SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
27 ta’ Settembru 2012 ( *1 )
“Sigurtà soċjali għall-ħaddiema migranti — Regolament (KEE) Nru 1408/71 — Artikoli 13 u 14c — Leġiżlazzjoni applikabbli — Persuni li jaħdmu għal rashom — Skema ta’ sigurtà soċjali — Reġistrazzjoni — Persuna li hija impjegata jew li ma teżerċita ebda attività fi Stat Membru — Impjieg ta’ persuna li taħdem għal rasha fi Stat Membru ieħor — Mandatarju tal-kumpannija — Residenza fi Stat Membru li ma huwiex dak tas-sede tal-kumpannija — Ġestjoni tal-kumpannija mill-Istat ta’ residenza — Regola nazzjonali li tistabbilixxi preżunzjoni inkonfutabbli tal-eżerċizzju ta’ attività professjonali bħala persuna li taħdem għal rasha fl-Istat Membru tas-sede tal-kumpannija — Reġistrazzjoni obbligatorja għall-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom ta’ dan l-Istat”
Fil-Kawża C-137/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-cour du travail de Brussell (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Marzu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura
Partena ASBL
vs
Les Tartes de Chaumont-Gistoux SA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, K. Schiemann, L. Bay Larsen (Relatur), C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ Marzu 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal Partena ASBL, minn M. Lauwers, avukat, |
— |
għal Les Tartes de Chaumont-Gistoux SA, minn A. Moyaerts u É. Piret, avukati, |
— |
għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u J.-C. Halleux, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u G. Rozet, bħala aġenti, |
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ Ġunju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikoli 13 u 14c tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati [, għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 35), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 308, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), kif ukoll l-Artikolu 21 TFUE. |
2 |
Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Partena ASBL (iktar ’il quddiem “Partena”), l-uffiċċju tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom u Les Tartes de Chaumont-Gistoux SA, (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux SA”) dwar somom mitluba lilha minn Partena għall-irkupru rappreżentanti kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u ta’ soprataxxi għall-perijodu mill-ewwel kwart tal-1999 sar-raba’ kwart tal-2007. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-tmien sal-ħdax-il premessi tar-Regolament Nru 1408/71 jipprovdu: “Billi l-persuni impjegati u dawk impjegati għal rashom li qegħdin jiċċaqilqu fil-Komunità għandhom ikunu suġġetti għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss biex ikun evitat t-taħwid fil-leġislazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jirriżultaw minħabba f’hekk; Billi l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġislazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri bħala eċċezzjoni għar-regola ġenerali għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fl-iskop; Billi minħabba l-garanzija ta’ l-ugwaljanza fit-trattament tal-ħaddiema kollha okkupati fit-territorju ta’ l-Istat Membru jkun effettiv kemm jista’ jkun, huwa sewwa li tkun determinata bħala l-leġislazzjoni applikabbli, bħala regola ġenerali, dik ta’ l-Istat Membru li fih il-persuna kkonċernata tfittex impjieg jew impjieg għal rasha; Billi f’ċerti sitwazzjonijiet li jiġġustifikaw kriterja [kriterji] oħra ta’ applikabbiltà, huwa possibbli li tidderoga mir-regola ġenerali;” |
4 |
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1408/71, intitolat “Regoli ġenerali”, jipprovdi: 1. “Bla ħsara għall-Artikolu 14ċ u 14f, persuni li għalihom japplika dan ir-Regolament għanhom ikunu soġġetti għall-liġijiet ta’ Stat Membru wieħed biss. Dawk il-liġijiet għandhom jiġu stabbiliti skond id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu. 2. Suġġetti għall-Artikoli 14 sa 17:
[...]” |
5 |
