SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)
7 ta’ Marzu 2013 (*)
“Tassazzjoni – Taxxa fuq il-valur miżjud – Direttiva 77/388/KEE – Eżenzjoni tal-immaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment – Portata”
Fil-Kawża C-275/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Ġunju 2011, fil-proċedura
GfBk Gesellschaft für Börsenkommunikation mbH
vs
Finanzamt Bayreuth,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),
komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, A. Borg Barthet, J.-J. Kasel, M. Safjan (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Ġunju 2012,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal GfBk Gesellschaft für Börsenkommunikation mbH, minn E. Schulz,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, bħala aġent,
– għall-Gvern Grieg, minn I. Pouli u K. Boskovits, bħala aġenti,
– għall-Gvern Lussemburgiż, minn C. Schiltz, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u B.-R. Killmann, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-8 ta’ Novembru 2012,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn GfBk Gesellschaft für Börsenkommunikation mbH (iktar ’il quddiem “GfBk”) u Finanzamt Bayreuth dwar rifjut ta’ eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) għas-servizzi ta’ konsulenza mwettqa minn GfBk lil kumpannija ta’ investiment ta’ kapital (iktar ’il quddiem “KII”) oppost mill-Finanzamt Bayreuth.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva jipprovdi dan li ġej:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħra tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġej taħt il-kondizzjonijiet li huma għandhom jistabilixxu għall-iskopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe eżenzjoni possibbli, evitar u abbuż:
[…]
(d) it-transazzjonijet li ġejjin:
[…]
3. transazzjonijet, inkluż negozjar, li jikkonċerna d-depożitu u l-kontijiet kurrenti, pagamenti, trasferimenti, debiti, ċekkijiet u strumenti oħrajn negozzjabbli, imma esklużi l-kollezzjoni tad-debitu u l-fattorar;
[…]
5. transazzjonijet, inklużi negozjar, eskluż l-immaniġġjar u l-ħażna assigurata, fl-ishma, interessi f’kumpanniji jew assoċjazzjonijet, debentures u sigurtajiet oħrajn [...];
6. maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment kif definiti mill-Istati Membri.”
4 L-Artikolu 1(2) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 139), jiddefinixxi dawn l-impriżi bil-kliem li ġejjin:
“2. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, u soġġett għall-Artikolu 2, UCITS għandhom ikunu impriżi:
– li l-iskop uniku tagħhom huwa l-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku u li joperaw fuq il-prinċipju tat-tixrid tar-riskju,
u
– li l-unitajiet tagħhom huma, fuq it-talba tat-titolari, mixtrija mill-ġdid jew mogħtija lura, direttament jew indirettament, mill-assi ta’ dawk l-impriżi. Azzjoni meħuda minn UCITS sabiex jiġi assigurat li l-valur tal-borża ta’ l-unitajiet tagħha ma jvarjawx b’mod sinifikanti mill-valur nett tagħhom ta’ l-assi għandha titqies bħala ekwivalenti għal dan ix-xiri mill-ġdid jew il-fidwa.
3. Dawn l-impriżi jistgħu jiġu kkostitwiti skond il-liġi, jew taħt it-liġi ta’ kuntratt (bħala fondi komuni amministrati minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni) jew il-liġi dwar it-‘trusts’ (bħala unitajiet ta’ trust) jew taħt statut (bħala kumpanniji ta’ investiment).
[…]”
5 Skont l-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva, “L-ebda UCITS m’għandha twettaq attivitajiet sakemm ma tkunx ġiet awtorizzata mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istat Membru li tkun tinstab fih”.
6 Skont l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, “l-ebda kumpanija ta’ amministrazzjoni ma tista’ tingaġġa f’attvitajiet oħrajn barra mill-amministrazzjoni ta’ unitajiet ta’ trust u ta’ kumpanniji ta’ investiment”.
7 Id-Direttiva 85/611 ġiet emendata permezz tad-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 4, p. 287) bl-iskop li jiġu rregolati kumpanniji ta’ amministrazzjoni u prospectuses simplifikati, u bid-Direttiva 2001/108/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002 għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS).
8 Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 85/611, kif emendata bid-Direttiva 2001/107, “l-attività ta’ amministrazzjoni ta’ unit trusts/fondi komuni u ta’ kumpanniji ta’ investiment tinkludi għall-iskop ta’ din id-Direttiva, il-funzjonijiet imsemmija fl-Anness II li mhumiex kompleti”.
