Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

MAZÁK

ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2012 (1)

Kawża C-115/11

Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe Spółka z o. o.

vs

Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Apelacyjny — Sąd Pracy i Ubezpieczeń Społecznych w Warszawie (il-Polonja)]

“Sigurtà soċjali tal-ħaddiema migranti — Determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli — Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar — Xogħol imwettaq matul perijodi konsekuttivi u abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol suċċessivi — Ċertifikat E 101 — Diverġenza bejn il-kuntratt ta’ xogħol u x-xogħol imwettaq”






I –    Introduzzjoni

1.        B’digriet tal-15 ta’ Diċembru 2010, li wasal fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-2 ta’ Marzu 2011, is-Sąd Apelacyjny w Warszawie (il-Qorti tal-Appell, Varsavja) (il-Polonja) indirizzat domanda għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għal persuni impjegati, għal persuni li jaħdmu għal rashom u għal membri tal-familji li jiċċaqilqu fil-Komunità, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996 (2), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (3) (iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71” jew ir-“Regolament”).

2.        Ir-rinviju sar fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpannija Format Urządzenia i Montaże Przemysłowe Sp. z o. o. (iktar ’il quddiem “Format”) u l-impjegat Wiesław Kita, minn naħa, u z-Zakład Ubezpieczeń Społecznych I Oddział w Warszawie (Istituzzjoni tas-Sigurtà Soċjali, Uffiċċju 1, Varsavja, iktar ’il quddiem iz-“ZUS”), min-naħa l-oħra, rigward id-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli għal W. Kita skont ir-Regolament Nru 1408/71.

3.        F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk persuna li tinsab fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Kita tistax titqies bħala “[p]ersuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, f’liema każ, bħala eċċezzjoni, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza tal-persuna impjegata — f’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni Polakka — tista’ tkun applikabbli.

II – Il-kuntest ġuridiku

4.        Sa fejn huwa rilevanti għall-finijiet preżenti, l-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat ‘Regoli ġenerali’, jipprovdi kif ġej fir-rigward tad-determinazzjoni tal-leġiżlazzjoni applikabbli:

‘1. Bla ħsara għall-Artikoli 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għandhom ikunu soġġetti għal-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:

(a)      persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ dak l-Istat anke jekk ikun jabita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor jew jekk l-uffiċċju reġistrat inkella post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegah huwa stabbilit fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor;

[...]”

5.        L-Artikolu 14(1) u (2) tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, minbarra l-baħrin, ingaġġati fi mpieg imħallas”, sa fejn huwa rilevanti, jipprovdi kif ġej:

“L-Artikolu 13(2)(a) għandu japplika bla ħsara għall-eċċezzjonijiet jew iċ-ċirkustanzi li ġejjin:

1.(a)      Persuna impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru minn impriża li magħha normalment ikollu x’jaqsam li tkun ippostjata minn dik l-impriża fit-territorju ta’ Stat ieħor biex twettaq xogħol hemm minn dik l-impriża tkompli tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru, basta li t-tul antiċipat ta’ dak ix-xogħol ma jkunx jaqbeż tnax-il xahar u li ma tkunx intbagħtet hemm biex tieħu post persuna oħra li tkun temmet iż-żmien tal-postazzjoni tagħha.

1.(b) Jekk it-tul tax-xogħol li jkollu jsir jaqbeż iż-żmien oriġinarjament antiċipat, minħabba ċirkustanzi imprevedibbli, u jaqbeż tnax-il xahar, il-leġislazzjoni ta’ l-ewwel Stat Membru tkompli tapplika sakemm jintemm it-tali xogħol, basta l-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tagħha tkun intbagħtet il-persuna kkonċernata jew il-korp maħtur minn dik l-awtorità jagħtu l-kunsens tagħhom; it-tali kunsens irid ikun mitlub qabel it-tmiem tal-perjodu tat-tnax-il xahar inizjali. It-tali kunsens, madanakollu, ma jistax jingħata għall-perjodu li jaqbeż it-tnax-il xahar.

2.      Persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar tkun suġġetta għal-leġislazzjoni li tkun determinata kif ġej:

2.(a)      Persuna li tifforma parti minn ‘personnel’ vjaġġanti jew tat-titjir ta’ impriża li, b’kera jew b’għoti jew inkella minn jedda, topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għall-passiġġieri jew għall-merċa bit-tren, fuq it-triq, bl-ajru jew fuq il-kanali u li għandha l-uffiċċju tagħha reġistrat jew post tan-negozju fit-territorju ta’ Stat Membru tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat ta’ l-aħħar, bir-restrizzjonijiet li ġejjin:

[...]

2.(b)      Persuna għajr dik li hemm referenza għaliha f[’](a) tkun soġġetta:

(i)      għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fih tabita, jekk twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju jew jekk hija marbuta ma’ diversi impriżi u diversi persuni li jimpjegawha li għandhom l-uffiċċji reġistrati jew il-postijiet tan-negozju tagħhom fit-territorju ta’ Stati Membri differenti;

(ii)      għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru li fit-territorju tiegħu jinsab l-uffiċċju reġistrat jew post tan-negozju ta’ l-impriża jew ta’ l-individwu li jimpjegaha, jekk ma tabitax fit-territorju ta’ kwalunkwe Stati Membri fejn hija tkun qed twettaq l-attività tagħha”.

III – Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari

6.        Skont id-digriet tar-rinviju, Format, li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha f’Varsavja, hija kumpannija ta’ sub-appalti fil-qasam tal-kostruzzjoni li topera f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Fl-2008, Format kienet involuta f’madwar 15 sa 18-il proġett ta’ kostruzzjoni li kienu qegħdin jitwettqu simultanjament f’ħames jew f’sitt Stati Membri. Il-modus operandi ta’ Format kien li timpjega persunal fil-Polonja, iżda li tikkollokahom għal proġetti ta’ kostruzzjoni kurrenti f’diversi Stati Membri, skont il-ħtiġijiet tal-kumpannija u n-natura tax-xogħol li kellu jitwettaq.

