SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
17 ta’ Jannar 2013 ( *1 )
“VAT — Provvista ta’ leasing akkumpanjata minn provvista ta’ assigurazzjoni tal-oġġett suġġett għal-leasing, miksuba mill-fornitur u ffatturata minn dan tal-aħħar lir-riċevitur — Klassifikazzjoni — Provvista unika komposta minn żewġ provvisti differenti — Eżenzjoni — Tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni”
Fil-Kawża C-224/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa minn Naczelny Sąd Administracyjny (Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ April 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura
BGŻ Leasing Sp. z o.o.
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Rosas (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Settembru 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
— |
għal BGŻ Leasing Sp. z o.o., minn T. Rolewicz u M. Chomiuk, doradcy podatkowi, |
— |
għad-Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie, minn O. Dąbrowski, T. Tratkiewicz u J. Kaute, bħala aġenti, |
— |
għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar kif ukoll minn A. Kraińska u A. Kramarczyk, bħala aġenti, |
— |
għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u C. Soulay, bħala aġenti, |
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 |
It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 2(1)(ċ), 28 u 135(1)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”). |
2 |
Dik it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn BGŻ Leasing Sp. z o.o. (iktar ’il quddiem “BGŻ Leasing”) u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie (id-direttur tal-kamra tat-taxxa ta’ Varsovia), dwar ir-rifjut ta’ dan tal-aħħar li jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) it-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-provvista ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni tal-oġġett suġġett għal-leasing, meta din takkumpanja s-servizz ta’ leasing, li huwa fih innifsu suġġett għall-VAT. |
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 |
It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi: “Fuq kull transazzjoni, il-VAT, kalkulata fuq il-prezz tal-merkanzija jew tas-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali merkanzija jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis ta’ l-ammont tal-VAT li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.” |
4 |
Skont l-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva: “It-transazzjonijiet li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għall-VAT: [...]
[...]” |
5 |
L-Artikolu 24 tal-imsemmija direttiva jiddikjara: “‘Provvista ta’ servizzi’ għandha tfisser kwalunkwe operazzjoni li ma tikkostitwix provvista ta’ merkanzija. [...]” |
6 |
L-Artikolu 28 tal-istess direttiva jipprovdi: “Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess.” |
7 |
Skont l-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra dawk imsemmija fl-Artikoli 74 sa 77 ta’ din id-direttiva, il-valur taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi l-korrispettiv miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għas-servizzi tiegħu, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tas-servizzi. |
8 |
Skont l-Artikolu 78 tal-imsemmija direttiva: “L-ammont [Il-valur] taxxabbli għandu jinkludi l-fatturi li ġejjin: [...]
Għall-finijiet tal-punt (b) ta’ l-ewwel paragrafu, l-Istati Membri jistgħu jqisu spejjeż koperti minn ftehim separat bħala spejjeż inċidentali.” |
9 |
L-Artikolu 135 tal-istess direttiva jiddikjara: “1. L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]” |
10 |
Skont l-Artikolu 401 tad-Direttiva tal-VAT: “Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet oħra tad-dritt Komunitarju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob ta’ l-azzard, dazji tas-sisa, taxxi tal-boll jew b’mod aktar ġenerali, kwalunkwe taxxi, dazji jew piżijiet li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq il-bejgħ, sakemm il-ġbir ta’ dawk it-taxxi, dazji jew piżijiet ma joħloqx, f’negozju bejn l-Istati Membri, għal formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.” |
Il-leġiżlazzjoni Pollakka
11 |
L-Artikolu 5(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. no54, pożizzjoni 535), iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”), jipprovdi: “Il-valur taxxabbli fuq l-oġġetti u s-servizzi, iktar ‘il quddiem it-‘taxxa’, huwa kkostitwit minn:
[...]” |
12 |
