Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

29 ta’ Novembru 2012 (*)

“Direttiva 2006/112/KE — Taxxa fuq il-valur miżjud — Artikoli 167, 168 u 185 — Dritt għal tnaqqis — Regolarizzazzjoni tat-tnaqqis — Akkwist ta’ art u ta’ bini mibni fuq din tal-aħħar, sabiex dan il-bini jitwaqqa’ u l-ħolqien ta’ proġett ta’ proprjetà immobbli fuq din l-art”

Fil-Kawża C-257/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Bucureşti (ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Diċembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2011, fil-proċedura

SC Gran Via Moineşti SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF),

Administraţia Finanţelor Publice Bucureşti Sector 1,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský u T. von Danwitz, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal SC Gran Via Moineşti SRL, minn A. Lefter, V. Rădoi u M. Mitroi, avukati,

–        għall-Gvern Rumen, minn R. H. Radu kif ukoll minn R.-I. Munteanu u I. Bara, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u L. Bouyon, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 167, 168 u 185(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn SC Gran Via Moineşti SRL (iktar ’il quddiem “GVM”) u l-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală (ANAF) (Aġenzija nazzjonali tal-amministrazzjoni fiskali, iktar ’il quddiem l-“ANAF”) u l-Administraţia Finanţelor Publice Bucureşti Sector 1 (amministrazzjoni tal-finanzi pubbliċi tas-settur 1 ta’ Bukarest, iktar ’il quddiem l-“AFP”) dwar it-tassazzjoni li għaliha GVM ġiet sottomessa taħt it-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem “VAT”) minħabba l-akkwist ta’ art u tal-bini mibni fuq din intiż għall-ħolqien ta’ proġett ta’ proprjetà immobbli.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Nru 2006/112:

“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.

Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”

4        L-Artikolu 167 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Id-dritt li tnaqqas għandu jqum fl-istess ħin meta t-taxxa mnaqqsa ssir taxxabbli.”

5        L-Artikolu 168 ta’ din id-direttiva jgħid:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mll-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

6        L-Artikolu 184 tal-istess direttiva jipprovdi:

“It-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.”

7        L-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112 jinqara kif ġej:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja [dikjarazzjoni] tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m'għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal-proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, Stati Membri jistgħu jeħtieġu aġġustamenti fil-każijiet ta’ transazzjonjiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa u ta’ serq.”

8        Skont l-Artikolu 186 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 184 u 185 ta’ din.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        Permezz ta’ kuntratt ta’ bejgħ konkluż fis-16 ta’ Marzu 2007, GVM xtrat art u l-bini mibni fuqha.

10      Skont dan il-kuntratt, permess ta’ twaqqigħ għal dan il-bini kien ukoll is-suġġett ta’ trażmissjoni lil GVM.

11      Fuq il-bażi ta’ dan il-permess, GVM wettaq xogħlijiet ta’ twaqqigħ li għalihom ġew stabbiliti minuti fit-30 ta’ Settembru 2008.

12      Barra minn hekk, fis-16 ta’ April 2008, inħareġ lil GVM ċertifikat ta’ ppjanar intiż għall-kisba ta’ permess ta’ bini sabiex l-art inkwistjoni titqassam fi plotts.

13      GVM naqqset il-VAT fir-rigward tal-art u l-bini kollu mixtri u stabbiliet dikjarazzjoni ta’ VAT, irreġistrata fis-27 ta’ Ottubru 2008, għal AFP, li turi bilanċ negattiv bl-għażla ta’ rimbors.

14      Wara verifika fiskali, fit-8 ta’ Mejju 2009, l-AFP ħejjiet rapport ta’ spezzjoni fiskali u, fit-12 ta’ Mejju ta’ wara, ħarġet avviż ta’ taxxa li, meħud kont tat-twaqqigħ tal-imsemmi bini, kien meħtieġ li ssir regolarizzazzjoni tal-VAT fuq il-bini mġarraf, li kien tnaqqas minn GVM.