Il-punt 2 tal-Artikolu 14a tal-istess regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni, barra dawk li jaħdmu fuq il-baħar, li jaħdmu għal rashom” huwa fformulat kif ġej: “L-Artikolu 13(2)(b) jkun japplika suġġett għall-eċċezzjonijiet u ċirkustanzi segwenti: [...] 2) Persuna normalment impjegata għal rasha fit-territorju ta’ tnejn jew iktar Stati Membri tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tabita kemm-il darba hija twettaq xi parti mill-attività tagħha fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Jekk ma twettaqx xi attività fit-territorju ta’ l-Istat Membru li fih tabita, hija tkun suġġetta għal-leġislazzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu twettaq l-attività tagħha prinċipali [...]” |
6 |
L-Artikolu 14c tal-imsemmi regolament, intitolat “Regoli speċjali applikabbli għall-persuni li huma simultanjament impjegati fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u jaħdmu għal rashom fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor” jipprovdi: “Persuna li hija simultanjament impjegata fit-territorju ta’ Stat Membru wieħed u taħdem għal rasha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tkun suġġetta:
|
7 |
L-Anness VII tar-Regolament Nru 1408/71 jelenka 18-il ipoteżi ta’ applikazzjoni kumulattiva tal-leġiżlazzjonijiet ta’ żewġ Stati Membri, jiġifieri sitwazzjonijiet li fihom persuna, minn naħa, taħdem għal rasha fit-territorju ta’ wieħed mis-17-il Stat Membru msemmija fl-Anness u, min-naħa l-oħra, persuna impjegata fi Stat Membru ieħor. |
8 |
Huwa jipprovdi f’punt 1: “Fejn din tkun taħdem għal rasha fil-Belġju u mpjegata bi qliegħ fi kwalunkwe Stat Membru ieħor.” |
Id-dritt Belġjan
9 |
Skont id-dritt Belġjan, il-kopertura mill-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom hija regolata bid-Digriet Irjali Nru 38, tas-27 ta’ Lulju 1967, dwar l-applikazzjoni tal-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom (Moniteur belge tad-29 ta’ Lulju 1967), li kien emendat, b’mod partikolari, bid-Digriet Irjali tat-18 ta’ Novembru 1996 dwar dispożizzjonijiet finanzjarji u oħrajn dwar l-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, skont it-Titolu VI tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 dwar il-modernizzazzjoni tas-sistema tas-sigurtà soċjali u li tiżgura l-vijabbiltà tal-iskemi legali tal-pensjoni u l-Artikolu 3 tal-Liġi tas-26 ta’ Lulju 1996 li tiżgura l-kundizzjonijiet baġitarji għall-parteċipazzjoni Belġjana fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (Monitor belge, 12 ta’ Diċembru 1996, iktar ’il quddiem id-“Digriet Irjali Nru 38”). |
10 |
L-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38, inkluż fil-Kapitolu 1 intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni” jipprovdi li: “Skont dan id-digriet persuna li taħdem għal rasha hija kull persuna fiżika li terżerċita fil-Belġju attività professjonali li għaliha ma hijiex marbuta b’kuntratt ta’ xogħol jew b’numru ta’ termini jew kundizzjonijiet standard.. Huwa preżunt, sakemm ma tinġiebx prova kuntrarja, li tkun suġġetta għall-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu preċedenti, kull persuna li twettaq attività professjonali fil-Belġju li tista’ tipproduċi income imsemmi f’[ċerti dispożizzjonijiet tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul 1992]. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, attività professjonali hija kkunsidrata li saret permezz ta’ kuntratt ta’ xogħol meta b’applikazzjoni ta’ waħda mill-iskemi ta’ sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, il-persuna kkonċernata tkun preżunta li tkunu impenjat, taħt dan il-kap, f’rabtiet ta’ kuntratt ta’ xogħol. [...] il-persuni maħtura bħala mandatarji ta’ kumpannija jew ta’ assoċjazzjoni li huma suġġetta għat-taxxa Belġjana tal-kumpanniji jew it-taxxa Belġjana għal dawk mhux residenti għandhom ikunu preżunti, b’mod inkonfutabbli, li jerżerċitaw fil-Belġju attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom.” |
11 |
Skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 15(1) tal-imsemmi Digriet Irjali, kumpannija hija responsabbli, in solidum mal-mandatarji tagħha, għall-ħlas tal-kontribuzzjonijiet meta dawn tal-aħħar huma taxxabbli. |
12 |