L-Artikolu 29(1) ta’ din il-liġi tiddikjara: “Il-valur taxxabbli huwa kkostitwit mid-dħul mill-bejgħ, mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 2 sa 21, l-Artikoli 30 sa 32, l-Artikolu 119 kif ukoll l-Artikolu 120(4) u (5). Id-dħul mill-bejgħ jikkorrispondi għall-ammont dovut abbażi tal-bejgħ, imnaqqas bl-ammont tat-taxxa dovuta. L-ammont dovut jkopri l-provvista kollha dovuta mill-akkwirenti. Dan għandu jiżdied b’benefiċċji, sussidji u ħlasijiet oħra addizzjonali riċevuti bl-istess mod, li jinċidu direttament fuq il-prezz (ammont dovut) tal-oġġetti kkunsinnati jew tas-servizzi pprovduti mill-persuna taxxabbli, li minnhom għandu jitnaqqas l-ammont tat-taxxa dovuta.” |
13 |
Skont l-Artikolu 30(3) tal-liġi dwar il-VAT: “Fejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, il-valur taxxabbli għandu jkun ikkostitwit mill-ammont dovut abbażi tal-provvista tas-servizzi, imnaqqas bl-ammont tat-taxxa.” |
14 |
Skont l-Artikolu 43(1) ta’ din il-liġi: “Dawn li ġejjin għandhom ikunu eżentati mit-taxxa:
[...]” |
15 |
Il-paragrafu 3 tal-Anness 4 tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi: “intestatura 4 – is-servizzi ta’ intermedjarji finanzjarji, b’riżerva: [...] is-servizzi ta’ konsulenza fl-assigurazzjoni kif ukoll ta’ evalwazzjoni tal-merkanzija assigurata (PKWiU ex. 67.20.10- 00.20, -00,30), bl-eċċezzjoni tas-servizzi pprovduti minn kumpanniji tal-assigurazzjoni fis-sens tad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-attività ta’ assigurazzjoni kif ukoll tas-servizzi pprovduti f’dan il-qasam minn operaturi li jaġixxu għan-nom u fl-interess ta’ kumpanniji tal-assigurazzjoni”. |
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
16 |
BGŻ Leasing hija kumpannija li twettaq l-attività kummerċjali ta’ leasing. |
17 |
Skont il-kundizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-kuntratti konklużi bejn BGŻ Leasing u l-klijenti tagħha, l-oġġetti mogħtija b’titlou ta’ leasing mill-fornitur jibqgħu proprjetà tiegħu matul il-perijodu kollu tal-leasing. Ir-riċevitur tal-leasing (iktar ’il quddiem “ir-riċevitur”) iħallas kera lill-fornitur u jħallas ukoll spejjeż u imposti oħra relatati mal-oġġett suġġett għal-leasing. Barra minn hekk, u dejjem skont l-imsemmija kundizzjonijiet ġenerali, matul il-perijodu tal-leasing, ir-riċevitur huwa unikament responsabbli, partikolarment, f’każ ta’ ħsara, telf kif ukoll tnaqqis fil-valur tal-oġġett suġġett għal-leasing, bl-esklużjoni ta’ dak riżultanti minn użu normali ta’ dak l-oġġett. |
18 |
BGŻ Leasing teżiġi li l-oġġetti li hija tagħti b’titlou ta’ leasing jiġu assigurati. |
19 |
Għal dan il-għan, BGŻ Leasing toffri lill-klijenti tagħha l-possibbiltà li tipprovdilhom assigurazzjoni. F’każ li dawn ikunu jixtiequ jibbenefikaw minn dik il-possibbiltà, BGŻ Leasing tikseb l-assigurazzjoni korrispondenti mingħand assiguratur u titlobhom l-ispiża għal din tal-aħħar. |
20 |
Fid-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT għax-xahar ta’ Frar 2008, BGŻ Leasing ikkunsidrat li tali tranżazzjonijiet ta’ fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispiża għall-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing kienu eżentati mill-VAT. |
21 |
In-Naczelnik Drugiego Mazowieckiego Urzędu Skarbowego w Warszawie (id-direttur tal-amministrazzjoni fiskali II tad-distrett ta’ Mazovie f’Varsovia) madankollu kkunsidra li t-tranżazzjoni li tikkonsisti fil-provvista ta’ din il-kopertura ta’ assigurazzjoni kienet tikkostitwixxi provvista ta’ servizzi anċillari għas-servizz ta’ leasing u li din it-tranżazzjoni kellha, abbażi ta’ dan, tkun suġġetta għall-VAT bir-rata ta’ 22 %, bl-istess mod bħall-provvista prinċipali, jiġifieri t-tranżazzjoni ta’ leasing. |
22 |
Din il-pożizzjoni ttieħdet ukoll mid-dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie. Dan tal-aħħar ukoll qajjem dubju dwar il-possibbiltà, li BGŻ Leasing, tiffattura mill-ġdid lir-riċevituri tas-servizzi ta’ assigurazzjoni marbuta mal-kuntratti ta’ leasing taħt l-istess kundizzjonijiet bħal dawk applikati mill-assiguratur. |
23 |
BGŻ Leasing ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tad-dyrektor Izby Skarbowej w Warszawie quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie (tribunal amministrattiv ta’ voïvodie ta’ Varsovie). Dak it-tribunal ikkunsidra li, skont l-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, il-valur taxxabbli ta’ provvista ta’ servizz jinkludi wkoll l-ispejjeż anċillari, bħall-ispejjeż ta’ assigurazzjoni mitluba mill-fornitur mingħand l-akkwirenti jew ir-riċevitur. L-imsemmi tribunal enfasizza li provvista kkostitwit minn servizz wieħed fil-livell kummerċjali ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali biex il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT ma tiġix alterata. F’dan ir-rigward, l-istess tribunal ikkunsidra li, meta provvista ta’ servizzi ta’ leasing tkun akkumpanjata minn provvista ta’ servizzi ta’ assigurazzjoni tal-oġġett suġġett għal-leasing, dawn jammontaw għal provvista ta’ servizzi waħda, ikkostitwita mis-servizz ta’ leasing u mis-servizz ta’ assigurazzjoni. Skont din il-qorti, il-valur taxxabbli ta’ tali provvista ta’ servizz tinkludi wkoll, minbarra l-kera tal-leasing, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni u, konsegwentement, għandha tiġi applikata rata waħda ta’ VAT fuq it-totalità tal-elementi li jikkostitwixxu tali servizz, jiġifieri ir-rata applikabbli għall-provvista ta’ servizzi prinċipali li tikkostitwixxi l-leasing. |