15      Permezz ta’ talba mressqa fid-19 ta’ Ġunju 2009, GVM talbet l-annullament ta’ dan ir-rapport ta’ spezzjoni fiskali u ta’ dan l-avviż ta’ taxxa, fejn argumentat li l-intenzjoni tagħha kienet tkun li tixtri l-art inkwistjoni unikament bil-ħsieb li l-art titqassam fi plotts u li, f’dan il-kuntest, l-akkwist ta’ bini mibni fuq din l-art kien inevitabbli. B’konsegwenza, GVM ma għaddietx għar-regolarizzazzjoni tal-VAT fir-rigward tal-akkwist ta’ dan il-bini, li kienet tnaqqset fil-bidu, peress li t-twaqqigħ ta’ dan kien jagħmel parti mill-pjan ta’ investiment tagħha u li l-proġett ta’ tqassim tal-art fi plotts kellu jservi għat-twettiq tat-tranżazzjonijiet intaxxati.

16      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Settembru 2009, l-ANAF ċaħdet din it-talba għar-raġuni li GVM kienet naqqset b’mod illegali l-VAT fir-rigward tal-imsemmi bini, peress li kienet xtrat dan tal-aħħar mhux bil-għan li twettaq tranżazzjonijiet taxxabbli, iżda biss b’dan li teqirdu. F’dan ir-rigward, l-ANAF tirrileva li dan il-bini kien ġie rreġistrat bħala inventarju u mhux bħala kapitali.

17      Permezz ta’ rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2009 quddiem il-qorti tar-rinviju, GVM talbet l-annullament ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll tar-rapport ta’ spezzjoni fiskali tat-8 ta’ Mejju 2009 u tal-avviż ta’ taxxa li nħareġ fit-12 ta’ Mejju 2009 mill-AFP.

18      Huwa f’dan il-kuntest li l-Curtea de Apel Bucureşti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Ix-xiri, minn kumpannija kummerċjali suġġetta għall-VAT, ta’ bini bl-intenzjoni li jitwaqqa’ flimkien mal-art fejn hu mibni, sabiex l-imsemmija art titqassam fi plotts, jista’ jirrappreżenta attività preparatorja, jiġifieri spiża ta’ investiment għall-bini ta’ kumpless residenzjali, b’mod li tagħti d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT relatata max-xiri ta’ dan il-bini, fid-dawl tal-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva [2006/112]?

2)      It-twaqqigħ tal-bini intiż għat-twaqqigħ, mixtri flimkien mal-art li huwa mibni fuqha, sabiex jinbena kumpless residenzjali fuq l-imsemmija art, huwa suġġett għall-aġġustament tal-VAT relatata max-xiri ta’ dan il-bini, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 185(2) tad-Direttiva [2006/112]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

19      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112 għandhom ikunu interpretati fis-sens li kumpannija li xtrat art u bini mibni fuq din tal-aħħar, intiża għat-twaqqigħ ta’ dan u l-bini ta’ kumpless residenzjali fuq din l-art, għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

20      Hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu l-VAT li tagħha huma persuni responsabbli għall-ħlas tat-taxxa l-VAT tal-input dovuta jew imħallsa għall-beni mixtrija u s-servizzi riċevuti minnhom jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT stabbilita mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni (sentenza tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11C-142/11, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

21      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ripetutament li d-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq tad-Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mill-mekkaniżmu tal-VAT u fil-prinċipju ma jistax jiġi limitat. Dan id-dritt jiġi eżerċitat immedjatament fuq it-taxxi kollha li jkunu imposti fuq it-tranżazzjonijiet suġġetti għat-taxxa tal-input (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Marzu 2000, Gabalfrisa etC-110/98 sa C-147/98, Ġabra p. I-1577, punt 43; tal-15 ta’ Diċembru 2005, Centralan Property, C-63/04, Ġabra p. I-11087, punt 50; tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 47, kif ukoll Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38).