7.        Impjegat li kellu jiġi kkollokat għal sit ta’ kostruzzjoni ieħor kien jingħata istruzzjonijiet sabiex imur hemmhekk. Meta kuntratt ta’ kostruzzjoni kien jintemm u ma kienx ikun hemm xogħol għal dan l-impjegat, dan kien imur lura l-Polonja u jistenna d-disponibbiltà ta’ xogħol, u matul dan iż-żmien kien jew jingħata leave bla ħlas jew kien jiġi tterminat il-kuntratt tax-xogħol tiegħu. Dan kien jiddependi fuq il-kwantità ta’ xogħol, li naqas fis-snin 2008 u 2009 (is-snin tal-kriżi). Fil-prinċipju, l-impjegat kellu jaħdem fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. L-ebda wieħed mill-impjegati ta’ Format ma wettaq xogħol fil-Polonja fis-snin 2008 u 2009.

8.        B’mod iktar speċifiku, sa fejn huwa kkonċernat W. Kita, ir-residenza tiegħu fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71 (ir-residenza abitwali tiegħu) hija, skont il-qorti ta’ rinviju, il-Polonja.

9.        Fi tliet okkażjonijiet, W. Kita ġie impjegat full-time minn Format abbażi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat.

10.      L-ewwel kuntratt għal żmien determinat ġie konkluż għall-perijodu bejn is-17 ta’ Lulju 2006 u l-31 ta’ Jannar 2007 u kien estiż sat-22 ta’ Diċembru 2007. Dan il-kuntratt intemm fit-30 ta’ Novembru 2006. Fil-klawżola 2(2), il-post tax-xogħol kien iddikjarat li huwa: operazzjonijiet u siti tal-kostruzzjoni fil-Polonja u fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (l-Irlanda, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġermanja u l-Finlandja), skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega. Madankollu, abbażi ta’ dan il-kuntratt, W. Kita ħadem biss fi Franza.

11.      Iz-ZUS, bħala l-istituzzjoni kompetenti fil-qasam tal-pensjonijiet, ħarġet — għall-perijodu bejn is-17 ta’ Lulju 2006 u t-22 ta’ Diċembru 2007 — ċertifikat E 101 kif previst fl-Artikolu 11a tar-Regolament (KEE) Nru 574/72 (4) li jikkonferma li, abbażi tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlazzjoni Pollakka kienet il-leġiżlazzjoni applikabbli għal W. Kita. Wara t-terminazzjoni tal-kuntratt, iċ-ċertifikat kien sussegwentement emendat sabiex ikun japplika sat-30 ta’ Novembru 2006.

12.      It-tieni kuntratt ta’ xogħol għal żmien determinat ġie konkluż bejn Format u W. Kita fit-2 ta’ Jannar 2007 għall-perijodu bejn l-4 ta’ Jannar 2007 u l-21 ta’ Diċembru 2008. Fil-klawżola 2(2) ta’ dan il-kuntratt, il-post tax-xogħol kien ġie ddikjarat li kien fil-Polonja u fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (l-Irlanda, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġermanja u l-Finlandja), skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega.

13.      Skont dan il-kuntratt, W. Kita kien jaħdem barra l-Polonja, fi Franza. Il-kuntratt kien itterminat bi ftehim bejn il-partijiet tal-5 ta’ April 2008 iżda, mit-22 ta’ Awwissu 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2007, W. Kita ma setax jaħdem minħabba mard. Konsegwentement, fit-8 ta’ Jannar 2008, iz-ZUS emendat iċ-ċertifikat E 101 maħruġ fir-rigward tal-perijodu kopert b’dan il-kuntratt sabiex ikun japplika sat-22 ta’ Awwissu 2007.

14.      B’deċiżjoni tat-23 ta’ Lulju 2008 (iktar ’il quddiem id-“id-deċiżjoni kkontestata”) indirizzata lil Format u lil W. Kita, iz-ZUS — li kienet qiegħda taġixxi abbażi tal-liġi Pollakka u tal-Artikolu 14(1)(a) u 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 — irrifjutat li toħroġ ċertifikat E 101 rigward il-leġiżlazzjoni applikabbli għal W. Kita jew li tikkonferma fuq dan iċ-ċertifikat li, matul il-perijodi bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-21 ta’ Diċembru 2008 u bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2009, huwa kien jagħmel parti mill-iskema tas-sigurtà soċjali Pollakka. Skont din id-deċiżjoni, W. Kita ma kienx normalment impjegat fit-territorju ta’ diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea jew taż-Żona Ekonomika Ewropea iżda impjegat ikkollokat skont is-sitwazzjoni tal-persuna li timpjegah.

15.      Fl-24 ta’ Lulju 2008, wara li ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata, ġie konkluż it-tielet kuntratt għal żmien determinat bejn Format u W. Kita. Dan il-kuntratt kien għall-perijodu bejn it-30 ta’ Lulju 2008 u l-31 ta’ Diċembru 2012, u l-post tax-xogħol kien iddikjarat li huwa l-istess bħal dak indikat fiż-żewġ kuntratti preċedenti. Madankollu, f’emenda għall-kuntratt tal-24 ta’ Lulju 2008, iddaħħlet dispożizzjoni li l-post tax-xogħol fil-Finlandja kellu jkun il-power station nukleari f’Olkiluoto. Wara li ħadem fil-Finlandja, W. Kita ngħata leave mingħajr ħlas bejn l-1 ta’ Novembru 2008 u t-30 ta’ Settembru 2009 u b’hekk inħeles minn kull obbligu li jwettaq xogħol bi ħlas. Il-kuntratt tax-xogħol ġie tterminat bi ftehim bejn il-partijiet fis-16 ta’ Marzu 2009.

16.      Format ikkontestat id-deċiżjoni kkontestata quddiem is-Sąd Okręgowy — Sąd Ubezpieczeń Społecznych w Warszawie (il-qorti reġjonali — il-qorti tas-sigurtà soċjali ta’ Varsavja), li ċaħdet ir-rikors b’sentenza tat-12 ta’ Frar 2009 abbażi tal-fatt li l-kundizzjonijiet sabiex wieħed jassumi li W. Kita kien ġie kkollokat skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 ma kinux ġew sodisfatti għaliex Format ma kinitx qed twettaq l-attività tagħha prinċipalment fl-Istat li fih hija kellha l-uffiċċju rreġistrat tagħha. Is-Sąd Okręgowy ikkonstatat ukoll li W. Kita ma kienx “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” iżda pjuttost li, fuq perijodu ta’ diversi xhur jew għal iktar minn 10 xhur, huwa kien ħadem permanentement fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed (l-ewwel fi Franza mbagħad fil-Finlandja), li kien ifisser li fir-rigward tas-sitwazzjoni tiegħu kienet tapplika regola ġenerali ta’ koordinament, li skontha l-leġiżlazzjoni li kellha tapplika kienet stabbilita b’riferiment għall-prinċipju tal-post fejn jitwettaq ix-xogħol.