24 |
BGŻ Leasing ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din is-sentenza quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (Qorti suprema amministrattiva) fejn sostniet li l-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Warszawie wettqet interpretazzjoni żbaljata, partikolarment, tal-Artikoli 2(1)(ċ), 24(1), 28, 73 kif ukoll 78(b) tad-Direttiva tal-VAT. |
25 |
F’dawn il-kundizzjonijiet, in-Naczelny Sąd Administracyjny ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
|
Fuq id-domandi preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
26 |
Hemm lok li jiġi rrilevat, qabel xejn, li ż-żewġ domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja jikkonċernaw aspetti differenti taċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
27 |
Għalhekk, l-ewwel domanda tirrigwarda l-punt dwar jekk it-tranżazzjonijiet kollha inkwistjoni, li jikkonsistu f’servizzi ta’ leasing u ta’ assigurazzjoni, jikkostitwixxux, għall-finijiet tal-VAT, provvista waħda ta’ servizzi. Għall-kuntrarju, it-tieni domanda, ibbażata fuq l-ipoteżi li dawn jikkostitwixxu żewġ provvisti differenti, tikkonċerna essenzjalment it-tranżazzjoni ta’ fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispiża tal-assigurazzjoni u, partikolarment, il-kwistjoni dwar jekk tali tranżazzjoni għandhiex tiġi eżentata mill-VAT, abbażi tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
Fuq l-ewwel domanda
28 |
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-provvista ta’ servizz ta’ leasing u l-provvista ta’ assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing jifformawx, fir-rigward tal-VAT, provvista waħda, li għaliha għandha tiġi applikata rata waħda tal-VAT, jew jekk dawn jikkostitwixxux tranżazzjonijiet indipendenti, li għandhom, għaldaqstant, jiġu evalwati b’mod separat fir-rigward tal-applikazzjoni tal-VAT fir-rigward tagħhom. |
29 |
Għandu jitfakkar li, għall-finijiet tal-VAT, kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, kif jirriżulta mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-VAT (ara s-sentenza tas-27 ta’ Settembru 2012, Field Fisher Waterhouse, C-392/11, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata). |
30 |
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, f’ċerti ċirkustanzi, diversi provvisti distinti formalment, li jistgħu jiġu pprovduti separatament u b’hekk jagħtu lok, separatament, għal tassazzjoni jew għal eżenzjoni, għandhom jitqiesu li huma tranżazzjoni unika meta ma jkunux indipendenti (sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Part Service, C-425/06, Ġabra p. I-897, punt 51; u tat-2 ta’ Diċembru 2010, Everything Everywhere, C-276/09, Ġabra p. I-12359, punt 23). Ikun hemm tranżazzjoni unika, partikolarment meta żewġ elementi jew atti, jew iktar, ipprovduti mill-persuna taxxabbli tant ikunu marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli u li jekk tinfired tisfa artifiċjali (sentenzi tas-27 ta’ Ottubru 2005, Levob Verzekeringen u OV Bank, C-41/04, Ġabra p. I-9433, punt 22, u tad-29 ta’ Marzu 2007, Aktiebolaget NN, C-111/05, Ġabra p. I-2697, punt 23). Dan ikun, b’mod partikolari, l-każ meta element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala li jikkostitwixxu l-provvista prinċipali, filwaqt illi, bil-kontra, element jew diversi elementi għandhom jitqiesu bħala provvista jew provvisti anċillari li għalihom japplika l-istess trattament fiskali li tapplika għall-provvista prinċipali (sentenzi tal-25 ta’ Frar 1999, CPP, C-349/96, Ġabra p. I-973, punt 30, kif ukoll Part Service, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). |
31 |
Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet mhux biss li kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, iżda wkoll li t-tranżazzjoni kkostitwita minn provvista waħda mill-perspettiva ekonomika ma għandhiex tiġi diviża b’mod artifiċjali sabiex ma tinbidilx il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CPP, iċċitati iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll tat-22 ta’ Ottubru 2009, Swiss Re Germany Holding, C-242/08, Ġabra p. I-10099, punt 51). |
32 |
Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-provvisti mogħtija jikkostitwixxux diversi provvisti indipendenti jew provvista waħda, jeħtieġ li jiġu individwati l-elementi karatteristiċi tat-tranżazzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 29; Levob Verzekeringen u OV Bank, punt 20, kif ukoll Field Fisher Waterhouse, punt 18) Madankollu, jeħtieġ li jitfakkar li ma teżistix regola assoluta dwar id-determinazzjoni tal-portata ta’ provvista mil-lat tal-VAT, u għaldaqstant jeħtieġ li, sabiex tiġi ddeterminata l-portata ta’ provvista, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha li fihom tkun qiegħda tiżvolġi t-tranżazzjoni inkwistjoni (ara f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27 u 28). |
33 |
Fil-kuntest tal-kooperazzjoni stabbilita bis-saħħa tal-Artikolu 267 TFUE, huma l-qrati nazzjonali li għandhom jiddeterminaw jekk il-persuna taxxabbli tipprovdix provvista unika f’każ partikolari u li jagħmlu l-evalwazzjonijiet definittivi kollha ta’ fatt f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi CPP, iċċitata iktar ’il fuq punt 32 ; Part Service, iċċitata iktar ’il fuq punt 54; u tal-10 ta’ Marzu 2011, Bog et, C-497/09, C-499/09, C-501/09 u C-502/09, Ġabra p. I-1457, punt 55, kif ukoll id-digriet tad-19 ta’ Jannar 2012, Purple Parking u Airparks Services, C-117/11, punt 32). Madankollu, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tipprovdi lill-imsemmija qrati l-elementi kollha rilevanti għall-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għalihom sabiex jagħtu deċiżjoni dwar il-kawża li jkunu aditi biha (sentenza Levob Verzekeringen u OV Bank, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). |
34 |
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li t-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kif tirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, hija kkaratterizzata partikolarment mill-preżenza ta’ żewġ elementi, jiġifieri:
|
35 |
Bil-għan li jiġi kkonstatat jekk tali elementi jikkostitwixxux, għall-finijiet tal-VAT, tranżazzjoni unika, hemm lok li jiġi rrilevat, qabel xejn, li huwa veru li dawn iż-żewġ elementi jistgħu jiġu fornuti flimkien. Fil-fatt, teżisti rabta bejn il-provvista tas-servizz ta’ leasing u l-provvista tal-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing, peress li tali assigurazzjoni, li tkopri tali oġġett, għandha utilità biss fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. |
36 |
Issa, jeħtieġ li jiġi enfasizzat, f’dan ir-rigward, li kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni tippreżenta, min-natura tagħha stess, rabta mal-oġġett li hija għandha l-għan li tkopri. Isegwi li neċessarjament teżisti ċertu rabta bejn l-oġġett suġġett għal-leasing u l-assigurazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, tali rabta ma tistax fiha nnifisha tkun suffiċjenti sabiex tiddetermina jekk teżistix jew le provvista unika kumplessa għall-finijiet tal-VAT. Fil-fatt, li kieku kull tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni kienet suġġetta għall-VAT skont l-inċidenza għal dik it-taxxa tal-provvisti li jirrigwardaw l-oġġett li hija tkopri, l-għan stess tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, jiġifieri l-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni, jitpoġġa f’dubju. |
37 |
Sussegwentment, jeħtieġ li jitfakkar, b’mod konfromi mal-ġurisprudenzza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li peress li l-provvisti ta’ leasing ma jinvolvux trasferiment favur ir-riċevitur, tal-proprjetà tal-oġġett suġġett għalihom, dawn għandhom, fil-prinċipju, jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ servizzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C-118/11, punt 33). Issa minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li tali provvisti jistgħu madankollu, jiġu assimilati mal-akkwist ta’ oġġett ta’ investiment f’ċerti kundizzjonijiet. Dan ikun il-każ, b’mod partikolari, meta r-riċevitur ikollu ċerti attributi essenzjali tal-proprjetà tal-oġġett suġġett għal-leasing, partikolarment jekk dan jirċievi l-maġġoranza tal-benefiċċji u tar-riskji inerenti fil-proprjetà legali ta’ dan tal-aħħar u s-somma aġġornata tal-iskadenzi tkun prattikament identika għall-valur tas-suq tal-oġġett (ara s-sentenza Eon Aset Menidjmunt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40). Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, jekk dawk il-kriterji humiex sodisfatti. |
38 |
Bħala provvisti ta’ servizzi, tali tranżazzjonijiet ta’ leasing huma bħala regola ġenerali suġġetti għall-VAT skont l-Artikolu 2(1)(ċ) tad-Direttiva tal-VAT, u l-valur taxxabbli tagħhom jiġi ddeterminat skont l-Artikolu 73 ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Part Service, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61). Għall-kuntrarju, fir-rigward ta’ provvisti ta’ assigurazzjoni, dawn għandhom normalment jiġu eżentati mill-VAT skont l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