22      Is-sistema tat-tnaqqis hija intiża sabiex il-kummerċjant jinħeles għal kollox mill-piż tal-VAT dovuta jew imħallsa fil-kuntest tal-attivitajiet ekonomiċi kollha tiegħu. Is-sistema komuni tal-VAT tiggarantixxi, għaldaqstant, newtralità perfetta fir-rigward tal-piż fiskali tal-attivitajiet ekonomiċi kollha, irrispettivament mill-għanijiet jew ir-riżultati tagħhom, bil-kundizzjoni li l-imsemmija attivitajiet ikunu, huma stess suġġetti għall-VAT (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1985, Rompelman, C-268/83, Ġabra p. 655, punt 19 ; tal-15 ta’ Jannar 1998, Ghent Coal Terminal, C-37/95, Ġabra p. I-1, punt 15 ; Gabalfrisa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44; tat-3 ta’ Marzu 2005, Fini H, C-32/03, Ġabra p. I-1599, punt 25; Centralan Property, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51, kif ukoll Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39).

23      Mill-kliem tal-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tibbenefika mid-dritt ta’ tnaqqis, minn naħa, il-persuna kkonċernata għandha tkun “persuna taxxabbli” fis-sens ta’ din id-direttiva u, min-naħa oħra, li l-merkanzija u s-servizzi inkwistjoni jkunu użati għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha (ara s-sentenza Centralan Property, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

24      Skont it-termini tal-Artikolu 9(1) ta’ din id-direttiva, il-kunċett ta’ “persuna taxxabbli” huwa ddefinit b’rabta mal-kunċett ta’ “attività ekonomika” (ara s-sentenza Fini H, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

25      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li individwu li jixtri proprjetà għall-bżonnijiet ta’ attività ekonomika fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni wettqu inkwantu persuna taxxabbli, anki jekk dawn il-proprjetajiet ma humiex użati immedjatament għal din l-attività ekonomika (ara s-sentenza tal-11 ta’ Lulju 1991, Lennartz, C-97/90, Ġabra p. I-3795, punt 14).

26      Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ attività ekonomika, imsemmi fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, jista’ jikkonsisti f’diversi atti konsekutivi u, fost dawn l-atti, l-attivitajiet preparatorji, bħall-akkwist tal-mezzi tal-operat, u, għaldaqstant, l-akkwist ta’ immobbli, għandhom jiġu kkunsidrati bħala attivitajiet ekonomiċi (ara s-sentenzi Rompelman, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22 ; Lennartz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13; tad-29 ta’ Frar 1996, INZO, C-110/94, Ġabra p. I-857, punt 15, kif ukoll Fini H, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22). Kull min iwettaq atti preparatorji huwa, għaldaqstant, ikkunsidrat bħala persuna taxxabbli fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u għandu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT (sentenza Fini H, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

27      Barra minn hekk, dak li jinkorri xi spejjeż ta’ investiment bl-intenzjoni, ikkonfermata minn elementi oġġettivi, li jeżerċita attività ekonomika, fis-sens tal-imsemmi Artikolu 9(1), għandu jiġi kkunsidrat bħala persuna taxxabbli. Meta jaġixxi bħala tali, għalhekk, huwa għandu, skont l-Artikoli 167 et seq tad-Direttiva 2006/112, id-dritt li jnaqqas immedjatament il-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-ispejjeż ta’ investiment imwettqa għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet li huwa għandu l-intenzjoni li jagħmel u li jikkwalifikaw għat-tnaqqis (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Rompelman, iċċitata iktar ’il fuq, punti 23 u 24; INZO, iċċitata iktar ’il fuq, punti 16 u 17; Ghent Coal Terminal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17; Gabalfrisa et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl, C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 34).