17.      Kemm Format kif ukoll W. Kita appellaw quddiem il-qorti tar-rinviju kontra s-sentenza tas-Sąd Okręgowy.

18.      Fil-proċeduri quddiem il-qorti tar-rinviju, Format sostniet li s-sistema li fil-kuntest tagħha jaħdmu l-impjegati hija dik prevista fl-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, li ma tirrikjedix li jkun hemm impjieg fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar matul l-istess perijodu, bħalma ma tagħmilx riferiment għal perijodi ta’ komputazzjoni kwalunkwe jew għall-frekwenza li biha impjegat ibiddel il-postijiet jew jaqsam il-fruntieri.

19.      W. Kita jressaq l-istess argument billi jsostni fl-appell tiegħu li l-applikazzjoni tar-regola stabbilita fl-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 hija xierqa fis-sitwazzjoni tiegħu peress li huwa kien diġà “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” matul ir-relazzjoni ta’ xogħol tiegħu ma’ Format, jiġifieri, abbażi ta’ kuntratti li ġew konklużi għat-territorju ta’ sitt Stati Membri, għalkemm sa issa twettqu fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri biss (Franza u l-Finlandja). Barra minn hekk, li kieku kellu jmur f’sit ta’ kostruzzjoni fil-Polonja, l-Artikolu 14(2)(b)(i) ukoll ikun applikabbli.

20.      Il-qorti tar-rinviju tistqarr fid-digriet tar-rinviju li, f’każ ieħor li jikkonċerna impjegat li jaħdem għal Format, is-Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema) iddeċidiet li l-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” fis-sens tal-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 ma kienx għal kollox ċar. Dan it-terminu jista’ jfisser jew (i) impjegat li, skont kuntratt ta’ xogħol wieħed, iwettaq xogħlu f’diversi Stati Membri fl-istess ħin (simultanjament) jew (ii) persuna li taħdem f’diversi Stati Membri matul perijodi ta’ żmien suċċessivi abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol konkluż mal-istess persuna li timpjega. Madankollu, fid-dawl tal-għanijiet tar-Regolament, u b’mod partikolari, sabiex jingħelbu d-diffikultajiet amministrattivi jew tekniċi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-prinċipju lex loci laboris fil-każ ta’ xogħol għal żmien determinat u sabiex jiġi promoss il-moviment liberu ta’ ħaddiema, ikun raġonevoli, fil-fehma ta’ din il-qorti, li persuna titqies li hija “normalment impjegata” fit-territorju ta’ diversi Stati Membri għall-finijiet tal-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament fil-każ fejn, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg waħda, din il-persuna hija obbligata permanentement (normalment) li twettaq xogħol f’diversi Stati Membri għajr f’dak li fih tkun tirrisjedi.

21.      Skont il-qorti tar-rinviju, din l-interpretazzjoni tqajjem żewġ kwistjonijiet. L-ewwel nett, ma huwiex ċar jekk it-tul tal-perijodi konsekuttivi li matulhom jitwettqu obbligi fl-Istati Membri individwali u tal-intervalli bejn dawn il-perijodi huwiex fattur sinjifikanti. Sabiex tingħata risposta f’dan ir-rigward, il-kliem tal-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, li jistabbilixxi limitu ta’ żmien ta’ 12-il xahar fir-rigward tal-kollokament temporanju ta’ impjegati, ma jistax jiġi eskluż.

22.      It-tieni nett, tqum il-domanda dwar jekk l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 japplikax meta abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol, obbligu għal twettiq ta’ xogħol f’diversi Stati Membri fuq bażi permanenti jinkludi t-twettiq ta’ obbligi fl-Istat Membru tar-residenza fejn it-twettiq tax-xogħol f’dan l-Istat partikolari madankollu jidher li ġie eskluż fiż-żmien meta l-kuntratt kien ġie konkluż. F’każ li t-tweġiba tkun fin-negattiv, tqum il-kwistjoni l-oħra dwar jekk l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament huwiex applikabbli.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Apelacyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

‘1.      [I]l-fatt li “[p]ersuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar[”] — li dwarha l-Artikolu 14(2)(b) jiċċara li dan jirrigwarda persuna differenti minn dik imsemmija fl-Artikolu 14(2)(a) — taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-Siġurtà Soċjali għall-persuni impjegati, għall-persu[n]i li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, ifisser li persuna impjegata permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol minn min iħaddem, fejn dan tal-aħħar huwa persuna waħda,

(a)      hija pparagunata ma’ tali pers[j]una jekk, minħabba n-natura tal-impjieg tagħha, hija impjegata attività f’diversi Stati Membri fl-istess waqt (simultanjament), inkluż għal perijodi relattivament qosra, u għaldaqstant, taqsam il-fruntiera ta’ spiss,

u jfisser ukoll li din il-persuna impjegata

(b)      huwa pparagunat ma’ tali persuna jekk, fil-kuntest ta’ kuntratt wieħed ta’ xogħol, jitqies li jwettaq xogħlu b’mod permanenti (normalment) f’diversi Stati Membri, inkluż fl-Istat fejn jirrisjedi jew f’diversi Stati Membri oħrajn li ma humiex l-Istat ta’ residenza tiegħu — sew jekk indipendentement mit-tul tal-perijodi suċċessivi li fihom iwettaq l-obbligi tiegħu f’kull wieħed mill-Istati Membri u mill-interruzzjonijiet bejniethom, sew jekk b’limitu ratione temporis?

2.      [J]ekk il-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fil-pożittiv għall-każ ippreżentat fil-punt (b) hawn fuq, huwa possibbli li l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 jiġi applikat, meta l-obbligu li jirriżulta mill-kuntratt ta’ xogħol bejn il-ħaddiem u min iħaddem, fejn dan tal-aħħar huwa persuna waħda, għal xogħol li jrid jitwettaq, b’mod permanenti, f’diversi Stati Membri jinkludi t-twettiq ta’ obbligi fl-Istat ta’ residenza tal-ħaddiem, minkejja li din is-sitwazzjoni — ix-xogħol fl-Istat ta’ residenza — tidher eskluża fil-mument tal-iffirmar tal-kuntratt ta’ xogħol u, fil-każ ta’ risposta negattiva, huwa possibbli li jintuża l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru°1408/71?

