SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
19 ta’ Lulju 2012 (*)
“Direttiva 2006/112/KE — VAT — Artikolu 136 — Eżenzjonijiet — Artikoli 313 sa 315 — Skema speċjali ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt — Provvista ta’ vetturi użati minn negozjant taxxabbli — Vetturi eżentati mill-VAT ikkunsinnati preċedentement lin-negozjant taxxabbli minn persuna taxxabbli oħra li tkun ibbenefikat minn tnaqqis parzjali tat-taxxa tal-input imħallsa”
Fil-Kawża C-160/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-1 ta’ April 2011, fil-proċedura
Bawaria Motors sp. z o.o.
vs
Minister Finansów,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn K. Lenaerts (Relatur), President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta, G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-16 ta’ Frar 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Bawaria Motors sp. z o.o., minn D. Baczewska-Golińska, avukat, u M. Zając, konsulent fiskali,
– għall-Minister Finansów, minn T. Tratkiewicz u J. Kaute, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn A. Gawlowska u A. Kraińska, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Mejju 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 313(1) u 314 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), moqrija flimkien mal-Artikoli 136 u 315 ta’ din l-istess direttiva.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Bawaria Motors sp. z o.o. (iktar ‘il quddiem “Bawaria Motors”) u l-Minister Finansów (Ministru tal-Finanzi) fir-rigward tal-applikabbiltà tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt ta’ ċerti attivitajiet ta’ din il-kumpannija li jikkonsistu fil-bejgħ ta’ vetturi użati.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Skont l-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112:
“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta’ [taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ‘il quddiem ‘VAT’)] tinvolvi l-applikazzjoni ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq merkanzija u servizzi li hi eżattament proporzjonali għall-prezz tal-merkanzija u s-servizzi, ikunu kemm ikunu t-transazzjonijet li jkunu saru fil-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-istadju li fih hi imposta t-taxxa.
Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal—merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.
[…]”
4 It-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112 intitolat “Eżenzjonijiet”, jinkludi fih il-Kapitolu 3 intitolat “Eżenzjonijiet għal attivitajiet oħrajn”. L-Artikolu 136 ta’ dan, li jinsab f’dan il-kapitolu, jiddisponi li:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
a) il-provvista ta’ merkanzija użata biss għal attività eżenti skond l-Artikoli 132, 135, 371, 375, 376 u 377, l-Artikolu 378 (2), l-Artikolu 379(2) u l-Artikoli 380 sa 390, jekk dik il-merkanzija ma tatx lok għal possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT;
b) il-provvista ta’ merkanzija li fuq l-akkwist jew l-applikazzjoni tagħha l-VAT ma segħtex titnaqqas, skond l-Artikolu 176.”
5 It-Titolu X tad-Direttiva 2006/112 intitolat “Tnaqqis”, jinkludi fih il-Kapitolu 3 intitolat “Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta’ tnaqqis”. L-Artikolu 176 ta’ dan, li jinsab f’dan il-kapitolu, jipprovdi li:
“Il-Kunsill, li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, għandu jistabbilixxi n-nefqa li fir-rispett tagħha l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas. It-VAT fl-ebda ċirkostanza m’għandha tkun tista’ titnaqqas fir-rigward tan-nefqa li mhijiex strettament nefqa tan-negozju, bħal dik fuq il-lussu, pjaċiri jew divertiment.
Sa kemm id-disposizzjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu jidħlu fis—seħħ, l-Istati Membri jistgħu jżommu l-esklużjonijiet kollha pprovduti skond il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, fil-każ ta’ l-Istati Membri li aderew għall-Komunità wara dik id-data, fid-data ta’ l-adeżjoni tagħhom.”
6 It-Titolu XII tad-Direttiva 2006/112, intitolat “Skemi Speċjali”, jinkludi fih il-Kapitolu 4 intitolat “Arranġamenti speċjali għal oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet”, li jikkonsisti fl-Artikoli 311 sa 343.
