Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Lulju 2012 (*)

“Sitt Direttiva tal-VAT — Artikoli 11A(1)(a), 17(5) u 19(1) — Organizzazzjoni tal-logħob tat-tombla — Obbligu legali li tiġi ttrasferita parti mill-prezz tal-bejgħ tal-kartelli fil-forma ta’ rebħ lill-ġugaturi — Kalkolu tal-valur taxxabbli”

Fil-Kawża C-377/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña (Spanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Mejju 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2011, fil-proċedura

International Bingo Technology SA

vs

Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Safjan, A. Borg Barthet, E. Levits u J.-J. Kasel (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Spanjol, minn S. Centeno Huerta, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 11A(1)(a), 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/80/KE, tat-12 ta’ Ottubru 1998 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 315, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn International Bingo Technology SA (iktar ’il quddiem “International Bingo”) u t-Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC) dwar il-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) dovuta minn din il-kumpannija għas-sena 1999

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 11 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“A. Fit-territorju tal-pajjiż

1.      L-ammont taxxabbli għandu jkun:

(a)       fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;

[…]”

4        Fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 28f tas-Sitt Direttiva, l-Artikolu 17(2)(a) u (5) tagħha jipprovdi kif ġej:

“2. Sakemm il-merkanzija u s-servizi jintużaw għall-iskop tat-transazzjonijiet taxxabbli tagħha, il-persuna taxxabbli tkun intitolata li tnaqqas mit-taxxa li għandu jħallas:

(a)      [VAT] dovuta jew mħallsa ġewwa t-territorju tal-pajjiz rigward l-oġġetti jew is-servizzi pprovduti jew li għad għandhom jiġu forniti lilu minn persuna taxxabli oħra;

[…]

5.      Fir-rigward ta’ oġġetti u servizzi li għandhom ikunu wżati minn persuna taxxabbli kemm għal transazzjonijiet koperti b’paragrafi 2 u 3, fir-rigward ta’ li [,-VAT] titnaqqas, u għal transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [l-VAT] ma titnaqqasx, it-tali proporzjon biss ta[l-VAT] għandu jkun imnaqqas kif hu attribwit għat-transazzjonijiet ta’ qabel.

Dan il-proporzjon għandu jkun determinat, b’mod konformi ma’ l-Artikolu 19, għat-transazzjonijiet kollha mwettqa minn persuna taxxabbli.

Madanakollu, l-Istati Membri jistgħu:

(a)      jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli biex tistabbilixxi proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu, sakemm kontijiet separati huma miżmuma għal kull settur;;

(b)      iġiegħlu ’l-persuna taxxabbli biex tiddetermina proporzjon għal kull settur tan-negozju tiegħu u żżomm kontijiet separati għal kull settur;

(ċ)      jawtorizzaw jew iġiegħlu l-persuna taxxabbli biex tagħmel it-tnaqqis fuq il-bażi ta’ l-użu ta’ kollha jew parti mill-oġġetti u s-servizzi;

(d)      jawtorizzaw lill-persuna taxxabbli mġiegħla tagħmel it-tnaqqis b’mod konformi mar-regola stabbilita fl-ewwel sub-paragrafu, fir-rigward ta’ l-oġġetti u s-servizzi kollha użati għal transazzjonijiet msemmija hemmhekk;

(e)      jipprovdu li fejn i[l-VAT] li m’hix imnaqqsa mill-persuna taxxabbli hi insinifikanti, hi għandha tkun trattata bħala xejn.”

5        L-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:

“Il-proporzjon imnaqqas taħt l-ewwel sub-paragrafu ta’ l-Artikolu 17(5) għandu jkun magħmul minn frazzjoni li jkollha:

–        bħala numeratur, l-ammont totali, esklussiv mi[ll-VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit għat-transazzjonijet li fuqhom i[l-VAT] titnaqqas taħt l-Artikolu 17(2) u (3),

–        bħala denominatur, l-ammont totali, esklussiv ta[l-VAT], tal-bejgħ kull sena attribwit lit-transazzjonijiet inklużi fin-numeratur u lit-transazzjonijiet fir-rigward ta’ li [l-VAT] mhux imnaqqas. L-Istati Membri jistgħu ukoll jinkludu fid-denominatur l-ammont ta’ sussidji, għajr dawk speċifikati fl-Artikolu 11 A (1) (a).