IV – Analiżi legali

A –    Rimarki preliminari

24.      Qabel ma nibda l-analiżi, jidhirli li għandi nagħmel ċerti kummenti preliminari sabiex jiġu identifikati l-kwistjonijiet li jirriżultaw mid-domandi preliminari.

25.      Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu kkunsidrati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tiżgura jekk, matul il-perijodi inkwistjoni fil-kawża quddiemha, W. Kita kellux jitqies — skont applikazzjoni korretta tar-Regolament Nru 1408/71 u, b’mod partikolari, tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14 tiegħu — li huwa suġġett għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali Polakka, jiġifieri, il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru fejn huwa jirrisjedi, li jkun ifisser li z-ZUS, bħala l-istituzzjoni kompetenti, kellha toħroġ ċertifikat E 101 li jikkonferma l-affiljazzjoni ma’ dik is-sistema ta’ sigurtà soċjali.

26.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li mid-digriet tar-rinviju jidher li l-qorti ta’ rinviju titlaq mill-premessa li l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71 dwar il-kollokament temporanju ta’ ħaddiema ma huwiex applikabbli għas-sitwazzjoni ta’ W. Kita, fuq il-bażi — apparentement — li Format, bħala l-kumpannija li timpjegah, normalment ma twettaqx attivitajiet sinjifikattivi fil-Polonja, l-Istat Membru fejn hija stabbilita, kif meħtieġ minn din id-dispożizzjoni (5).

27.      Jiena miniex ser inqiegħed f’dubju din l-evalwazzjoni għall-finijiet tal-proċeduri preżenti, peress li waqt is-smigħ ġie kkonfermat ukoll li, matul il-perijodi ta’ żmien rilevanti, Format fil-fatt ma wettqet ebda xogħol ta’ kostruzzjoni fil-Polonja.

28.      Għalhekk, il-qorti nazzjonali tillimita ruħha fid-domandi tagħha li tistaqsi, essenzjalment, jekk sitwazzjoni bħal dik ta’ W. Kita taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b)(i) jew tal-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, filwaqt li, skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) ta’ dan ir-regolament, l-applikazzjoni ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet hija suġġetta għas-sitwazzjoni ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar”.

29.      Sussegwentement għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li l-fatti tal-każ preżenti huma kkaratterizzati — kif osservaw b’mod korrett uħud mill-partijiet fil-proċeduri preżenti u, b’mod partikolari, kif inhu rifless fil-kliem tat-tieni domanda — minn diverġenza bejn, minn naħa, il-kliem tal-kuntratti tax-xogħol rispettivi konklużi bejn Format u W. Kita u, min-naħa l-oħra, il-mod li bih dawn il-kuntratti kienu implementati fil-prattika, li wassal ukoll għal ċertu grad ta’ ambigwità fid-domandi li saru mill-qorti nazzjonali.

30.      Għalhekk, fil-kuntratti tax-xogħol, il-post tal-impjieg kien, f’kull każ, deskritt bħala li huwa: operazzjonijiet u siti ta’ kostruzzjoni fil-Polonja u fit-territorju tal-Unjoni Ewropea (l-Irlanda, Franza, il-Gran Brittanja, il-Ġermanja, il-Finlandja) skont l-istruzzjonijiet tal-persuna li timpjega.

31.      Fir-realtà, madankollu, mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti nazzjonali u l-partijiet, is-sitwazzjoni ta’ W. Kita kienet tali li, kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat kienu konklużi mal-istess kumpannija li timpjega (Format), u li abbażi ta’ kull wieħed minnhom l-impjegat permanentement wettaq xogħol fuq perijodu ta’ diversi xhur jew ta’ iktar minn 10 xhur fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed, jiġifieri, abbażi tal-ewwel kuntratt inkwistjoni — bħal fil-każ ta’ kuntratti għal żmien determinat preċedenti — fi Franza u, taħt il-kuntratt sussegwenti, fil-Finlandja. Għandu jingħad ukoll li, skont il-konstatazzjonijiet tal-qorti nazzjonali, minkejja li wettaq xogħlijiet fi Franza u fil-Finlandja, ir-residenza abitwali ta’ W. Kita fis-sens tal-Artikolu 1(h) tar-Regolament Nru 1408/71 baqgħet il-Polonja.

32.      Jidher ukoll li, f’kull każ, mat-terminazzjoni tax-xogħol, l-impjegat kien ingħata leave bla ħlas u l-kuntratt tax-xogħol tiegħu ġie sussegwentement itterminat qabel iż-żmien bi ftehim bejn il-partijiet. Barra minn hekk, jidher li huwa paċifiku u li hija wkoll preżunzjoni sottostanti tat-tieni domanda li, taħt dawn il-kuntratti, W. Kita fil-fatt ma wettaq ebda xogħol fit-territorju tal-Polonja, l-Istat Membru ta’ residenza tiegħu.

33.      Fil-fehma tiegħi, għalhekk huwa neċessarju, sabiex il-qorti nazzjonali tiġi pprovduta b’risposta xierqa u utli, li ssir distinzjoni kunċettwali bejn, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ interpretazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tal-Artikolu 14(2)(b)(i) u l-Artikolu 14(2)(b)(ii), rispettivament, tar-Regolament Nru 1408/71 u, it-tieni nett, l-aspett ta’ diverġenza, fil-każ inkwistjoni, bejn il-kuntratti tax-xogħol u l-postijiet ta’ impjieg “previsti” hemmhekk — li abbażi tagħhom Format talbet ċertifikat E 101 — u l-mod li bih l-obbligi taħt dawn il-kuntratti effettivament twettqu fil-prattika.

34.      Għalhekk, jiena issa ser niddiskuti, fir-rigward tas-sitwazzjoni attwali ta’ W. Kita kif deskritta iktar ’il fuq, ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet imsemmija tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 u mbagħad ser nindirizza l-kwistjoni tad-diverġenza bejn it-termini tal-kuntratti kkonċernat u t-twettiq attwali tagħhom. Dan l-aħħar aspett essenzjalment jikkonċerna l-kwistjoni dwar kif — jew, pjuttost, fuq liema bażi fattwali u probatorja — l-awtorità kompetenti għandha, għall-iskopijiet ta’ ħruġ ta’ ċertifikat E 101, tistabbilixxi jekk ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet taħt l-Artikolu 14(2) tar-Regolament humiex sodisfatti f’każ partikolari.