Permezz tas-sentenza 176/2004, tat-3 ta’ Novembru 2004, il-Qorti tal-Arbitraġġ, li saret sussegwentement il-Qorti Kostituzzjonali, iddikjarat li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 huwa antikostituzzjonali fir-rigward b’mod partikolari tal-mandatarji ta’ kumpanniji suġġetti għat-taxxa Belġjana tal-kumpanniji jew it-taxxa Belġjana għal dawk li ma humiex residenti u li ma jiġġestixxux il-kumpannija intiża mid-dispożizzjoni inkwistjoni minn pajjiż barrani. Hija ddeċidiet li, fir-rigward ta’ dawn il-mandatarji, il-preżunzjoni kienet, sa fejn kienet inkonfutabbli, ġenerali u assoluta b’hekk sproporzjonata fir-rigward ta’ dawn il-persuni, peress li dan jipprekludi mandatarju li jkun ittermina l-attività tiegħu, li jistabbilixxi tali terminazzjoni għajr b’riżenja u jtemm l-obbligi tiegħu li jirriżultaw mill-issuġġettar tiegħu għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ persuna li taħdem għal rasu. |
13 |
Madankollu, hija ma kkunsidratx ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 bħala antikostituzzjonali sa fejn jinvolvu l-mandatarji li jiġġestixxu kumpanniji barra mill-pajjiż li jkollhom is-sede tagħhom fil-Belġju. Hija kkunsidrat li n-natura inkonfutabbli tal-preżunzjoni istitwita setgħet titqies neċessarja sabiex tiżgura li dawn il-mandatarji jkunu suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, peress li l-awtorità nazzjonali ma kellhiex, fir-rigward ta’ dawn il-persuni, l-informazzjoni u s-setgħat li kellha fir-rigward tal-mandatarji li jiġġestixxu tali kumpanniji fil-Belġju. |
14 |
Mis-sentenza tal-Qorti tal-Arbitraġġ jirriżulta li, attwalment, taħt id-dritt Belġjan, il-preżunzjoni tibqa’ inkonfutabbli għall-persuni li jiġġestixxu minn barra l-pajjiż, kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Belġju, b’tali mod li, irrispettivament mill-eżerċizzju effettiv ta’ tali attività, huma suġġetti fil-Belġju għall-iskema ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
15 |
Il-kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux ġiet stabbilita fis-17 ta’ April 1993. |
16 |
Peress li għandha s-sede fil-Belġju, din il-kumpannija hija suġġetta għat-taxxa Belġjana fuq il-kumpanniji. |
17 |
Fid-data tal-laqgħa ġenerali tat-12 ta’ Ottubru 1995, O. Rombouts u M. Van Acker kellhom nofs il-kapital tal-kumpannija kull wieħed. Fil-laqgħat ġenerali tas-7 ta’ Ġunju 2000 u tas-7 ta’ Ġunju 2006 ġeddew it-termini tal-mandat tagħhom bħala diretturi. |
18 |
O. Rombouts ilu residenti fil-Portugall sa mill-aħħar tal-1999. |
19 |
Huwa kien impjegat hemmhekk jew kien jirċievi l-benefiċċju tal-qgħad hemmhekk, minn Jannar 2001 sa Lulju 2005. |
20 |
Il-qorti tar-rinviju indikat li O. Rombouts kien jaħdem għal rasu minn Novembru 2007, iżda żżid li l-kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux ssostni li din l-attività kienet bdiet f’Novembru 2005. |
21 |
Fit-28 ta’ Mejju 2008, Partena nnotifika lil O. Rombouts u lill-kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux b’ordni għall-ħlas ta’ EUR 125 696.50 bħala kontribuzzjonijiet, żidiet trimestrali u annwali dovuti minn O. Rombouts għall-perijodu mill-ewwel kwart tal-1999 sar-raba’ kwart tal-2007. |
22 |
Permezz ta’ ċitazzjoni tal-5 ta’ Awwissu 2008, il-kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux oġġezzjonat għal din l-ordni quddiem it-Tribunal du travail de Nivelles. |
23 |
Filwaqt li ddeċieda dwar din l-oppożizzjoni, it-tribunal du travail de Nivelles iddikjara l-oppożizzjoni ammissibbli b’sentenza tal-14 ta’ Settembru 2009 u ddikjaraha fondata bis-sentenza tiegħu tal-14 ta’ Diċembru 2009. |
24 |
Fid-29 ta’ Jannar 2010, Partena ppreżenta appell minn dawn is-sentenzi. |
25 |
Matul il-proċedura, huwa ppreċiża li, minħabba l-istatus ta’ impjegat ta’ O. Rombouts fil-Portugall mill-1 ta’ Jannar 2001, dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jibqa’ suġġett għall-iskema Belġjana tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom, għajr b’mod kumplimentari. Għalhekk naqqset l-ammont mitlub għas-somma ta’ EUR 68 137.61 prinċipalment, bl-interessi miżjuda, minflok is-somma ta’ EUR 125 696.50. |
26 |