7 Skont l-Artikolu 311(1)(1) u (5) tad-Direttiva 2006/112:
“Għall-finijiet ta’ dan il—Kapitolu, u mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħra tal-Komunità, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw:
1) “oġġetti użati” tfisser proprjetà mobbli tanġibbli li tista’ tiġi użata ulterjorment kif inhi jew wara li tissawwa, minbarra xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet u minbarra metalli prezzjużi jew ħaġar prezzjuż kif definit mill-Istati Membri;
[…]
5) “negozjant taxxabbli” tfisser kwalunkwe persuna taxxabbli li, matul l-attività ekonomika tagħha u bil-għan li terġa’ tbiegħ, tixri, jew tapplika għall-għanijiet tan—negozju tagħha, jew timporta, oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet, kemm jekk dik il-persuna taxxabbli qed taġixxi għaliha nnifisha jew f’isem persuna oħra skond kuntratt li permezz tiegħu titħallas kummissjoni fuq ix-xiri jew il-bejgħ”.
8 L-Artikolu 313(1) tad-Direttiva 2006/112 jistabbilixxi li:
“Għar-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati, xogħlijiet ta’ l-arti, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet magħmula minn negozjanti taxxabbli, l-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali għall-intaxxar [ta’ tassazzjoni] tal-marġni ta’ profitt magħmul minn negozjant taxxabbli, skond id-disposizzjonijiet ta’ din is-Sub-taqsima.”
9 L-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112 jiddisponi li:
“L-iskema tal-marġni għandha tapplika għall-provvista minn negozjant taxxabbli ta’ merkanzija użata, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet fejn dik il-merkanzija kienet ipprovduta lilu fil-Komunità minn waħda mill-persuni li ġejjin:
(a) persuna mhux taxxabbli;
(b) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal—merkanzija minn dik il-persuna l-oħra taxxabbli tkun eżentata skond l-Artikolu 136;
(ċ) persuna taxxabbli oħra, sakemm il-provvista tal—merkanzija minn dik il-persuna taxxabbli l-oħra hi koperta mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar ipprovduta fl-Artikoli 282 sa 292 u tinvolvi assi kapitali;
d) negozjant taxxabbli ieħor, sakemm il-VAT ġie applikat għall-provvista ta’ merkanzija minn dak in-negozjant taxxabbli l-ieħor skond din l-iskema ta’ marġni.”
10 L-Artikolu 315 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li:
“L-ammont taxxabbli fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija kif msemmija fl-Artikolu 314 għandu jkun il—marġni ta’ profitt magħmul min-negozjant taxxabbli, bit-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li jirreferi għall-marġni ta’ profitt.
Il-marġni ta’ profitt tan-negozjant taxxabbli għandu jkun ugwali għad-differenza bejn il-prezz tal-bejgħ mitlub min-negozjant taxxabbli għall-merkanzija u l-prezz tax-xiri.”
Id-dritt Pollakk
11 Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq Oġġetti u Servizzi (Ustawa o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. Nru 54, punt 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ‘il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), fl-Artikolu 15(1) tagħha tistabbilixxi li:
“Il-persuni ġuridiċi, l-organizzazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, u l-persuni fiżiċi li jwettqu, fuq bażi indipendenti, waħda mill-attivitajiet ekonomiċi msemmija fil-paragrafu 2, irrispettivament mill-iskop u mir-riżultati ta’ din l-attività, huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli.”
12 Skont l-Artikolu 43(1)(2) tal-Liġi dwar il-VAT, il-provvista ta’ oġġetti użati għandha tkun eżentata mit-taxxa, sakemm il-persuna li tkun qed tipprovdihom ma bbenefikatx minn dritt għal tnaqqis fir-rigward ta’ dawn l-oġġetti.
13 L-Artikolu 43(2) jiddefinixxi l-oġġetti użati, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, bħala “il-proprjetà mobbli tanġibbli li l-operatur li jeffettwa l-provvista kien uża matul perijodu ta’ mill-inqas sitt xhur wara li jkun kiseb id-dritt li jiddisponi minnhom bħala proprjetarju”.