39 |
B’applikazzjoni tar-regola msemmija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza, li tistabbilixxi li kull provvista għandha normalment tiġi kkunsidrata bħala distinta u indipendenti, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-prinċipju, servizz ta’ leasing u l-provvista ta’ assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal dan tal-aħħar ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala tant marbuta mill-qrib li jifformaw tranżazzjoni unika. Fil-fatt, il-fatt li ssir evalwazzjoni separata ta’ tali provvisti ma jistax jikkostitwixxi, fih innifsu, diviżjoni artifiċjali ta’ tranżazzjoni ekonomika unika, li tista’ tbiddel il-funzjonalità tas-sistema tal-VAT. |
40 |
Għaldaqstant, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk jeżistux raġunijiet fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jwasslu għall-kunsiderazzjoni li l-elementi kkonċernati jikkostitwixxu tranżazzjoni unika. |
41 |
Minn din il-perspettiva, jeħtieġ li jitfakkar fl-ewwel lok, li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kunċett ta’ tranżazzjoni unika, kif imfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, provvista hija kkunsidrata bħala anċillari għall-provvista prinċipali partikolarment meta għall-klijenti din ma tkunx tikkostitwixxi għan fiha nnifisha iżda mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali pprovdut (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq CPP, punt 30; kif ukoll Part Service, punt 52). |
42 |
F’dak ir-rigward, għalkemm huwa veru li, permezz tal-provvista ta’ assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing, ir-riskji assunti mir-riċevitur normalment jitnaqqsu meta mqabbla ma’ dawk preżenti f’sitwazzjoni fejn ma tinkisibx tali assigurazzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dik iċ-ċirkustanza tirriżulta min-natura stess tal-provvista ta’ assigurazzjoni. Issa, l-imsemmija ċirkustanza, waħedha, ma timplikax li jeħtieġ li jiġi kkunsidrat li tali provvista ta’ assigurazzjoni hija ta’ natura anċillari meta mqabbla mal-provvista ta’ leasing li tkun inkisbet fil-kuntest tagħha. Fil-fatt, għalkemm tali provvista ta’ assigurazzjoni pprovduta lir-riċevitur permezz tal-fornitur tiffaċilita, fis-sens deskritt iktar ’il fuq, it-tgawdija tas-servizz ta’ leasing, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija tikkostitwixxi essenzjalment għan fiha nnifisha għar-riċevitur, u mhux unikament, mezz sabiex jitgawda aħjar is-servizz prinċipali. |
43 |
Il-fatt li l-assigurazzjoni li tkopri l-oġġett suġġett għal-leasing tintalab mill-fornitur, kif jidher li huwa l-każ fil-kuntest tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistax tikkontesta din il-konklużjoni. B’mod partikolari, hemm lok li jiġi rrilevat li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għalkemm ir-riċevitur huwa obbligat li jiżgura li l-oġġett suġġett għal-leasing jiġi assigurat, huwa madankollu għandu l-fakultà li jassigura dak l-oġġett ma’ kumpannija tal-assigurazzjoni tal-għażla tiegħu. Għalhekk, l-eżiġenza ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni ma tistax, fiha nnifisha, timplika li provvista ta’ assigurazzjoni pprovduta permezz tal-fornitur, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha karattru inseparabbli jew anċillari inkonnessjoni mal-provvista tas-servizzi ta’ leasing. |
44 |
Barra minn hekk, jeħtieġ li jitfakkar li l-modalitajiet ta’ fatturazzjoni u ta’ ħlas jistgħu joffru indizji fir-rigward tan-natura unika tal-provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 31). Għalhekk, fatturazzjoni separata kif ukoll tariffi distinti għall-provvisti jimmilitaw favur l-eżistenza ta’ provvisti indipendenti, li madankollu ma humiex ta’ importanza deċiżiva (ara, f’dan is-sens, id-digriet Purple Parking u Airparks Services, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
45 |
F’dak ir-rigward, jidher li l-modalitajiet użati fil-kawża prinċipali, jiġifieri tariffi distinti kif ukoll fatturazzjoni separata, jirriflettu l-interessi tal-partijiet kontraenti. Fil-fatt, ir-riċevitur qabel kollox ifittex li jikseb servizz ta’ leasing u huwa biss b’mod sussidjarju li huwa jfittex l-assigurazzjoni li hija mitluba minnu mill-fornitur. Jekk ir-riċevitur jiddeċiedi li jikseb is-servizz ta’ assigurazzjoni permezz tal-fornitur tal-leasing, tali deċiżjoni tittieħed indipendentement mid-deċiżjoni tiegħu li jikkonkludi kuntratt ta’ leasing. |
46 |
