SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
14 ta’ Marzu 2013 (*)
“VAT – Direttiva 2006/112/KE – Artikoli 213, 214 u 273 - Identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT – Rifjut li jingħata numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT minħabba li l-persuna taxxabbli ma għandhiex mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji sabiex teżerċita l-attività ekonomika ddikjarata – Legalità – Ġlieda kontra l-frodi fiskali – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Fil-Kawża C-527/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Augstākās tiesas Senāts (il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tat-12 ta’ Ottubru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Ottubru 2011, fil-proċedura
Valsts ieņēmumu dienests
vs
Ablessio SIA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, U. Lõhmus (Relatur), A. Ó Caoimh, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Valsts ieņēmumu dienests, minn T. Kravalis, bħala aġent,
– għall-Gvern Latvjan, minn I. Kalniņš u I. Ņesterova, bħala aġenti,
– għall-Gvern Estonjan, minn M. Linntam, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Soulay u E. Kalniņš, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 213, 214 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Valsts ieņēmumu dienests (amministrazzjoni fiskali Latvjana, iktar ’il quddiem il-“VID”) u Ablessio SIA (iktar ’il quddiem “Ablessio”) dwar in-nuqqas ta’ reġistrazzjoni ta’ din tal-aħħar fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”).
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 2006/112
3 Il-kunċetti ta’ “persuna taxxabbli” u ta’ “attività ekonomika” huma ddefiniti fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112 bil-mod kif ġej:
“‘Persuna taxxabbli’ għandha tfisser kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikun x’ikun l-iskop jew ir-riżultati ta’ dik l-attività.
Kwalunkwe attività ta’ produtturi, kummerċjanti jew persuni li jagħtu servizzi, inklużi attivitajiet fil-minjieri u fl-agrikoltura u attivitajiet fil-professjonijiet, għandhom jitqiesu bħala ‘attività ekonomika’. L-isfruttament ta’ proprjetà tanġibbli jew intanġibbli għal skopijiet ta’ dħul minnha fuq bażi kontinwa għandha b’mod partikolari titqies bħala attività ekonomika.”
4 L-Artikolu 213(1) tal-istess direttiva jipprovdi:
“Kull persuna taxxabbli għandha tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli.
L-Istati Membri għandhom jippermettu, u jistgħu jeħtieġu, li d-dikjarazzjoni ssir b’mezzi elettroniċi, skond kondizzjonijiet li jistabbilixxu.”
5 Skont l-Artikolu 214 tal-istess direttiva:
“1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni li ġejjin huma identifikati permezz ta’ numru individwali:
(a) kull persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 10(2), li fit-territorju tagħhom twettaq fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li fir-rigward tagħhom tista’ titnaqqas il-VAT, minbarra l-fornimenti ta’ merkanzija jew servizzi li għalihom il-VAT għandha titħallas biss mill-konsumatur jew mill-persuna li għaliha hija intenzjonata l-merkanzija jew is-servizzi, skond l-Artikoli 194 sa 197 u l-Artikolu 199;
(b) kull persuna taxxabbli, jew persuna legali li mhix taxxabbli, li tagħmel akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skond l-Artikolu 2(1)(b) u kull persuna taxxabbli jew persuna legali li mhix taxxabbli li teżerċita l-għażla skond l-Artikolu 3(3) li jagħmlu l-akkwisti intra-Komunitarji tagħhom soġġetti għall-VAT;
[...]
2. L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn jiddentifikaw ċerti persuni taxxabbli li jwettqu transazzjonijiet fuq bażi okkażjonali [...]”
6 L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.”
Id-dritt Latvjan
7 Il-Liġi dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (Likums Par pievienotās vērtības nodokli, Latvijas Vēstnesis, 1995, Nru 49), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-fatti tal-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar it-VAT”), tipprovdi fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1-1) tagħha:
“Il-VID għandha d-dritt tirrifjuta li tirreġistra persuna fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT, jekk din il-persuna:
1) ma tkunx tista’ tiġi kkuntattjata fl-indirizz uffiċjali indikat jew fil-post ta’ residenza iddikjarat, jew
2) wara talba mill-VID, ma tipprovdix informazzjoni jew tipprovdi informazzjoni falza dwar il-kapaċitajiet materjali, tekniċi u finanzjarji tagħha sabiex teżerċita l-attività ekonomika ddikjarata.”