14 Skont l-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT:
“Fil-każ ta’ xiri ta’ karozzi personali u vetturi oħra bil-mutur li l-piż totali awtorizzat tagħhom ma jaqbiżx it-3.5 tunnellati, l-ammont ta’ taxxa tal-input għandu jkun ta’ 60 % tal-ammont ta’ taxxa ddikjarat fil-fattura jew tal-ammont ta’ taxxa dovuta fuq l-akkwist intra-Komunitarju tal-oġġetti jew tal-ammont ta’ taxxa dovuta fuq il-provvista ta’ oġġetti li jkunu nxtraw minn persuna taxxabbli, iżda mhux iżjed minn PLN 6 000.”
15 L-Artikolu 113(1) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi li:
“Huma eżenti dawk il-persuni taxxabbli li l-bejgħ taxxabbli totali tagħhom ma jaqbiżx PLN 50 000 matul is-sena fiskali preċedenti. Dan l-ammont hu kkalkolat qabel it-taxxa.”
16 L-Artikolu 120 tal-Liġi dwar il-VAT, dwar skema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt, jinkludi d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“1. […]
4) Għall-iskopijiet ta’ dan il-kapitolu, “oġġetti użati” tfisser proprjetà mobbli tanġibbli li tista’ tkompli tintuża kif inhi jew inkella wara li tissewwa, u [xogħolijiet artistiċi, oġġetti tal-kollezzjoni u antikitajiet] u li ma hijiex oġġett tal-metall prezzjuż jew ħaġar prezzjuż […]
[…]
4. Fil-każ ta’ persuna taxxabbli li tkun qed twettaq transazzjonijiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ oġġetti użati, xogħlijiet artistiċi, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet li jkunu ġew preċedentement akkwistati minn dik il-persuna taxxabbli għall-iskopijiet tal-attività mwettqa jew inkella importati bl-iskop li jerġgħu jinbiegħu, l-ammont taxxabbli għandu jkun id-differenza bejn l-ammont totali li għandu jħallas min ikun qed jakkwista dawn l-oġġetti u l-ammont tal-akkwist, nieqes l-ammont tat-taxxa.
[…]
10. Il-paragrafi 4 u 5 jirrigwardaw il-provvista ta’ oġġetti użati, xogħlijiet artistiċi, oġġetti tal-kollezzjoni jew antikitajiet li persuna taxxabbli tkun akkwistat mingħand:
(1) persuna fiżika, persuna ġuridika, jew unità organizzattiva mingħajr personalità ġuridika li ma hijiex persuna taxxabbli taħt l-Artikolu 15, jew li ma hijiex persuna taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT;
(2) persuni taxxabbli msemmija fl-Artikolu 15, meta l-provvista ta’ dawk l-oġġetti kienet eżentata mit-taxxa skont l-Artikolu 43(1)(2) jew l-Artikolu 113;
(3) persuni taxxabbli, meta l-provvista ta’ dawk l-oġġetti tkun ġiet intaxxata skont il-paragrafi 4 u 5;
(4) persuni taxxabbli, għall-iskopijiet tal-VAT, meta l-provvista ta’ dawk l-oġġetti kienet eżentata mit-taxxa skont regoli li jikkorrispondu mar-regolamenti stabbiliti fl-Artikolu 43(1)(2) jew fl-Artikolu 113;
(5) persuni taxxabbli għall-iskopijiet tal-VAT, fejn il-VAT ikun impost fuq il-provvista ta’ dawk l-oġġetti skont regoli li jikkorrispondu mar-regolamenti msemmija fil-paragrafi 4 u 5, u fejn l-akkwirent ikollu fil-pussess tiegħu dokumenti li jikkonfermaw b’mod ċar li l-oġġetti ġew akkwistati skont dawk ir-regoli.”
17 L-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet tal-Ministru tal-Finanzi li jimplementa ċertu dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar it-Taxxa fuq Oġġetti u Servizzi (rozporządzenie Ministra Finansów r.w sprawie wykonania niektórych przepisów ustawy o podatku od towarów i usług, Dz. U. Nru 212, punt 1336), tat-28 ta’ Novembru 2008 (iktar ‘il quddiem id-“Digriet dwar il-VAT”) jiddisponi li:
“Il-provvista ta’ karozzi personali jew ta’ vetturi bil-mutur minn persuni taxxabbli li, mal-akkwist tagħhom, kellhom id-dritt li jnaqqsu t-taxxa tal-input kif imsemmi fl-Artikolu 86(3) tal-Liġi għandhom ikunu eżentati mit-taxxa meta dawk il-karozzi personali jew vetturi bil-mutur ikunu oġġetti użati fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 43(2) tal-Liġi dwar il-VAT.”