B –    L-osservazzjonijiet ewlenin tal-partijiet

35.      Fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Format u miz-ZUS, kif ukoll mill-Gvernijiet tal-Polonja, tal-Belġju u tal-Ġermanja, u mill-Kummissjoni. L-istess partijiet, minbarra l-Gvern tal-Ġermanja, ġew irrappreżentanti wkoll waqt is-seduta li nżammet fid-29 ta’ Frar 2012.

36.      Format issostni li l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri wkoll persuna li, fil-kuntest tal-istess relazzjoni ta’ xogħol, hija obbligata twettaq ix-xogħol tagħha b’mod permanenti f’diversi Stati Membri, irrispettivament mit-tul tal-perijodi konsekuttivi li matulhom jitwettqu obbligi fl-Istati Membri kkonċernati u t-tul tal-intervalli bejn dawn il-perijodi, u tipproponi, essenzjalment, li d-domandi rrinvjati għandhom jingħataw risposta fl-affermattiv. Il-partijiet l-oħra — li s-sottomissjonijiet rispettivi tagħhom bl-istess mod jiena ma nagħmilx sommarju tagħhom fid-dettall — jissuġġerixxu varjetà ta’ definizzjonijiet tal-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” kif użat f’din id-dispożizzjoni, b’ħafna minnhom jargumentaw favur interpretazzjoni iktar restrittiva tal-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament minn kif ġie argumentat minn Format.

C –    Evalwazzjoni

37.      Għandu jitfakkar mill-bidu li d-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li l-Artikolu 14(2) jifforma parti minnu, jikkostitwixxu, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sistema kompluta u uniformi tar-regoli ta’ kunflitt tal-liġijiet li l-għan tagħha huwa li jiġi żgurat li ħaddiema li jiċċaqalqu fil-Komunità jkunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed, sabiex jiġi evitat li tkun applikabbli l-leġiżlazzjoni ta’ iktar minn Stat Membru wieħed u jiġu evitati l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minn tali applikazzjoni. Dan il-prinċipju huwa, b’mod iktar speċifiku, espress fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament Nru 1408/71, li jipprovdi li ħaddiem li għalih tapplika din il-leġiżlazzjoni għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed biss (6).

38.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 jistabbilixxi eċċezzjonijiet għar-regola stabbilita fl-Artikolu 13(2)(a) tiegħu, li tipprovdi li ħaddiem għandu jkun suġġett għal-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu huwa impjegat (il-prinċipju lex loci laboris) (7).

39.      Kif jirriżulta b’mod ċar mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, dawn l-eċċezzjonijiet jikkonċernaw persuni li huma “normalment impjegati fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar”.

40.      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, li japplika għal tali persuni (minbarra membri tal-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir ta’ impriża fis-sens tal-Artikolu 14(2)(a)) jipprovdi, l-ewwel nett, taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i), li l-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru ta’ residenza għandha tapplika jekk il-persuna kkonċernata twettaq l-attività tagħha parzjalment fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru (8).

41.      Madankollu, għandu jiġi osservat f’dan ir-rigward — kif ġie enfasizzat mill-Gvern Belġjan — li s-sitwazzjoni ta’ W. Kita ma tidhirx li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet sa fejn jidher li huwa stabbilit li, matul il-perijodu ta’ żmien rilevanti, huwa ma wettaq ebda attività fit-territorju tal-Polonja, l-Istat Membru ta’ residenza. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi — iżda bla ħsara għad-determinazzjoni finali ta’ din il-kwistjoni mill-qorti nazzjonali u għall-valur li għandu jiġi attribwit f’dan il-kuntest lill-kliem tal-kuntratt tax-xogħol, kif isir riferiment iktar ’l isfel — diġà għandu jiġi eskluż, fuq dik il-bażi biss, li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 huwa applikabbli għaċ-ċirkustanzi tal-każ preżenti.

42.      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament jipprovdi li persuna għandha tkun suġġetta għal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu hija stabbilita l-impriża li timpjegah jekk huwa ma jkunx residenti fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri fejn ikun qiegħed iwettaq l-attività tiegħu.

43.      Minkejja li, skont l-informazzjoni pprovvduta fl-ordni ta’ rinviju, W. Kita jidher li jissodisfa din l-aħħar kundizzjoni, l-applikabbiltà għas-sitwazzjoni tiegħu tal-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71 tiddependi — bħal fil-każ tal-Artikolu 14(2)(b)(i) — fuq jekk huwa jistax jitqies bħala “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar”.

44.      Huwa veru li r-Regolament ma jipprovdi ebda definizzjoni oħra ta’ dan il-kunċett, iżda tal-inqas jista’ jingħad b’mod ġenerali, l-ewwel nett, li dan ifisser impjieg li ma huwiex ikkonfinat għat-territorju tal-istess Stat Membru, iżda jestendi normalment u abitwalment — jiġifieri, bħala regola pjuttost milli sempliċement bħala eċċezzjoni jew b’mod temporanju — għat-territorju ta’ diversi Stati Membri (9).

45.      Numru ta’ eżempji ta’ dan it-tip ta’ impjieg kopert mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) huma pprovduti mir-Regolament innifsu u mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.

46.      Għalhekk, kif isegwi mill-Artikolu 14(2)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, membri tal-persunal tal-ivvjaġġar jew tat-titjir ta’ impriża li topera servizzi ta’ trasport internazzjonali għandhom, fil-prinċipju, jitqiesu bħala persuni normalment impjegati fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar.

47.      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat, pereżempju, li l-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament Nru 1408/71 ikopri s-sitwazzjoni ta’ ħaddiem, li jirrisjedi fi Stat Membru wieħed u li jkun impjegat esklużivament minn impriża li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, li matul ir-relazzjoni ta’ impjieg, iwettaq regolarment — għal diversi sigħat kull ġimgħa u għal perijodu mhux limitat għal 12-il xahar — ix-xogħlu fl-ewwel Stat Membru (10).