Il-proporzjon għandu jkun stabbilit fuq bażi annwali, iffissat bħala persentaġġ u magħmul figura sħiħa li ma teċċedix il-numru li jmiss.”

 Id-dritt Spanjol

6        L-Artikolu 104(1) tal-Liġi 37/1992 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Ley 37/1992 del Impuesto sobre el Valor Añadido), tat-28 ta’ Diċembru 1992 (BOE Nru 312, tad-29 ta’ Diċembru 1992, p. 44247, iktar ’il quddiem il-“il-Liġi dwar il-VAT”), jipprovdi:

“Fil-każijiet li fihom ir-regola tal-proporzjon ġenerali hija applikata, biss il-perċentwali tat-taxxa tal-input li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-paragrafu (2) iktar ’il quddiem tista’ titnaqqas għal kull perijodu ta’ fatturazzjoni.

Għall-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tas-suparagrafu preċedenti, l-ammonti li ma jistgħux jitnaqqsu skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 95u 96 ta’ din il-liġi ma għandhomx jingħaddu bħala parti mit-taxxa.”

7        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(2) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“Il-perċentwali ta’ tnaqqis li jirreferi għaliha l-paragrafu preċedenti għandha tiġi stabbilita billi jiġi mmultiplikat b’100 ir-riżultat ta’ frazzjoni li għandha:

1°      bħala numeratur, l-ammont totali, iddeterminat fis-sena, tal-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi li jagħtu dritt għat-tnaqqis, imwettqa mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tan-negozju jew tal-professjoni tagħha jew, skont il-każ, fis-settur separat rilevanti.

2°      bħala denominatur, l-ammont totali, iddeterminat għall-istess perijodu, tal-provvisti ta’ oġġetti u ta’ servizzi mwettqa mill-persuna taxxabbli fil-kuntest tan-negozju jew tal-professjoni tagħha jew, skont il-każ, fis-settur separat rilevanti, inklużi dawk li ma jagħtux lok għad-dritt għal tnaqqis.”

8        L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 104(4) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi kif ġej:

“Għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon, ‘ammont totali tal-operazzjonijiet’ tfisser is-somma tal-kunsiderazzjonijiet li tikkorrispondi għal dawn l-operazzjonijiet, iddeterminati skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 78 u 79 ta’ din il-liġi, inkluż għall-operazzjonijiet eżenti jew mhux suġġetti għat-taxxa.”

9        L-Artikolu 78(1) tal-Liġi dwar il-VAT jipprovdi:

“Il-valur taxxabbli tat-taxxa huwa magħmul mill-ammont totali tal-kunsiderazzjoni mħallsa mill-konsumatur jew minn terz għall-operazzjonijiet suġġetti għat-taxxa.”

10      Id-digriet tad-Dipartiment ta’ Gobernació tal-Generalitat de Cataluña, tad-9 ta’ Jannar 1979, fil-verżjoni tiegħu li tirriżulta mid-digriet tat-18 ta’ Jannar 1995, jipprovdi li l-“ammont li għandu jitqassam fil-forma ta’ rebħ għal kull logħoba jew lotterija għandu jkun ta’ 69 % tal-valur [nominali] tal-kartelli kollha mibjugħa, li 10 % minnu jikkorrispondi għall-fatta tal-linja u 59 % għall-fatta tat-tombla”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      International Bingo hija kumpannija li torganizza l-logħob tat-tombla. Hija suġġetta għall-VAT, iżda hija eżenti minn din it-taxxa fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ relatat mal-organizzazzjoni ta’ dan il-logħob.

