SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
18 ta’ Ottubru 2012 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ammissibbiltà — Riferiment tad-dritt nazzjonali għad-dritt tal-Unjoni — Direttiva 90/435/KEE — Direttiva 90/434/KEE — Prevenzjoni tat-taxxa doppja ekonomika — Eċċezzjoni — Likwidazzjoni ta’ sussidjarja wara amalgamazzjoni — Profitti mqassma — Kunċett ta’ ‘likwidazzjoni’”
Fil-Kawża C-371/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-hof van beroep te Gent (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-13 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura
Punch Graphix Prepress Belgium NV
vs
Belgische Staat,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn J. Malenovský, aġent President tas-Seba’ Awla, T. von Danwitz (Relatur) u D. Šváby, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Punch Graphix Prepress Belgium NV, minn J. Dumon, advocaat,
– għall-Gvern Belġjan, minn J.-C. Halleux u M. Jacobs, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u W. Roels, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 147) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 757, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/435”).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Punch Graphix Prepress Belgium NV (iktar ’il quddiem “Punch Graphix”) u l-Belgische Staat dwar it-tassazzjoni ta’ qligħ magħmul minn Punch Graphix wara amalgamazzjoni b’akkwist li permezz tagħha Strobbe Graphics NV (iktar ’il quddiem “Strobbe Graphics”), li saret sussegwentement Punch Graphix, akkwistat il-kumpanniji Advantra Belgium NV (iktar ’il quddiem “Advantra Belgium”) u Strobbe NV (iktar ’il quddiem “Strobbe”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni
Id-Direttiva 90/435
3 Skont l-ewwel, it-tielet u r-raba’ premessa tad-Direttiva 90/435:
“Billi r-raggruppament tal-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti jista’ jkun meħtieġ sabiex jinħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk ta’ suq intern u sabiex b’hekk jiġi żgurat il-mod kif jiġi stabbilit u jiffunzjona b’mof effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla bir-restrizzjonijiiet, l-iżvantaġġi jew it-tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi ta’ l-Istati Membri; […]
[...]
Billi d-dispożizzjonijiet eżistenti tat-taxxa li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-kumpanniji ġenituri u s-sussidjarji tagħhom fl-Istati Membri differenti ivarjaw b’mod apprezzabbli minn Stat Membru għall-ieħor u huma ġeneralment inqas vantaġġużi minn dawk li japplikaw għall-kumpanniji ġenituri u s-sussidjari fl-istess Stat Membru; billi l-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti tiġi b’hekk żvantaġġata meta mqabbla mal-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji fl-istess Stat Membru; billi huwa meħtieġ li jiġi eliminat dan l-iżvantaġġ bid-dħul ta’ sistema komuni sabiex tiffaċilita r-raggruppament tal-kumpanniji;
Billi meta, bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tagħha mal-kumpannija sussidjarja tagħha, il-kumpannija ġenitur tirċievi profitti mqassma, l-Istat tal-kumpannija ġenitur irid:
– jew jibqa’ lura milli jintaxxa dan il-qligħ,
– jew jintaxxa dan il-qligħ filwaqt li jawtorizza lill-kumpannija ġenitur li tnaqqas mill-ammont tat-taxxa mistħoqqa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjoni mħallas mill-kumpannija sussidjarja li jkollu xjtaqsam ma’ dawn il-profitti”.
4 L-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“Meta kumpannija parent jew l-istabbiliment permanenti tagħha jirċievu l-profitti mqassna bis-saħħa ta’ l-assoċjazzjoni tal-kumpannija parent mas-sussidjarja tagħha, l-Istat tal-kumpannija parent u l-Istat ta’ l-istabbiliment permanenti tagħha għandhom, għajr meta s-sussidjarja tiġi llikwidata, jew:
– iżommu lura milli jintaxxaw dawn il-profitti, jew
– jintaxxaw dawn il-profitti filwaqt li jawtorizzaw lill-kumpannija parent u lill-istabbiliment permanenti li jnaqqsu mill-ammont mistħoqq tat-taxxa dak il-frazzjon tat-taxxa fuq il-korporazzjonijiet li jkollu x’jaqsam ma’ dawn il-profitti u mħallas mis-sussidjarja u minn kull sussidjara fi skala iktar baxxa, bla ħsara għall-kondizzjoni illi f’kull skaluna kumpannija u s-sussidjara ta’ l-iskaluna iktar baxxa tagħha jissodisfaw il-ħtiġiet ipprovvduti fl-Artikolu 2 u 3, sal-limitu ta’ l-ammont tat-taxxa mitħoqqa korripsondenti.”