8 Skont l-Artikolu 3(5) tal-istess liġi:
“Jekk il-valur totali tal-bejgħ ta’ oġġetti u ta’ provvista ta’ servizzi suġġetti għall-VAT imwettqa minn persuna fiżika jew persuna ġuridika u minn grupp ta’ dawn il-persuni jew ir-rappreżentant tagħhom fuq il-bażi ta’ kuntratt jew ta’ ftehim ma jilħaqx jew ma jaqbiżx LVL 10 000 matul it-tnax-il xahar preċedenti, din il-persuna, dan il-grupp jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt li ma jidhrux fir-reġistru ta’ persuni taxxabbli li jinżamm mill-VID. Din ir-regola tapplika wkoll għall-istituzzjonijiet iffinanzjati mill-baġit tal-Istat. Il-persuna li tagħmel użu minn dan id-dritt għandha l-obbligu, fi żmien 30 jum wara l-jum li fih l-ammont imsemmi jintlaħaq jew jinqabeż, li tirreġistra isimha f’dan ir-reġistru.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Ablessio, kumpannija Latvjana b’responsabbiltà limitata, talbet lill-VID tirreġistraha fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT. Permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ Novembru 2007, ikkonfermata wara lment b’deċiżjoni tas-27 ta’ Novembru 2007, il-VID irrifjutat din ir-reġistrazzjoni, billi sostniet li din il-kumpannija ma kellhiex il-kapaċitajiet materjali, tekniċi u finanzjarji neċessarji sabiex teżerċita l-attività ekonomika ddikjarata, jiġifieri li tipprovdi servizzi ta’ kostruzzjoni.
10 Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, għall-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjonijiet ta’ rifjut, il-VID ibbażat ruħha fuq il-konstatazzjonijiet li, fl-ewwel lok, Ablessio ma kellhiex assi fissi u ebda kuntratt ma kien ġie konkluż sabiex jinkrew tali assi fissi. Fit-tieni lok, kien ġie konkluż kuntratt ta’ kiri kummerċjali ta’ spazju mhux abitabbli ta’ biss 4 m2. Fl-aħħar lok, din il-kumpannija ma kinitx irreġistrata fir-reġistru tal-impriżi ta’ kostruzzjoni u ebda attività ma kienet verament eżerċitata minnha sa minn meta din ġiet ikkostitwita, filwaqt li l-uniku impjegat, apparentement mhux remunerat, tal-impriża kien il-president tal-bord amministrattiv tagħha.
11 Ablessio ressqet azzjoni għall-annullament ta’ dawn id-deċiżjonijiet ta’ rifjut ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT quddiem l-administratīvā rajona tiesa (qorti amministrattiva distrettwali), li laqgħet din l-azzjoni permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Ottubru 2009 u ordnat lill-VID tirreġistra lil din il-kumpannija f’dan ir-reġistru. Din il-qorti kkunsidrat li Ablessio kienet ipprovdiet lill-VID informazzjoni dwar il-kapaċitajiet tagħha li teżerċita l-attività ekonomika ddikjarata u li l-eżattezza ta’ din l-informazzjoni ma ġietx ikkontestata. Għalhekk, skont l-istess qorti, il-kundizzjonijiet, previsti mil-liġi, li jippermettu lill-VID tirrifjuta li tirreġistra operatur ekonomiku fir-reġistru ma kinux sodisfatti.
12 Wara appell ippreżentat mill-VID quddiem l-Administratīvā apgabaltiesa (qorti amministrattiva reġjonali), din il-qorti tal-aħħar ikkonfermat, b’sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2010, id-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza billi kkunsidrat hija wkoll li l-Liġi dwar il-VAT ma tippermettix lill-VID tevalwa jekk persuna li tkun tixtieq tiġi rreġistrata fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT tkunx kapaċi teżerċita attività ekonomika. F’dan ir-rigward, ma għandux importanza l-fatt li din il-persuna tkun diġà talbet u kisbet din ir-reġistrazzjoni għal diversi impriżi li, immedjatament wara din ir-reġistrazzjoni, ġew assenjati lil persuni oħra li ma kellhomx livell ta’ dħul suffiċjenti sabiex jikkostitwixxu l-kapital azzjonarju, peress li din il-liġi ma tipprevedix li tali ċirkustanzi jikkostitwixxu raġuni għal rifjut ta’ reġistrazzjoni ta’ persuna f’dan ir-reġistru. Sabiex jiġi evitat kull att illegali potenzjali tal-persuna taxxabbli fl-ambitu tal-ħlas tal-VAT, il-proċedura legali tipprovdi li l-VID għandha l-obbligu li tispezzjona lill-persuna taxxabbli u, kemm-il darba tikkonstata ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali, huwa l-kompitu tagħha li tikkalkula taxxa supplimentari kif ukoll penalitajiet.
13 Il-VID ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju mis-sentenza tal-Administratīvā apgabaltiesa fejn sostniet li din il-qorti tal-aħħar wettqet żball fl-interpretazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1-1) tal-Liġi dwar il-VAT. Fil-fatt, skont il-VID, din id-dispożizzjoni tobbligaha tivverifika jekk persuna hijiex kapaċi teżerċita l-attività ekonomika ddikjarata.
14 Filwaqt li tirreferi għas-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2010, Nidera Handelscompagnie (C-385/09, Ġabra p. I-10385), il-qorti tar-rinviju tqanqal dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni b’mod partikolari tal-Artikoli 213, 214 u 273 tad-Direttiva 2006/112.
15 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Augstākās Tiesas Senāts iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jipprekludu r-rifjut ta’ numru individwali li jippermetti li persuna taxxabbli tiġi identifikata, għaliex id-detentur tal-ishma kapitali tal-persuna taxxabbli diġà kiseb f’bosta okkażżjonijiet numru individwali għal impriżi oħra li qatt ma verament eżerċitaw attività ekonomika u li l-ishma kapitali ġew assenjati mid-detentur lil persuni oħra fi żmien qasir wara l-għoti tan-numru individwali?
2) L-Artikolu 214, moqri flimkien mal-Artikolu 273 tad-Direttiva [2006/112] għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti li l-amministrazzjoni fiskali tiżgura ruħha, qabel l-għoti tan-numru individwali, mill-kapaċità tal-persuna taxxabbli li teżerċita attività taxxabbli, fil-każ li dan il-kontroll ikollu l-għan li jiżgura l-ammont eżatt ta’ VAT li għandu jinġabar u li jevita l-frodi?”
Fuq id-domandi preliminari
16 Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 213, 214 u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru, sabiex tiżgura l-ġbir korrett tal-VAT u tevita l-frodi, tirrifjuta li tagħti numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT lil kumpannija sempliċement għax hija ma jkollhiex, skont din l-amministrazzjoni, mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ddikjarata u d-detentur tal-ishma kapitali ta’ din il-kumpannija jkun diġà kiseb, f’diversi okkażjonijiet, tali numru għal kumpanniji li qatt ma kienu verament eżerċitaw attività ekonomika u li l-ishma kapitali tagħhom kienu ġew assenjati lil persuni oħra ftit taż-żmien wara l-għoti ta’ dan in-numru.
17 Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 213(1) tad-Direttiva 2006/112, kull persuna taxxabbli hija marbuta tiddikjara meta tibda, tbiddel jew twaqqaf l-attività tagħha bħala persuna taxxabbli. L-Artikolu 214(1) tal-istess direttiva jobbliga lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-persuni taxxabbli jkunu identifikati permezz ta’ numru individwali.
18 L-għan essenzjali tal-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli previst fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112 huwa dak li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Dankowski, C-438/09, Ġabra p. I-14009, punt 33).
19 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-għoti ta’ numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT jipprovdi l-prova tal-istatus fiskali tal-persuna taxxabbli għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-VAT u jissimplifika l-kontroll tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-ġbir korrett tat-taxxa. Fil-kuntest tas-sistema tranżitorja ta’ tassazzjoni applikabbli għall-kummerċ fi ħdan l-Unjoni Ewropea, l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT permezz tan-numri individwali hija intiża wkoll sabiex tiffaċilita d-determinazzjoni tal-Istat Membru li fih iseħħ dan il-konsum finali tal-oġġetti kkonsenjati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, punti 57 u 60, kif ukoll tas-27 ta’ Settembru 2012, VSTR, C-587/10, punt 51).