12      International Bingo madankollu teżerċita attivitajiet oħra li fir-rigward tagħhom hija ma tibbenefikax minn eżenzjoni mill-VAT. Fost dawn l-attivitajiet hemm, b’mod partikolari, il-ġbir u l-ħlas tat-“taxxa fuq il-logħob tat-tombla”, taxxa li tikkorrispondi għal parti mill-prezz tal-bejgħ tal-kartelli u li l-organizzaturi jiġbru mingħand il-ġugaturi u jħallsu lill-awtorità tat-taxxa kompetenti. Dawn l-organizzaturi jirċievu, bħala kunsiderazzjoni għal din l-attività, bonus għall-ġbir li jammonta għal 10 % tal-ammont ta’ din it-taxxa. L-ammont ta’ dan il-bonus, li huwa suġġett għall-VAT, jikkostitwixxi l-valur taxxabbli għall-kalkolu tal-VAT dovuta minn dawn l-organizzaturi għall-provvista ta’ servizzi tagħhom.

13      Peress li l-organizzaturi jwettqu, fis-swali użati għal-logħob tat-tombla, operazzjonijiet oħra mhux eżenti mill-VAT, bħat-tmexxija ta’ bar jew ta’ ristorant, huma suġġetti għar-regola tal-proporzjon għad-determinazzjoni tal-VAT li tista’ titnaqqas, skont l-Artikolu 17(5) tas-Sitt Direttiva.

14      Fir-rigward tal-kalkolu ta’ dan il-proporzjon, International Bingo naqset mid-dħul mill-bejgħ tagħha l-ammont tar-rebħ li kellha tqassam lir-rebbieħa skont il-Liġi dwar il-VAT, ammont li jikkorrispondi għal perċentwali fissa tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla. L-Agencia Estatal de la Administración Tributaria (Aġenzija Statali tal-awtorità tat-taxxa) hija ta’ opinjoni kuntrarja. Hija ddeċidiet li kien hemm lok li l-ammont tar-rebħ imħallas lir-rebbieħa jiġi inkluż fid-dħul mill-bejgħ li jservi ta’ bażi għall-kalkolu ta’ dan il-proporzjon.

15      Peress li t-Tribunal Económico-Administrativo Regional de Cataluña (TEARC) ċaħad ir-rikors ippreżentat kontra din id-deċiżjoni ta’ din l-Agencia minn International Bingo, hija ressqet il-każ quddiem it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña fejn sostniet li d-deċiżjoni tal-ewwel istanza hija kuntrarja għas-Sitt Direttiva, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja.

16      Skont il-qorti tar-rinviju, sabiex taqta’ l-kawża li tressqet quddiemha, għandu jiġi ddeterminat f’hiex tikkonsisti l-“kunsiderazzjoni verament riċevuta” minn International Bingo għall-organizzazzjoni tal-logħba. F’dan ir-rigward, din il-qorti tirrileva li xi wħud mill-elementi li jinsabu fis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-5 ta’ Mejju 1994, Glawe (C-38/93, Ġabra p. I-1679), u tas-17 ta’ Settembru 2002, Town & County Factors (C-498/99, Ġabra p. I-7173), jippermettu li jitqies li organizzatur tal-logħob tat-tombla, bħal dak inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemha, ma għandux verament għad-dispożizzjoni tiegħu l-parti tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli intiża sabiex tiffinanzja r-rebħ li għandu jitħallas lir-rebbieħa.

17      Fil-fatt, qabel kollox, il-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-ammont tar-rebħ huma ddeterminati minn qabel mil-liġi, li tipprevedi li l-kwantità li għandha titqassam fil-forma ta’ rebħ għal kull logħba jew lotterija tikkorrispondi għal 69 % tal-valur nominali tat-totalità tal-kartelli mibjugħa.

18      Sussegwentement, peress li l-perċentwali ta’ ħlas lura tal-prezz tal-bejgħ tal-kartell li tikkorrispondi għar-rebħ hija stabbilita minn qabel mil-liġi, ma hemmx inċertitudni f’dan ir-rigward. Is-somma li hija mħallsa fil-forma ta’ rebħ f’kull logħba tiddependi biss min-numru ta’ kartelli mibjugħa u tista’ tiġi ddeterminata b’sempliċi kalkolu aritmetiku.