28      Minn dan jirriżulta li huwa l-akkwist tal-merkanzija minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali li jiddetermina l-applikazzjoni tas-sistema tal-VAT u, għaldaqstant, tal-mekkaniżmu ta’ tnaqqis. L-użu li jsir minn merkanzija jew minn servizz, jew li huwa jew li hu maħsub għalihom, jiddetermina biss il-portata tat-tnaqqis inizjali li għalih il-persuna taxxabbli għandha dritt skont l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112 u l-portata tar-regolarizzazzjoni eventwali matul il-perijodi sussegwenti, liema għandhom jitwettqu fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 184 et seq tal-istess direttiva (ara s-sentenzi Lennartz, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15; Ghent Coal Terminal, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tat-8 ta’ Ġunju 2000, Schloßstrasse, C-396/98, Ġabra p. I-4279, punt 37; Breitsohl, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; Centralan Property, iċċitata iktar ’il fuq, punt 54; tas-16 ta’ Frar 2012, Eon Aset Menidjmunt, C-118/11, punt 57, u tad-19 ta’ Lulju 2012, X, C-334/10, punt 17).

29      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fl-assenza ta’ ċirkustanzi frawdolenti jew abbużivi u bla ħsara għall-eventwali regolarizzazzjoni skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112, id-dritt għal tnaqqis, ladarba nħoloq, jibqa’ akkwistat anki meta l-attività ekonomika ppjanata ma tatx lok għal tranżazzjonijiet taxxabbli (ara s-sentenzi INZO, iċċitata iktar ’il fuq, punti 20 u 21; Ghent Coal Terminal, iċċitata iktar ’il fuq, punti 19 sa 23; Schloßstrasse, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tat-8 ta’ Ġunju 2000, Midland Bank, C-98/98, Ġabra p. I-4177, punt 22, u Fini H, iċċitata iktar ’il fuq, punt 22).

30      Fir-rigward tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, jirriżulta mill-proċess li l-akkwist minn GVM tal-art u tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi attività preparatorja intiża, kif ippruvat mill-ħruġ ta’ permess għall-bini msemmi fil-punt 12 ta’ din il-kawża, sabiex jinbena kumpless residenzjali fuq din l-art għall-bżonnijiet tal-attivitajiet ta’ żvilupp immobbiljari ta’ din il-kumpannija.

31      Meta tagħmel dan l-akkwist, GVM b’hekk twettaq attività ekonomika inkwantu persuna taxxabbli, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112.

32      Fir-rigward tat-tieni kundizzjoni mfakkra fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-użu tal-merkanzija jew tas-servizzi tal-input akkwistati għall-bżonnijiet ta’ tranżazzjonijiet intaxxati tal-output, jirriżulta mill-proċess li, mill-akkwist tal-art u tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali, GVM esprimiet l-intenzjoni tagħha li twaqqa’ dan il-bini sabiex tibda l-bini ta’ kumpless residenzjali fuq din l-art.

33      Din l-intenzjoni ġiet ikkonfermata minn elementi oġġettivi, peress li, matul l-akkwist tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kien ġie trażmess permess ta’ twaqqigħ lil GVM u li, qabel ma għamlet id-dikjarazzjoni tagħha tal-VAT, din il-kumpannija kienet eżegwit xi xogħlijiet ta’ twaqqigħ tal-imsemmi bini u kien inħareġ lilha ċertifikat ta’ ppjanar intiż għall-ksib ta’ permess ta’ bini għall-bini tal-imsemmi kumpless residenzjali.

34      Madankollu, f’tali ċirkostanzi, din l-intenzjoni ma għandhiex bħala effett li ċċaħħad lil GVM mid-dritt għal tnaqqis tal-VAT fir-rigward tal-akkwist tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

35      Fil-fatt, dan il-bini kien ġie akkwistat mal-art li fuqha kien mibni u din tal-aħħar tkompli tkun użata minn GVM għall-bżonnijiet tat-tranżazzjonijiet intaxxati tagħha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sostituzzjoni ta’ strutturi skaduti minn bini iktar modern u, konsegwentement, l-użu ta’ dan tal-aħħar għal tranżazzjonijiet taxxabbli tal-output ma jiksirx ebda rabta diretta bejn, minn naħa, l-akkwist ta’ immobbli kkonċernat tal-input u, min-naħa l-oħra, l-attivitajiet ekonomiċi mwettqa sussegwentement mill-persuna taxxabbli. L-akkwist ta’ dawn l-immobbli u sussegwentement il-qerda tagħhom bil-ħsieb li jinbena bini ġdid li jkun iktar modern jistgħu, għalhekk, jiġu kkunsidrati bħala sensiela ta’ transazzjonijiet interrelatati li għandhom bħala suġġett it-tlestija ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli bl-istess mod li x-xiri ta’ immobbli ġodda u l-użu dirett ta’ dawn (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ottubru 2012, TETS Haskovo, C-234/11, punt 34).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li tingħata risposta għall-ewwel domanda li l-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpannija li kienet xtrat art u bini mibni fuq din tal-aħħar, intiża għat-twaqqigħ ta’ dan u tal-bini ta’ kumpless residenzjali fuq din l-art, għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