9 L-imsemmi Anness II isemmi l-punti li ġejjin fost il-“funzjonijiet inklużi fl-attività ta’ l-amministrazzjoni kollettiva tal-portfolio”:
“– Amministrazzjoni ta’ investiment
– Amministrazzjoni:
a) servizzi ta’ kontabilità legali u ta’ amministrazzjoni ta’ fond;
b) inkjesti tal-klijenti;
ċ) valutazzjoni u pprezzar (inklużi rifużjonijiet fuq it-taxxa);
d) monitoraġġ regolatorju ta’ konformità;
e) manutenzjoni tar-reġistru tat-titolari ta’ l-unità;
f) distribuzzjoni tad-dħul;
g) kwistjonijiet u fidi ta’ unitajiet;
h) riżoluzzjonijiet ta’ kuntratti (inkluża l-kunsinna taċ-ċertifikat);
i) iż-żamma ta’ reġistri.
– it-Tqegħid fis-suq”.
10 L-Artikolu 5g(1) tad-Direttiva 85/611, kif emendata bid-Direttiva 2001/107, introduċa l-possibbiltà għall-Istati Membri li “jippermettu lill-kumpanniji ta’ l-amministrazzjoni jiddelegaw lil partijiet terzi għall-iskop ta’ kondotta iktar effiċjenti tan-negozju” sakemm dan il-mandat jissodisfa l-kundizzjonijiet iddikjarati fil-punti (a) sa (i) tal-Artikolu 5g(1).
11 Fost dawn il-kundizzjonijiet hemm dik magħmula fil-punt (ċ) ta’ din id-dispożizzjoni li, “meta d-delegazzjoni tikkonċerna l-amministrazzjoni ta’ investiment, il-mandat jista’ jingħata biss lil impriżi li huma awtorizzati jew irreġistrati għall-iskop ta’ amministrazzjoni ta’ assi u soġġett għal sorveljanza prudenti; id-delegazzjoni għandha tkun skond kriterji ta’ allokazzjoni ta’ investiment stabbiliti perjodikament minn kumpanniji ta’ amministrazzjoni”.
Id-dritt nazzjonali
12 Skont il-punt 8(h) tal-Artikolu 4 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz), tas-26 ta’ Novembru 1979, fil-verżjoni tagħha fis-seħħ matul il-perijodu 1999–2002 inkwistjoni fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“UStG”), l-“amministrazzjoni ta’ unit trusts/fondi komuni” hija eżentata mit-taxxa “skont il-liġi fuq il-kumpanniji ta’ investiment ta’ kapital [Gesetz über Kapitalanlagegesellschaften, iktar ’il quddiem il-‘KAAG’]”.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 GfBk hija impriża Ġermaniza li għandha bħala għan it-tixrid tal-informazzjoni u li tipprovdi konsulenza dwar l-investiment ta’ strumenti finanzjarji u t-tqegħid fis-suq ta’ investimenti ta’ kapital.
14 Matul ix-xahar ta’ Diċembru 1999, GfBk ikkonkludiet kuntratt mal-KII, li kienet tamministra, skont il-KAAG, fil-forma ta’ fond speċjali ta’ investiment, forom ta’ investiment miftuħin għall-pubbliku. GfBk intrabtet li tipprovdi konsulenza lill-KII “fl-immaniġġjar ta’ assi tal-fond”, kif ukoll “tgħaddilha rakkomandazzjonijiet dwar bejgħ jew xiri ta’ assi fuq il-bażi ta’ analiżi kostanti tas-sitwazzjoni tal-fond”. GfBk intrabtet li tieħu ħsieb ukoll “tosserva l-prinċipju tad-diversifikazzjoni tar-riskju, tar-restrizzjonijiet legali fir-rigward tal-investiment […] u tal-kundizzjonijiet tal-investiment […]”.
15 Mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-partijiet kienu ftehmu li r-remunerazzjoni ta’ GfBk għall-konsulenzi tagħha kienet ġiet stabbilita skont perċentwali kkalkolat skont il-valur kull xahar tal-fond speċjali ta’ investiment.
16 Fl-implementazzjoni ta’ dan il-kuntratt, GfBk għamlet rakkomandazzjonijiet lill-KII inkwistjoni fil-kawża prinċipali, matul is-snin 1999–2002, fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ titoli bit-telefon, bil-faks jew bis-server tal-internet. Din il-KII introduċiet dawn ir-rakkomandazzjonijiet fis-sistema ta’ ordnijiet tagħha ta’ xiri u ta’ bejgħ u, wara li kienet ivverifikat li dawn ma kienu jiksru ebda restrizzjoni legali fil-qasam tal-investiment applikabbli għall-fondi ta’ investiment, kienet timplementhom, ħafna drabi fi żmien ta’ xi ftit minuti wara r-riċezzjoni tagħhom. Anki jekk l-imsemmija KII ma kienet taffettwa ebda għażla awtonoma ta’ mmaniġġjar tal-fond ta’ investiment, hija kienet iżżomm għalhekk setgħa ta’ deċiżjoni u ta’ responsabbiltà finali. GfBk kienet informata bir-riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tagħha kif ukoll bir-rekords ta’ kuljum tal-kompożizzjoni tal-fond ta’ investiment li għalih hija kienet tipprovdi konsulenza.
17 Fil-kuntest tal-proċedura fiskali dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, GfBk talbet li s-servizzi tagħha ta’ konsulenza lill-KII inkwistjoni fil-kawża prinċipali jkunu eżenti mill-VAT bħala servizzi esterni ta’ amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment. Il-Finanzamt opponiet rifjut għal din it-talba, peress li qieset li s-servizzi pprovduti minn GfBk ma kienux jaqgħu taħt l-“amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, fis-sens ta’ punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, u għalhekk ma kienux jistgħu jiġġustifikaw din l-eżenzjoni.
18 Bil-għan li tikkontesta d-deċiżjonijiet meħudin fil-konfront tagħha, GfBk ressqet azzjoni fil-qorti. Fil-kuntest ta’ appell għal “Reviżjoni” quddiem il- Bundesfinanzhof, din tal-aħħar iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“Għall-interpretazzjoni tal-kunċett ‘maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment’ fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) [tas-Sitt Direttiva], is-servizz ta’ amministratur estern ta’ fondi speċjali ta’ investiment ma huwiex suffiċjentement speċifiku u, għalhekk, eżentat [mill-VAT] ħlief:
a) meta jeżerċita attività ta’ maniġġjar u mhux biss attività ta’ konsultazzjoni, jew
b) meta minħabba n-natura tiegħu, is-servizz jiddistingwi ruħu minn servizzi oħrajn permezz ta’ karatteristika partikolari għall-finijiet tal-eżenzjoni skont din id-dispożizzjoni, jew
c) meta dan l-amministratur jaġixxi b’eżekuzzjoni ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 5g tad-Direttiva 85/611/KEE kif emendata?”
Fuq id-domanda preliminari
19 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, jekk u għal liema kundizzjonijiet is-servizzi ta’ konsulenza fl-investiment f’titoli trasferibbli pprovduti minn terzi lill-KII kienu jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.
20 F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar mill-ewwel li s-servizzi ta’ mmaniġġjar ipprovduti minn amministratur terz jaqgħu, fil-prinċipju, fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, peress li l-amministrazzjoni ta’ fondi speċjali ta’ investiment imsemmija fl-imsemmi punt 6 hija ddefinita skont in-natura tas-servizzi pprovduti u mhux skont il-fornitur jew id-destinatarju tas-servizz (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2006, Abbey National, C-169/04, Ġabra p. I-4027, punti 66 sa 69).
21 Madankollu, sabiex jitqiesu li huma “tranżazzjonijiet eżentati” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, is-servizzi ta’ mmaniġġjar pprovduti minn amministratur terz għandhom jifformaw unità distinta, ikkunsidrata b’mod wiesa’, u jikkostitwixxu elementi speċifiċi u essenzjali għall-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punti 70 sa 72).
22 Fir-rigward, sussegwentement, tat-tranżazzjonijiet li huma speċifiċi għall-attività ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv, mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/611 jirriżulta li t-tranżazzjonijiet tal-UCITS jikkonsistu fl-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku. Fil-fatt, mal-kapital li l-kontributuri jiddepożitaw meta jixtru unitajiet, l-UCITS jikkostitwixxu u jimmaniġġjaw, f’isimhom u bi ħlas, portafolji magħmula minn titoli trasferibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2004, BBL, C-8/03, Ġabra p. I-10157, punt 42; Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 61, u tad-19 ta’ Lulju 2012, Deutsche Bank, C-44/11, punt 32). Barra l-funzjonijiet ta’ mmaniġġjar tal-portafoll, il-funzjonijiet ta’ amministrazzjoni ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv innifshom jikkostitwixxu funzjonijiet speċifiċi għall-impriżi ta’ investiment kollettiv, bħal dawk indikati fl-Anness II tad-Direttiva 85/611, kif emendat bid-Direttiva 2001/107, taħt l-intestatura “Amministrazzjoni” (ara s-sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 64).