19      Fl-aħħar nett, peress li l-kwota tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli li tikkorrispondi għar-rebħ li għandu jitqassam lir-rebbieħa hija fil-pussess tal-organizzatur tal-logħob tat-tombla biss għaż-żmien li jiddekorri bejn il-bidu u t-tmiem tal-logħba, dan l-organizzatur jista’ jitqies bħala sempliċi depożitarju temporanju ta’ dan ir-rebħ.

20      It-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña jindika li s-soluzzjoni adottata mill-qrati Spanjoli fir-rigward tal-kalkolu tal-valur taxxabbli ta’ provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tressqet quddiemu u dik adottata mill-qrati tal-Istati Membri l-oħra huma dijametrikament opposti. Għaldaqstant huwa neċessarju li jiġi ddeterminat jekk id-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva relatati mal-kalkolu tal-proporzjon ta’ tnaqqis humiex intiżi sabiex jarmonizzaw il-metodi ta’ dan il-kalkolu.

21      Din il-qorti barra minn hekk enumerat xi punti li, fl-opinjoni tagħha, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Għaldaqstant, hija tippreċiża li:

–        f’dan il-każ, huwa ġuridikament u ekonomikament possibbli li ssir distinzjoni, fil-prezz li kull ġugatur iħallas għax-xiri tal-kartelli tat-tombla, bejn il-parti intiża għar-rebħ u dik intiża għal finijiet oħra. Dan japplika għall-parti li sservi sabiex titħallas it-taxxa fuq il-logħba tat-tombla u għal dik li tikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni għas-servizz tal-ġbir tat-taxxa ipprovdut mill-organizzatur tal-logħba. Fid-dawl ta’ din id-distinzjoni, ma għandux ikun hemm dubji dwar il-fatt li l-parti mill-prezz intiża għar-rebħ ma tistax titqies bħala ħlas għall-provvista ta’ servizzi mwettqa minn dan l-organizzatur;

–        l-organizzatur tal-logħba ma għandux il-possibbiltà li jittrasferixxi ekonomikament lir-rebbieħa l-VAT imposta fuq l-ammonti intiżi għar-rebħ. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm trasferiment tal-piż ekonomiku ta’ din it-taxxa. Issa, id-distorsjoni li tirriżulta minn dan fir-rigward tan-newtralità tas-sistema tal-VAT tista’ tittaffa jekk ir-rebħ imqassam ma kienx integrat fil-valur taxxabbli.

22      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Superior de Justicia de Cataluña ddeċieda li jissospendi l-proċeduri u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Għall-finijiet tal-integrazzjoni tal-fatt taxxabbli tal-VAT, il-fatt li l-lagħaba [ġugaturi] tat-tombla jħallsu l-parti tal-prezz tal-biljetti [kartelli] li tikkorrispondi għar-rebħ jimplika li kien hemm konsum awtentiku ta’ oġġetti jew ta’ servizzi?

2)      Għall-finijiet tar-regoli li jirregolaw id-denominatur użat sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali tal-pro rata [proporzjon], l-Artikolu 11(A)(1)(a), ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi livell ta’ armonizzazzjoni tali li jipprekludi li fid-diversi Stati Membri jkunu adottati, fuq livell leġiżlattiv jew ġurisprudenzjali, soluzzjonijiet differenti fir-rigward tal-inklużjoni, fil-valur taxxabbli tal-VAT, tal-parti tal-prezz tal-biljetti intiża għall-ħlas tar-rebħ?

3)      Għall-finijiet tal-integrazzjoni tad-denominatur użat sabiex tiġi kkalkolata l-perċentwali tal-pro rata, l-Artikolu 11(A)(1)(a), ikkunsidrat flimkien mal-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li, fil-każ tal-logħob tat-tombla, tinkludi fil-valur taxxabbli tal-VAT is-sommom li jikkorrispondu għall-ammont tar-rebħ u li tħallsu mil-lagħaba permezz tax-xiri tal-biljetti?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

23      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tal-bejgħ ta’ kartelli tat-tombla bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-VAT jinkludi l-parti tal-prezz ta’ dawn il-kartelli stabbilita minn qabel mil-liġi u li hija intiża għall-ħlas tar-rebħ lill-ġugaturi.