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari
18 Bawaria Motors hija persuna taxxabbli għall-VAT, fis-sens tal-Artikolu 15 tal-Liġi dwar il-VAT. Hija twettaq attività ekonomika marbuta mal-organizzazzjoni ta’ showroom tal-karozzi, li permezz tiegħu tixtri u sussegwentement tbigħ karozzi personali, kemm ġodda kif ukoll użati. Fil-kuntest ta’ din l-attività, hija takkwista karozzi personali użati mingħand operaturi ekonomiċi li, billi ma setgħux inaqqsu l-VAT imħallsa fuq ix-xiri ta’ dawn l-oġġetti, jipprovduha b’fatturi, li f’dak li jirrigwarda r-rata tal-VAT applikabbli, ikollhom imniżżla l-kelma “eżentata” b’referenza għall-Artikolu 43(1)(2) tal-Liġi dwar il-VAT. Meta terġa’ tbigħ dawk il-karozzi personali użati hija tagħmel użu mill-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt stabbilita fl-Artikolu 120 ta’ din il-liġi.
19 Bawaria Motors kienet ukoll f’sitwazzjoni fejn xtrat vetturi użati mingħand operaturi ekonomiċi li, meta huma jkunu akkwistaw dawn il-karozzi, ikunu naqqsu l-VAT skont il-limiti statutorji stabbiliti fl-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT. F’każijiet bħal dawn, l-operatur jipprovdi fattura li f’dak li jirrigwarda r-rata tal-VAT dovuta għall-provvista, tinkludi l-kelma “eżentata” b’referenza għall-Artikolu 43(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT.
20 Minħabba li Bawaria temmen li għandha dritt tapplika, fil-każijiet imsemmija fil-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt stabbilita fl-Artikolu 120 tal-Ligi dwar il-VAT, fid-9 ta’ Frar 2009 hija indirizzat lill-Minister Finansów talba għal interpretazzjoni individwali.
21 Fl-20 ta’ Frar 2009, il-Minister Finansów wieġeb din it-talba. Huwa kkunsidra li fid-dawl tal-Artikolu 120(10) tal-Liġi dwar il-VAT, il-pożizzjoni ta’ Bawaria Motors ma kinitx fondata. Huwa sostna li l-Artikolu 13 tad-Digriet dwar il-VAT ma jikkostitwixxix twessigħ tal-eżempji msemmija fl-Artikolu 43 tal-Liġi dwar il-VAT, li għalihom jirreferi dan l-Artikolu 120(10). Skont dan l-artikolu, din il-liġi hija barra minn hekk, konsistenti mal-Artikoli 312 sa 325 tad-Direttiva 2006/112, li jirriservaw l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt biss għal dawk il-każijiet fejn in-negozjant taxxabbli jkun kiseb l-oġġett użat mingħand operatur li ma kellux dritt inaqqas il-VAT tal-input imħallsa u li għalhekk ikun inkludieha fil-prezz tal-kunsinna lin-negozjant taxxabbli.
22 Motors Bawaria kkontestat din l-interpretazzjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie, fejn hija sostniet li l-pożizzjoni tal-Minister Finansów tirriżulta minn interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 120 tal-Liġi dwar il-VAT, li hija inkompatibbli mal-prinċipji fundamentali tal-VAT li huma n-newtralità fiskali, it-tassazzjoni effettiva f’fażi waħda ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ukoll il-preservazzjoni tal-kundizzjonijiet tal-kompetizzjoni.