23 Minn dak li jippreċedi jirriżulta li, sabiex jiġi ddeterminat jekk is-servizzi ta’ konsulenza fl-investiment f’titoli trasferibbli pprovduti minn terzi lill-KII jaqgħux taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, għandu jitfittex, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 27 u 31 tal-konklużjonijiet tiegħu, jekk is-servizz ta’ konsulenza fl-investiment f’titoli trasferibbli pprovduti minn terzi jippreżentax rabta intrinsika mal-attività proprja ta’ KII b’mod li jkollu bħala effett li jissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali tal-immaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment.
24 F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li peress li s-servizzi, li jikkonsistu f’li jiġu indirizzati rakkomandazzjonijiet fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ attiv lil KII, għandhom rabta intrinsika mal-attività proprja tiegħu, li jikkonsisti, kif tfakkar fil-punt 22 ta’ din is-sentenza, fl-investiment kollettiv f’titoli trasferibbli ta’ kapital realizzat mill-pubbliku.
25 Il-fatt li s-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni ma humiex elenkati fl-Anness II tad-Direttiva 85/611, kif emendat bid-Direttiva 2001/107, ma jipprekludix l-inklużjoni tagħhom fil-kategorija tas-servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt l-attivitajiet ta’ “maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, peress li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 85/611, kif emendat bid-Direttiva 2001/107, jenfasizza, huwa stess, li l-lista ta’ dan l-anness “mhumiex kompleti”.
26 Il-fatt li s-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni pprovduti minn terzi ma jwasslux għal bidla fis-sitwazzjoni ġuridika u finanzjarja tal-fond ma jipprekludix iktar li dawn jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva.
27 Hemm lok, fil-fatt, li jitfakkar li, fil-punti 26, 63 u 64 tas-sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li mhux biss l-immaniġġjar tal-investimenti, peress li jinvolvi l-għażla u ċ-ċessjoni tal-assi li huma s-suġġett ta’ dan l-immaniġġjar, iżda wkoll is-servizzi ta’ amministrazzjoni u ta’ kontabbiltà, bħalma huma l-kalkolu tal-ammont ta’ dħul u tal-prezz tal-unitajiet jew ishma ta’ fondi, l-evalwazzjoni tal-assi, il-kontabbiltà, il-preparazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet għad-distribuzzjoni tad-dħul, l-għoti tal-informazzjoni u tad-dokumentazzjoni għall-kontabbiltà perjodika u għad-dikjarazzjonijiet fiskali, statistika u ta’ VAT kif ukoll il-preparazzjoni tal-previżjonijiet tad-dħul jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment. Għalhekk ftit jgħodd li, bħal fil-kawża prinċipali, kienet ir-responsabbiltà tal-KII inkwistjoni li jimplementa r-rakkomandazzjonijiet fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ attiv ipprovdut minn GfBk wara l-kontroll tal-konformità tagħhom mal-limiti ta’ investiment.
28 Barra minn hekk, il-kliem tal-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva ma jeskludix, bħala regola, li l-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment jinqasam f’diversi servizzi distinti li jistgħu jaqgħu għaldaqstant taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment” skont din id-dispożizzjoni u jibbenefikaw mill-eżenzjoni li din tipprevedi, anki meta huma jkunu pprovduti minn amministratur terz (sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 67), sakemm kull wieħed minn dawn is-servizzi jkollu bħala effett li jissodisfa l-funzjonijiet speċifiċi u essenzjali tal-immaniġġjar ta’ fond speċjali ta’ investiment. Issa, kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, tali huwa l-każ tar-rakkomandazzjonijiet fuq ix-xiri u l-bejgħ ta’ attiv ipprovdut minn terzi lil KII.