24      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu, qabel kollox, jitfakkar li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva jipprovdi li “[l]-ammont taxxabbli għandu jkun […] fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti”.

25      Hemm lok li sussegwentement jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li l-valur taxxabbli ta’ provvista ta’ servizzi hija kkostitwita mill-kunsiderazzjoni verament riċevuta għal din il-provvista (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Boots Company, C-126/88, Ġabra p. I-1235, punt 19, kif ukoll Town & County Factors, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).

26      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, fil-każ ta’ slot machines li, skont rekwiżiti imperattivament stabbiliti mil-liġi, jiddistribwixxu bħala rebħ, bħal fil-kawża prinċipali, perċentwali stabbilita tal-ġugati li l-ġugaturi jilagħbu, il-kunsiderazzjoni verament riċevuta mill-operatur għat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-magni hija kkostitwita biss mill-parti mill-ġugati li huwa jista’ effettivament jieħu għalih innifsu (sentenza Glawe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 9).

27      Issa, fir-rigward ta’ logħba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet ta’ kif tintlagħab huma stabbiliti mil-liġi u li l-perċentwali tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli li għandha titqassam bħala rebħ lill-ġugaturi hija imperattivament stabbilita mil-liġi.

28      Peress li l-parti tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli li hija mqassma bħala rebħ lill-ġugaturi hija stabbilita minn qabel u hija obbligatorja, din ma tistax titqies bħala li tifforma parti mill-kunsiderazzjoni riċevuta mill-organizzatur tal-logħba għall-provvista li huwa pprovda (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Glawe iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

29      Minn dan jirriżulta li, fil-kuntest ta’ logħba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-kunsiderazzjoni verament riċevuta mill-organizzatur tal-logħba għas-servizz ipprovdut hija magħmula mill-prezz tal-bejgħ tal-kartelli wara tnaqqis tal-parti, stabbilita mil-liġi, ta’ dan il-prezz li għandha titqassam bħala rebħ lill-ġugaturi. Fil-fatt, dan l-organizzatur jista’ effettivament jiddisponi għalih innifsu biss mill-parti li tibqa’ tal-prezz tal-bejgħ.

30      Fl-aħħar, għandu jiġi rrilevat li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva hija konformi ma’ dik adottata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tagħha Town & County Factors, iċċitata iktar ’il fuq.

31      F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-punti 29 u 30 tas-sentenza Town & County Factors, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva li hija kienet adottat fis-sentenza Glawe, iċċitata iktar ’il fuq, ma kinitx applikabbli għal provvista bħal dik inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza Town & County Factors. Fil-fatt, filwaqt li l-islot machines inkwistjoni fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza Glawe kienu kkaratterizzati mill-fatt li, skont obbligi legali, dawn kienu magħmula b’mod li ċerta perċentwali tal-ġugati li l-ġugaturi jilagħbu jiġu mqassma lilhom bħala rebħ u li dawn il-ġugati kienu teknikament kif ukoll fiżikament separati minn dawk li l-operatur seta’ effettivament jieħu għalih innifsu, il-kompetizzjoni inkwistjoni fil-kawża li fir-rigward tagħha ngħatat l-imsemmija sentenza Town & County Factors ma kellha ebda wieħed minn dawn iż-żewġ elementi essenzjali, b’mod li l-organizzatur ta’ din it-tip ta’ kompetizzjoni seta’ liberament jiddisponi mit-totalità tal-miżati ta’ parteċipazzjoni miġbura.

32      Issa, fil-kuntest ta’ logħba bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-organizzatur ma jistax preċiżament jiddisponi liberament mit-totalità tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla peress li huwa għandu l-obbligu li jħallas bħala rebħ lill-ġugaturi perċentwali, stabbilita minn qabel mil-liġi, ta’ dan il-prezz tal-bejgħ.

