SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
26 ta’ April 2012 (*)
“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Eżenzjonijiet — Artikolu 151(1)(ċ) — Operazzjoni ta’ żmuntaġġ ta’ bastimenti li ma għadhomx jintużaw mill-flotta Amerikana magħmula fit-territorju ta’ Stat Membru”
Fil-Kawża C-225/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura
The Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs
vs
Able UK Ltd,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, K. Schiemann u L. Bay Larsen, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth, bħala aġent,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”) u Able UK Ltd (iktar ’il quddiem “Able”) dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) li tapplika għas-servizzi ta’ żmuntaġġ ta’ bastimenti li ma għadhomx jintużaw mill-flotta Amerikana.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt internazzjonali
3 It-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana ġie ffirmat f’Washington (l-Istati Uniti) fl-4 ta’ April 1949.
4 Il-Protokoll dwar L-Istatut tal-Kwartieri Ġenerali Militari Internazzjonali maħluqa abbażi tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, iffirmat f’Pariġi fit-28 ta’ Awwissu 1952 (iktar ’il quddiem il-“Protokoll dwar il-Kwartieri Ġenerali Militari”), jipprovdi fil-punt 1 tal-Artikolu VIII tiegħu:
“Sabiex jiġu ffaċilitati l-ħolqien, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-funzjonament tal-kwartieri ġenerali interalleati, dawn il-kwartieri ġenerali għandhom ikunu eżenti, sa fejn huwa possibbli, mid-dazji u mit-taxxi marbuta mal-ispejjeż sostnuti minnhom fl-interess tad-difiża komuni u għall-vantaġġ uffiċjali u esklużiv tagħhom, u kull parti f’dan il-protokoll għandha tipproċedi b’negozjati mal-kwartieri ġenerali stabbiliti fit-territorju tagħha sabiex jiġi konkluż ftehim f’dan ir-rigward.”
Id-dritt tal-Unjoni
5 Skont l-Artikolu 151(1) tad-Direttiva VAT:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
[...]
(ċ) il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru li hu parti għat-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana, intiż għall-użu tal-forzi armati ta’ l-Istati l-oħrajn li huma partijiet għal dak it-Trattat għall-użu ta’ dawk il-forzi, jew ta’ l-impjegati ċivili li jakkompanjawhom, jew għall-provvista tal-mensi jaw tal-kantins tagħhom meta dawn il-forzi jieħdu parti fl-isforz tad-difiża komuni;
d) il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi lil Stat Membru ieħor, maħsub għall-forzi armati ta’ kull Stat Membru li huwa parti għat-Trattat ta’ l-Atlantiku tat-Tramuntana, barra l-Istat Membru tal-wasla nnifsu, biex jintuża minn dawk il-forzi, jew mill-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom, jew għall-provvista tal-mensi jew tal-kantins tagħhom meta dawn il-forzi jieħdu sehem fl-isforz tad-difiża komuni;
[...]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
6 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li Able kkonkludiet kuntratt mal-United States Department of Transportation Maritime Administration (Amministrazzjoni marittima tad-dipartiment tat-trasport tal-Istati Uniti) sabiex tiżmonta tlettax-il bastiment li kienu għas-servizz tal-flotta Amerikana, iżda li kienu ġew sussegwentement ittrasferiti lill-flotta ta’ riżerva u ankrati fil-James River, f’Virginia (l-Istati Uniti). Il-kuntratt kien maqsum f’żewġ partijiet distinti. L-ewwel nett, il-bastimenti kellhom jiġu ppreparati u mbagħad irmonkati mill-Istati Uniti sar-Renju Unit. It-tieni nett, ladarba jkunu żgurati fis-sit ta’ Able, li jinsab f’Teesside (ir-Renju Unit), dawn kellhom jiġu żmontati. Spetturi tal-Gvern tal-Istati Uniti kellhom jeżerċitaw preżenza fis-sit matul il-perijodu kollu tal-kuntratt.
7 Permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Awwissu 2008, Able talbet lill-Commissioners biex jiddeċiedu liema skema fil-qasam tal-VAT kellha tiġi applikata għas-servizz ta’ żmuntaġġ li hija kienet tipprovdi. Able kienet issostni li l-provvisti tagħha kienu eżenti skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 15(10) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), li minn dak iż-żmien ’l hawn ġie ssostitwit bl-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT.