29 Hemm lok ukoll li jiġi rrilevat li l-inklużjoni tas-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni fil-kategorija tas-servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt l-attivitajiet ta’ “maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment, fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva, ma tistax, fuq il-bażi li s-servizzi ta’ konsulenza pprovduti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jinvestu flushom direttament fit-titoli jkunu, huma nnifishom, suġġetti għall-VAT, tolqot il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
30 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-għan tal-eżenzjoni tat-tranżazzjonijiet konnessi mal-immaniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment prevista fl-Artikolu 13B(d)(6) tas-Sitt Direttiva huwa li jiffaċilita għall-investituri żgħar l-investiment f’titoli permezz ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv billi jiġu esklużi l-ispejjeż tal-VAT, sabiex jiġi żgurat li s-sistema komuni tal-VAT tkun fiskalment newtrali fir-rigward tal-għażla bejn l-investiment dirett f’titoli u dak li jseħħ permezz ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv (ara s-sentenzi Abbey National, iċċitata aktar ’il fuq, punt 62, kif ukoll tat-28 ta’ Ġunju 2007, JP Morgan Fleming Claverhouse Investment Trust u The Association of Investment Trust Companies, C-363/05, Ġabra p. I-5517, punt 45).
31 Barra minn hekk, is-sottomissjoni għall-VAT tas-servizzi konsultattivi ta’ investiment ipprovduti minn terzi jkollha bħala effett li tiffavorixxi l-KIIs li jkollhom il-konsulenti ta’ investiment tagħhom stess għad-detriment tal-KIIs li jiddeċiedu li jsejħu lil terzi. Issa, mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali jirriżulta li l-operaturi għandu jkollhom is-setgħa li jagħżlu l-mudell ta’ organizzazzjoni li, minn perspettiva strettament ekonomika, jaqblilhom l-iktar, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li t-tranżazzjonijiet tagħhom jiġu esklużi mill-eżenzjoni prevista fil-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva (sentenza Abbey National, iċċitata iktar ’il fuq, punt 68).
32 Fl-aħħar nett, il-fatt li l-amministratur estern ma kienx aġixxa b’eżekuzzjoni ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 5g tad-Direttiva 85/611/KEE kif emendata bid-Direttiva 2001/107, ma jistax ikollha impatt fuq l-inklużjoni tas-servizzi ta’ konsulenza u ta’ informazzjoni pprovduti minn dan l-amministratur estern fil-kategorija tas-servizzi speċifiċi li jaqgħu taħt l-attivitajiet ta’ “maniġġjar” ta’ fondi speċjali ta’ investiment fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva. Ċertament, fil-kawża prinċipali, is-servizzi ta’ konsulenza ġew ipprovduti minn GfBk, minkejja li l-verżjoni fis-seħħ tad-Direttiva 85/611 ma kinitx tawtorizza lill-kumpanniji ta’ mmaniġġjar li jafdaw delegazzjoni lil terzi intiżi sabiex imexxu l-attivitajiet tagħhom b’mod iktar effettiv. Madankollu, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, fil-qasam tal-ġbir tal-VAT, distinzjoni ġeneralizzata bejn tranżazzjonijiet leċiti u tranżazzjonijiet illeċiti (ara b’mod partikolari, is-sentenza tal-11 ta’ Ġunju 1998, Fischer, C-283/95, Ġabra p. I-3369, punt 21, kif ukoll id-digriet tas-7 ta’ Lulju 2010, Curia, C-381/09, Ġabra p. I-91, punti 18, 21 u 23).
33 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jippreċedu, għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula li l-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ konsulenza fl-investiment f’titoli trasferibbli pprovduti minn terzi lil KII, bħala amministratur ta’ fondi speċjali ta’ investiment, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, meta anki t-terzi ma jkunux aġixxew b’eżekuzzjoni ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 5g tad-Direttiva 85/611/KEE kif emendata bid-Direttiva 2001/107.
Fuq l-ispejjeż
34 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-punt 6 tal-Artikolu 13B(d) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-servizzi ta’ konsulenza fl-investiment f’titoli trasferibbli pprovduti minn terzi lil kumpannija ta’ investiment ta’ kapitali, bħala amministratur ta’ fondi speċjali ta’ investiment, jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “maniġġjar ta’ fondi speċjali ta’ investiment”, għall-finijiet tal-eżenzjoni prevista fl-imsemmija dispożizzjoni, meta anki t-terzi ma jkunux aġixxew b’eżekuzzjoni ta’ mandat fis-sens tal-Artikolu 5g tad-Direttiva tal-Kunsill 85/611/KEE, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrelataw għal impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), kif emendata bid-Direttiva 2001/107/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Jannar 2002.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.