Fl-aħħar, skont il-kundizzjonijiet ġenerali tal-kuntratti ta’ leasing konklużi bejn BGŻ Leasing u l-klijenti tagħha, kif dawn jirriżultaw mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-fornitur għandu, f’ċerti ċirkustanzi, il-fakultà li jirrexxindi l-kuntratt ta’ leasing f’każ li r-riċevitur ikun inadempjenti fir-rigward ta’ ħlas minbarra l-kera stabbilita fl-imsemmi kuntratt. |
47 |
Fil-każ li tali ħlas, li l-inadempjenza tiegħu tippermetti lill-fornitur jirrexxindi l-kuntratt ta’ leasing, ikun jinkludi wkoll il-primjums tal-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing, ikun xieraq li jiġi rrilevat li, għalkemm stipulazzjoni kuntrattwali ta’ din in-natura tista’ tikkostitwixxi indizju li jimmilita favur l-eżistenza ta’ provvista unika f’ċirkustanzi oħra, din tal-aħħar ma tkunx rilevanti f’każ li t-tranżazzjonijiet distinti inkwistjoni ma jkunux jistgħu jiġu kkunsidrati, oġġettivament, bħala li jikkostitwixxu provvista unika (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Field Fisher Waterhouse, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 25). Għalhekk, minkejja l-eżistenza ta’ tali stipulazzjoni kuntrattwali, provvisti ta’ leasing u ta’ assigurazzjoni, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu provvisti indipendenti. |
48 |
Fit-tieni lok, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kif ukoll miċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, jirriżulta, a fortiori, li l-provvista ta’ assigurazzjoni u l-provvista ta’ leasing inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala li huma tant marbuta mill-qrib li jifformaw, oġġettivament, provvista ekonomika waħda inseparabbli li d-diviżjoni tagħhom tkun ta’ natura artifiċjali, fis-sens tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 30 ta’ din is-sentenza. |
49 |
Bil-għan li tingħata risposta kompleta lill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat, għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 78 tad-Direttiva tal-VAT, li meta l-provvisti ta’ leasing u ta’ assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing ikunu jikkostitwixxu provvisti indipendenti, dawn ma jaqgħux taħt l-istess valur taxxabbli. Għalhekk, tali provvista ta’ assigurazzjoni, li tikkostitwixxi provvista indipendenti u għan fiha nnifisha għar-riċevitur, ma tistax tikkostitwixxi, fis-sens ta’ dak l-Artikolu 78, spejjeż anċillari għal tranżazzjoni ta’ leasing, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-valur taxxabbli ta’ din it-tranżazzjoni tal-aħħar. Fil-fatt, f’tali ċirkustanzi, l-ispejjeż tal-assigurazzjoni jikkostitwixxu l-korrispettiv għall-provvista ta’ assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing, u mhux il-korrispettiv għall-provvista ta’ leasing innifsu. |
50 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-provvista ta’ servizzi relatati mal-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal leasing u l-provvista ta’ servizzi relatati mal-leasing innifsu għandhom, fil-prinċipju, jiġu kkunsidrati bħala provvisti ta’ servizzi distinti u indipendenti għall-finijiet tal-VAT. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża prinċipali, it-tranżazzjonijiet ikkonċernati humiex marbuta flimkien sal-punt li għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jikkostitwixxu provvista unika jew jekk, għall-kuntrarju, jikkostitwixxux provvisti indipendenti. |
Fuq it-tieni domanda
51 |
It-tieni domanda hija magħmula f’każ li l-provvista ta’ servizzi relatata mal-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing u l-provvista ta’ servizzi relatata mal-leasing innifsu kellhom jiġu kklassifikati bħala provvisti distinti. Permezz ta’ din id-domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment, jekk l-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, għandux jiġi interpretat fis-sens li tikkostitwixxi tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni eżentata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni tranżazzjoni, li fil-kuntest tagħha l-fornitur jassigura, ma’ terzi, l-oġġett mogħti b’titolu ta’ leasing u jiffattura mill-ġdid l-ispiża ta’ din l-assigurazzjoni lir-riċevitur. |
52 |
Preliminarjament, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, ma ġietx ikkontestata, bħala tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT, il-klassifikazzjoni tal-provvista ta’ assigurazzjoni pprovduta bil-għan li jiġi kopert l-oġġett suġġett għal-leasing. Għall-kuntrarju, il-qorti tar-rinviju tistaqsi partikolarment jekk tranżazzjoni li tinkludi, minbarra l-provvista ta’ assigurazzjoni msemmija iktar ’il fuq, il-fatturazzjoni mill-ġdid, lir-riċevitur, tal-ispiża għall-imsemmija assigurazzjoni mill-fornitur, għandhiex bl-istess mod tiġi eżentata mill-VAT. |
53 |