20 Barra minn hekk, in-numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT jikkostitwixxi fattur importanti tal-prova tal-operazzjonijiet li jsiru. Fil-fatt, id-Direttiva 2006/112 teżiġi f’diversi dispożizzjonijiet dwar, b’mod partikolari, il-ħruġ ta’ fatturi, id-dikjarazzjoni u d-dokument sommarju li dan in-numru ta’ identifikazzjoni tal-persuna taxxabbli, tal-akkwirent tal-oġġetti jew ta’ min jirċievi s-servizzi jiġi debitament imsemmi f’dawn id-dokumenti.
21 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li d-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandhom jingħataw risposta.
22 Għandu jiġi kkonstatat li, minkejja li l-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112 jelenka l-kategoriji ta’ persuni li għandhom jiġu identifikati permezz ta’ numru individwali, din id-dispożizzjoni ma tipprovdix il-kundizzjonijiet li għalihom l-għoti tan-numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT jista’ jiġi suġġett. Fil-fatt, mill-kliem ta’ dan l-artikolu kif ukoll tal-Artikolu 213 tal-istess direttiva jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta dawn jadottaw miżuri sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT.
23 Madankollu, dan il-marġni ta’ diskrezzjoni ma jistax ikun mingħajr limitu. Fil-fatt, minkejja li Stat Membru għandu s-setgħa li jirrifjuta li jagħti lil persuna taxxabbli numru individwali, tali setgħa ma tistax tiġi eżerċitata mingħajr raġuni leġittima.
24 Barra minn hekk, mill-kunċett ta’ “persuna taxxabbli”, kif iddefinit fl-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2006/112, jirriżulta li taqa’ taħt dan il-kunċett kull persuna li, b’mod indipendenti, twettaq fi kwalunkwe post kwalunkwe attività ekonomika, ikunu x’ikunu l-iskopijiet jew ir-riżultati ta’ din l-attività.
25 Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-kunċett għandu jiġi interpretat b’mod wiesa’. Kull persuna li jkollha l-intenzjoni, ikkonfermata b’fatturi oġġettivi, li tibda b’mod indipendenti attività ekonomika u li fil-fatt tagħmel l-ewwel spejjeż ta’ investiment għal dan l-għan għandha tiġi kkunsidrata persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Ġunju 2000, Breitsohl, C-400/98, Ġabra p. I-4321, punt 34, u tal-1 ta’ Marzu 2012, Polski Trawertyn, C-280/10, punt 30).
26 Minn din il-ġurisprudenza u kif ukoll mill-kliem tal-Artikolu 213(1) tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li ma humiex biss persuni li diġà jeżerċitaw attività ekonomika iżda wkoll dawk intiżi li jibdew tali attività u li fil-fatt jagħmlu l-ewwel spejjeż ta’ investiment għal dan il-għan li huma kkunsidrati bħala persuni taxxabbli li jistgħu jitolbu numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT. Għalhekk, dawn il-persuni jistgħu ma jkunux f’pożizzjoni li jġibu prova, f’dan l-istadju preliminari tal-attività ekonomika tagħhom, li huma għandhom diġà mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju ta’ tali attività.
27 Konsegwentement, id-Direttiva 2006/112 u, b’mod partikolari, l-Artikoli 213 u 214 tagħha, jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tirrifjuta li tagħti numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT lil applikant sempliċement għax huwa ma jkunx f’pożizzjoni li juri li għandu mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ddikjarata meta ressaq l-applikazzjoni tiegħu għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-persuni taxxabbli.
28 Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex iħarsu l-interessi finanzjarji tagħhom u li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-eventwali abbużi hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva 2006/112 (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 71; tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C-285/09, Ġabra p. I-12605, punt 36; kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Mednis, C-525/11, punt 31).
29 Barra minn hekk, l-Istati Membri huma marbuta jiggarantixxu l-veraċità tar-reġistrazzjonijiet fir-reġistru tal-persuni taxxabbli sabiex jiżguraw il-funzjonament tajjeb tas-sistema tal-VAT. B’dan il-mod, huwa l-kompitu tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tivverifika l-kwalità ta’ persuna taxxabbli tal-applikant qabel ma tagħtih numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT (ara s-sentenza Mecsek-Gabona, iċċitata iktar ’il fuq, punt 63).
30 Għaldaqstant, l-Istati Membri jistgħu b’mod leġittimu, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112, jipprovdu għal miżuri adattati sabiex jipprekludu l-użu abbużiv tan-numri ta’ identifikazzjoni, b’mod partikolari minn impriżi li l-attività tagħhom, u konsegwentement, il-kwalità ta’ persuna taxxabbli tagħhom, tkun purament fittizja. Madankollu, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jiġi żgurat il-ġbir korrett tat-taxxa u sabiex tiġi evitata l-frodi u dawn ma għandhomx b’mod sistematiku jippreġudikaw id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT u, għalhekk, in-newtralità ta’ din it-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée, C-146/05, Ġabra p. I-7861, punt 26; Nidera Handelscompagnie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 49; Dankowski, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; u VSTR, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44).
31 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li miżuri ta’ kontroll bħalma huma dawk stabbiliti mil-Liġi dwar il-VAT ma jistgħux jirrestrinġu d-dritt tal-persuni taxxabbli li jnaqqsu l-VAT dovuta jew imħallsa fuq l-ispejjeż ta’ investiment magħmula għall-ħtiġijiet tal-operazzjonijiet li huma jipprevedu li jagħmlu u li jagħtu lok għal dritt ta’ tnaqqis.
32 Fil-fatt, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-identifikazzjoni prevista fl-Artikolu 214 tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll l-obbligi stipulati fl-Artikolu 213 ta’ din tal-aħħar jikkostitwixxu biss rekwiżiti formali għal skopijiet ta’ kontroll, li ma jistgħux jippreġudikaw, b’mod partikolari, id-dritt għal tnaqqis jew id-dritt għall-eżenzjoni mill-VAT fir-rigward ta’ provvista intra-Komunitarja, kemm-il darba l-kundizzjonijiet materjali li joħolqu dawn id-drittijiet ikunu sodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Nidera Handelscompagnie, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50; tad-19 ta’ Lulju 2012, Rēdlihs, C-263/11, punt 48, u Mecsek-Gabona, iċċitata iktar ’il fuq, punt 60).
33 Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li r-reġistrazzjoni tal-persuna taxxabbli fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT hija rekwiżit formali b’mod li persuna taxxabbli ma tistax tiġi prekluża milli teżerċita id-dritt tagħha ta’ tnaqqis minħabba li ma tkunx ġiet identifikata għall-VAT qabel l-użu tal-beni miksuba fl-ambitu tal-attività taxxabbli tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Nidera Handelscompagnie, punt 51, kif ukoll Dankowski, punti 33, 34 u 36). Minn dan isegwi li, bħala prinċipju, ir-rifjut ta’ għoti ta’ numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT ma jista’ jkollu ebda effett fuq id-dritt tal-persuna taxxabbli li tnaqqas il-VAT tal-input imħallsa jekk il-kundizzjonijiet materjali li joħolqu dan id-dritt ikunu sodisfatti.
34 Sabiex jiġi kkunsidrat li huwa proporzjonat għall-għan ta’ prevenzjoni tal-frodi, rifjut ta’ identifikazzjoni ta’ persuna taxxabbli permezz ta’ numru individwali għandu jkun ibbażat fuq indizji serji li jippermettu oġġettivament li jiġi kkunsidrat li huwa probabbli li n-numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT mogħti lil din il-persuna taxxabbli jkun ser jintuża b’mod frawdolenti. Tali deċiżjoni għandha tkun ibbażata fuq evalwazzjoni globali taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ u tal-provi li jkunu nġabru fl-ambitu tal-verifika tal-informazzjoni pprovduta mill-impriża kkonċernata.
35 Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju, li hija unikament kompetenti kemm sabiex tinterpreta d-dritt nazzjonali kif ukoll sabiex tikkonstata u tevalwa l-fatti tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’mod partikolari l-mod li bih dan id-dritt huwa applikat mill-amministrazzjoni fiskali (sentenza Mednis, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżuri nazzjonali mad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ proporzjonalità. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ biss tipprovdi lil din il-qorti l-kriterji għall-interpretazzjoni li jistgħu jippermettuha tevalwa tali kompatibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 1995, Gebhard, C-55/94, Ġabra p. I-4165, punt 19, u tad-29 ta’ Lulju 2010, Profaktor Kulesza, Frankowski, Jóźwiak, Orłowski, C-188/09, Ġabra p. I-7639, punt 30).
36 Fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-każ fil-kawża prinċipali, għandu jiġi kkonstatat li l-fatt li persuna taxxabbli ma jkollhiex mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ddikjarata ma huwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex juri li huwa probabbli li din tal-aħħar ikollha l-intenzjoni li twettaq frodi fiskali. Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li ċirkustanzi bħal dawn, sostnuti bil-preżenza ta’ fatturi oġġettivi oħra li joħolqu suspett ta’ intenzjonijiet frawdolenti tal-persuna taxxabbli, jistgħu jikkostitwixxu indizji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ambitu ta’ evalwazzjoni globali tar-riskju ta’ frodi.
37 Bl-istess mod, id-Direttiva 2006/112 ma tipprevedi ebda limitu għan-numru ta’ applikazzjonijiet għall-għoti ta’ numri individwali ta’ identifikazzjoni għall-VAT li jistgħu jiġu ppreżentati mill-istess persuna li taġixxi għan-nom ta’ diversi persuni ġuridiċi. Din id-direttiva lanqas ma tippermetti li jiġi kkunsidrat li ċ-ċessjoni tal-kontroll ta’ dawn il-persuni ġuridiċi wara l-identifikazzjoni għall-VAT ta’ dawn tal-aħħar tikkostitwixxi attività illegali. Madankollu, tali ċirkustanzi jistgħu wkoll jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-ambitu ta’ evalwazzjoni globali tar-riskju ta’ frodi.
38 Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li teżamina jekk, fid-dawl tal-assjem taċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ, l-amministrazzjoni fiskali nazzjonali stabbilixxietx b’mod suffiċjenti skont il-liġi l-eżistenza ta’ indizji serji li jippermettu li jiġi kkunsidrat li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni fir-reġistru tal-persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT ippreżentata minn Ablessio tistax twassal għal użu abbużiv tan-numru ta’ identifikazzjoni jew għal okkorrenzi oħra ta’ frodi għall-VAT.
39 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha premessi, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li l-Artikoli 213, 214 u 273 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tirrifjuta li tagħti numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT lil kumpannija sempliċement għax hija ma jkollhiex, skont din l-amministrazzjoni, mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ddikjarata u d-detentur tal-ishma kapitali ta’ din il-kumpannija jkun diġà kiseb, f’diversi okkażjonijiet, tali numru għal kumpanniji li qatt ma jkunu verament eżerċitaw attività ekonomika u li l-ishma kapitali tagħhom ikunu ġew assenjati lil persuni oħra ftit taż-żmien wara l-għoti ta’ dan in-numru, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali kkonċernata ma tkun stabbilixxiet, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li hemm indizji serji li jippermettu li jiġi ssusspettat li n-numru ta’ identifikazzjoni għall-VAT mogħti jkun ser jiġi użat b’mod frawdolenti. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-imsemmija amministrazzjoni fiskali pprovdietx indizji serji tal-eżistenza ta’ riskju ta’ frodi fil-kawża prinċipali.
Fuq l-ispejjeż
40 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 213, 214 u 273 tad-Direttiva 2006/112/KE tal-Kunsill, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dawn jipprekludu li l-amministrazzjoni fiskali ta’ Stat Membru tirrifjuta li tagħti numru ta’ identifikazzjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud lil kumpannija sempliċement għax hija ma jkollhiex, skont din l-amministrazzjoni, mezzi materjali, tekniċi u finanzjarji għall-eżerċizzju tal-attività ekonomika ddikjarata u d-detentur tal-ishma kapitali ta’ din il-kumpannija jkun diġà kiseb, f’diversi okkażjonijiet, tali numru għal kumpanniji li qatt ma jkunu verament eżerċitaw attività ekonomika u li l-ishma kapitali tagħhom ikunu ġew assenjati lil persuni oħra ftit taż-żmien wara l-għoti ta’ dan in-numru, mingħajr ma l-amministrazzjoni fiskali kkonċernata ma tkun stabbilixxiet, fid-dawl ta’ fatturi oġġettivi, li hemm indizji serji li jippermettu li jiġi ssusspettat li n-numru ta’ identifikazzjoni għat-taxxa fuq il-valur miżjud mogħti jkun ser jiġi użat b’mod frawdolenti. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tevalwa jekk l-imsemmija amministrazzjoni fiskali pprovdietx indizji serji tal-eżistenza ta’ riskju ta’ frodi fil-kawża prinċipali.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.