23 Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Novembru 2009, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny annullat l-interpretazzjoni kkontestata. Hija tqis li l-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT, li jistabbilixxi eżenzjoni li ma tiġix mid-dritt tal-Unjoni, ma teżentax lill-operatur li jikkunsinna vettura użata lil negozjant taxxabbli milli jintaxxa din il-provvista fil-każ li fil-mument li jixtri din il-vettura ma setax kompletament inaqqas il-VAT tal-input imħallsa. Skont din il-qorti, l-eżenzjoni li tinsab f’din id-dispożizzjoni tad-Digriet dwar il-VAT tikkonċerna biss il-parti mill-VAT li għadha l-oneru tal-operatur, fid-dawl tal-limiti previsti fl-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT, ħlief għall-ammont li jikkorrispondi, skont il-każ, għal 60 % tat-taxxa indikata fuq il-fattura jew PLN 6 000, li dan l-operatur naqqas meta akkwista l-vettura. Minn dan isegwi, skont din il-qorti, li Bawaria Motors għandha dritt tapplika l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt, iżda biss sal-punt fejn l-operatur li jkun ikkunsinnjalha l-vettura ma setax inaqqas l-input, li jikkorrispondi, skont il-każ, għal 40 % tal-ammont tat-taxxa indikata fuq il-fattura jew għall-parti ta’ din it-taxxa li taqbeż PLN 6 000.
24 Bawaria Motors appellat fil-kassazzjoni minn din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny, fejn essenzjalment qieset li l-impossibbiltà għaliha li tapplika bis-sħiħ l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt fuq il-bejgħ mill-ġdid ta’ oġġetti użati akkwistati fil-kuntest ta’ provvista eżenti bis-saħħa tal-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT, b’mod partikolari tikser l-Artikolu 120(4) u (10) tal-Liġi dwar il-VAT kif ukoll id-dispożizzjoni msemmija iktar ‘il fuq tad-Digriet dwar il-VAT.
25 Il-Minister Finansów appella wkoll fil-kassazzjoni, fejn huwa kompla jsostni l-pożizzjoni oriġinali tiegħu li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, in-negozjant taxxabbli ma huwiex eliġibbli, anki parzjalment, għall-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt.
26 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 313(1) u 314 [tad-Direttiva tal-VAT] flimkien mal-Artikoli 136 u 315 ta’ din l-istess direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw l-applikazzjoni tal-iskema partikolari tal-“marġni” għan-negozjanti taxxabbli fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti użati anki meta jerġgħu jbigħu l-karozzi personali u vetturi bil-mutur oħrajn mixtrija li għalihom ġiet applikata l-eżenzjoni mit-taxxa għall-provvista ta’ karozzi personali u vetturi oħrajn minn persuni taxxabbli li għandhom biss dritt parzjali li jnaqqsu t-taxxa tal-input fuq ix-xiri tagħhom, kif ipprovdut fl-Artikolu 86(3) [tal-Liġi dwar il-VAT], skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali Pollakki stipulati fl-Artikolu 13(1)(5) [tad-Digriet li jimplementa l-Liġi dwar il-VAT], meta dawn il-karozzi u l-vetturi bil-mutur huma “oġġetti użati” fis-sens tal-Artikolu 43(2) tal-Liġi dwar il-VAT u tal-Artikolu 311(1)(1) [tad-Direttiva tal-VAT]?”
Fuq id-domanda preliminari
27 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 313(1) u 314 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikoli 136 u 315 ta’ din id-direttiva, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li negozjant taxxabbli huwa eliġibbli għall-applikazzjoni ta’ skema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt meta jikkunsinna vetturi bil-mutur ikkunsidrati bħala oġġetti użati, fis-sens tal-Artikolu 311(1)(1) ta’ din id-direttiva, li jkun akkwista preċedentement bħala eżenti mill-VAT, mingħand persuna taxxabbli oħra li tkun ibbenefikat biss minn dritt għal tnaqqis parzjali ta’ din it-taxxa tal-input imħallsa fuq il-prezz tax-xiri ta’ dawn il-vetturi.
28 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt li n-negozjant taxxabbli għamel użu minnha waqt il-provvista ta’ oġġetti użati, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija sistema speċifika tal-VAT, li tidderoga mis-sistema ġenerali tad-Direttiva 2006/112, (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Diċembru 2005, Jyske Finans, C-280/04, Ġabra p. I-10683, punt 35, u tat-3 ta’ Marzu 2011, Auto Nikolovi, C-203/10, Ġabra p. I-1083), punt 46).