Abbażi tal-elementi li jirriżultaw mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, jidher li l-provvista ta’ assigurazzjoni inkwistjoni hija, fl-ewwel lok, mibjugħa mill-assiguratur lil BGŻ Leasing, li min-naħa tagħha tgħaddi, fit-tieni lok, l-ispiża fuq il-klijent tagħha, jiġifieri r-riċevitur. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex elementi li jikkonċernaw il-kontenut preċiż ta’ dan il-kuntratt ta’ assigurazzjoni jew il-modalitajiet tal-arranġament kuntrattwali konkluż bejn il-fornitur u r-riċevitur għall-finijiet tal-fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispiża għal din il-provvista ta’ assigurazzjoni. |
54 |
Bil-għan li jiġi ddeterminat jekk din it-tranżazzjoni, li tikkonsisti mhux biss fi provvista ta’ assigurazzjoni, iżda wkoll fil-fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispiża għal din tal-aħħar lir-riċevitur, tikkostitwixxix tranżazzjoni eżentata mill-VAT, jeħtieġ li tiġi evalwata l-portata tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
55 |
Skont din id-dispożizzjoni, l-Istati Membri għandhom jeżentaw “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni u tranżazzjonijiet ta’ ri-assigurazzjoni, inklużi servizzi relatati mwettqa mill-brokers ta’ l-assigurazzjoni u l-aġenti ta’ l-assigurazzjoni”. |
56 |
Għandu jitfakkar li t-termini użati sabiex jindikaw l-eżenzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv, peress li dawn l-eżenzjonijiet jikkostitwixxu derogi mill-prinċipju ġenerali li jipprovdi li l-VAT tinġabar fuq kull provvista ta’ servizzi mwettqa bi ħlas minn persuna taxxabbli (sentenza tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C-44/11, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita l-eżenzjonijiet imsemmija f’dak l-artikolu jikkostitwixxu kunċetti awtonomi tad-dritt tal-Unjoni li huma intiżi sabiex jevitaw diverġenzi fl-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT bejn Stat Membru u ieħor. |
57 |
Id-Direttiva tal-VAT ma tiddefinixxix il-kunċett ta’ tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni. |
58 |
Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni hija kkaratterizzata, b’mod ġeneralment aċċettat, mill-fatt li l-assiguratur jintrabat, bi ħlas bil-quddiem ta’ primjum, li jipprovdi lill-assigurat, fil-każ li jseħħ ir-riskju assigurat, is-servizz miftiehem meta ġie konkluż il-kuntratt (ara b’mod partikolari s-sentenza tal-20 ta’ Novembru 2003, Taksatorringen, C-8/01, Ġabra p. I-13711, punt 39, u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, it-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni jimplikaw min-natura tagħhom l-eżistenza ta’ relazzjoni kuntrattwali bejn il-fornitur tas-servizz ta’ assigurazzjoni u l-persuna li r-riskji tiegħu jkunu koperti mill-assigurazzjoni, jiġifieri l-assigurat (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Skandia, punt 41, kif ukoll Taksatorringen, punt 41). |
59 |
Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat li l-kliem “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni” li jinsab fl-Artikolu 135(1) tad-Direttiva tal-VAT jikkostitwixxi prinċipju wiesa’ biżżejjed sabiex jinkludi l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni minn persuna taxxabbli li ma huwiex huwa stess assiguratur, iżda li, fil-kuntest ta’ assigurazzjoni kollettiva, jipprovdi lill-klijenti tiegħu tali kopertura billi juża s-servizzi ta’ assiguratur li jassumi r-riskju assigurat (ara f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22. |
60 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jeħtieġ li jiġi investigat il-punt dwar jekk jaqax ukoll taħt il-kunċett ta’ “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni” l-għoti ta’ kopertura ta’ assigurazzjoni miksuba minn parti assigurata, bħal fornitur, li jiffattura mill-ġdid, fil-kuntest ta’ tranżazzjoni ta’ leasing, l-ispiża marbuta ma’ din l-assigurazzjoni lill-klijent tiegħu, jiġifieri r-riċevitur, li jibbenefika minn din il-kopertura tar-riskji fir-rigward tal-fornitur. |
61 |
Fil-prinċipju, hemm lok li tingħata risposta pożittiva għal din id-domanda. |
62 |
Fil-fatt, jeħtieġ li jiġi rrilevat li provvista ta’ assigurazzjoni, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi suġġetta għall-VAT sempliċiment minħabba l-fatturazzjoni mill-ġdid tal-ispejjeż marbuta ma’ din tal-aħħar, b’mod konformi mal-arranġament kuntrattwali konkluż bejn il-partijiet f’kuntratt ta’ leasing. Il-fatt li l-fornitur jikseb l-assigurazzjoni, fuq talba tal-klijenti tiegħu, mingħand terz u sussegwentement jgħaddi fuq dawn tal-aħħar l-ispiża eżatta ffatturata minn dak it-terz ma jistax jikkontesta dik il-konklużjoni. F’tali ċirkustanzi, sakemm il-provvista ta’ assigurazzjoni inkwistjoni tibqa’ inoltrata, is-somma ffatturata mill-ġdid tikkostitwixxi, fil-fatt, il-korrispettiv għall-imsemmija assigurazzjoni u, għaldaqstant, ma hemmx lok li tali tranżazzjoni tiġi suġġetta għall-VAT, peress li din tal-aħħar hija eżentata abbażi tal-Artikolu 135(1)(a) tal-Direttiva tal-VAT. |
63 |
Fir-rigward tal-inċidenza fuq iċ-ċirkustanzi fil-kawża prinċipali tal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT, li jistabbilixxi li “[f]ejn persuna taxxabbli li taġixxi f’isimha iżda għall-benefiċċju ta’ ħaddieħor tieħu parti fi provvista ta’ servizzi, hija għandha tiġi kkunsidrata li rċeviet u pprovdiet dawk is-servizzi hija stess”, jeħtieġ li jiġi rrilevat, minn naħa, li jekk BGŻ Leasing ikkonkludiet il-kuntratt ta’ assigurazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali f’isimha proprju u għall-interessi tagħha, fatt li għandu jiġi vverfikat mill-qorti tar-rinviju, it-tranżazzjoni kkonċernata ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 28 (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-3 ta’ Mejju 2012, Lebara, C-520/10, punt 43). Min-naħa l-oħra, f’każ li l-imsemmi kuntratt ta’ assigurazzjoni jkun ġie konkluż għall-interessi ta’ terzi, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja relatata mal-Artikolu 28 tad-Direttiva tal-VAT hija ta’ natura li tikkonferma l-eżenzjoni tat-tranżazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali. |
64 |
Skont din il-ġurisprudenza, peress li l-Artikolu 28 jaqa’ taħt it-Titolu IV tad-Direttiva tal-VAT, intitolat “Tranżazzjonijiet taxxabbli”, u li huwa redatt b’mod ġenerali mingħajr ma jinkludi restrizzjonijiet f’dak li għandu x’jaqsam mal-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu jew mal-portata tiegħu, dan jikkonċerna wkoll l-applikazzjoni tal-eżenzjonijiet tal-VAT previsti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-14 ta’ Lulju 2011, Henfling et, C-464/10, Ġabra p. I-6219, punt 36). |
65 |
Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekuldi li l-merkanzija jew il-provvista ta’ servizzi li huma simili, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu trattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata). |
66 |
Għaldaqstant, il-provvisti ta’ assigurazzjoni li għandhom l-għan li jkopru l-oġġett suġġett għal-leasing, li l-proprjetarju tiegħu jibqa’ l-fornitur, ma jistgħux, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jiġu trattati b’mod differenti skont jekk tali provvisti jiġux provduti direttament lir-riċevitur minn kumpannija ta’ assigurazzjoni jew jekk dan tal-aħħar jiksibx kopertura ta’ assigurazzjoni ekwivalenti permezz tal-fornitur li jikseb din tal-aħħar mingħand assiguratur u jiffattura mill-ġdid l-ispiża għaliha, lir-riċevitur, f’ammont inoltrat. |
67 |
Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għan tal-istess Direttiva tal-VAT, li jeżenta t-tranżazzjonijiet ta’ assigurazzjoni billi tagħti lill-Istati Membri, fl-Artikolu 401 tagħha, il-possibbiltà li tinżamm jew tiġi introdotta taxxa fuq il-kuntratti ta’ assigurazzjoni. Konsegwentement, kieku l-kliem “[tranżazzjonijiet ta’] assigurazzjoni” jindirizza unikament it-tranżazzjonijiet imwettqa mill-assiguraturi stess, il-konsumatur finali, bħal fornitur ta’ leasing, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jkunu suġġetti mhux biss minn din it-taxxa tal-aħħar, iżda, f’każ li tingħata provvista ta’ assigurazzjoni permezz tal-fornitur, anki għal VAT. Tali riżultat imur kontra l-għan tal-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza CPP, iċċitata iktar ’il fuq, punt 23). |
68 |
Fl-aħħar, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li dan ir-raġunament huwa bbażat fuq l-ipoteżi li l-fornitur jiffattura lir-riċevitur l-ispiża eżatta tal-assigurazzjoni u li r-raġunament ma jistax japplika f’każ li l-ammont iffatturat lir-riċevitur bħala spiża għal din tal-aħħar ikun ogħla minn dak iffatturat lill-fornitur mill-assiguratur. |
69 |
Isegwi li hemm lok li jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest ta’ attività ta’ leasing, tranżazzjoni li tikkonsisti fil-fatturazzjoni tal-ispiża eżatta għall-assigurazzjoni marbuta mal-oġġett suġġett għal-leasing, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
70 |
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata risposta għat-tieni domanda li meta l-fornitur jassigura huwa stess l-oġġett suġġett għal-leasing u jiffattura mill-ġdid l-ispiża eżatta għall-assigurazzjoni lir-riċevitur, tali tranżazzjoni tikkostitwixxi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tranżazzjoni ta’ assigurazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 135(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT. |
Fuq l-ispejjeż
71 |
Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura. |
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi: |
|
|
Firem |
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.