8 Fil-15 ta’ Ottubru 2008, il-Commissioners taw deċiżjoni li tipprovdi li s-servizzi ta’ żmuntaġġ magħmula minn Able kienu suġġetti għar-rata normali tal-VAT. Fil-21 ta’ Ottubru 2008, din il-kumpannija talbet reviżjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Peress illi fit-18 ta’ Novembru 2008 l-Commissioners ikkonfermaw din l-istess deċiżjoni, Able ppreżentat rikors quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) li, b’deċiżjoni tal-24 ta’ Novembru 2009, iddeċieda li s-servizzi ta’ żmuntaġġ tal-bastimenti pprovduti minn Able kienu eżenti.
9 Il-Commissioners ippreżentaw appell kontra din id-deċiżjoni quddiem il-qorti tar-rinviju. Fil-fehma tagħhom, l-Artikolu 151(ċ) tad-Direttiva VAT japplika biss għall-forzi armati ta’ Stat kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana li jkunu fuq żjara fi Stat Membru kontraenti ieħor f’dan l-istess trattat, u biss jekk dawn il-forzi jipparteċipaw f’attività direttament marbuta mal-isforz komuni ta’ difiża.
10 Peress illi qies li s-soluzzjoni tal-kawża li biha huwa jinsab adit teħtieġ l-interpretazzjoni tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT, l-Upper Tribunal (Tax and Chancery Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċedura u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
“L-Artikolu 151(1)(ċ) tad-[Direttiva VAT] għandu jiġi interpretat fis-sens li jeżenta l-provvista fir-Renju Unit ta’ servizzi ta’ żmantellar [żmuntaġġ] ta’ bastimenti rtirati mis-servizz tal-US Navy lill-US Department of Transportation Maritime Administration f’waħda jew fiż-żewġ ċirkustanzi segwenti :
a) meta l-provvista ma tkunx saret lil parti mill-forzi armati ta’ membru tan-NATO [Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana] li jipparteċipa fl-isforz ta’ difiża komuni jew lil persunal ċivili li jakkumpanjhom;
b) meta l-provvista ma tkunx saret lil parti mill-forzi armati ta’ membru tan-NATO stazzjonat jew fi żjara fir-Renju Unit jew lil persunal ċivili li jakkumpanja lil tali forzi?”
Fuq id-domanda preliminari
11 Fir-rigward tal-ewwel parti tad-domanda magħmula, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din toriġina mid-diċitura tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT. Fil-fatt, din id-diċitura tippermetti li l-aħħar parti ta’ din id-dispożizzjoni, jiġifieri l-kliem “meta dawn il-forzi jieħdu parti fl-isforz tad-difiża komuni”, tinqara bħala li hija marbuta biss mal-parti tal-frażi li tippreċediha immedjatament, jiġifieri “[il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi fi Stat Membru] għall-provvista tal-mensi jaw tal-kantins tagħhom”, u mhux bħala marbuta mal-imsemmija dispożizzjoni fl-intier tagħha. In-nuqqas, f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi, bħal fil-verżjoni Ingliża u Franċiża, ta’ virgola qabel din l-aħħar parti tal-frażi huwa ta’ natura li jikkonferma din l-interpretazzjoni.
12 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li hemm virgola f’dan l-istess post f’ċerti verżjonijiet lingwistiċi oħra tal-imsemmija dispożizzjoni, bħal fil-verżjoni Spanjola, Daniża, u Olandiża. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-preżenza jew in-nuqqas ta’ virgola ma tistax titqies bħala determinanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT.
13 Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kliem użat f’waħda mill-verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma jistax iservi bħala bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jew jingħata, f’dan ir-rigward, prijorità fil-konfront tal-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra. Approċċ bħal dan ikun inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni. Fil-każ ta’ diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi differenti, id-dispożizzjoni inkwistjoni għandha għaldaqstant tiġi interpretata skont l-istruttura ġenerali u l-għan tal-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-3 ta’ Marzu 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi, C-41/09, Ġabra p. I-831, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
14 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja daqstant ieħor stabbilita, l-eżenzjonijiet tal-VAT, li fosthom hemm dik stabbilita bl-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT, għandhom jiġu interpretati b’mod restrittiv peress illi dawn jikkostitwixxu eċċezzjonijiet għall-prinċipju ġenerali li kull servizz ipprovdut bi ħlas minn persuna taxxabbli huwa suġġett għal din it-taxxa (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Feltgen u Bacino Charter Company, C-116/10, Ġabra p. I-14187, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
15 Issa, interpretazzjoni li tipprovdi li din l-aħħar parti tal-frażi tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT hija marbuta biss mal-aħħar parti li tippreċediha immedjatament twassal biex l-eżenzjoni pprovduta f’din id-dispożizzjoni jkollha kamp ta’ applikazzjoni li mhux biss huwa estiż iżda wkoll, kif ġustament irrileva l-Gvern tar-Renju Unit, inkoerenti.