29 Għalhekk, l-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112, li jidentifika l-każijiet ta’ applikazzjoni ta’ din l-iskema partikolari, għandu jiġi interpretat b’mod strett. Minn dan isegwi li dawn il-każijiet joħorġu minn lista eżawrjenti, hekk kif ukoll diġà ġie enfasizzat mill-Avukat Ġenerali fil-punt 29 tal-konklużjonijiet tiegħu.
30 Mill-proċess quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt wieħed mill-każijiet imsemmija f’dan l-Artikolu 314(a), (c) u (d). Fil-fatt, skont l-indikazzjonijiet f’dan il-proċess, il-provvista ta’ vetturi użati lil Bawaria Motors, li hija inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ġew effettwati minn persuni li huma stess kienu suġġetti għall-VAT u li la bbenefikaw mill-eżenzjoni għall-impriżi ż-żgħar prevista fil-Artikoli 282 sa 292 tad-Direttiva 2006/112, u lanqas ma kienu suġġetti għall-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt.
31 Billi dawn il-provvisti kienu ġew eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT, f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa meħtieġ li jiġi eżaminat jekk dawn jistgħux jirriżultaw mill-ipoteżi speċifikament imsemmija fl-Artikolu 314(b) tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri dik fejn il-provvista ta’ oġġett lin-negozjant taxxabbli minn persuna taxxabbli oħra hija eżenti skont l-Artikolu 136 ta’ din id-direttiva.
32 Fir-rigward, minn naħa, tal-applikazzjoni tal-Artikolu 136(a) ta’ din id-direttiva, dan ma għandux jiġi kkunsidrat fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 37 tal-konklużjonijiet tiegħu, jirriżulta mill-proċess li l-provvista ta’ vetturi lil Bawaria Motors, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma għandhom l-ebda rabta ma’ kwalunkwe attività eżenti skont id-dispożizzjonijiet elenkati fil-punt (a) ta’ dan l-artikolu.
33 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 136(b) tad-Direttiva 2006/112 għal din il-kawża, għandu jitfakkar li din id-dispożizzjoni tipprovdi l-eżenzjoni ta’ provvista ta’ oġġetti li l-akkwist jew l-assenjazzjoni tagħhom kien is-suġġett tal-esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT skont l-Artikolu 176 ta’ din id-direttiva. It-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu 176 jinkludi klawżola “standstill” li tawtorizza lill-Istati Membri li jżommu, sad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet tal-Kunsill, imsemmija fl-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, li jiddeterminaw l-ispejjeż li ma jagħtu ebda dritt għal tnaqqis tal-VAT, l-esklużjonijiet kollha pprovduti mil-liġi nazzjonali tagħhom fl-1 ta’ Jannar 1979 jew, għal dawk l-Istati Membri li ngħaqdu mal-Komunità wara dik id-data, bħar-Repubblika tal-Polonja, fid-data tal-adeżjoni tagħhom.
34 Dan l-Artikolu 136(b) għandu jkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni b’mod strett. Fil-fatt, l-eżenzjoni li jistabbilixxi tikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ġenerali li jgħid li l-VAT hija imposta fuq kull provvista ta’ oġġetti effettwata bi ħlas minn persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jyske Finans, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 21). Barra minn hekk, din l-eżenzjoni, bl-effett tar-riferiment magħmul minn dan l-Artikolu 136 għall-Artikolu 314(b) ta’ din id-direttiva, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-iskema derogatorja ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt.
35 Għalhekk, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 136(b) tad-Direttiva 2006/112 tista’ tapplika biss għall-provvista ta’ oġġetti li l-akkwist tagħhom ġie eskluż mid-dritt ta’ tnaqqis skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jyske Finans, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24).
36 Din l-interpretazzjoni hija sostnuta mit-termini tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, li fl-ewwel paragrafu tiegħu jirreferi għall-infiq bħala li “l-VAT m’għandhiex tkun tista’ titnaqqas” minnu u fit-tieni paragrafu tiegħu, għall-“esklużjonijiet” previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali eżistenti, artikolu li jirreferi għall-Artikolu 136(b) ta’ din id-direttiva.