48.      Dawn il-każijiet jirreferu għal sitwazzjonijiet fejn, bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ xogħol, persuna twettaq xogħol bejn wieħed u ieħor b’mod simultanju jew fl-istess ħin f’diversi — jiġifieri minn tal-inqas, f’żewġ — Stati Membri.

49.      Fil-fehma tiegħi, madankollu, huwa possibbli wkoll li l-kunċett ta’ impjieg normalment eżerċitat fit-territorju ta’ diversi Stati Membri jkopri sitwazzjoni bħal dik li jsir riferiment għaliha mill-qorti nazzjonali, li hija kkaratterizzata mit-twettiq suċċessiv jew f’intervalli ta’ assenjazzjonijiet ta’ xogħol jew ta’ proġetti f’iktar minn Stat Membru wieħed.

50.      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-għan tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71 — bħal fil-każ ta’ eċċezzjonijiet oħra għar-regola tal-Istat tal-impjieg, previsti fl-Artikoli 14 sa 17 tar-Regolament — huwa li jingħelbu l-ostakoli li jistgħu jfixklu l-libertà tal-moviment tal-ħaddiema u jinkoraġġixxu l-interpenetrazzjoni ekonomika filwaqt li jiġu evitati kumplikazzjonijiet amministrattivi, b’mod partikolari għal ħaddiema u impriżi (11).

51.      Ostakoli u kumplikazzjonijiet bħal dawn jistgħu jqumu wkoll evidentement fil-każ ta’ ħaddiem li l-impjieg tiegħu ma huwiex eżerċitat fis-sens tat-tifsira deskritta iktar ’il fuq, u li jestendu simultanjament għat-territorju ta’ diversi Stati Membri, iżda li jikkonsistu f’assenjamenti ta’ xogħol imwettqa fi Stati Membri differenti matul perijodi suċċessivi jew alternattivi.

52.      F’dan il-kuntest u fuq l-istess tema, jista’ jissemma bħala eżempju — għalkemm jikkonċerna r-Regolament il-ġdid (KE) Nru 883/2004, (12) li ma huwiex applikabbli ratione temporis għall-każ preżenti — li, taħt l-Artikolu 14(5) tar-Regolament (KE) Nru 987/2009, (13) persuna li “normalment twettaq attività bħala persuna impjegata f’żewġ Stati Membri jew aktar” tirreferi kemm għal persuna li tagħmel dan simultanjament kif ukoll għal persuna li, fl-eżerċizzju tal-attività tagħha, talterna kontinwament bejn żewġ Stati Membri jew iktar.

53.      Għandu jiġi nnutat f’dan ir-rigward li, skont din id-dispożizzjoni, l-aħħar każ japplika irrispettivament mill-frekwenza jew mir-regolarità tal-alternazzjoni.

54.      Jidher ukoll li huwa diffiċli li tiġi dedotta mill-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni f’dan is-sens, frekwenza speċifika ta’ alternazzjoni, jew tul speċifiku li ma jistax jeċċedi perijodu ta’ attività f’wieħed mill-Istati Membri kkonċernati, għall-finijiet tal-applikabbiltà ta’ din id-dispożizzjoni, kif ġie propost b’mod partikolari minn diversi partijiet waqt is-smigħ.

55.      Barra minn hekk, kif osservaw il-qorti ta’ rinviju u l-Kummissjoni, ma jistax jiġi eskluż il-fatt li, għall-finijiet tal-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament Nru 1408/71, il-leġiżlatura qieset b’mod manifest il-kollokament ta’ ħaddiem fi Stati Membri oħra għal perijodu ta’ mhux iktar minn 12-il xahar bħala “temporanju”’ u ta’ “perijodu qasir” li jiġġustifika għalhekk eċċezzjoni għar-regola tal-Istat Membru tal-impjieg, immotivata bl-inkoraġġiment tal-interpenetrazzjoni ekonomika u l-evitar ta’ kumplikazzjonijiet amministrattivi (14).

56.      Bl-istess mod, forsi huwa aċċettabbli li persuna li — matul perijodi ta’ xogħol suċċessivi — twettaq attivitajiet fi Stati Membri differenti tista’ tikkwalifika bħala “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar” jekk il-perijodu ta’ xogħol kontinwu fi Stat Membru wieħed jilħaq — iżda ma jeċċedix — it-12-il xahar.

57.      Madankollu, imbagħad hemm aspett ieħor, li wkoll ġie indirizzat minn uħud mill-partijiet, li fil-fehma tiegħi huwa iktar deċiżiv fir-rigward tal-fatti li fuqhom huwa bbażat il-każ preżenti. Jista’ jingħad li l-kwistjoni dwar jekk individwu huwiex “normalment” impjegat fit-territorju ta’ diversi Stati Membri, jiġifieri, jekk il-profil tax-xogħol ta’ din il-persuna huwiex tabilħaqq ikkaratterizzat mit-twettiq suċċessiv ta’ xogħol u li jalterna fi Stati Membri differenti, jista’ jiġi stabbilit biss fir-rigward ta’ qafas ta’ riferiment li, fil-fehma tiegħi, huwa r-relazzjoni ta’ xogħol kif iddefinita fil-kuntratt tax-xogħol.

58.      Fil-fehma tiegħi, is-sitwazzjoni ta’ impjieg prevista fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71 ma hijiex is-sitwazzjoni, pereżempju, fejn, f’sena partikolari, persuna tibda taħdem fi Stat Membru A u, fis-sena ta’ wara, abbażi ta’ kuntratt ta’ xogħol differenti, tibda taħdem fi Stat Membru B, iżda pjuttost relazzjoni ta’ xogħol ta’ natura konsistenti u kontinwa li testendi, jew simultanjament jew matul perijodi suċċessivi, fit-territorju ta’ diversi Stati Membri (15).

59.      Huwa għalhekk ċar li, kuntrarjament, jekk persuna twettaq xogħol taħt kuntratt ta’ xogħol wieħed u matul il-perijodu kopert b’din ir-relazzjoni ta’ xogħol, taħdem biss fi Stat Membru wieħed, din il-persuna ma tistax titqies bħala persuna li hija normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew iktar. Għandu jingħad ukoll li dan għandu japplika anki fejn, taħt kuntratt ta’ xogħol separat mal-istess persuna li timpjega, il-persuna tista’ tkun impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru differenti mill-Istat imsemmi fl-ewwel kuntratt ta’ xogħol (16).

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jiena nipproponi li, bħala l-ewwel parti tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti ta’ rinviju, għandu jiġi ddikjarat li l-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar”, kif fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll persuna li, matul il-perijodu kopert bi u fi ħdan il-qafas tal-istess kuntratt tax-xogħol konkluż mal-istess persuna li timpjega, twettaq l-istess assenjamenti ta’ xogħol mhux simultanjament jew fl-istess ħin, iżda matul perijodi suċċessivi fit-territorju ta’ minn tal-inqas żewġ Stati Membri, għalkemm il-perijodu ta’ xogħol kontinwu f’kull Stat Membru ma għandux jeċċedi t-tnax-il xahar.

61.      Fir-rigward, sussegwentement, tal-kwistjoni — marbuta mal-ħruġ taċ-ċertifikat E 101 — tal-possibbiltà ta’ diverġenza bejn it-termini tal-kuntratt tax-xogħol ikkonċernat u s-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiem li miegħu huwa relatat dan il-kuntratt, huwa ċar, qabelxejn, li meta jiġi stabbilit jekk persuna hijiex koperta b’dispożizzjoni partikolari tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament Nru 1408/71, l-istituzzjoni kompetenti għandha tipproċedi b’mod korrett, jiġifieri, din tista’ tiddikjara li l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali tal-Istat Membru ta’ residenza tibqa’ applikabbli matul perijodu partikolari f’każ biss li s-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat tissodisfa, attwalment u b’mod ġenwin, ir-rekwiżiti rilevanti tar-Regolament.

62.      F’dan ir-rigward u għal dan l-iskop, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-prinċipju tal-kooperazzjoni leali, stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE (li qabel kien l-Artikolu 10 KE), jirrikjedi li l-awtorità li toħroġ iċ-ċertifikat twettaq evalwazzjoni xierqa tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni tar-regoli li jistabbilixxu l-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali applikabbli u, konsegwentement, tiggarantixxi l-korrettezza tal-informazzjoni mniżżla f’ċertifikat E 101 (17).

63.      F’dan ir-rigward, għandu madankollu jitfakkar li ċ-ċertifikat E 101 huwa, bħala regola, maħruġ — u, konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-fatti msemmija iktar ’il fuq issir — qabel jibda l-perijodu li huwa jsemmi u jistabbilixxi, essenzjalment, preżunzjoni dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli (18). Dan għalhekk jinħareġ mill-istituzzjoni kompetenti abbażi tas-sitwazzjoni tax-xogħol antiċipata tal-ħaddiem ikkonċernat, li konsegwentement għandha tiġi stabbilita prinċipalment abbażi tal-kuntratt tax-xogħol li jiddeskrivi n-natura tal-impjieg.

64.      Madankollu, jekk jidher minn fatturi rilevanti oħra u minn evidenza fattwali li s-sitwazzjoni tal-impjieg ta’ ħaddiem fil-fatt hija sostanzjalment differenti minn dik deskritta fil-kuntratt tax-xogħol tiegħu, l-obbligu msemmi iktar ’il fuq li jiġi applikat ir-Regolament Nru 1408/71 b’mod korrett ifisser li l-istituzzjoni kompetenti, minkejja l-kliem ta’ dan il-kuntratt, hija obbligata tibbaża il-konstatazzjonijiet tagħha dwar is-sitwazzjoni attwali tal-ħaddiem u, skont il-każ, li tirrifjuta li toħroġ iċ-ċertifikat E 101. Barra minn hekk, jekk iktar tard jirriżulta li l-fatti li fuqhom huwa bbażat iċ-ċertifikat kienu sostanzjalment skorretti, l-istituzzjoni kompetenti — jew, fi proċeduri ġudizzjarji, il-qorti rilevanti — tista’ tkun rikjesta, jekk ikun xieraq, tirtira ċ-ċertifikat jew tiddikjarah invalidu (19).

65.      Fl-evalwazzjoni tal-fatti fir-rigward tad-determinazzjoni tal-applikabbiltà tal-leġiżlazzjoni tas-sigurtà soċjali għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat E 101, l-istituzzjoni li toħroġ iċ-ċertifikat tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-kliem tal-kuntratt tax-xogħol, fatturi bħall-mod li bih kuntratti simili ta’ dan it-tip bejn il-persuna li timpjega u l-ħaddiem ikkonċernat kienu ġew implementati fil-prattika preċedentement, jew, b’mod iktar ġenerali, il-karatteristiċi tal-attivitajiet imwettqa mill-impriża kkonċernata (20), sa fejn dawn il-fatturi jistgħu jilluminaw in-natura attwali tax-xogħol ikkonċernat, jew, altrimenti, ikunu indikattivi ta’ prattiċi abbużivi.

66.      Isegwi wkoll li, jekk ikun jidher, abbażi ta’ din l-evalwazzjoni li, minkejja l-kliem tal-kuntratt tax-xogħol ippreżentat, ikun immedjatament ċar li l-impjegat ikkonċernat jonqos milli jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti tal-applikazzjoni ta’ dispożizzjoni partikolari tar-Regolament Nru 1408/71 — bħalma huwa r-rekwiżit li tirreferi għalih il-qorti nazzjonali fit-tieni domanda, — li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b)(i) tar-Regolament, ix-xogħol għandu jitwettaq fl-Istat Membru fejn ikun jirrisjedi l-impjegat — din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi applikata.

67.      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, jiena nipproponi li, bħala t-tieni parti tar-risposta li għandha tingħata lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi ddikjarat li, sabiex jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat E 101, jekk sitwazzjoni ta’ persuna taqax taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) jew l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, bil-għan li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat fil-fatt tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti taħt dawn ir-regoli. Din l-evalwazzjoni għandha ssir, prinċipalment, abbażi tal-kuntratt tax-xogħol, iżda jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra bħall-mod li bih kuntratti simili bejn l-impriża u l-persuna kkonċernata kienu ġew implementati qabel fil-prattika u, b’mod iktar ġenerali, il-karatteristiċi tal-attivitajiet tal-impriża kkonċernata. Jekk imbagħad ikun jidher ċar li, minkejja l-kliem tal-kuntratt tax-xogħol, is-sitwazzjoni ta’ persuna fil-fatt ma tissodisfax rekwiżit taħt ir-regola stabbilita fir-Regolament Nru 1408/71 — bħar-regola taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) jew l-Artikolu 14(2)(b)(ii) — din ir-regola ma tistax tiġi applikata.

V –    Konklużjoni

68.      Għal dawn il-motivi, nipproponi li tingħata risposta għad-domandi magħmula mis-Sąd Apelacyjny kif ġej:

–        Il-kunċett ta’ “persuna normalment impjegata fit-territorju ta’ żewġ Stati Membri jew aktar”, kif użat fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familji li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni li tirriżulta mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97 tat-2 ta’ Diċembru 1996, kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (“Regolament Nru 1408/71”), għandu jiġi interpretat fis-sens li jkopri wkoll persuna li, matul il-perijodu kopert bi u fi ħdan il-qafas tal-istess kuntratt tax-xogħol konkluż mal-istess persuna li timpjega, twettaq l-istess assenjamenti ta’ xogħol mhux simultanjament jew fl-istess ħin, iżda matul perijodi suċċessivi fit-territorju ta’ minn tal-inqas żewġ Stati Membri, għalkemm il-perijodu ta’ xogħol kontinwu f’kull Stat Membru ma għandux jeċċedi t-tnax-il xahar;

–        sabiex jiġi stabbilit, għall-finijiet tal-ħruġ ta’ ċertifikat E 101, jekk sitwazzjoni ta’ persuna taqax taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) jew l-Artikolu 14(2)(b)(ii) tar-Regolament Nru 1408/71, għandha ssir evalwazzjoni xierqa tal-fatti rilevanti għall-applikazzjoni ta’ dawn ir-regoli, bil-għan li jiġi żgurat li s-sitwazzjoni tal-ħaddiem ikkonċernat fil-fatt tissodisfa r-rekwiżiti rilevanti taħt dawn ir-regoli. Din l-evalwazzjoni għandha ssir, prinċipalment, abbażi tal-kuntratt tax-xogħol, iżda jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fatturi rilevanti oħra bħall-mod li bih kuntratti simili bejn l-impriża u l-persuna kkonċernata kienu ġew implementati qabel fil-prattika u, b’mod iktar ġenerali, il-karatterisitiċi tal-attivitajiet tal-impriża kkonċernata. Jekk imbagħad ikun jidher ċar li, minkejja l-kliem tal-kuntratt tax-xogħol, is-sitwazzjoni tal-persuna fil-fatt ma tissodisfax rekwiżit taħt ir-regola stabbilita fir-Regolament Nru 1408/71 — bħar-regola taħt l-Artikolu 14(2)(b)(i) jew l-Artikolu 14(2)(b)(ii) — din ir-regola ma tistax tiġi applikata.


1—      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2 — ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3


3 —      ĠU 2006 L 392, p. 1.


4 —      Regolament tal-Kunsill, tal-21 ta’ Marzu 1972, li jistipula l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 1408/71 dwar l-applikazzjoni ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali għal persuni impjegati u l-familji tagħhom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 83), fil-verżjoni applikabbli meta ġraw il-fatti.


5 —      Ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari s-sentenza tal-10 ta’ Frar 2000, FTS (C-202/97, Ġabra p. I-883, punt 45).


6 — Ara, inter alia, sentenzi tal-20 ta’ Mejju 2008, Bosmann, C-352/06, Ġabra I-3827, FTS, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 20; tas-16 ta’ Frar 1995, Calle Grenzshop Andresen, C-425/93, Ġabra I-269, punt 9; u tat-13 ta’ Marzu 1997, Huijbrechts, C-131/95, Ġabra I-1409, punt 17; u tal-11 ta’ Ġunju 1998, Kuusijärvi, C-275/96, Ġabra p. I-3419, punt 28).


7 —      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tad-9 ta’ Novembru 2000, Plum, C-404/98, Ġabra p. I-9379, punti 14 u 15).


8 —      It-tieni każ ikkontemplat minn din id-dispożizzjoni — kollokament ma’ diversi impriżi jew diversi persuni li jimpjegaw — ma huwiex rilevanti fil-każ preżenti.


9 —      Għandu jiġi osservat li, fil-kuntest tal-interpretazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 1408/71, bħal, b’mod partikolari, l-Artikolu 14(a)(1) u l-Artikolu 14(1)(a), il-Qorti tal-Ġustizzja pparagunat “normalment” ma’ “temporanjament” jew qieset “normalment” sinonima ma’ “abitwalment”: ara pereżempju s-sentenzi Plum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 20 u 21; FTS, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 22 u 23; u tat-30 ta’ Marzu 2000, Banks et, C-178/97, Ġabra I-2005, punt 25.


10 — Ara s-sentenza Calle Grenzshop Andresen, iċċitata iktar ’il fuq fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punt 15.


11 —      Ara, f’dan is-sens, inter alia, is-sentenzi Plum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 19 u 20; FTS, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 28 u 29; u tas-17 ta’ Diċembru 1970, Manpower, 35/70, Ġabra 1251, punt 10.


12 —      Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).


13 —      Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU 2009 L 284, p. 1).


14 —      Ara f’dan is-sens, inter alia, Plum, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 7, punti 19 u 20; ara wkoll Calle Grenzshop Andresen, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 6, punti 9 sa 11.


15 —      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 1973, Hakenberg, 13/73, Ġabra 935, punt 19.


16 —      Kif ġie rilevat b’mod korrett mill-Gvern Belġjan f’dan is-sens, li r-relazzjonijiet kuntrattwali suċċessivi u separati bħal dawk inkwistjoni fil-kawża ineżami, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 14(2)(b) tar-Regolament Nru 1408/71, jitqiesu li huma relazzjoni ta’ impjieg waħda u kontinwa, ikun fil-fatt jimplika li jiġi stabbilit a posteriori li r-relazzjoni ta’ impjieg talterna u tinbidel suċċessivament, li tabilħaqq ikun jidher artifiċjali u li jista’ jwassal għal abbuż u ksur tal-leġiżlazzjoni.


17 —      Ara s-sentenzi Banks et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 38, u FTS, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 38.


18 —      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Banks et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punti 40 u 53.


19—      Ara sentenzi FTS, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punt 55, u Banks et, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 9, punt 43.


20 —      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza FTS, iċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 5, punti 42 u 43.