5 Id-Direttiva 90/435 ġiet issosstitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2011/96/UE, tat-30 ta’ Novembru 2011, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti (ĠU L 345, p. 8).
Id-Direttiva 90/434/KEE
6 Skont l-ewwel premessa tad-Direttiva tal-Kunsill 90/434/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika għall-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, id-diviżjonijiet parzjali, it-trasferimenti tal-attivi u l-iskambji tal-ishma li jirrigwardaw il-kumpanniji ta’ Stati Membri differenti t-trasferiment tas-sede ta' SE jew ta' SCE minn Stat Membru għall-ieħor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti; Kapitolu 9, Vol. 1, p. 142) kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 90/434”):
“billi l-inkorporazzjonijiet, id-diviżjonijiet, it-trasferimenti ta’ l-attivi u l-iskambji ta’ ishma li jirrigwardaw kumpanniji fi Stati Membri differenti jistgħu jkunu meħtieġa sabiex joħolqu ġewwa l-Komunità l-kondizzjonijiet analogi għal dawk tas-suq intern u sabiex b’hekk jiżguraw li jiġi stabbilit u jiffunzjona b’mod effettiv is-suq komuni; billi dawn il-ħidmiet ma għandhomx jiġu mfixkla b’restrizzjonijiet, żvantaġġi u tagħwiġ li jinħolqu b’mod partikolari mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri; […]”
7 Skont l-Artikolu 1(a) ta’ din id-direttiva:
“Kull Stat Membru għandu japplika din id-Direttiva għal dan li ġej:
(a) mergers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jinvolvu kumpanniji minn żewġ Stati Membri jew aktar”.
8 L-Artikolu 2 tad-Direttiva 90/434 jipprovdi:
“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:
a) ‘inkorporazzjoni’ [amalgamazzjoni] għandha tfisser ħidma li biha:
– […]
– kumpannija li, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lill-kumpannija li tkun iżżomm it-titoli kollha li jirrapreżentaw il-kapital tagħha”.
9 Id-Direttiva 90/434 ġiet issostitwita bid-Direttiva tal-Kunsill 2009/133/KE, tad-19 ta’ Ottubru 2009, dwar is-sistema komuni ta’ tassazzjoni applikabbli għal merġers, diviżjonijiet, diviżjonijiet parzjali, trasferimenti ta’ assi u skambji ta’ ishma li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti u għat-trasferiment tal-uffiċċju reġistrat ta’ SE jew SCE bejn Stati Membri (ĠU L 310, p. 34).
Il-leġiżlazzjoni Belġjana
10 L-Artikolo 671 tal-Kodiċi tal-Kumpanniji jipprovdi li:
“L-amalgamazzjoni b’akkwist hija l-operazzjoni li biha waħda jew diversi kumpanniji jittrasferixxu lil kumpanija oħra, bħala riżultat ta’ xoljiment mingħajr likwidazzjoni, l-attiv u l-passiv kollu, bil-ħruġ lill-azzjonisti tagħhom ta’ azzjonijiet tal-kumpannija li takkwista u, jekk ikun applikabbli, ħlas f’kontanti li ma jeċċedix wieħed minn għaxra tal-valur nominali tal-azzjonijiet mogħtija, jew fin-nuqqas ta’ valur nominali, il-valur ekwivalenti tagħhom li jista’ jingħadd.”
11 L-Artikoli 208 sa 210 tal-Kodiċi tat-Taxxa fuq id-Dħul fil-verżjoni tiegħu tal-1992 (iktar ’il quddiem is-“CIR 92”) jipprovdu:
“Artikolu 208
Il-kumpanniji f’likwidazzjoni jibqgħu suġġetti għat-taxxa tal-kumpanniji […]
Il-profitti tagħhom jinkludu wkoll il-qligħ kapitali akkumulat jew ikkonstatat matul il-qsim tal-assi tal-kumpannija.
Artikolu 209
Fil-każ ta’ tqassim tal-assi ta’ kumpannija, minħabba x-xoljiment jew kwalunkwe kawża oħra, l-eċċess li jirrapreżenta s-sommom imqassma, fi flus kontanti, f’titoli jew mod ieħor, fuq l-ammont rivalutat tal-kapital imħallas huwa kkunsidrat bħala dividend imqassam.
Artikolu 210
§ 1 L-Artikoli 208 u 209 huma applikabbli wkoll:
1° fil-każ ta’ amalgamazzjoni b’akkwist, ta’ amalgamazzjoni bil-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida, ta’ diviżjoni b’akkwist, ta’ diviżjoni bil-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda, ta’ diviżjoni mħallta jew ta’ operazzjoni assimilata ma’ amalgamazzjoni b’akkwist;
[…]
§ 2 Fil-każijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu, il-valur attwali ta’ assi tal-kumpannija fiż-żmien meta l-operazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ikunu seħħew, huwa assimilat għall-ammont mqassam fil-każ ta’ assi li jiġu diviżi.
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Matul is-sena 2001, Advantra Belgium, Strobbe u Strobbe Graphics, li s-sede tagħhom kien fil-Belġju, għamlu amalgamazzjoni mhux imħabbra. Strobbe Graphics qabel kienet azzjonista 100 % taż-żewġ kumpanniji l-oħra. L-operazzjoni kienet amalgamazzjoni b’akkwist fis-sens tat-tifsira tal-Artikolu 671 tal-Kodiċi tal-Kumpanniji, li fiha Advantra Belgium u Strobbe ġew xolti mingħajr ma ġew illikwidati u ttrasferew l-assi kollha tagħhom lil Strobbe Graphics li saret sussegwentement Punch Graphix
13 Bħala kumpannija li akkwistat, Punch Graphix għamlet qligħ ta’ EUR 10 669 985.69. Madwar 95 % ta’ dan l-ammont, jiġifieri EUR 10 136 486.41 kienu, fil-prinċipju, jistgħu jitnaqqsu mid-dħul taxxabbli bħala “dħul intaxxat b’mod definittiv”. Il-bażi taxxabbli ta’ Punch Graphix għas-sena fiskali 2002, madankollu, ma kinitx iktar minn EUR 8 206 489.70 b’tali mod li d-differenza ma setatx titnaqqas għas-sena 2002.
14 Fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha għas-sena fiskali 2003, Punch Graphix ma ressqitx l-argument tat-tnaqqis tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” li jista’ jiġi trasferit.
15 Fit-19 ta’ Ottubru 2007, Punch Graphix ippreżentat talba għall-remissjoni ex officio tat-tassazzjoni doppja. F’dan ir-rigward, hija sostniet li l-limitazzjoni tat-tnaqqis tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” għall-ammont tal-bażi taxxabbli pożittiva tas-sena li fiha sar il-qligħ tal-amalgamazzjoni, kienet tikser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435. Hija talbet li jiġi allokat għas-sena finanzjarja 2002, relevanti għas-sena taxxabbli 2003, id-“dħul intaxxat b’mod definittiv” fl-ammont ta’ EUR 911 426.85 li ma kienx intuża.
16 Din it-talba għal eżenzjoni ex officio ġiet miċħuda mill-amministrazzjoni tat-taxxa b’deċiżjoni tat-8 ta’ Mejju 2008.
17 Permezz ta’ rikors tal-5 ta’ Awwissu 2008, Punch Graphix ressqet kawża quddiem ir-rechtbank van eerste aanleg te Brugge.
18 Fis-sentenza tagħha tat-28 ta’ Ottubru 2009, ir-rechtbank van eerste aanleg te Brugge ċaħdet ir-rikors. Għalkemm din il-qorti segwiet il-pożizzjoni ta’ Punch Graphix inkwantu s-sistema Belġjana tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” kienet tikser, fil-prinċipju, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 billi li jiġi ttrasferit fuq is-snin finanzjarji sussegwenti l-ammont tat-tnaqqis tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” li ma ntużax, hija ċaħdet it-talba ta’ Punch Graphix, billi kkunsidrat li l-qligħ tal-amalgamazzjoni f’din il-kawża kien jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni sa fejn dan kien każ ta’ “likwidazzjoni” ta’ sussidjarji.
19 Punch Graphix appellat minn din is-sentenza quddiem il-hof van beroep te Gent.
20 Skont il-qorti tar-rinviju, l-amministrazzjoni tat-taxxa tammetti li s-sistema Belġjana ta’ tnaqqis tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” jikser l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 sa fejn ma jippermettix li jsir trasferiment fuq is-snin finanzjarji sussegwenti l-ammont tat-tnaqqis tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” li ma setax jintuża minħabba nuqqas ta’ bażi taxxabbli suffiċjenti. Hija tinnota wkoll li d-diskussjoni tal-partijiet quddiemha tibbaża fuq il-kwistjoni ta’ jekk l-amalgamazzjoni inkwistjoni għandhiex tiġi kkunsidrata bħala “likwidazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.