37 Dan jikkorrispondi mal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 314 tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, hekk kif ġie enfasizzat mill-Gvern Pollakk u mill-Kummissjoni, bħal mill-Avukat Ġenerali fil-punt 30 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-każijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt, li jinkludu l-eżenzjoni taħt l-Artikolu 136(b) ta’ din id-direttiva, għandhom komuni li l-persuna li tkun ikkunsinnat l-oġġett ikkonċernat lin-negozjant taxxabbli bl-ebda mod ma kienet setgħet tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa għall-akwist ta’ dan l-oġġett u għalhekk ħallset din it-taxxa b’mod sħiħ.
38 Fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT ma jistabbilixxix “li […] l-VAT ma segħtex titnaqqas”, fis-sens tal-Artikolu 136(b) tad-Direttiva 2006/112, iżda li l-ammont tat-taxxa li tista’ titnaqqas huwa limitat. Iktar milli tkun kompletament miċħuda mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input, il-persuna taxxabbli li akkwistat l-oġġett li sussegwentement ġie kkunsinnat lin-negozjant taxxabbli għandha d-dritt li tnaqqas dan l-ammont skont il-limitu stabbilit minn din id-dispożizzjoni nazzjonali, jiġifieri, skont il-każ, 60 % ta’ taxxa tal-input imħallsa jew PLN 6 000.
39 Għalhekk, u mingħajr il-ħtieġa li jiġi evalwat jekk id-dispożizzjoni tal-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT hija jew le koperta minn klawżola “standstill” stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 176 tad-Direttiva 2006/112, l-eżenzjoni mill-VAT mogħtija mill-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT għall-provvista ta’ vetturi bil-mutur lil negozjant taxxabbli effettwati minn persuni taxxabbli li bbenefikaw mid-dritt li jnaqqsu parzjalment it-taxxa tal-input imħallsa taħt dan l-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT, fi kwalunkwe każ, ma jikkorrispondix mal-ipoteżi kif ġiet strettament iddefinita fl-Artikolu 136(b) ta’ din id-direttiva. Minn dan isegwi li l-provvista sussegwenti ta’ dawn il-vetturi min-negozjant taxxabbli ma huwiex eliġibbli għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt.
40 Bawaria Motors issostni li tali interpretazzjoni, adottata mill-Minister Finansów, għandha l-konsegwenza li tissuġġettaha għal tassazzjoni doppja parzjali. Hija spjegat li taħt din l-interpretazzjoni, taħt l-iskema normali tal-VAT, hija meħtieġa li tapplika l-VAT fuq il-prezz sħiħ tal-bejgħ tal-vettura bil-mutur użata inkwistjoni, u li filwaqt li imsemmija vettura li preċedentement ġiet ikkunsinnata lilha minn persuna taxxabbli oħra eżenti mill-VAT taħt l-Artikolu 13(1)(5) tad-Digriet dwar il-VAT hija ma tistax tnaqqas il-parti tal-VAT li din il-persuna taxxabbli oħra, taħt il-limitazzjoni stabbilita fl-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT, ma setgħatx tnaqqas bħala taxxa tal-input u li, għalhekk, ġiet inkluża fil-prezz ta’ din il-provvista.
41 Madankollu, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet stabbiliti fil-punti 34 u 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 136(b) tad-Direttiva 2006/112 ma jistax jiġi interpretat b’mod differenti minn dak li jinsab fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li jippermetti li negozjant taxxabbli, bħal Bawaria Motors, li ma jkunx jista’ jibbaża ruħu fuq il-fatt li l-akkwist inizjali minn persuna taxxabbli oħra, ta’ oġġetti li sussegwentement kienu ġew lilu kkunsinnjati bħala oġġetti użati kien is-suġġett ta’ esklużjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, sabiex jevita sitwazzjoni ta’ tassazzjoni doppja parzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Jyske Finans, iċċitata iktar ‘il fuq, punt 24). Fil-fatt, din is-sitwazzjoni ma taffettwax id-determinazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt previst fl-Artikolu 314 ta’ din id-direttiva.