16 Fil-fatt, fil-każ li tali interpretazzjoni tiġi applikata, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula fi Stati Membri kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u intiżi għall-forzi armati ta’ Stati oħra kontraenti f’dan it-trattat għall-użu ta’ dawn il-forzi jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom jkunu f’kull ċirkustanza eżenti mill-VAT, filwaqt li l-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula għall-provvista tal-mensi jew tal-kantins tagħhom jkunu eżenti biss meta l-imsemmija forzi jipparteċipaw fl-isforz komuni tad-difiża. Issa, tali differenza dwar il-portata tal-eżenzjoni pprovduta fl-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT tidher li hija nieqsa minn kull sens.
17 Barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjoni għandha tinftiehem fid-dawl tal-għan tal-eżenzjoni li hija tistabbilixxi. Fir-rigward ta’ dan l-għan, ma hemm l-ebda ħjiel li dan kien, kif ġie argumentat quddiem il-qorti tar-rinviju, biex l-Istati Membri kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana jiġu impediti milli jibbenefikaw minn vantaġġ fiskali li jirriżulta mill-adeżjoni tagħhom fin-NATO. Barra minn hekk, kif osservat il-qorti tar-rinviju stess, tali għan jimplika l-eżistenza ta’ eżenzjoni ġenerali tal-kunsinni tal-merkanzija u tal-provvisti tas-servizzi favur l-impenji meħuda fil-kuntest tan-NATO, inkluż mill-forzi armati tal-Istat Membru li fih dawn il-kunsinni jew dawn il-provvisti jitwettqu. Issa, huwa ċar li l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT ma jistabbilixxix eżenzjoni ta’ dan id-daqs.
18 Min-naħa l-oħra, jidher li l-għan imfittex mill-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta l-imsemmija dispożizzjoni għandu pjuttost jinftiehem, kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, bħala dak li jippermetti lill-Istati Membri biex josservaw ċerti impenji meħuda fil-kuntest tan-NATO. Issa, l-ebda element fil-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi konkluż li l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 151(1)(ċ), imsemmija fil-punt 15 ta’ din is-sentenza, hija meħtieġa sabiex tali impenji jkunu jistgħu jiġu osservati.
19 Għall-kuntarju, l-Artikolu VIII tal-Protokoll dwar il-Kwartieri Ġenerali Militari, li, kif tosserva l-Kummissjoni, serva b’mod partikolari bħala għajn ta’ ispirazzjoni għal-leġiżlatur tal-Unjoni meta adotta l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT, jirreferi speċifikament għal eżenzjoni tad-dazji u tat-taxxi marbuta mal-ispejjeż sostnuti “fl-interess tad-difiża komuni.”
20 Għalhekk, l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tikkonsisti fl-iżmuntaġġ ta’ bastimenti li ma għadhomx jintużaw mill-flotta ta’ Stat ieħor kontraenti f’dan it-trattat, hija, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, eżenti mill-VAT biss meta din il-provvista hija magħmula għal impjegati tal-forzi armati ta’ dan l-Istat l-ieħor li jipparteċipaw fl-isforz komuni tad-difiża jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom.
21 Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, għandu jiġi rrilevat li d-diċitura tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT ma tindikax, hija stess, jekk provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, għandhiex, biex tkun eżenti mill-VAT, titwettaq għal impjegati tal-forzi armati ta’ Stat kontraenti ieħor f’dan it-trattat li huma stazzjonati jew li jżuru t-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom.
22 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li minnha hija tagħmel parti (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Feltgen u Bacino Charter Company, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 F’dak li jikkonċerna l-kuntest tal-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, kif ġustament josservaw il-Gvern tar-Renju Unit u l-Gvern Pollakk, il-paragrafu 1(d) ta’ dan l-istess artikolu. Filwaqt li l-ewwel waħda minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet teżenta mill-VAT, taħt ċerti kundizzjonijiet, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi magħmula fl-Istati Membri kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u intiżi għall-forzi armati ta’ Stati oħra kontraenti f’dan it-trattat, it-tieni dispożizzjoni teżenta, taħt l-istess kundizzjonijiet, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula għal Stat Membru ieħor u intiżi għall-forzi armati ta’ kull Stat kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana li ma huwiex l-Istat Membru ta’ destinazzjoni nnifsu.