21 Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li l-kwistjoni ċentrali f’din il-kawża hija li jkun magħruf jekk l-awtoritajiet fiskali nazzjonali jistgħux jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, u b’mod iktar speċifiku, l-eċċezzjonijiet li jipprovdi, meta jirreferi għal dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali u b’mod iktar speċifiku, għal dispożizzjoni li toħloq assimilazzjoni jew finzjoni, biex b’hekk tipprovdi definizzjoni speċifika ta’ dispożizzjoni ta’ dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, billi tassimila, skont l-Artikoli 208 u 210 tas-CIR 92, amalgamazzjoni b’akkwist ma’ likwidazzjoni tas-sussidjarja, is-sistema Belġjana tippermetti li tali operazzjoni tevadi l-applikazzjoni tar-regola prevista fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-hof van beroep te Gent iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“L-awtoritajiet fiskali nazzjonali jistgħu jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435 [...] abbażi tad-dispożizzjoni li tinsab f’dak l-artikolu li tistabbilixxi li dan ma jkunx applikabbli f’każ fejn is-sussidjarja tkun fi stralċ, billi tiġi invokata dispożizzjoni tad-dritt intern (f’dan il-każ l-Artikolu 210 [tas-CIR 92]) li jittratta b’mod identiku, amalgamazzjoni b’akkwist, fejn fir-realta’ ma jitwettaq l-ebda stralċ tas-sussidjarja u amalgamazzjoni fejn effettivamet jitwettaq stralċ tas-sussidjarja?”
Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal rinviju
23 L-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari qed tiġi kkontestata mill-Gvern Ġermaniż, li jsostni li l-operazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tikkostitwixxi sitwazzjoni purament interna li tinvolvi biss kumpanniji Belġjani u għalhekk ma hijiex irregolata mid-Direttiva 90/435, billi din tal-aħħar tapplika biss għall-kooperazzjoni ta’ kumpanniji ta’ Stati Membri differenti.
24 Skont dan il-Gvern, l-ammissibbiltà tar-rinviju għal deċiżjoni preliminari lanqas ma tista’ tiġi ammessa fuq il-bażi tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar ir-riferimenti, taħt id-dritt nazzjonali, għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni għal sitwazzjonijiet interni. Fil-fatt, minn naħa, il-qorti tar-rinviju bl-ebda mod ma tagħmel riferiment tad-dritt Belġjan għad-Direttiva 90/435. Min-naħa l-oħra, id-Direttiva 90/435 ma hijiex intiża tindirizza l-konsegwenzi fiskali ta’ amalgamazzjoni, billi din il-kwistjoni hija rregolata esklużivament mid-Direttiva 90/434. Għaldaqstant, ir-regola stabbilita mill-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma tistax tiġi estiża permezz ta’ riferiment taħt id-dritt nazzjonali għal sitwazzjoni mhux koperta minn din id-dispożizzjoni, iżda rregolata fid-dritt tal-Unjoni, permezz tad-Direttiva 90/434.
25 Ċertament, huwa stabbilit li l-kawża prinċipali tikkonċerna dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tapplika f’kuntest purament nazzjonali filwaqt li d-Direttiva 90/435 tapplika għad-distribuzzjonijiet ta’ profitti rċevuti minn kumpanniji ta’ Stat Membru mis-sussidjarji tagħhom li jinsabu fi Stati Membri oħra (ara s-sentenza tat-12 ta’ Frar 2009, Cobelfret C-138/07, Ġabra p. I-731, punt 20).
26 Madankollu, jirriżulta l-ewwel nett, mit-talba għal rinviju li ż-żewġ partijiet inkwistjoni jitilqu mill-premessa li d-dritt Belġjan jirreferi, fir-rigward tas-sistema tad-“dħul intaxxat b’mod definittiv” għad-Direttiva 90/435, li kkonferma wkoll il-Gvern Belġjan fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali riferiment tad-dritt Belġjan għad-Direttiva 90/435, kif ukoll l-ammissibbiltà ta’ talba għal deċiżjoni preliminari skont dan ir-rinviju, ġew diġà rrikonoxxuti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fosthom l-aħħar darba, fid-digriet tal-4 ta’ Ġunju 2009, KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer (C-439/07 u C-499/07, Ġabra p. I-4409, punt 58 u 59).
27 It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, meta leġiżlazzjoni nazzjonali tikkonforma ruħha, fir-rigward tas-soluzzjonijiet li hija tadotta fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk adottati fid-dritt tal-Unjoni, hija biss il-qorti nazzjonali, fil-kuntest tat-tqassim tal-funzjonijiet ġudizzjarji bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, previst fl-Artikolu 267 TFUE, li għandha tevalwa l-portata eżatta ta’ dan ir-rinviju għad-dritt tal-Unjoni, peress li l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata biss għall-eżami tad-dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt (digriet KBC Bank u Beleggen, Risicokapitaal, Beheer, iċċitat iktar ’il fuq, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Għaldaqstant, ma tistax tiġi kkontestata l-ammissibbiltà tat-talba għal rinviju fuq il-bażi tas-suppożizzjoni li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 ma huwiex intiż ratione materiae għal sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali li hija, fil-prinċipju, esklużivament irregolata mid-Direttiva 90/434.