Il-kumpannija Les Tartes de Chaumont-Gistoux ikkontestat, f’dak li jirrigwardaha, kwalunkwe ssuġġettar ta’ O. Rombouts għall-iskema tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati fil-Belġju. Hija sostniet li r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38, fis-sens li għandha l-effett tal-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni Belġjana, imur kontra d-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, kontra l-Artikolu 18 KE. |
27 |
F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour du travail de Bruxelles iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
|
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda
Fuq il-ġurisdizzjoni
28 |
Il-Gvern Belġjan jikkunsidra li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex twieġeb l-ewwel domanda sa fejn din timplika li l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha tinterpreta r-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1), tad-Digriet Irjali 38 jew teżamina l-kompatibbiltà tagħha mal-Artikolu 14c tar-Regolament Nru 1408/7. |
29 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li minn kif inhi fformulata l-ewwel domanda, din tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, f’din il-kawża l-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71, u mhux l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali jew ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-Unjoni. |
30 |
Skont ġurisprudenza stabbilita (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-27 ta’ Jannar 2011, Vandoorne, C-489/09, Ġabra p. I-225, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni li tipprovdi lill-qorti nazzjonali bl-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jippermettulha li hija stess tevalwa l-kompatibbiltà ta’ dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha. |
31 |
Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għaldaqstant ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-ewwel domanda. |
Fuq l-ammissibbiltà
32 |
Il-Gvern Belġjan isostni li l-ewwel domanda hija inammissibbli peress li hija irrilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża prinċipali li tingħata interpretazzjoni tal-Artikolu 14c(b) tar-Regolament Nru 1408/71. |
33 |
Fil-fatt, ma hemmx lok li tiġi applikata l-preżunzjoni inkonfutabbli skont ir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 għall-issuġġettar ta’ O. Rombouts għall-iskema Belġjana tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom. |
34 |
Din il-preżunzjoni hija intiża li tissuġġetta lill-mandatarji li jiġġestixxu kumpanniji minn barra l-pajjiż li għandhom is-sede tagħhom fil-Belġju, li ma jiddikjaraw ebda dħul bħala diretturi tal-impriża f’dan l-Istat Membru u li jinvokaw l-eżerċizzju mingħajr ħlas tal-mandat tagħhom bl-għan li jeskludu l-eżistenza tal-kundizzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali, li għaliha huwa sottomess l-issuġġettar. |
35 |
Issa, skont il-Gvern Belġjan matul il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali, O. Rombouts kien suġġett għat-taxxa Belġjana bħala persuna mhux residenti minħabba l-attività tiegħu bħala mandatarju tal-kumpannija skont bħala direttur tagħha, bl applikazzjoni magħquda ta’ Artikoli 2(1)(a), 227(1) u 228(1) tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul tal-1992 kif ukoll tal-Artikolu 16 tat-Trattat bejn il-Belġju u l-Portugall, sabiex tiġi evitata tassazzjoni doppja, iffirmat fi Brussell fis-16 ta’ Lulju 1969 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 787, p. 4), kif emendata permezz ta’ ftehim supplimentari ffirmat fi Brussell fis-6 ta’ Marzu 1995 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 2155, p. 76), daħal fis-seħħ fil-5 ta’ April 2001. |
36 |
Il-Gvern Belġjan iżid li O. Rombouts qatt ma kkontesta dan l-issuġġettar u li l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali li jagħmlu s-suġġett tal-kawża prinċipali ġew ikkalkolati fuq il-bażi tad-dħul ta’ direttur ta’ impriża kkunsidrat mill-awtoritajiet tat-taxxa. |
37 |
Konsegwentement, la O. Rombouts u lanqas il-kumpannija Les Tartes de Chaumont Gistoux ma setgħu jinvokaw l-eżerċizzju mingħajr ħlas tal-mandat sabiex tiġi kkontestata l-eżistenza tal-kundizzjoni għall-eżerċizzju ta’ attività professjonali. |
38 |
F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, il-Gvern Belġjan spjega li l-preżunzjoni stabbilita fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38 jipprevedi b’mod inkonfutabbli l-issuġġettar tal-mandatarji tal-kumpanniji għall-iskema Belġjana ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal-rashom, “ukoll” meta ma jkunux iddikjaraw l-ebda dħul minn dan il-mandat. |
39 |
Dan jimplika li, skont il-Gvern Belġjan stess, din il-preżunzjoni tapplika wkoll għall-mandatarji ta’ kumpanniji bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huma suġġetti għat-taxxa fil-Belġju ta’ persuni mhux residenti minħabba l-attività tagħhom ta’ mandatarju tal-kumpannija. |
40 |
L-ewwel domanda ma hijiex għaldaqstant nieqsa mir-relevanza sa fejn tirrigwarda l-Artikolu 14c(b) tar-Regolament Nru 1408/71. |
41 |
Hija, konsegwentement, ammissibbli. |
Fuq il-mertu
42 |
Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li l-qorti tar-rinviju llimitat il-kawża, li tibqa’ tieħu konjizzjoni tagħha, għall-perijodi li matulhom il-mandatarju tal-kumpannija inkwistjoni kien residenti fil-Portugall u fejn hemmhekk kien impjegat jew inkella ma jeżerċitax ebda attività oħra. Hija tqis li, għal tali perijodi, ir-Regolament Nru 1408/71 u l-Anness VII tiegħu ma jidhirx li jeskludi ssuġġettar għall-iskema Belġjana tas-sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tillimita l-kunsiderazzjoni tagħha unikament għal din is-sitwazzjoni. |
43 |
F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 13(2)(b) u 14c(b) tar-Regolament Nru 1408/71, kif ukoll l-Anness VII tiegħu, jipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali li, bħar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Digriet Irjali Nru 38, tippermetti lil Stat Membru li jikkunsidra, b’mod inkonfutabbli, bħala eżerċitata fit-territorju tiegħu attività ta’ ġestjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa f’dan l-ewwel Stat. |
44 |
Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju b’hekk tistaqsi, sa fejn Stat Membru jista’, għall-finijiet ta’ ssuġġettar għall-iskema tiegħu tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, jiddefinixxi l-post tat-twettiq tal-attività tal-ħaddiema kkonċernati. |
45 |
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tar-Regolament Nru 1408/71, li jiddeterminaw il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema li jiċċaqilqu ġewwa l-Unjoni Ewropea huma intiżi b’mod partikolari sabiex il-persuni kkonċernati jkunu, bħala prinċipju, suġġetti għall-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed biss, b’mod li jiġu evitati l-akkumulazzjoni ta’ leġiżlazzjonijiet nazzjonali applikabbli u l-kumplikazzjonijiet li jistgħu jirriżultaw minħabba f’hekk. Dan il-prinċipju jinsab stabbilit b’mod partikolari fl-Artikolu 13(1) ta’ dan ir-regolament (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-12 ta’ Ġunju 2012, Hudzinski u Wawrzyniak, C-611/10 u C-612/10, punt 41). |
46 |
Għandu jitfakkar ukoll li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1408/71 għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 48 TFUE, li huwa li jikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-libertà tal-moviment għall-ħaddiema migranti b’mod l-iktar sħiħ possibbli (ara s-sentenza Hudzinski u Wawrzyniak, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53). |
47 |
It-tmien premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tenfasizza li l-persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom ikkonċernati għandhom jiġu ssuġġettati għall-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ Stat Membru wieħed. Id-disa’ premessa tal-istess regolament iżżid li l-okkażjonijiet li fihom persuna tkun suġġetta simultanjament għal-leġiżlazzjoni ta’ żewġ Stati Membri, bħala deroga għar-regola ġenerali, għandhom ikunu limitati kemm jista’ jkun fin-numru u fil-portata. |
48 |
Skont l-għaxar premessa tal-imsemmi regolament, il-kriterju adegwat sabiex tiġi ddeterminata l-leġiżlazzjoni applikabbli hija, bħala regola ġenerali, il-post fejn tiġi eżerċitata l-attività bħala ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu. Il-ħdax-il premessa tar-Regolament Nru 1408/71 tipprovdi li, derogi għal din ir-regola huma ġġustifikati biss f’ċerti sitwazzjonijiet speċifiċi li jiġġustifikaw kriterju ieħor ta’ rabta. |
49 |
Għalhekk jirriżulta mill-istruttura u mis-sistema tar-Regolament Nru 1408/71 li l-kriterju tal-“post tal-eżerċizzju” tal-attività bħala persuna impjegata jew li taħdem għal rasha kkonċernata huwa l-kriterju prinċipali għall-finijiet tal-għażla tal-leġiżlazzjoni waħdanija applikabbli u dan il-kriterju ma għandux jiġi dderogat ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi, permezz ta’ kriterji ta’ rabta sussidjarji bħalma huma dawk tal-Istat ta’ residenza tal-ħaddiem, tal-Istat tas-sede tal-kumpannija li timpjegah jew ukoll tal-post ta’ fergħa jew rappreżentanza permanenti tagħha, jew tal-post tal-attività prinċipali tal-ħaddiem prevista fl-Artikoli 14(2) u (3), kif ukoll tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 14, tal-punti 2 u 3 tal-Artikolu 14a, kif ukoll l-Artikolu 14c(a) fl-aħħar tar-Regolament Nru 1408/71. |
50 |
Fir-rigward tal-kunċetti ta’ “persuna impjegata” u “persuna li taħdem għal rasha” fis-sens tal-Artikolu 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71, dawn ikunu attivitajiet li huma kkunsidrati bħala tali għall-finijiet ta’ leġiżlazzjoni soċjali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu dawn l-attivitajiet jiġu eżerċitati (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Jannar 1997, de Jaeck, C-340/94, Ġabra p. I-461, punt 34, kif ukoll Hervein u Hervillier, C-221/95, Ġabra p. I-609, punt 22). |
51 |
Dawn il-kunċetti jaqgħu għalhekk, fir-rigward tal-kontenut tagħhom, taħt il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri li fit-territorju tagħhom l-attivitajiet tal-persuni impjegati jew tal-persuni li jaħdmu għal rashom jiġu eżerċitati. |
52 |
Għalhekk, għall-finijiet tal-Artikoli 13 et seq. tar-Regolament Nru 1408/71, id-determinazzjoni tal-post tal-eżerċizzju tal-attività professjoni tal-ħaddiem, kif jirriżulta mill-għaxar premessa ta’ dan ir-regolament, jikkundizzjona bħala mod ġenerali l-leġiżlazzjoni applikabbli li tippreċedi l-kategorizzazzjoni tal-attività bħala attività ta’ ħaddiem impjegat jew li jaħdem għal rasu. |
53 |
Madankollu, kuntrarjament għall-kunċetti ta’ “ħaddiem impjegat” u “ħaddiem li jaħdem għal rasu”, il-kunċett ta’ “post tal-eżerċizzju” tal-attività għandu jiġi kkunsidrat li jaqa’ mhux taħt il-liġijiet tal-Istati Membri, iżda taħt id-dritt tal-Unjoni u, konsegwentement, taħt l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja. |
54 |
Fil-fatt, jekk dan il-kunċett jirrigwarda wkoll il-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri, huwa l-kriterju li jikkostitwixxi jkun jista’ jkun is-suġġett ta’ definizzjonijiet jew ta’ interpretazzjonijiet kontradittorji mill-Istati Membri inkwistjoni u jwassal, għal persuna speċifika, għall-applikazzjoni kumulattiva ta’ diversi leġiżlazzjonijiet għall-istess attività. Issa, tali pluralità tista’ ġġiegħel lill-persuna kkonċernata tħallas kontribuzzjoni doppja tas-sigurtà soċjali għall-istess dħul u għaldaqstant tippenalizza lill-ħaddiem li jkun eżerċita d-dritt tiegħu għall-moviment liberu kif stabbilit bid-dritt tal-Unjoni, u dan b’hekk ikun, manifestament kuntrarju għall-għanijiet tar-Regolament Nru 1408/71. |
55 |
Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet rigward l-Artikolu 14d(2) tal-imsemmi regolament, dan jobbliga lill-Istati Membri li jittrattaw b’mod mhux diskriminatorju lill-ħaddiema suġġetti għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14c(b) ta’ dan l-istess regolament meta mqabbla ma’ ħaddiema li jeżerċitaw l-attivitajiet kollha tagħhom fi Stat Membru wieħed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Marzu 2006, Piatkowski, C-493/04, Ġabra p. I-2369, punt 27). |
56 |
Għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “post tal-eżerċizzju” bħala kunċett tad-dritt tal-Unjoni, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-determinazzjoni tat-tifsira u tal-portata ta’ termini li għalihom id-dritt tal-Unjoni ma jipprovdi l-ebda definizzjoni għandhom jiġu ddeterminati skont it-tifsira tagħhom abitwali fil-lingwa ta’ kuljum, filwaqt li għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih huma użati u l-għanijiet mixtieqa mil-leġiżlazzjoni li jiffurmaw parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-10 ta’ Marzu 2005, easyCar, C-336/03, Ġabra p. I-1947, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
57 |
F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “post tal-eżerċizzju” ta’ attività għandu jinftiehem, skont it-tifsira oriġinali tat-termini użati, bħala li jirreferu għall-post fejn, konkretament, il-persuna kkonċernata twettaq l-atti marbuta ma’ din l-attività. |
58 |
Issa, meta jiġi jippreżumu li l-persuni maħtura bħala mandatarji ta’ kumpannija jew assoċjazzjoni suġġetti għat-taxxa Belġjana tal-kumpannija jew għat-taxxa Belġjana għall-persuni mhux residenti huma kkunsidrati b’mod inkonfutabbli, bħala li jeżerċitaw, fil-Belġju, l-attività professjonali bħala persuni li jaħdmu għal rashom, id-dispożizzjonijiet nazzjonali inkwistjoni jistgħu jwasslu għal definizzjoni tal-post tal-eżerċizzju tal-attività li ma tikkorrispondix għal dik li tirriżulta mill-punt preċedenti ta’ din is-sentenza u b’hekk tmur kontra d-dritt tal-Unjoni. |
59 |
Filwaqt li huwa minnu li d-dritt tal-Unjoni ma jippreġudikax il-kompetenza tal-Istati Membri li jorganizzaw l-iskemi tagħhom ta’ sigurtà soċjali u li hija, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, il-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina l-kundizzjonijiet tad-dritt jew l-obbligu ta’ reġistrazzjoni ma’ skema ta’ sigurtà soċjali, huwa importanti, madankollu, li fl-eżerċizzju tal-kompetenza tiegħu, l-Istat Membru għandu josserva d-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Piatkowski, iċċitata iktar ’il fuq, punti 32 u 33). |
60 |
Ċertament, kif isostni l-Gvern Belġjan, il-preżunzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tipprevjeni l-frodi fil-qasam tas-sigurtà soċjali li tikkonsisti fl-evażjoni tan-natura obbligatorja tal-iskema ta’ sigurtà soċjali għall-persuni li jaħdmu għal rashom permezz ta’ rilokazzjoni artifiċjali tal-attività tal-mandatarji ta’ kumpanniji stabbiliti fil-Belġju. Madankollu, billi tikkonferixxi natura inkonfutabbli lil din il-preżunzjoni, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni tmur lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju sabiex jinkiseb l-għan leġittimu tal-ġlieda kontra l-frodi peress li toħloq ostakolu b’mod ġenerali għall-possibbiltà li ħaddiema kkonċernati jiġġustifikaw, quddiem il-qorti nazzjonali, li l-post tal-eżerċizzju tal-attività tagħhom jinsab realment fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor fejn huma jwettqu, b’mod konkret, l-atti relatati ma’ din l-attività. |
61 |
Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikoli 13(2)(b) u 14c(b) tar-Regolament Nru 1408/71 kif ukoll l-Anness VII tiegħu, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali bħal ma hi dik fil-kawża prinċipali sa fejn din tippermetti lil Stat Membru li jikkunsidra, b’mod inkonfutabbli, bħala li tiġi eżerċitata fit-territorju tiegħu attività ta’ ġestjoni, minn Stat Membru ieħor, ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa f’dan l-ewwel Stat. |
Fuq it-tieni domanda
62 |
Fid-dawl tar-risposta li ngħatat għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li tiġi eżaminata t-tieni domanda. |
Fuq l-ispejjeż
63 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 13(2)(b) u l-Artikolu 14c(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali għall-persuni impjegati, [għall-persuni li jaħdmu għal rashom] u l-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1606/98, tad-29 ta’ Ġunju 1998, kif ukoll l-Anness VII tal-imsemmi regolament, jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħalma hi dik fil-kawża prinċipali sa fejn hi tippermetti lil Stat Membru li jikkunsidra, b’mod inkonfutabbli, bħala li tiġi eżerċitata fit-territorju tiegħu attività ta’ ġestjoni, li titwettaq minn Stat Membru ieħor, ta’ kumpannija suġġetta għat-taxxa f’dan l-ewwel Stat. |
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.