 Fuq it-tieni domanda

37      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-Qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, jekk l-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li t-twaqqigħ ta’ bini mibni fuq art, akkwistata sabiex jinbena kumpless residenzjali minflok dan il-bini, jimplika regolarizzazzjoni tat-tnaqqis tal-bidu magħmul għal VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

38      F’dan id-dawl, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-regoli dwar ir-regolarizzazzjoni tat-tnaqqis jikkostitwixxu element essenzjali tas-sistema stabbilita bid-Direttiva 2006/112 peress li huma intiżi li jiżguraw l-eżattezza tat-tnaqqis u, għaldaqstant, in-newtralità tal-piż fiskali (ara s-sentenza tat-30 ta’ Marzu 2006, Uudenkaupungin kaupunki, C-184/04, Ġabra p. I-3039, punt 26). Permezz ta’ dawn ir-regoli, din id-direttiva għandha l-għan li tistabbilixxi relazzjoni stretta u diretta bejn id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa u l-użu ta’ merkanzija jew ta’ servizzi kkonċernati għat-tranżazzjonijiet intaxxati tal-output (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Centralan Property, punt 57, u TETS Haskovo, punt 31).

39      Għaldaqstant, il-mekkaniżmu ta’ regolarizzazzjoni previst mid-Direttiva 2006/112 jagħmel parti integrali mis-sistema ta’ tnaqqis tal-VAT stabbilit minn din (ara s-sentenza TETS Haskovo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

40      Għal dak li jikkonċerna t-tnissil ta’ eventwali obbligu ta’ regolarizzazzjoni ta’ tnaqqis tal-VAT imwettaq taħt taxxa tal-input imħallsa, l-Artikolu 185(1) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi l-prinċipju li tali regolarizzazzjoni sseħħ speċjalment meta xi emendi ta’ elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis ikkonċernat seħħew wara d-dikjarazzjoni tal-VAT (ara s-sentenza TETS Haskovo, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).

41      Issa, fir-rigward tal-kawża li tressqet quddiem il-qorti tar-rinviju, it-twaqqigħ tal-bini inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jikkostitwixxix emenda fis-sens tal-imsemmi Artikolu 185(1), peress li, kif jirriżulta mill-punti 32 sa 35 ta’ din is-sentenza, dan it-twaqqigħ kien previst minn GVM sa mill-akkwist ta’ dan il-bini.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-twaqqigħ ta’ bini, akkwistat flimkien mal-art li fuqha ġie mibni, li twettaq sabiex jinbena kumpless residenzjali minflok dan il-bini, ma jinvolvix obbligu li jiġi aġġustat it-tnaqqis tal-bidu magħmul għal VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 167 u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, kumpannija li kienet xtrat art u bini mibni fuq din tal-aħħar, intiża għat-twaqqigħ ta’ dan u tal-bini ta’ kumpless residenzjali fuq din l-art, għandha d-dritt li tnaqqas il-VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

2)      L-Artikolu 185 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-twaqqigħ ta’ bini, akkwistat flimkien mal-art li fuqha ġie mibni, li twettaq sabiex jinbena kumpless residenzjali minflok dan il-bini, ma jinvolvix obbligu li jiġi aġġustat it-tnaqqis tal-bidu magħmul għal VAT fir-rigward tal-akkwist tal-imsemmi bini.

Firem


* Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.