24 Minn dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta, kif diġà ġie indikat fil-punt 17 ta’ din is-sentenza, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jeskludi mill-eżenzjoni tal-VAT il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi intiżi għall-forzi armati tal-Istat Membru fejn jitwettqu dawn il-kunsinni jew dawn il-provvisti.
25 Issa, minn naħa, l-imsemmija eżenzjoni, inkwantu tirrigwarda speċifikament il-forzi armati li huma stazzjonati jew li jagħmlu żjara fit-territorju tal-Istat Membru tagħhom stess, diġà tissuġġerixxi, bħala tali, li l-post ta’ stazzjonament jew ta’ żjara tal-forzi armati huwa rilevanti għall-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjonijiet.
26 Min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT jiġi interpretat bħala li jeżenta mill-VAT il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u intiżi għall-forzi armati ta’ Stat ieħor kontraenti f’dan it-trattat, minkejja li l-imsemmija forzi ma humiex stazzjonati jew ma humiex fuq żjara fit-territorju tal-imsemmi Stat Membru, dawn il-kunsinni jew provvisti jistgħu finalment ikunu ta’ benefiċċju, mingħajr ma jkunu ġew suġġetti għall-VAT, għall-forzi armati ta’ Stat Membru ieħor li huma stazzjonati jew li huma fuq żjara fit-territorju ta’ dan tal-aħħar. Issa, tali interpretazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni tista’ tippreġudika r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni msemmija fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.
27 Għalhekk, fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq kif ukoll, barra minn hekk, tal-ħtieġa li l-eżenzjonijiet tal-VAT jiġu interpretati restrittivament, kif tfakkar fil-punt 14 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat bħala li jeżenta, taħt il-kundizzjonijiet li jipprovdi, il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u intiżi għall-forzi armati ta’ Stat ieħor kontraenti f’dan it-trattat, sa fejn dawn huma stazzjonati jew fuq żjara fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat.
28 Mill-proċess mibgħut lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li interpretazzjoni oħra tal-imsemmija dispożizzjoni differenti minn dik adottata fil-punt preċedenti hija meħtieġa sabiex tippermetti li l-Istati Membri josservaw l-impenji meħuda minnhom fil-kuntest tan-NATO.
29 Għall-kuntrarju, mill-Artikolu VIII tal-Protokoll dwar il-Kwartieri Ġenerali Militari jirriżulta li, billi jistabbilixxi eżenzjoni mid-dazji u mit-taxxi sabiex jiffaċilita l-ħolqien, il-kostruzzjoni, il-manutenzjoni u l-funzjonament tal-kwartieri ġenerali interalleati li jinsabu fit-territorju ta’ Stat kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, dan l-artikolu jimplika, bħala tali, li jirrigwarda l-forzi armati stazzjonati jew fuq żjara fit-territorju ta’ dan l-Istat.
30 Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva VAT għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tikkonsisti fl-iżmuntaġġ ta’ bastimenti li ma għadhomx jintużaw mill-flotta ta’ Stat ieħor kontraenti f’dan it-trattat, hija, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, eżenti mill-VAT biss meta:
– din il-provvista hija magħmula għal impjegati tal-forzi armati ta’ dan l-Istat ieħor li jipparteċipaw fl-isforz komuni tad-difiża jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom, u meta
– din l-istess provvista hija magħmula għal impjegati tal-imsemmija forzi armati stazzjonati jew fuq żjara fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom.
Fuq l-ispejjeż
31 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikolu 151(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li provvista ta’ servizzi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, magħmula fi Stat Membru kontraenti fit-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u li tikkonsisti fl-iżmuntaġġ ta’ bastimenti li ma għadhomx jintużaw mill-flotta ta’ Stat ieħor kontraenti f’dan it-trattat, hija, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, eżenti mit-taxxa fuq il-valur miżjud biss meta:
– din il-provvista hija magħmula għal impjegati tal-forzi armati ta’ dan l-Istat ieħor li jipparteċipaw fl-isforz komuni tad-difiża jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom, u meta
– din l-istess provvista hija magħmula għal impjegati tal-imsemmija forzi armati stazzjonati jew fuq żjara fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat jew għall-impjegati ċivili li jakkumpanjawhom.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.