li jwettaq xogħlu b’mod permanenti (normalment) f’diversi Stati Membri, inkluż fl-Istat fejn jirrisjedi jew f’diversi Stati Membri oħrajn li ma humiex l-Istat ta’ residenza tiegħu —
sew jekk indipendentement mit-tul tal-perijodi suċċessivi li fihom iwettaq l-obbligi tiegħu f’kull wieħed mill-Istati Membri u mill-interruzzjonijiet bejniethom, sew jekk b’limitu ratione temporis?
2) Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fil-pożittiv għall-każ ippreżentat fil-punt (b) hawn fuq, huwa possibbli li l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi applikat, meta l-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt ta’ xogħol bejn il-ħaddiem u min iħaddem, fejn dan tal-aħħar huwa persuna waħda, għal xogħol li jrid jitwettaq, b’mod permanenti, f’diversi Stati Membri jinkludi t-twettiq ta’ obbligi fl-Istat ta’ residenza tal-ħaddiem, minkejja li din is-sitwazzjoni — ix-xogħol fl-Istat ta’ residenza — tidher eskluża fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ xogħol u, fil-każ ta’ risposta negattiva, huwa possibbli li jintuża l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71?
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ammissibbiltà
26 Skont il-Gvern Belġjan, hemm inkwistjoni, fil-kawża prinċipali, ħaddiem impjegat li, b’kuntratti suċċessivi, wettaq servizzi fi Stat Membru wieħed biss, jiġifieri fi Franza, u sussegwentement fil-Finlandja. Jekk jiġi aċċettat l-argument li ta lok għad-domandi preliminari dan iwassal sabiex ma ssirx iktar distinzjoni bejn ħaddiem ikkollokat fis-sens tar-Regolament Nru 1408/71 u ħaddiem li normalment jeżerċita attivitajiet fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar fis-sens ta’ dan l-istess regolament. Jekk jitqies, a posteriori, li ħaddiem li kien suġġett għal diversi kollokamenti mill-persuna li timpjegah fir-realtà eżerċita attivitajiet li “jalternaw” f’diversi Stati Membri, dan joħloq ir-riskju li tinbet inċertezza legali kemm għall-ħaddiema u għall-persuni li jimpjegaw ikkonċernati, kif ukoll għall-istituzzjonijiet kompetenti li jintalbu jagħtu l-fehma tagħhom f’dawn is-sitwazzjonijiet. Il-Gvern Belġjan isostni li d-domandi magħmula għandhom jiġu ddikjarati inammissibbli.
27 Dawn l-iżviluppi tal-Gvern Belġjan jikkonċernaw, fir-realtà, mhux l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari, iżda l-mertu tagħha. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jitqies li t-talba għal deċiżjoni hija inammissibbli.
Fuq il-mertu
28 Permezz taż-żewġ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna li, b’kuntratti ta’ xogħol suċċessivi li jindikaw bħala l-post tax-xogħol it-territorju ta’ diversi Stati Membri, fir-realtà, matul kull wieħed minn dawn il-kuntratti, taħdem biss fit-territoju ta’ wieħed minn dawn l-Istati, tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna li normalment teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, u jekk, fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, is-sitwazzjoni ta’ tali persuna taqax taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) jew (ii) ta’ dan l-artikolu.
29 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jagħmel parti minnhom l-Artikolu 14(2) jikkostitwixxu, skont ġurisprudenza stabbilita, sistema kompleta u uniformi ta’ regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħhom huwa li jissuġġettaw lill-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità għal sistema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, b’mod li jiġi evitat li jkunu applikabbli diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali u li jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn dan (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-23 ta’ Settembru 1982, Kuijpers, 276/81, Ġabra p. 3027, punt 10; u tal-10 ta’ Frar 2000, FTS, C-202/97, Ġabra p. I-883, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2000, Plum, C-404/98, Ġabra p. I-9379, punt 18).
30 Għal dan il-għan, l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi l-prinċipju li jipprovdi li ħaddiem impjegat huwa suġġett, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li jaħdem fih (ara sentenza tas-17 ta’ Mejju 1984, Brusse, 101/83, Ġabra p. 2223, punt 15).
31 Dan il-prinċipju huwa madankollu fformolat “[suġġett] għall-Artikoli 14 sa 17”. Fil-fatt, f’ċerti sitwazzjonijiet partikolari, is-sempliċi applikazzjoni tar-regola ġenerali msemmija fl-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament għandha r-riskju mhux li tevita, iżda għal kuntrarju, li toħloq, kemm għall-ħaddiem kif ukoll għall-persuna li timpjega u għall-korpi tas-sigurtà soċjali, kumplikazzjonijiet amministrattivi li l-effett tagħhom jista’ jostakola l-eżerċizzju tal-libertà għall-moviment tal-persuni koperti mill-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Brusse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 16). Regoli speċifiċi għal tali sitwazzjoni huma previsti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71.
32 Mill-proċess jirriżulta li l-qorti tar-rinviju titlaq mill-premessa li l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kollokament temporanju ta’ ħaddiema ma hijiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ W. Kita, minħabba li Format, bħala l-kumpannija li timpjegah, normalment ma twettaqx attivitajiet sinjifikattivi fil-Polonja, l-Istat Membru fejn hija stabbilita, kif tirrikjedi applikazzjoni korretta ta’ din l-aħħar dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-17 ta’ Diċembru 1970, Manpower, 35/70, Ġabra p. 1251, punt 16; FTS, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 45, kif ukoll Plum, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22). Din il-premessa ma ġietx ikkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
33 Barra minn hekk, kif essenzjalment tirrileva l-imsemmija qorti, u kif jirriżulta mill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna li normalment teżerċita attivitajiet bħala persuna impjegata ftit jew wisq simultanjament jew b’mod konkorrenti fit-territorju ta’ iktar minn Stat Membru wieħed taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens ta’ dan l-Artikolu 14(2) (ara, b’analoġija, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 1995, Calle Grenzshop Andresen, C-425/93, Ġabra p. I-269, punt 15).
34 Għalhekk, ma huwiex ikkontestat li tali sitwazzjoni ma tikkorrispondix, fil-fatti, ma’ dik tal-kawża prinċipali, minkejja t-termini tal-kuntratt imsemmija fil-punti 16, 17 u 19 tas-sentenza preżenti.
35 F’dawn il-kundizzjonijiet, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk il-kunċett ta’ “persuna li normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, tkoprix, minbarra l-ħaddiema li jeżerċitaw b’mod konkorrenti attivitajiet bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, dawk li, minn tal-inqas skont it-termini tal-kuntratt ta’ xogħol tagħhom, għandhom jeżerċitaw ix-xogħol tagħhom f’diversi Stati Membri, mingħajr ma dan ix-xogħol ma jkollu jiġi eżerċitat f’diversi Stati Membri simultanjament jew kważi simultanjament.
36 F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju tirrileva li, fir-rigward tal-perijodi suċċessivi ta’ attività eżerċitati fit-territorju ta’ iktar minn Stat Membru wieħed, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma jistabbilixxix limiti temporali.