33      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għall-ewwel domanda tkun li l-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tal-bejgħ ta’ kartelli tat-tombla bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għall-VAT ma jinkludix il-parti tal-prezz ta’ dawn il-kartelli stabbilita minn qabel mil-liġi u li hija intiża għall-ħlas tar-rebħ lill-ġugaturi.

 Fuq it-tieni u t-tielet domanda

34      Permezz tat-tieni u tat-tielet domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva għandhomx jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membru jistgħu jipprevedu li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT, il-parti, stabbilita minn qabel mil-liġi, tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla li għandha titħallas lill-ġugaturi bħala rebħ tifforma parti mid-dħul mill-bejgħ li għandu jkun inkluż fid-denominatur tal-frazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 19(1).

35      Bil-għan li tingħata risposta għal din id-domanda, l-ewwel nett, għandu jitfakkar il-kliem tat-tnax-il premessa tas-Sitt Direttiva li tipprovdi li “r-regoli dwar tnaqqis għandhom ikunu armonizzati sa fejn jolqtu l-ammonti attwalment miġbura; billi l-proporzjon deduċibbli għandha tkun ikkalkolata bl-istess mod fl-Istati Membri kollha”.

36      Hemm lok li jingħad ukoll li l-kliem tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva huwa ċar u li din id-dispożizzjoni ma tħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-Istati Membri sabiex jiddeterminaw dak li għandu jitqies bħala li jikkostitwixxi l-kunsiderazzjoni miksuba jew li għandha tiġi miksuba mill-fornitur mingħand id-destinatarju.

37      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet f’dan ir-rigward li s-Sitt Direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi li Stat Membru japplika fir-rigward ta’ operazzjonijiet partikolari regola għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli differenti mir-regola ġenerali prevista fl-Artikolu 11A(1)(a) ta’ din id-direttiva mingħajr ma jkun segwa minn qabel il-proċedura prevista fl-Artikolu 27 ta’ din l-istess direttiva intiża sabiex tinkiseb l-awtorizzazzjoni għall-introduzzjoni ta’ tali miżura li tidderoga mill-imsemmija regola ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Ġunju 2011, Campsa Estaciones de Servicio, C-285/10, Ġabra p. I-5059, punt 40).

38      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-parti, stabbilita minn qabel mil-liġi, tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla li għandha titħallas lill-ġugaturi bħala rebħ ma għandhiex tiġi integrata fil-valur taxxabbli u, għaldaqstant, ma tistax titqies bħala li tifforma parti mid-dħul mill-bejgħ tal-organizzatur tal-logħba. Għaldaqstant, is-somom korrispondenti ma għandhomx jiġu inklużi fid-denominatur tal-frazzjoni li sservi għall-kalkolu, skont l-Artikolu 19(1) tas-Sitt Direttiva, tal-proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa

39      Għaldaqstant hemm lok li r-risposta għat-tieni u għat-tielet domanda tkun li l-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis tal-VAT, il-parti, stabbilita minn qabel mil-liġi, tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla li għandha titħallas lill-ġugaturi bħala rebħ tifforma parti mid-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi inkluż fid-denominatur tal-frazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 19(1).

 Fuq l-ispejjeż

40      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 98/80/KE, tat-12 ta’ Ottubru 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ tal-bejgħ ta’ kartelli tat-tombla bħala dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-valur taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud ma jinkludix il-parti tal-prezz ta’ dawn il-kartelli stabbilita minn qabel mil-liġi u li hija intiża għall-ħlas tar-rebħ lill-ġugaturi.

2)      L-Artikoli 17(5) u 19(1) tas-Sitt Direttiva 77/388 kif emendata bid-Direttiva 98/80/KE għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-Istati Membri ma jistgħux jipprevedu li, għall-finijiet tal-kalkolu tal-proporzjon tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud, il-parti, stabbilita minn qabel mil-liġi, tal-prezz tal-bejgħ tal-kartelli tat-tombla li għandha titħallas lill-ġugaturi bħala rebħ tifforma parti mid-dħul mill-bejgħ li għandu jiġi inkluż fid-denominatur tal-frazzjoni msemmija fl-imsemmi Artikolu 19(1).

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol.