Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fit-18 ta’ Ottubru 2012 (1)

Kawża C-425/11

Katja Ettwein

vs

Finanzamt Konstanz

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja)]

“Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni – Tassazzjoni diretta tal-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom – Rifjut ta’ vantaġġ fiskali fl-Istat Membru minħabba trasferiment tar-residenza – Esklużjoni tal-konjuġi residenti fl-Isvizzera mit-tnaqqis tat-tassazzjoni komuni (Ehegattensplitting) applikabbli għar-residenti tal-Istati Membri tal-Unjoni Europeajew taż-Żona Ekonomika Ewropea – Ugwaljanza fit-trattament”






I –    Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tinterpreta d-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, fuq il-moviment liberu tal-persuni (2) (iktar ’il quddiem il-“Ftehim KE-Svizzera”), b’mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom. B’mod iktar partikolari, il-Finanzgericht Baden-Württemberg (il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni jekk dak il-ftehim jipprekludix leġiżlazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li bis-saħħa tagħha miżżewġin ċittadini ta’ dan l-Istat li jeżerċitaw attività professjonali għal rashom fl-istess Stat u huma suġġetti hemmhekk għal taxxa fuq id-dħul għall-kważi d-dħul taxxabbli kollu tagħhom jiċċaħħdu minn vantaġġ fiskali rrikonoxxut minn dik il-leġiżlazzjoni minħabba l-fatt li ttrasferew ir-residenza privata tagħhom lejn l-Isvizzera.

2.        Fil-fatt, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni kkontestata li s-sistema ta’ “splitting” hija, għall-miżżewġin, vantaġġ fiskali meta d-dħul magħmul minn wieħed minnhom ikun ogħla sew minn dak tal-parti l-oħra. Din is-sistema ġiet stabbilita sabiex ittaffi l-progressività tal-iskala tat-taxxa fuq id-dħul (3). Din tikkonsisti fil-għadd tad-dħul globali tal-konjuġi li wara jiġi imputat b’mod fittizzju lil kull konjuġi sa 50 % u ntaxxat b’dak il-mod. Jekk id-dħul ta’ wieħed mill-miżżewġin ikun għoli u d-dħul tal-parti l-oħra baxx, l-“isplitting” iwitti l-bażi taxxabbli u jtaffi l-progressività tal-iskala tat-taxxa fuq id-dħul.

3.        Madankollu din is-sistema tapplika biss fil-każ fejn il-miżżewġin għandhom id-domiċilju tagħhom jew ir-residenza abitwali tagħhom jew fit-territorju Ġermaniż, jew f’dak ta’ Stat Membru tal-Unjoni jew ta’ Stat li għalih japplika l-Ftehim fiż-Żona Ekonomika Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Ftehim ŻEE”) (4).

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Il-Ftehim KE-Svizzera

4.        Skont it-tieni sentenza tal-preambolu tal-Ftehim KE-Svizzera, il-partijiet kontraenti huma “deċiżi li jwettqu l-moviment liberu tal-persuni fosthom filwaqt li jistrieħu fuq id-dispożizzjonijiet li japplikaw fil-Komunità Ewropea”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

5.        Skont l-Artikolu 1(a) u (d) tal-Ftehim KE-Svizzera, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa b’mod partikolari li jagħti, liċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Svizzera, dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika bi ħlas, ta’ stabbiliment bħala persuni li jaħdmu għal rashom u d-dritt li joqgħodu fit-territorju tal-partijiet kontraenti kif ukoll li jagħtihom l-istess kundizzjonijiet ta’ għajxien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk mogħtija liċ-ċittadini nazzjonali. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6.        L-Artikolu 2 tal-imsemmi ftehim, bit-titolu “Nondiskriminazzjoni”, jipprovdi:

“Iċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li huma residenti legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, suġġetti għal diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7.        L-Artikolu 4 tal-Ftehim KE-Svizzera, bit-titolu “Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika” jgħid dan li ġej:

“Id-dritt ta’ residenza u ta’ aċċess għal attività ekonomika għandu jiġi ggarantit bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 10 u skont id-dispożizzjonijiet tal-Anness I”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

8.        L-Artikolu 11(1) ta’ dak il-ftehim jistabbilixxi, fit-titolu “Smigħ tal-appelli”, dritt ta’ appell għal persuni milqutin mill-Ftehim KE-Svizzera għal dak li jirrigwarda l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ma’ awtoritajiet kompetenti.

9.        Skont l-Artikolu 16 tal-istess ftehim, bit-titolu “Riferiment għad-dritt Komunitarju”:

“1.      Sabiex jintlaħqu l-għanijiet intiżi minn dan il-Ftehim, il-partijiet kontraenti għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li jinsabu fl-atti ġuridiċi tal-Komunità Ewropea li jsir riferiment għalihom jiġu applikati fir-relazzjonijiet ta’ bejniethom.

2.      Sa fejn l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim tinkludi kunċetti tad-dritt Komunitarju, għandha tiġi kkunsidrata l-ġurisprudenza rilevanti tal-[Qorti tal-Ġustizzja] qabel id-data tal-iffirmar tiegħu. Il-ġurisprudenza ta’ wara d-data tal-iffirmar ta’ dan il-ftehim għandha tiġi kkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera. Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tal-Ftehim, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt għandu jiddetermina l-implikazzjonijiet ta’ din il-ġurisprudenza”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

10.      L-Artikolu 21(2) tal-Ftehim KE-Svizzera bit-titolu “Relazzjoni mal-ftehim bilaterali fir-rigward tat-tassazzjoni doppja” jistabbilixxi:

“L-ebda dispożizzjoni minn dan il-Ftehim ma għandha tiġi interpretata b’mod li tostakola lill-partijiet kontraenti milli jagħmlu distinzjoni fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni fiskali tagħhom, bejn il-kontribwenti li ma jkunux f’sitwazzjonijiet paragunabbli, partikolarment fir-rigward tal-post tar-residenza tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

11.      L-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera jiffoka fuq il-moviment liberu tal-persuni. Il-Kapitolu II ta’ dan l-Anness fih id-dispożizzjonijiet dwar il-ħaddiema impjegati. L-Artikolu 9 ta’ dan il-kapitolu, dwar l-ugwaljaza fit-trattament u li japplika, b’riferiment għall-Artikolu 15(2) tal-Kapitolu III tal-imsemmi anness, għal persuni li jaħdmu għal rashom, jistabbilixxi li:

“1.      Ħaddiem impjegat li huwa ċittadin ta’ parti kontraenti ma jistax, fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra, minħabba ċ-ċittadinanza tiegħu, jiġi ttrattat b’mod differenti mill-ħaddiema impjegati nazzjonali f’dak li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ impjieg u ta’ xogħol, b’mod partikolari fir-rigward tar-remunerazzjoni, tat-tkeċċija, u tal-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol jew tal-impjieg mill-ġdid jekk jisfa bla xogħol.

2.      Il-ħaddiem impjegat u l-membri tal-familja tiegħu msemmija fl-Artikolu 3 ta’ dan l-anness għandhom igawdu mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-ħaddiema impjegati nazzjonali u l-membri tal-familja tagħhom.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

12.      Il-Kapitolu III tal-imsemmi anness fih regoli fuq il-“persuni li jaħdmu għal rashom” li, b’mod konformi mad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 12(1), li tinsab f’dan il-Kapitolu, huma ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jixtiequ jistabbilixxu ruħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċitaw attività għal rashom.

13.      L-Artikolu 13(1) ta’ dan il-Kapitolu, bit-titolu “Ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom” jipprovdi:

“Il-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività bħala persuna li taħdem għal rasha fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra filwaqt li bħala regola jirritorna fil-post ta’ residenza tiegħu kuljum, jew tal-anqas darba fil-ġimgħa”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.      Skont l-Artikolu 15 tal-istess Kapitolu, bit-titolu “Ugwaljanza fit-trattament”:

“1.      F’dak li jikkonċerna l-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha, il-persuna li taħdem għal rasha għandha tirċievi, fil-pajjiż ospitanti, trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti liċ-ċittadini tiegħu.

2.      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 ta’ dan l-anness huma applikabbli, mutatis mutandis, għall-persuni li jaħdmu għal rashom imsemmija f’dan il-kapitolu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B –    Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

15.      Id-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti huma dawk tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuergesetz) (5) (iktar ’il quddiem l-“EStG”).

16.      L-Artikolu 1 tal-EStG jipprovdi:

“1.      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul […].

[…]

3.      Fuq talba tagħhom, il-persuni fiżiċi li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu jiġu wkoll suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul inkwantu huma jirċievu dħul nazzjonali skont l-Artikolu 49. Din l-għażla tapplika biss jekk id-dħul tagħhom matul is-sena ċivili jkun suġġett għal mil-lanqas 90 % tat-taxxa Ġermaniza fuq id-dħul […]”

17.      L-Artikolu 1a(1) tal-EStG jipprovdi li:

“Fir-rigward taċ-ċittadini ta’ Stat Membru tal-[Unjoni] jew ta’ Stat li japplika għalih il-[Ftehim ŻEE], […] li għandhom jiġu kkunsidrati bħala suġġetti għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul skont l-Artikolu 1(3), ir-regoli li ġejjin japplikaw għall-finijiet […] tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1):

1.      […] Għaldaqstant il-benefiċjarju għandu jkollu d-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor tal-[Unjoni] jew ta’ Stat li għalih japplika l-[Ftehim ŻEE].

[…]

2.      Jekk jagħmel talba, il-konjuġi mhux separat li ma għandux id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Ġermaniż jiġi kkunsidrat bħala suġġett għal kollox għat-taxxa fuq id-dħul għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 26(1). […]”

18.      L-Artikolu 26(1) tal-EStG jagħti lill-miżżewġin mhux separati, li huma suġġetti għal obbligu fiskali illimitat jew li għandhom jiġu kkunsidrati bħala tali, dritt ta’ għażla bejn tassazzjoni separata, skont l-Artikolu 26a ta’ din il-liġi, u tassazzjoni konġunta skont l-Artikolu 26b tal-imsemmija liġi.

19.      L-Artikolu 26b(1) tal-EStG bit-titolu “Tassazzjoni konġunta tal-miżżewġin” jistabbilixxi li:

“Fis-sistema ta’ tassazzjoni konġunta, id-dħul li jirċievu l-konjuġi jingħadd u jiġu ntaxxati konġuntament u, ħlief jekk ma jiġix ipprovdut mod ieħor, il-konjuġi jiġu kkunsidrati bħala kontribwent wieħed”.

20.      L-Artikolu 32a(5) tal-EStG, bit-titolu “Rati ta’ tassazzjoni tad-dħul” jistabbilixxi li:

“It-taxxa fuq id-dħul tal-miżżewġin intaxxati konġuntament skont l-Artikoli 26 u 26b titla’ […] għad-doppju ta’ dak li jolqot in-nofs tad-dħul taxxabbli komuni tagħhom skont il-paragrafu 1 (metodu tal-‘isplitting’)”.

III – Il-kawża prinċipali

21.      K. Ettwein kif ukoll żewġha huma ċittadini Ġermaniżi. Kull wieħed u waħda minnhom jeżerċitaw attività professjonali għal rashom u jiksbu d-dħul kollu tagħhom fil-Ġermanja. Fl-1 ta’ Awwissu 2007 l-miżżewġin marru joqgħodu ġewwa l-Isvizzera. Wara dan il-bdil ta’ residenza komplew jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fil-Ġermanja u baqgħu jiksbu kważi d-dħul kollu tagħhom minn dan l-Istat Membru.

22.      Fid-dawl tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħhom għas-sena fiskali 2008, K. Ettwein kif ukoll żewġha talbu, bħal fis-snin fiskali preċedenti, li jiġu ntaxxati konġuntament, jiġifieri bl-applikazzjoni tal-metodu msejjaħ ta’ “splitting”, filwaqt li enfasizzaw li ma kellhom l-ebda dħul taxxabbli fl-Isvizzera. Fl-avviż tat-tassazzjoni inizjali, il-Finanzamt Konstanz kien laqa’ t-talba tal-miżżewġin.

23.      Madankollu, fl-1 ta’ Diċembru 2009, huwa ħassar dan l-avviż għar-raġuni li s-sistema favorevoli ta’ “splitting”, li tingħata minħabba s-sitwazzjoni personali u familjari tal-miżżewġin, ma kellhiex tiġi applikata, għaliex ir-residenza ta’ dawn tal-aħħar la kienet tinsab fit-territorju ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni u lanqas f’dak ta’ Stat parti fil-Ftehim ŻEE. Għalhekk, il-Finanzamt Konstanz, b’avviż tat-tassazzjoni tat-22 ta’ Marzu 2010, poġġa lill-miżżewġin taħt is-sistema ta’ tassazzjoni separata. L-ilment amministrattiv imressaq kontra dan l-avviż ma kellux suċċess u għalhekk K. Ettwein ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Finanzgericht Baden-Württemberg.

IV – Id-domanda preliminari

24.      Il-qorti tar-rinviju tikkunsidra li K. Ettwein u żewġha huma ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera. Fil-fatt tirrileva li huma ċittadini Ġermaniżi, iddomiċiljati fl-Isvizzera, jeżerċitaw attività għal rashom fit-territorju Ġermaniż u kuljum imorru lura mill-post tal-attività professjonali tagħhom lejn il-post tar-residenza tagħhom. Bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikoli 9(2) u 15(2) tal-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera, il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom igawdu, fit-territorju tal-Istat tal-attività professjonali, l-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħaċ-ċittadini li jaħdmu għal rashom. Skont il-qorti tar-rinviju, il-fatt li l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża qed tirrifjuta l-benefiċċju tal-metodu tal-“isplitting” lill-miżżewġin Ettwein għar-raġuni biss li r-residenza tagħhom qiegħda fl-Isvizzera jmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera.

25.      Fil-fehma tal-qorti nazzjonali, din il-konklużjoni tikkonforma mal-prinċipji stabbiliti mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja qabel il-21 ta’ Ġunju 1999, data tal-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-libertà ta’ stabbiliment u l-moviment liberu tal-ħaddiema li huma riprodotti fil-Ftehim KE-Svizzera. Hija tirriferi b’mod partikolari għall-ġurisprudenza fuq il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, applikabbli wkoll f’materja fiskali, li tipprojbixxi mhux biss id-diskriminazzjoni apparenti bbażata fuq in-nazzjonalità, iżda anki forom moħbijin ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji oħrajn ta’ distinzjoni, fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat (6). Dik il-qorti tfakkar ukoll li dan il-prinċipju jfisser projbizzjoni tad-dispożizzjonijiet li jostakolaw jew jiddiswadu liċ-ċittadini ta’ Stat Membru milli jitilqu minnu biex jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu (7).

26.      Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tgħid li, fil-prinċipju, l-Istat ta’ residenza huwa obbligat li jintaxxa lill-kontribwent b’mod globali filwaqt li jqis l-elementi inerenti fis-sitwazzjoni personali u familjari tagħha. Madankollu, meta t-tassazzjoni globali ssir fl-Istat tas-sors tad-dħul, billi l-persuna kkonċernata tikseb id-dħul tagħha kważi esklużivament f’dak l-Istat, dan tal-aħħar ma jkunx jista’ jirrifjuta li jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari ta’ dik il-persuna meta dan ma jkunx possibbli fl-Istat ta’ residenza. Skont l-istess ġurisprudenza, il-metodu tal-“isplitting” jagħmel parti mill-elementi tas-sitwazzjoni personali u familjari li għandhom jiġu kkunsidrati f’każ bħal dan (8).

27.      Għaldaqstant, is-sitwazzjoni tal-miżżewġin Ettwein, li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni fl-Istat ta’ residenza fin-nuqqas ta’ dħul ta’ dawn tal-aħħar f’dan l-Istat, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fil-Ġermanja fid-dawl tal-kalkolu tat-taxxa għaliex jekk le jkun hemm diskriminazzjoni fir-rigward tal-koppji li joqgħodu fil-Ġermanja, li hemmhekk jiksbu d-dħul tagħhom u li jinsabu fl-istess sitwazzjoni personali u familjari.

28.      Fir-rigward ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Finanzgericht Baden-Württemberg iddeċidiet, b’deċiżjoni li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-16 ta’ Awwissu 2011, li tissospendi l-għoti tad-deċiżjoni u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja din id-domanda preliminari:

“Id-dispożizzjonijiet tal-[Ftehim KE-Svizzera] b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 11, 16 u 21 tiegħu u l-Artikoli 9, 13 u 15 tal-Anness I tiegħu, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li konjuġi residenti fl-Isvizzera u li huma suġġetti għat-taxxa fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq id-dħul taxxabbli kollu tagħhom, jiċċaħħdu mill-benefiċċju tat-tassazzjoni konġunta bl-applikazzjoni tal-metodu msejjaħ ‘splitting’?”

29.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-partijiet fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Ġermaniż u Spanjol kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea. K. Ettwein, il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni kienu rrapreżentati matul is-seduta li saret fl-4 ta’ Lulju 2012.

V –    Analiżi

A –    Osservazzjoni preliminari

1.      In-natura tal-Ftehim KE-Svizzera

30.      L-ewwel nett għandu jitfakkar li bħala trattat internazzjonali, il-Ftehim KE-Svizzera għandu jiġi interpretat, skont l-Artikolu 31 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar il-Liġi tat-Trattati (9), bil-bona fide, skont is-sens ordinarju li għandu jingħata lill-kliem fil-kuntest tiegħu u fid-dawl tal-oġġett u l-għan tiegħu (10).

31.      Kif qalet ripetutament il-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-Konfederazzjoni Svizzera ma aderixxietx fis-suq intern tal-Unjoni, li huwa intiż għat-tneħħija tal-ostakoli kollha biex tinħoloq żona ta’ libertà ta’ moviment totali analoga għal dak li joffri suq nazzjonali, l-interpretazzjoni li tingħata lid-dispożizzjonijet tad-dritt tal-Unjoni dwar dan is-suq intern ma tistax tiġi trasposta awtomatikament għall-interpretazzjoni tal-Ftehim KE-Svizzera, ħlief għad-dispożizzjonijiet espressi f’dan is-sens kif stabbilit fl-imsemmi ftehim innifsu (11).

32.      Ċertament, l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim KE-Svizzera jieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, iżda dan ir-riferiment jirrigwarda biss il-ġurisprudenza ta’ qabel il-firma tal-imsemmi ftehim fil-21 ta’ Ġunju 1999. Nosserva li din id-dispożizzjoni titnebbaħ mill-Artikolu 6 tal-Ftehim fuq iż-ŻEE. L-għan ta’ dan l-Artikolu 16(2) huwa li l-Konfederazzjoni Svizzera ma tiġix suġġetta għal interpretazzjonijiet futuri tal-Ftehim KE-Svizzera stabbiliti mill-qorti tal-parti kontraenti l-oħra, jiġifieri l-Qorti tal-Ġustizzja, u jiggarantixxi “qafas ġuridiku parallel” dwar l-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni (12).

33.      Huwa fid-dawl ta’ din il-linja ta’ interpretazzjoni speċifika tal-Ftehim KE-Svizzera li għandha tiġi evalwata s-sitwazzjoni deskritta fit-talba għal deċiżjoni preliminari, jiġifieri l-każ fejn it-trasferiment ta’ residenza privata fl-Isvizzera twassal għal trattament fiskali żvantaġġuż għall-miżżewġin li għandhom in-nazzjonalità tal-Istat Membru fejn jeżerċitaw l-attivitajiet ta’ xogħol għal rashom.

2.      L-għanijiet tal-Ftehim KE-Svizzera

34.      L-għanijiet tal-Ftehim KE-Svizzera jissemmew fl-Artikolu 1 tiegħu. B’mod partikolari huwa intiż biex jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri u tal-Konfederazzjoni Svizzera dritt ta’ dħul, ta’ residenza, ta’ aċċess għal attività ekonomika mħallsa, ta’ stabbiliment bħala persuna li taħdem għal rasha u d-dritt li tibqa’ fit-territorju tal-partijiet kontraenti, kif ukoll li jingħataw l-istess kundizzjonijiet ta’ għixien, ta’ impjieg u ta’ xogħol bħal dawk permessi liċ-ċittadini.

35.      Għandu jiġi enfasizzat li din ir-rieda sabiex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu tal-persuni bejn l-Unjoni u l-Konfederazzjoni Svizzera hija differenti fl-ispirtu u l-finijiet tal-libertajiet ta’ moviment previsti fit-Trattati fil-kuntest tas-suq intern stabbilit fost l-Istati Membri tal-Unjoni.

36.      F’dan ir-rigward, l-analiżi tal-kuntest politiku tal-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera turi li ftehim bilaterali ma għandux bħala għan il-ħolqien ta’ suq intern (13). Huwa stabbilit li l-Ftehim KE-Svizzera jidħol fil-kuntest ta’ sensiela ta’ seba’ ftehim settorjali li jirregolaw ir-relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-Konfederazzjoni Svizzera (14), iffirmati fil-21 ta’ Ġunju 1999, wara li l-Konfederazzjoni Svizzera, fis-6 ta’ Diċembru 1992, irrifjutat il-Ftehim ŻEE. Dan ir-rifjut jesprimi l-esklużjoni mill-proġett ta’ sett ekonomiku integrat li fih suq uniku, ibbażat fuq regoli komuni bejn il-membri tiegħu, favur arranġamenti bilaterali mal-Komunità u l-Istati Membri tagħha, f’oqsma preċiżi.

37.      Għalhekk, dan il-Ftehim KE-Svizzera huwa intiż sabiex jorbot iktar mill-qrib ir-relazzjonijiet bejn il-partijiet kontraenti (15) mingħajr il-prospett li jiġu estiżi in toto l-libertajiet fundamentali fil-konfront tal-Konfederazzjoni Svizzera jew anki l-adeżjoni ulterjuri fl-Unjoni.

38.      F’dan ir-rigward, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tistabbilixxi b’mod ċar differenza bejn l-interpretazzjoni mogħtija lid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar is-suq intern u l-interpretazzjoni ta’ ftehim internazzjonali kif inhu l-Ftehim KE-Svizzera, bl-insistenza fuq il-paragun, minn naħa, tal-għanijiet u tal-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera u, min-naħa l-oħra, dawk tal-kostruzzjoni Ewropea (16).

39.      F’dan kollu, il-Konfederazzjoni Svizzera għadha lura fir-rigward tal-libertajiet applikabbli bejn l-Istati Membri tal-Unjoni u dawk il-partijiet fiż-ŻEE, li jfisser li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni jistgħu jeżistu fil-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera bilaterali, filwaqt li jkunu inammissibbli ġewwa l-Unjoni jew iż-ŻEE.

B –    Id-dritt tal-Istat Membru li jirrifjuta l-għoti ta’ vantaġġ fiskali liċ-ċittadini tiegħu li jaħdmu għal rashom u li ma humiex residenti

40.      Għandha titfakkar x’inhi s-sitwazzjoni f’din il-kawża. Hemm żewġ ċittadini Ġermaniżi li għandhom attività ekonomika bħala ħaddiema li jaħdmu għal rashom fil-Ġermanja li ttrasferew ir-residenza personali tagħhom fl-Isvizzera mingħajr, madankollu, ma jeżerċitaw attività professjonali hemmhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tintalab tinterpreta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera dwar l-istatus ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom, u sabiex tevalwa l-effett tal-ġurisprudenza tagħha fuq il-kawża prinċipali inkwistjoni.

1.      Il-kamp ta’ applikazzjoni materjali fil-Ftehim KE-Svizzera

41.      Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom jikkostitwixxu l-Kapitolu III tal-Anness I tal-imsemmi ftehim, li fih ħames artikoli. L-Artikolu 12 ta’ dan l-anness jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ permess ta’ residenza applikabbli għal persuna li taħdem għal rasha. L-Artikoli 13 sa 16 tal-imsemmi Anness I jipprovdu preċiżazzjonijiet fir-rigward ta’ dan id-dritt. Il-Ftehim KE-Svizzera sempliċement jirrikonoxxi li kull persuna li taħdem għal rasha għandha d-dritt ta’ dħul u ta’ residenza fit-territorju tal-partijiet kontraenti, kif ukoll id-dritt li tibbenefika fil-pajjiż ospitanti minn trattament mhux inqas favorevoli minn dak mogħti minn dan tal-aħħar liċ-ċittadini tiegħu fejn għandhom x’jaqsmu mal-aċċess għal attività bħala persuna li taħdem għal rasha u għall-eżerċizzju tagħha.

42.      Jiena nikkunsidra li s-sitwazzjoni tal-miżżewġin Ettwein ma tirrigwardax il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiæ. Fil-fatt l-Artikolu 12 tal-Anness I tal-imsemmi ftehim jitkellem fuq “iċ-ċittadin ta’ parti kontraenti oħra li jixtieq jistabbilixxi ruħu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra sabiex jeżerċita attività ta’ persuna li taħdem għal rasha” [traduzzjoni mhux uffiċjali] (17). Fl-istess sens, l-Artikolu 15(2) tal-imsemmi Anness I, b’riferiment għall-Artikolu 9 tal-istess Anness, jiżgura ugwaljanza fit-trattament liċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jaħdmu għal rashom fit-territorju tal-parti l-oħra kontraenti. Għalhekk, dawn ma jistgħux ikunu, minħabba n-nazzjonalità tagħhom, ittrattati b’mod differenti mill-ħaddiema nazzjonali. Huma jibbenefikaw b’mod partikolari mill-istess vantaġġi fiskali u soċjali bħall-ħaddiema nazzjonali (18).

43.      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li ġie ċċitat fit-talba għal deċiżjoni preliminari, infakkar li l-Artikolu 2 tal-Ftehim KE-Svizzera jipprojbixxi d-diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità (19).

44.      Ċertament, skont il-ġurisprudenza ġejja mis-sentenza Bergström (20), ma huwiex eskluż għal ċittadin ta’ parti kontraenti li jinvoka l-Ftehim KE-Svizzera kontra l-Istat tiegħu stess.

45.      Madankollu nippreċiża li l-possibbiltà li wieħed jinvoka l-Ftehim KE-Svizzera kontra l-Istat tiegħu stess huwa limitat, skont il-kliem tal-Artikolu 16(1) ta’ dan il-ftehim, għad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mid-dritt sekondarju tal-Unjoni msemmijin fl-Anness tal-istess Ftehim. Min-naħa l-oħra, l-ebda element fil-Ftehim KE-Svizzera ma jippermetti l-konklużjoni li dik il-possibbiltà testendi wkoll għad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju.

46.      Għalhekk, il-kliem tal-Ftehim KE-Svizzera, bħall-għan tiegħu, ma jippermettix li tinġibed konklużjoni bħal dik fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-persuni li jaħdmu għal rashom li jirrigwardaw biss l-ipoteżi ta’ diskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kontra ċittadin ta’ parti kontraenti fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti.

47.      Jirriżulta mill-fatti li ġew sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja li l-miżżewġin Ettwein huma ċittadini Ġermaniżi u jeżerċitaw attività professjonali għal rashom fil-Ġermanja fejn huma s-suġġett ta’ tassazzjoni kkontestata. Għaldaqstant, f’dan il-każ, ma hijiex kwistjoni ta’ diskriminazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet ta’ parti kontraenti fil-konfront ta’ ċittadin ta’ parti oħra kontraenti. Il-fatt biss li l-miżżewġin Ettwein kienu ttrasferew ir-residenza privata tagħhom fl-Isvizzera ma għandu l-ebda effett f’dan ir-rigward (21).

48.      Barra minn hekk, l-Artikolu 13 tal-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera, dwar il-ħaddiema transkonfinali li jaħdmu għal rashom (22), moqri flimkien mal-Artikolu 12 tal-istess anness, jikkorrobora din l-interpretazzoni testwali li teskludi l-każ partikolari fil-kawża prinċipali mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera dwar il-persuni li jaħdmu għal rashom. F’dan ir-rigward irrid infakkar li skont l-Artikolu 12 ta’ dan l-Anness I, persuna li taħdem għal rasha hija ċittadina ta’ parti kontraenti li tixtieq tistabbilixxi ruħha fit-territorju ta’ parti oħra kontraenti sabiex teżerċita attività għal rasha. Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmi Anness I “ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu” li, fil-fehma tiegħi, neċessarjament jagħmel parti minn subkategorija ta’ “persuni li jaħdmu għal rashom”, huwa ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jaħdem għal rasu fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra u li jirritorna lejn id-domiċilju tiegħu, fil-prinċipju, kuljum. Fi kliem ieħor, l-Istat tal-attività ta’ persuna li taħdem għal rasha huwa differenti minn dak tad-domiċilju tagħha, fejn dan jista’ jikkorrispondi, jew le, ma’ dak ta’ oriġini (23).

49.      Għalhekk nenfasizza li dan il-każ, fejn hemm biss trasferiment ta’ residenza fit-territorju ta’ parti kontraenti mingħajr prospett li tiġi eżerċitata hemmhekk attività ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, ma jidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 12 u 13 tal-Ftehim KE-Svizzera.

50.      F’din il-kawża, huwa l-fatt li l-miżżewġin Ettwein jirresjedu fl-Isvizzera li, skont il-leġiżlazzjoni Ġermaniża, jipprekludi l-applikazzjoni tas-sistema fiskali iktar favorevoli. L-iżvantaġġ fiskali ma jirriżultax mill-fatt li, bħala ċittadini ta’ parti kontraenti li għandhom ir-residenza tagħhom fit-territorju ta’ parti kontraenti, il-miżżewġin jagħmlu użu mid-dritt tagħhom ta’ stabbiliment f’parti kontraenti li ma hijiex l-Istat li tiegħu huma ċittadini.

51.      Isegwi li l-miżżewġin Ettwein, sa fejn jeżerċitaw attività professjonali għal rashom fl-Istat Membru li tiegħu huma ċittadini, ma jistgħux igawdu minn drittijiet tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera dwar il-libertà ta’ stabbiliment, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, li ma japplikawx għalih. Din l-interpretazzjoni restrittiva tad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim KE-Svizzera skont kliemu, hija kkorroborata mill-għanijiet tiegħu eżaminati iktar ’il fuq (24).

2.      L-effett tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq din il-kawża

52.      L-Artikolu 16 tal-Ftehim KE-Svizzera jirriferi espressament għad-dritt tal-Unjoni bħala sors ta’ interpretazzjoni omoġenja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan il-ftehim li essenzjalment huma identiċi għad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni (25). Il-paragrafu 1 tiegħu jistabbilixxi li l-partijiet kontraenti huma impenjati sabiex jimplementaw id-drittijiet u l-obbligi ekwivalenti għal dawk li hemm fl-aquis communautaire. Il-paragrafu 2 tiegħu jagħmel lill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja applikabbli f’dan ir-rigward, u jiġi ppreċiżat li dan ir-riferiment huwa biss għall-ġurisprudenza li ġiet qabel l-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera, li sar fil-21 ta’ Ġunju 1999, filwaqt li l-ġurisprudenza ta’ wara tiġi kkomunikata lill-Konfederazzjoni Svizzera (26).

53.      F’dan il-kuntest, għandha tiġi eżaminata fil-qosor il-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja ta’ qabel il-21 ta’ Ġunju 1999 fir-rigward tal-portata tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera.

54.      Fir-rigward tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni marbutin mal-moviment liberu tal-ħaddiema li jaħdmu għal rashom, ngħid mill-ewwel li l-kwistjoni dwar jekk il-portata tagħhom hijiex analoga ma’ dik prevista fil-kuntest tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari skont il-ġurisprudenza ġejja mis-sentenzi iċċitati iktar ’il fuq Schumacher u Brosman, ma tqumx f’dan il-każ billi, kif għadni kif osservajt, id-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim KE-Svizzera ma japplikawx fil-każ tal-miżżewġin Ettwein (27).

55.      Madankollu hemm lok li jsir riferiment għas-sentenza Werner (28), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 52 tat-Trattat KEE dwar id-dritt ta’ stabbiliment ma jipprekludix li Stat Membru jolqot liċ-ċittadini tiegħu stess, li jeżerċitaw l-attività professjonali tagħhom fit-territorju tiegħu u hemmhekk jirċievu d-dħul tagħhom kollu jew kważi kollu, b’piż fiskali itqal meta huma ma jgħixux f’dan l-Istat meta mqabbla maċ-ċittadini li jgħixu hemmhekk. Din il-kawża kienet tirrigwarda ċittadin Ġermaniż li kien jeżerċita l-attività tiegħu ta’ dentist għal rasu fil-Ġermanja u hemmhekk kien jirċievi kważi d-dħul tiegħu kollu imma kien ittrasferixxa r-residenza tiegħu lejn il-Pajjiżi l-Baxxi.

56.      F’dan ir-rigward, kif tikkonstata l-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, din is-sentenza turi li, qabel l-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera, sempliċi trasferiment ta’ residenza ma setax jiġi kkunsidrat bħala stabbiliment sabiex tiġi eżerċitata attività ta’ persuna li taħdem għal rasha f’pajjiż ospitanti skont l-Artikolu 52 tat-Trattat.

57.      Imbagħad fir-rigward tas-sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq, li bħas-sentenza Werner, iċċitata iktar ’il fuq, ġiet qabel l-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera, l-ewwel nett għandi nenfasizza, li f’dik il-kawża l-fatt li r-rikorrent kien jeżerċita attività ekonomika għal rasu fi Stat Membru ieħor li ma kienx l-Istat ta’ oriġini tiegħu kien jikkostitwixxi l-prekundizzjoni li jippermettilu jinvoka fir-rigward ta’ dan l-aħħar Stat il-benefiċċju tal-libertà ta’ stabbiliment. Dan kien hekk għaliex fil-konfront tal-Istat ta’ oriġini tiegħu huwa kien f’sitwazzjoni li tista’ tiġi assimilata ma’ dik ta’ persuna differenti li tinvoka d-dritt ta’ stabbiliment fir-rigward tal-Istat ospitanti (29).

58.      Dan ma huwiex il-każ f’din il-kawża, għaliex il-miżżewġin Ettwein huma suġġetti għat-taxxa minħabba d-dħul kollu tagħhom taxxabbli fl-Istat ta’ oriġini tagħhom, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

59.      Skont il-Finanzgericht Baden-Württemberg, jirriżulta mill-ġurisprudenza Asscher li f’materja fiskali, fil-prinċipju huwa l-Istat ta’ residenza li għandu jintaxxa lill-kontribwenti b’mod globali filwaqt li jieħu inkunsiderazzjoni l-elementi inerenti fis-sitwazzjoni personali u familjari, li jagħmlu parti tagħha ż-żwieġ u l-metodu ta’ “splitting”, li tista’ tirriżulta. Madankollu, meta l-kontribwent jikseb id-dħul tiegħu kważi esklużivament, jew esklużivament bħal f’dan il-każ, fl-Istat tax-xogħol, il-kompetenza fiskali tkun ta’ dan tal-aħħar li, fid-dawl tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, għandu jieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni personali u familjari tal-persuna kkonċernata jekk dan huwa impossibbli fl-Istat ta’ residenza.

60.      Fl-opinjoni tal-qorti nazzjonali, jirriżulta minn din il-ġurisprudenza, kif ukoll mill-Artikolu 21(2) tal-Ftehim KE-Svizzera, li r-rifjut ta’ vantaġġ fiskali lil dawk li ma humiex residenti jista’ jiġi kklassifikat bħala “diskriminatorju” meta ma tkun teżisti l-ebda differenza f’sitwazzjoni oġġettiva bejn il-kontribwenti residenti u dawk mhux residenti b’mod li tiġġustifika differenza fit-trattament bħal dik (30).

61.      F’dan ir-rigward nosserva li ma tistax tiġi sostnuta l-pożizzjoni tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21(2) tal-Ftehim KE-Svizzera, li lanqas ma japplika f’dan il-każ. Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li r-residenza għandha dejjem tiġi kkunsidrata bħala kriterju ta’ differenza bejn il-persuni suġġetti għat-taxxa. Issa, din id-dispożizzjoni tawtorizza espressament lill-partijiet kontraenti biex jistabbilixxu, f’materja fiskali, distinzjoni skont il-post ta’ residenza bejn il-kontribwenti biss jekk dawn ma jinstabux f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli.

62.      Hawnhekk biżżejjed jitfakkar li l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità kif iggarantit fil-Ftehim KE-Svizzera ma japplikax għas-sitwazzjoni tal-miżżewġin Ettwein billi huma diġà ċittadini. Għaldaqstant, l-interpretazzjoni tal-istess prinċipju mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-Unjoni ma tistax tiġi trasposta f’dan il-każ għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim KE-Svizzera.

63.      Fir-rigward tal-evoluzzjoni tal-ġurisprudenza li ġiet wara l-iffirmar tal-Ftehim KE-Svizzera, għandu jiġi ppreċiżat li s-sentenzi Ritter-Coulais (31), Stamm u Hauser, iċċitata iktar ’il fuq, kif ukoll Graf u Engel (32), iċċitati matul il-proċedura bil-miktub u waqt is-seduta, u li huma ddatati rispettivament 2006, 2008 u 2011, ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din il-kawża. Skont l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim KE-Svizzera, il-Kumitat Konġunt (33) għandu jagħmel eżami permanenti tal-iżvilupp tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data tal-21 ta’ Ġunju 1999 u huwa biss kompetenti biex jiddetermina l-implikazzjonijiet eventwali fir-rigward tal-Konfederazzjoni Svizzera fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet korrispondenti tal-Ftehim KE-Svizzera (34).

64.      Isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja rilevanti, ċertament impost mill-Artikolu 16(2) tal-Ftehim KE-Svizzera, ma jestendix, fi kwalunkwe każ, għal elementi evoluzzjonarji ta’ din il-ġurisprudenza li ġiet wara d-data ta’ riferiment stabbilita f’dik id-dispożizzjoni. Soluzzjoni kuntrarja tikkostitwixxi evalwazzjoni żbaljata tal-invokabbiltà ratione temporis tal-ġurisprudenza rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja bis-saħħa tal-Ftehim KE-Svizzera u tmur kontra r-rieda tal-partijiet kontraenti li ma jissottomettux lill-Konfederazzjoni Svizzera għall-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni futura tagħha. Moviment ’il quddiem favur integrazzjoni ekonomika iktar b’saħħitha bejn iż-żewġ imseħbin jista’ jitwettaq biss fil-livell politiku.

65.      Fin-nuqqas ta’ rieda bħal din, l-għan ta’ omoġenjità fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tad-dritt jiġi f’konfront mad-diverġenzi li jeżistu bejn l-għanijiet u l-kuntest tal-Ftehim KE-Svizzera, minn naħa, u dawk tad-dritt tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. L-applikazzjoni tal-acquis communautaire stabbilita fil-Ftehim KE-Svizzera u li tikkorrobora interpretazzjoni koerenti tar-regoli ekwivalenti għandha, madankollu, tkun limitata għall-qafas tal-għanijiet ta’ dak il-ftehim.

66.      Minn dan nikkonkludi li d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim KE-Svizzera dwar il-ħaddiema li jaħdmu għal rashom ma jipprekludux li koppja ċittadina ta’ Stat Membru tal-Unjoni u li taħdem hemmhekk għal rasha għandha tiġi suġġetta, sa fejn tgħix fl-Isvizzera u għalhekk barra l-Unjoni u ż-ŻEE, għal trattament differenti fir-rigward tal-ġbir tat-taxxa fuq id-dħul f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

67.      Fl-aħħar nett, nixtieq inżid li, anki jekk, f’dan il-każ, issir diskriminazzjoni minn Stat Membru għad-detriment taċ-ċittadini tiegħu stess li ddeċidew li jittrasferixxu r-residenza privata tagħhom barra mill-Unjoni, u anki jekk din id-diskriminazzjoni ma tirrigwardax id-dritt tal-Unjoni, inqis li dan it-trattament diskriminatorju ma tantx jista’ jiġi difiż, fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-valuri kostituzzjonali komuni tal-Istati Membri speċjalment fir-rigward tat-trattament ugwali tal-individwi li jkunu f’sitwazzjoni paragunabbli (35).

VI – Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi d-domanda preliminari tal-Finanzgericht Baden-Württemberg bil-mod kif ġej:

Id-dispożizzjonijiet tal-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999, u b’mod partikolari l-Artikoli 1, 2, 11, 16 u 21 tiegħu kif ukoll l-Artikoli 9, 13 u 15 tal-Anness I tiegħu, ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li biha l-benefiċċju ta’ tassazzjoni konġunta fl-applikazzjoni tal-metodu msejjaħ “splitting” jiġi rrifjutat lil miżżewġin, li huma ċittadini ta’ dan l-Istat, li jeżerċitaw hemmhekk attività għal rashom u hemmhekk ukoll huma suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul taxxabbli kollu tagħhom, għas-sempliċi raġuni li l-koppja ttrasferixxiet il-post ta’ residenza tagħha minn dan l-Istat lejn l-Isvizzera.


1 – Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2 – Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-21 ta’ Ġunju 1999 (ĠU 2002, L 114, p. 6).


3 – Sentenza tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker (C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 7).


4 – Ftehim tat-2 ta’ Mejju 1992 (ĠU 1994, L 1, p. 3).


5 – Fil-verżjoni tagħha ppubblikata fid-19 ta’ Ottubru 2002 (BGBl. I, p. 4215), kif emendata fid-29 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. I, p. 3080) u fl-20 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. I, p. 3151).


6 – Sentenza Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq (punt 26).


7 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 1995, Bosman (C-415/93, Ġabra p. I-4921).


8 – Sentenzi Schumacker, iċċitata iktar ’il fuq, u tas-27 ta’ Ġunju 1996, Asscher (C-107/94, Ġabra p. I-3089).


9 – Konvenzjoni ffirmata fi Vjenna fit-23 ta’ Mejju 1969, Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, vol. 1155, p. 331.


10 – Ara b’mod partikolari, għal iktar dettall, l-Opinjoni 1/91, tal-14 ta’ Diċembru 1991 (Ġabra p. I-6079, punt 14); is-sentenzi tal-1 ta’ Lulju 1993, Metalsa (C-312/91, Ġabra p. I-3751, punt 12); tat-2 ta’ Marzu 1999, Eddline El-Yassini (C-416/96, Ġabra p. I-1209, punt 47); tal-20 ta’ Novembru 2001, Jany et (C-268/99, Ġabra p. I-8615, punt 35); tal-25 ta’ Frar 2010, Brita (C-386/08, Ġabra p. I-1289, punti 42 u 43), kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Hengartner u Gasser (C-70/09, Ġabra p. I-7233, punt 36).


11 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Novembru 2009, Grimme (C-351/08, Ġabra p. I-10777, punti 27 u 29); tal-11 ta’ Frar 2010, Fokus Invest (C-541/08, Ġabra p. I-1025, punt 28), kif ukoll Hengartner u Gasser iċċitata iktar ’il fuq (punti 41 u 42).


12 – A. Epiney, u R. Mosters, “Un exemple d’interprétation des accords conclus entre la Suisse et l’Union européenne: l’accord sur la libre circulation des personnes”, Interprétation et application des “traités d’intégration”, Schulthess, Zurich, 2006, p. 57 sa 73, u, fl-istess sens, V. Boillet, “La détermination du champ d’application de l’accord sur la libre circulation des personnes au regard de la jurisprudence de la Cour européenne de justice: les implications des arrêts Zambrano et McCarty”, Pratique juridique actuelle, 2012, p. 49 sa 55. Ara wkoll F. Aubry Girardin, “L’interprétation et l’application de l’accord sur la libre circulation des personnes du point de vue de la jurisprudence”, L’accord sur la libre circulation des personnes Suisse-UE, Schulthess, Zurich, 2011, p. 29 sa 48.


13 – C. Kaddous, “Stamm et Hauser, Grimme, Fokus Invest AG, Hengartner et Gasser ou les accords bilatéraux ne créent pas un marché intérieur”, Revue suisse de droit international et européen, 2010, p. 129 sa 136.


14 – Is-seba’ ftehim jirrigwardaw il-moviment liberu tal-persuni, it-trasport bl-ajru, il-ġarr ta’ oġġetti u ta’ passiġġieri bil-ferrovija jew bit-triq, l-iskambju ta’ prodotti agrikoli, ir-rikonoxximent reċiproku fil-każ ta’ eżami ta’ konformità, ċerti aspetti ta’ kuntratti pubbliċi kif ukoll il-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika. Ara Deċiżjoni 2002/309/KE Euratom tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika, tal-4 ta’ April 2002, dwar il-konklużjoni tas-seba’ Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 41, p. 89).


15 – Sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq (punt 28).


16 – Ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-9 ta’ Frar 1982, Polydor u RSO Records (270/80, Ġabra p. 329, punti 15 sa 19); l-Opinjoni 1/91, iċċitata iktar ’il fuq (punt 14); sentenza Metalsa, iċċitata iktar ’il fuq (punti 11 u 15 sa 19), kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11.


17 – Kliem enfasizzat minni.


18 – Ara l-Artikolu 9(2) tal-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera.


19 – L-imsemmi Artikolu 2 jistabbilixxi li “[i]ċ-ċittadini ta’ parti kontraenti li jirrisjedu legalment fit-territorju ta’ parti kontraenti oħra ma għandhomx ikunu, fl-applikazzjoni u skont id-dispożizzjonijiet tal-Annessi I, II u III ta’ dan il-ftehim, iddiskriminati minħabba ċ-ċittadinanza tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]


20 – Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2011 (C-257/10, Ġabra p. I-13227, punti 26 sa 30 u 33 sa 34).