37 Dwar dan il-punt, il-Kummissjoni Ewropea tqis possibbli, fid-dawl tal-Artikolu 14(1)(a) ta’ dan ir-regolament, li tirrikonoxxi bħala limitu superjuri perijodu ta’ tnax-il xahar. Min-naħa l-oħra, iz-ZUS kif ukoll il-Gvern Ġermaniż essenzjalment isostnu li l-perijodi suċċessivi ta’ attività ma jaqgħux taħt l-Artikolu 14(2) tal-imsemmi regolament ħlief jekk it-tul ta’ kull wieħed minnhom ma jeċċedix xahar. Min-naħa tiegħu, il-Gvern Pollakk jikkunsidra li, fin-nuqqas tal-istabbiliment tal-kriterji li jippermettu li ssir distinzjoni bejn il-każijiet irregolati mill-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 u dawk li fir-rigward tagħhom għandu jiġi applikat l-Artikolu 13(2)(a) ta’ dan ir-regolament, interpretazzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” hija possibbli mill-perspettiva tal-applikazzjoni prattika tal-imsemmi regolament. Skont Format, fi kwalunkwe każ, meta jkun diffiċli li jiġi ddeterminat il-post tal-eżerċizzju tal-attività bħala persuna impjegata inkwistjoni, għandha tingħata preferenza lill-kriterju tal-post ta’ residenza tal-ħaddiem impjegat u dan, b’mod partikolari, sabiex jiġu evitati problemi amministrattivi li jirriżultaw mill-bidliet frekwenti tas-sistema tal-assigurazzjoni soċjali.
38 Madankollu, sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni f’dan ir-rigward.
39 Fil-fatt, fi kwalunkwe każ, kif tenfasizza l-Kummissjoni, sabiex taqa’ taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, persuna għandha “normalment” teżerċita attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jew iktar.
40 Minn dan isegwi li, jekk l-eżerċizzju ta’ attività bħala persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed jikkostitwixxu s-sistema normali tal-persuna kkonċernata, din ma tistax taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 14(2).
41 F’dawn il-kundizzjonijiet, sabiex il-qorti nazzjonali tiġi pprovduta b’risposta utli, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza, fil-kawża prinċipali, tad-diverġenza bejn il-kuntratti tax-xogħol inkwistjoni fil-kawża prinċipali u l-postijiet ta’ eżekuzzjoni tax-xogħol li huma jipprovdu — li abbażi tagħhom Format talbet il-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 — u l-mod li bih l-obbligi taħt dawn il-kuntratti effettivament twettqu fil-kuntest ta’ dawn il-kuntratti.
42 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-istituzzjoni li toħroġ ċertifikat E 101 għandha twettaq applikazzjoni korretta tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli dwar id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli fil-qasam tas-sigurtà soċjali u, għalhekk, li tiggarantixxi l-korrettezza tal-informazzjoni inkluża f’dan iċ-ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza FTS, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, Ġabra p. I-2005, punt 38).
43 Peress li ċ-ċertifikat E 101 huwa, bħala regola ġenerali, maħruġ qabel jibda l-perijodu kopert minnu, l-evalwazzjoni tal-fatti msemmija iktar ’il fuq hija spiss imwettqa f’dan il-waqt, abbażi tas-sitwazzjoni ta’ xogħol antiċipata tal-ħaddiem impjegat ikkonċernat. Huwa għalhekk li d-deskrizzjoni tan-natura tax-xogħol bħal dik li tirriżulta mid-dokumenti kuntrattwali għandha, fil-prattika, importanza partikolari għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni.
44 Minn din il-perspettiva, hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-natura tax-xogħol bħala persuna impjegata kif iddefinita fid-dokumenti kuntrattwali, sabiex jiġi evalwat jekk l-attivitajiet prevedibbli humiex attivitajiet bħala persuna impjegata mqassma, b’mod mhux sempliċement speċifiku, fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, sa fejn, madankollu, it-termini ta’ dawn id-dokumenti jaqblu mal-attivitajiet prevedibbli kkonċernati fil-mument tat-talba taċ-ċertifikat E 101 jew, skont il-każ, ir-realtà tal-attivitajiet eżerċitati qabel jew wara tali talba.
45 Fl-evalwazzjoni tal-fatti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli għall-ħruġ ta’ ċertifikat E 101, l-istituzzjoni kkonċernata tista’, skont il-każ, tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, fatturi bħall-mod li bih il-kuntratti tax-xogħol bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem ikkonċernat kienu ġew implementati fil-prattika preċedentement, jew, b’mod iktar ġenerali, il-karatteristiċi u l-modalitajiet tal-attivitajiet imwettqa mill-impriża kkonċernata, sa fejn dawn il-fatturi jistgħu jilluminaw in-natura attwali tax-xogħol inkwistjoni.