42 Hekk kif argumentat il-Kummissjoni, kemm fin-noti tagħha kif ukoll fis-seduta, hija r-responsabbiltà tal-leġiżlatur Pollakk li jtemm tali sitwazzjoni. L-eliminazzjoni ta’ din tal-aħħar ma tistax madankollu sseħħ billi ssir interpretazzjoni tad-Direttiva 2006/112 li ma tkunx konċiljabbli mat-termini ta’ din kif ukoll mal-istruttura ġenerali ta’ din tal-aħħar.
43 Għandu jiġi wkoll enfasizzat li, kuntrarjament għall-pożizzjoni meħuda minn Bawaria Motors, li l-fatt li ġiet irrifjutata l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt lil negozjant taxxabbli f’sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, meta din l-iskema hija applikabbli, bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 136(b) u 314(b) tad-Direttiva 2006/112, fil-każ fejn in-negozjant taxxabbli jkun akkwista preċedentement l-oġġetti inkwistjoni b’eżenzjoni mill-VAT mingħand persuna taxxabbli oħra li bl-ebda mod ma setgħat tnaqqas it-taxxa tal-input imħallsa, ma jiksirx il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
44 Fil-fatt, hekk kif enfasizzat mill-Minister Finansów matul is-seduta, f’dan it-tieni każ, il-prezz tal-kunsinna tal-oġġetti lin-negozjant taxxabbli jinkludi l-VAT tal-input kollha imħallsa minn din il-persuna taxxabbli oħra, billi fil-fatt din ma setgħatx tnaqqasha, anki parzjalment, fuq l-akkwist ta’ dawn l-oġġetti. Madankollu, fil-każ inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dan il-prezz jinkludi biss parti mill-VAT tal-input imħallsa, jiġifieri li, minħabba l-limitazzjoni prevista fl-Artikolu 86(3) tal-Liġi dwar il-VAT, il-persuna taxxabbli li kkunsinnat l-oġġetti inkwistjoni lin-negozjant taxxabbli ma setgħatx tnaqqashom fil-każ tal-akkwist.
45 Hekk kif ġie argumentat mill-Gvern Pollakk, il-fatt li tiġi awtorizzata l-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellha bħala konsegwenza li l-VAT ma kienx proporzjonali għall-prezz tal-oġġetti użati mibjugħa min-negozjant taxxabbli u dan, anki jekk parti sostanzjali mit-taxxa tal-input imħallsa setgħet tnaqqset minn persuna oħra taxxabbli fi stadju preċedenti tal-kummerċjalizzazzjoni. Tali soluzzjoni tikser il-prinċipju ta’ ġeneralità tal-VAT, espress fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2006/112.
46 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikoli 313(1) u 314 tad-Direttiva 2006/112, moqrija flimkien mal-Artikoli 136 u 315 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li negozjant taxxabbli ma huwiex eliġibbli għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt meta jikkunsinna vetturi bil-mutur ikkunsidrati bħala oġġetti użati, fis-sens tal-Artikolu 311(1)(1) ta’ din id-direttiva, li jkun akkwista preċedentement b’eżenzjoni mill-VAT mingħand persuna taxxabbli oħra li bbenefikat minn dritt għal tnaqqis parzjali ta’ din it-taxxa tal-input imħallsa fuq il-prezz tal-akkwist ta’ dawn il-vetturi.
Fuq l-ispejjeż
47 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 313(1) u 314 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqrija flimkien mal-Artikoli 136 u 315 ta’ din id-direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li negozjant taxxabbli ma huwiex eliġibbli għall-applikazzjoni tal-iskema ta’ tassazzjoni tal-marġni ta’ profitt meta jikkunsinna vetturi bil-mutur ikkunsidrati bħala oġġetti użati, fis-sens tal-Artikolu 311(1)(1) ta’ din id-direttiva, li jkun akkwista preċedentement b’eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud mingħand persuna taxxabbli oħra li bbenefikat minn dritt għal tnaqqis parzjali ta’ din it-taxxa tal-input imħallsa fuq il-prezz tal-akkwist ta’ dawn il-vetturi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.