21 – Ara, għal raġunament simili, is-sentenza Grimme, iċċitata iktar ’il fuq (punti 47 sa 49).


22 – Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jiddefinixxi l-ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu f’termini li ma humiex preċiżi bħala “ċittadin ta’ parti kontraenti li għandu r-residenza tiegħu fit-territorju ta’ parti kontraenti u li jeżerċita attività mhux imħallsa fit-territorju tal-parti kontraenti l-oħra”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-paragrafi 2 u 3 tiegħu jistabbilixxu modalitajiet iktar favorevoli dwar din il-kategorija speċifika ta’ persuni li jaħdmu għal rashom fir-rigward tad-dritt ta’ residenza. Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2008, Stamm u Hauser (C-13/08, Ġabra p. I-11087, punt 39).


23 – Għalhekk ċittadin Svizzeru stabbilit fil-Ġermanja jibqa’ ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu skont l-Artikolu 13 tal-Anness I tal-Ftehim KE-Svizzera anki jekk joqgħod fl-Awstrija imma dan il-ftehim ma japplikax għall-attività ekonomika eventwali tiegħu fl-Isvizzera. Bl-istess mod, ċittadin Ġermaniż stabbilit fl-Isvizzera huwa ħaddiem transkonfinali li jaħdem għal rasu fis-sens tal-imsemmi Artikolu 13 jekk joqgħod il-Ġermanja jew fi Stat Membu ieħor tal-Unjoni iżda jekk ikun stabbilit fil-Ġermanja ma jissodisfax il-kriterji previsti minn dak l-artikolu.


24 – Ara l-punti 34 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


25 – Ara, f’dan is-sens u fir-rigward tal-abbozz ta’ Ftehim bejn il-Komunità, minn naħa, u l-pajjiż tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, dwar il-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea, Opinjonijiet 1/91, iċċitata iktar ’il fuq, u 1/92, tal-10 ta’ April 1992 (Ġabra p. I-2821).


26 – Skont it-tielet sentenza tal-Artikolu 16(2) tal-Ftehim KE-Svizzera, fuq talba ta’ parti kontraenti, il-Kumitat Konġunt jiddetermina l-implikazzjonijiet, għall-Isvizzera bħala Stat terz għall-Unjoni, tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja wara d-data ta’ riferiment. Ara bħala paragun, fuq l-Artikolu 6 tal-abbozz ta’ ftehim bejn il-Komunità, minn naħa, u l-pajjiżi tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles, min-naħa l-oħra, dwar il-ħolqien taż-Żona Ekonomika Ewropea, Opinjonijiet 1/91, (punti 8, 24 u 44) kif ukoll 1/92 (punt 5).


27 – Sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Schumacker (punt 26) u Bosman (punti 95 sa 97). Fil-fehma tal-qorti tar-rinviju, jirriżulta minn dawn is-sentenzi li r-regoli ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprojbixxu mhux biss id-diskriminazzjoni apparentement ibbażata fuq in-nazzjonalità, iżda anki l-forom kollha moħbijin ta’ diskriminazzjoni li, bl-applikazzjoni ta’ kriterji ta’ distinzjoni oħrajn (bħall-kundizzjoni ta’ residenza), fil-fatt iwasslu għall-istess riżultat. Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni jestendi għad-dispożizzjonijiet li jfixklu jew jiddiswadu ċittadin ta’ Stat Membru milli joħroġ mill-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sabiex jeżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu billi jikkostitwixxu ostakolu għal din il-libertà anki jekk dawn huma applikabbli indipendentement min-nazzjonalità tal-ħaddiema kkonċernati. Skont il-qorti nazzjonali, leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali li tiddistingwi bejn ir-residenti u dawk li ma humiex residenti u li tittratta lill-kontribwenti miżżewġin b’mod mhux favorevoli meta jkunu residenti barra mill-Unjoni u ż-ŻEE, indipendentement min-nazzjonalità tagħhom, tista’ tiskoraġġixxi l-koppji miżżewġin li jistgħu jitolbu dan il-vantaġġ fiskali milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu.


28 – Sentenza tas-26 ta’ Jannar 1993, Werner (C-112/91, Ġabra p. I-429, punt 17).


29 – Ara l-punti 34 u 62 ta’ dik is-sentenza. Wara li l-Ftehim KE-Svizzera kien ġie ffirmat, il-Qorti tal-Ġustizzja żviluppat soluzzjoni differenti dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema impjegati u tikkunsidra li kull ċittadin tal-Unjoni li jeżerċita attività mħallsa fi Stat Membru li ma jkunx dak tar-residenza tiegħu jista’ jgawdi minn dik il-libertà bħala ħaddiem migrant, indipendentement mill-identità bejn l-Istat ta’ oriġini tiegħu u l-Istat ta’ impjieg tiegħu. Ara b’mod partikolari, is-sentenza tas-16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg (C-527/06, Ġabra p. I-7735, punti 35 u 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30 – Sentenza Asscher, iċċitata iktar ’il fuq (punti 40 sa 44).


31 – Sentenza tal-21 ta’ Frar 2006 (C-152/03, Ġabra p. I-1711).


32 – Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2011 (C-506/10, Ġabra p. I-9345).


33 – Skont l-Artikolu 14 tal-Ftehim KE-Svizzera, il-Kumitat Konġunt huwa kompost minn rappreżentanti tal-partijiet kontraenti. Huwa responsabbli għall-ġestjoni u l-applikazzjoni tajba tal-imsemmi Ftehim u għal dan l-iskop jifformula rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet li jiddeċiedi bi ftehim reċiproku. Jiltaqa’ skont il-bżonn u tal-inqas darba fis-sena, u kull parti tista’ titlob li ssir laqgħa. Jista’ jiddeċiedi li jikkostitwixxi gruppi ta’ xogħol jew ta’ esperti biex jassistu fit-twettiq ta’ ħidmietu. Skont l-Artikolu 19 tal-istess ftehim, il-partijiet kontraenti jistgħu anki jissottomettu kwalunkwe kwistjoni dwar l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni ta’ dan il-Ftehim lill-Kumitat Konġunt.


34 – Barra minn hekk, l-Artikolu 18 tal-Ftehim KE-Svizzera jistabbilixxi proċedura ta’ reviżjoni partikolari. Skont dak l-artikolu, parti kontraenti tista’ tissottometti proposta ta’ reviżjoni lill-Kumitat Konġunt, li eventwalment tidħol fis-seħħ wara li jitwettqu l-proċeduri interni rispettivi.


35 – Ara, f’dan is-sens, il-punt 72 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hengartner u Gasser, iċċitata iktar ’il fuq.