29 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari.
Fuq id-domanda preliminari
30 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-kunċett ta’ “likwidazzjoni” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435 għandux jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni b’akkwist għandha tiġi kkunsidrata bħala tali likwidazzjoni.
31 Din il-kwistjoni għandha bħala kuntest l-assimilazzjoni, mil-leġiżlazzjoni Belġjana, ta’ tali operazzjoni għal-likwidazzjoni ta’ sussidjarja. B’hekk, skont il-Belgische Staat, ir-regola ġenerali stabbilita fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, jiġifieri l-obbligu li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ekonomika tal-profitti mqassma, ma tapplikax minħabba l-eċċezzjoni dwar il-profitti mqassma “meta s-sussidjarja tiġi llikwidata”.
32 Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 90/435 ma tiddefinixxix it-terminu “likwidazzjoni”.
33 Madankollu, skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/434, “inkorporazzjoni” [amalgamazzjoni] hija ddefinita bħala “kumpannija li, meta tiġi xolta mingħajr likwidazzjoni, tittrasferixxi l-attiv u l-passiv kollu tagħha lill-kumpannija li tkun iżżomm it-titoli kollha li jirrapreżentaw il-kapital tagħha”.
34 Ċertament, din id-definizzjoni ta’ “inkorporazzjoni” [amalgamazzjoni] tinstab fid-Direttiva 90/434 u mhux fid-Direttiva 90/435. Madankollu, dan il-fatt ma jeskludix li din id-definizzjoni tiġi kkunsidrata għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “likwidazzjoni” fis-sens tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435.
35 Fil-fatt, għandu jitfakkar li l-proposta għad-Direttiva 90/435 ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni Ewropea fl-istess jum bħal dik għad-Direttiva 90/434, li dawn iż-żewġ direttivi ġew deċiżi fl-istess jum mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u li kienu wkoll intiżi biex jiġu trasposti simultanjament. Barra minn hekk, fuq il-livell materjali, l-imsemmija direttivi għandhom għan komuni, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tagħhom, li jabolixxu r-restrizzjonijiet, l-iżvantaġġi u d-distorsjonijiet partikolari li jinħolqu mid-dispożizzjonijiet tat-taxxi fl-Istati Membri għall-operazzjonijiet ikkontemplati minn dawn id-direttivi, jiġifieri fir-rigward tad-Direttiva 90/435, il-kooperazzjoni bejn il-kumpanniji parent u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, u fir-rigward tad-Direttiva 90/434, amalgamazzjonijiet, id-diviżjonijiet jew it-trasferimenti ta’ assi li jikkonċernaw kumpanniji ta’ Stati Membri differenti. Għaldaqstant, dawn id-direttivi li jirregolaw forom differenti ta’ kooperazzjonijiet transnazzjonali ta’ kumpanniji, huma, skont il-pjan tal-leġiżlatur, ħaġa waħda, fis-sens li jikkumplimentaw lil xulxin.
36 Għalhekk, l-imsemmija definizzjoni tal-kunċett ta’ “inkorporazzjoni” [amalgamazzjoni] fit-tielet inċiż tal-Artikolu 2(a) tad-Direttiva 90/434 huwa wkoll rilevanti għall-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “likwidazzjoni” fit-tifsira tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, b’tali mod li x-xoljiment ta’ kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni b’akkwist ma tistax tiġi kkunsidrata bħala “likwidazzjoni” fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.
37 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda mressqa li l-kunċett ta’ “likwidazzjoni” fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 90/435, għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment tal-kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni b’akkwist ma jistax jiġi kkunsidrat bħala tali likwidazzjoni.
Fuq l-ispejjeż
38 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
Il-kunċett ta’ “likwidazzjoni” imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 90/435/KEE, tat-23 ta’ Lulju 1990, dwar is-sistema komuni tat-tassazzjoni li tapplika fil-każ tal-kumpanniji prinċipali u sussidjarji ta’ Stati Membri differenti, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE, tal-20 ta’ Novembru 2006, għandu jiġi interpretat fis-sens li x-xoljiment ta’ kumpannija fil-kuntest ta’ amalgamazzjoni b’akkwist ma għandux jiġi kkunsidrat bħala tali likwidazzjoni.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.