46 Jekk jidher minn fatturi rilevanti għajr dokumenti kuntrattwali, li s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem impjegat hija effettivament differenti minn dik deskritta f’tali dokumenti, l-obbligu msemmi iktar ’il fuq fil-punt 42 tas-sentenza preżenti li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1408/71 b’mod korrett ifisser li l-istituzzjoni kkonċernata, minkejja l-kliem tad-dokumenti kuntrattwali, hija obbligata tibbaża il-konstatazzjonijiet tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiem impjegat u, skont il-każ, li tirrifjuta li toħroġ iċ-ċertifikat E 101.
47 Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li hija l-istituzzjoni li diġà ħarġet ċertifikat E 101 li għandha tikkunsidra mill-ġdid il-fondatezza ta’ dan il-ħruġ u, skont il-każ, tirtira ċ-ċertifikat meta l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li fih il-ħaddiem impjegat iwettaq xogħol ikollha dubji dwar l-eżattezza tal-fatti li jiffurmaw il-bażi ta’ dan iċ-ċertifikat u/jew tal-osservanza tar-rekwiżiti tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71 (ara, b’analoġija, fil-kuntest tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 1408/71, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq FTS, punt 56, kif ukoll Banks et, punt 43).
48 Fil-kuntratti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imsemmija fil-punti 16 u 17 tas-sentenza preżenti, il-post tax-xogħol kien deskritt bħala “operazzjonijiet u siti tal-kostruzzjoni fil-Polonja u fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (l-Irlanda, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġermanja u l-Finlandja), skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega”. Madankollu, kif jirriżulta mill-informazzjoni mhux ikkontestata pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, minn Format u miz-ZUS, fil-kuntest tal-imsemmija kuntratti, W. Kita kien jeżerċita permanentement attività matul diversi snin jew iktar minn għaxar xhur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri, fi Franza. Barra minn hekk, fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol sussegwenti, konkluż mill-ġdid bejn Format u W. Kita għal żmien determinat, dan tal-aħħar kien jaħdem biss fit-territorju Finlandiż. Mill-faxxikolu jirriżulta li, fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn it-tliet kuntratti, meta x-xogħol jispiċċa, W. Kita kien jikseb leave bla ħlas u sussegwentement, bi ftehim komuni, kien jintemm il-kuntratt ikkonċernat.
49 F’tali ċirkustanzi, fid-dawl tal-iżviluppi fil-punti 39 u 40 tas-sentenza preżenti, ma jistax jitqies validament li ħaddiem impjegat f’sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Kita jista’ jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71.
50 Min-naħa l-oħra, f’ċirkustanzi uniformi, il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 jista’ japplika xorta waħda, anki jekk neċessarju, matul il-perijodi ta’ interruzzjoni tal-kuntratti ta’ xogħol, li jirriżultaw mill-Artikolu 13(2)(f).
51 Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tislet il-konsegwenzi mill-punti 49 u 50 tas-sentenza preżenti fil-kuntest tal-kawża prinċipali.
52 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, ir-risposta li għandha tingħata għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna li, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi li jistabbilixxu bħala l-post tax-xogħol it-territorju ta’ diversi Stati Membri, fir-realtà taħdem, matul il-perijodu ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti, fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Fuq l-ispejjeż
53 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuna li, fil-kuntest ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi li jistabbilixxu bħala l-post tax-xogħol it-territorju ta’ diversi Stati Membri, fir-realtà taħdem, matul il-perijodu ta’ kull wieħed minn dawn il-kuntratti, fit-territorju ta’ wieħed minn dawn l-Istati biss ma tistax taqa’ taħt il-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.
Firem
*Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.