SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
25 ta’ Ottubru 2012 (*)
“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikoli 306 sa 310 — Skema speċjali għall-aġenziji tal-ivvjaġġar — Servizz ta’ trasport ipprovdut minn aġenzija tal-ivvjaġġar li taġixxi f’isimha — Kunċett ta’ servizz uniku — Artikolu 98 — Rata mnaqqsa tal-VAT”
Fil-Kawża C-557/11,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Awwissu 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Novembru 2011, fil-proċedura
Maria Kozak
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Lublinie,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. Rosas, li qed jaġixxi bħala President tas-Sitt Awla, U. Lõhmus u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Kozak, minn A. Bartosiewicz u R. Kamiński, doradcy podatkowi,
– għall-Gvern Pollakk, minn M. Szpunar u B. Majczyna, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u K. Herrmann, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”), moqri flimkien mal-Anness III ta’ din id-direttiva, kif ukoll tal-Artikolu 306 sa 310 tal-imsemmija direttiva.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Kozak u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Lublinie (id-Direttur tal-Kamra tat-taxxa ta’ Lublin) dwar deċiżjoni li tirrigwarda l-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) applikabbli għall-attività tagħha ta’ aġenzija tal-ivvjaġġar.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Taħt it-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tat-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT, intitolata “rata mnaqqsa”, l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva jipprovdi li:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.
[...]”
4 L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98”, jistabbilixxi li:
“[...]
5) it-trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom;
[...]”
5 Taħt il-Kapitolu 3 tat-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT, intitolat “Skema speċjali għall-aġenti ta’ l-ivvjaġġar”, l-Artikoli 306 sa 310 ta’ din id-direttiva jiddisponu li:
“Artikolu 306
1. L-Istati Membri għandhom japplikaw skema speċjali tal-VAT, skond dan il-Kapitolu, għal transazzjonijiet imwettqa minn aġenti ta’ l-ivjaġġar li jkollhom x’jaqsmu ma’ konsumaturi f’isimhom u li jużaw provvisti ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fil-provvediment tal-faċilitajiet ta’ l-ivvjaġġar.
[...]
2. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, operaturi turistiċi għandhom jitqiesu bħala aġenti ta’ l-ivvjaġġar.
Artikolu 307
Transazzjonijet li jsiru, skond il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 306, mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar fir-rigward ta’ vjaġġ għandhom ikunu kkunsidrati bħala servizz uniku pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvaġġjar lill-vjaġġatur.
Is-servizz uniku għandu jkun taxxabbli fl-Istat Membru li fih l-aġent ta’ l-ivvjaġġar ikun stabilixxa n-negozju tiegħu jew għandu l-istabbiliment fiss minn fejn l-aġent ta’ l-ivvjaġġar wettaq il-provvista ta’ servizzi.
Artikolu 308
L-ammont taxxabbli u l-prezz mingħajr VAT, fit-tifsira tal-punt (8) ta’ l-Artikolu 226, fir-rigward tas-servizz uniku pprovdut mill-aġent ta’ l-ivvjaġġar għandu jkun il-marġni ta’ l-aġent ta’ l-ivvjaġġar, jiġifieri, id-differenza bejn l-ammont totali, mingħajr VAT, li għandu jitħallas mill-vjaġġatur u l-ispiża reali għall-aġent ta’ l-ivvjaġġar tal-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi pprovduti minn persuni taxxabbli oħrajn, fejn dawk it-transazzjonijiet huma għall-benefiċċju dirett tal-vjaġġatur.
[...]
Artikolu 310
Il-VAT imposta lill-aġent ta’ l-ivvjaġġar minn persuni taxxabbli oħra għal transazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 307 u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-vjaġġatur m’għandhomx ikunu jistgħu jitnaqqsu jew tingħata rifużjoni fi kwalunkwe Stat Membru.”
Id-dritt Pollakk
6 L-Artikolu 119(1), (5) u (6) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-prodotti u s-servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług) tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U n° 54, position 535), fil-verżjoni tagħha applikabbli fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”) jipprovdi:
“1. Bla ħsara għall-paragrafu 5, meta jiġi pprovdut servizz turistiku l-valur taxxabbli għandu jkun ikkostitwit mill-ammont tal-marġni, imnaqqas bl-ammont tat-taxxa dovuta.
[...]
5. Meta, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizz turistiku, minbarra s-servizzi miksuba minn persuni taxxabbli oħra u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-klijent, il-persuna taxxabbli tipprovdi hija stess parti mis-servizzi, iktar ’il quddiem is-‘servizzi interni’, il-valur taxxabbli għandu jiġi stabbilit b’mod differenti skont jekk is-servizzi inkwistjoni humiex servizzi interni jew servizzi akkwistati minn persuni taxxabbli oħra u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-klijent. Il-valur taxxabbli tas-servizzi interni għandu jiġi applikat billi jiġu applikati mutatis mutandis id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 29.
6. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 5, il-persuna taxxabbli għandha tindika fil-kotba tat-taxxa tagħha, minn naħa waħda, il-parti mill-prezz tas-servizzi attribwibbli lis-servizzi akkwistati minn persuni taxxabbli oħra u li huma ta’ benefiċċju dirett għall-klijent u, min-naħa l-oħra, dik il-parti attribwibbli lis-servizzi interni.
[...]”
7 Skont l-Artikolu 41(2) tal-liġi dwar il-VAT u l-punt 144 tal-Anness 3 ta’ din il-liġi, is-servizzi ta’ trasport bl-art ta’ passiġġieri jibbenefikaw minn rata mnaqqsa tal-VAT, jiġifieri 7 %, filwaqt li r-rata normali tal-VAT hija ta’ 22 %.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
8 M. Kozak tiġġestixxi aġenzija tal-ivvjaġġar, stabbilita fil-Polonja. Matul is-sena 2007, hija biegħet direttament lill-klijenti tagħha vaganzi bi prezz li jinkludi kollox, inkluż l-akkomodazzjoni u l-ikel li għalihom hija għamlet użu mis-servizzi ta’ fornituri oħra, kif ukoll it-trasport, li pprovdiet hija stess permezz tal-coaches tagħha.
9 Sabiex tikkalkola l-VAT, għal dak li jirrigwarda s-servizzi akkwistati minn terzi, M. Kozak applikat skema speċjali prevista għall-operazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar billi tuża bħala valur taxxabbli l-marġni tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, skont l-Artikolu 308 tad-Direttiva tal-VAT, billi tissuġġetta tali marġni għar-rata normali tal-VAT ta’ 22 %. Għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport pprovduti minnha stess, hija applikat ir-regoli normali tal-VAT, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda l-valur taxxabbli, billi tissuġġetta tali servizzi għar-rata imnaqqsa ta’ 7 % prevista għas-servizzi ta’ trasport ta’ persuni.
10 L-awtorità tat-taxxa kkunsidrat li s-servizzi ta’ trasport kienu indispensabbli għas-servizz turistiku offert mill-aġenzija tal-ivvjaġġar u li dawn kellhom jiġu kkunsidrati bħala parti integrali minnu. Konsegwentement, u skont il-liġi dwar il-VAT, M. Kozak ma kellhiex, skont din l-awtorità, tapplika rata mnaqqsa tal-VAT fir-rigward tas-servizzi ta’ trasport tagħha billi tikkunsidrahom bħala servizz indipendenti, iżda kellha tissuġġetta l-imsemmija servizzi għall-istess taxxa bħas-servizzi l-oħra, jiġifieri r-rata normali ta’ 22 %. Ittieħdet għalhekk deċiżjoni li tikkonstata l-irregolarità fil-kalkolu tal-VAT imwettaq minn M. Kozak għax-xhur minn Mejju sa Ġunju u minn Ottubru sa Diċembru 2007.
11 M. Kozak ikkontestat din l-interpretazzjoni tal-liġi dwar il-VAT u ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Lublinie. Din tal-aħħar madankollu kkonfermat l-approċċ tal-awtorità tat-taxxa. Għaldaqstant, M. Kozak ippreżentat appell fil-kassazzjoni quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Qorti Suprema Amministrattiva).
12 Din il-qorti għandha dubju dwar ir-risposta mogħtija mill-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Lublinie li tgħid li r-rata tal-VAT ta’ 22 % għandha tiġi applikata għas-servizzi ta’ trasport ipprovduti internament bl-istess mod kif hija tapplika għas-servizzi akkwistati minn terzi, anki jekk il-valur taxxabbli tagħhom hija differenti. Hija tistaqsi b’mod partikolari jekk għandux jintuża l-kunċett ta’ “servizz uniku” li jinsab fil-punt 45 tas-sentenza tal-15 ta’ Mejju 2001, Primback Primback (C-34/99, Ġabra p. I-3833), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ tranżazzjoni li hija komposta minn diversi elementi, ikun hemm servizz uniku b’mod partikolari meta element għandu jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi s-servizz prinċipali filwaqt li element ieħor għandu jiġi meqjus bħala servizz anċillari li jikkondividi t-trattament fiskali tas-servizz prinċipali.
13 Billi għandha dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III tagħha, in-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“Meta, fil-kuntest ta’ servizz turistiku ipprovdut lil vjaġġatur inkambju ta’ [għal] prezz li jinkludi kollox impost skont l-Artikoli 306 sa 310 tad-[Direttiva tal-VAT], li jistabbilixxu skema partikolari [speċjali] ta’ impożizzjoni tal-VAT għall-aġenziji tal-ivvjaġġar, aġenzija tal-ivvjaġġar tipprovdi lil dan il-vjaġġatur provvista [servizz] ta’ trasport tagħha stess, li tikkostitwixxi element indispensabbli għat-twettiq tas-servizz turistiku, din il-provvista [servizz] tagħha stess hija suġġetta għar-rata normali applikabbli għas-servizzi turistiċi jew hija suġġetta għar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni applikabbli għas-servizzi ta’ trasport ta’ persuni skont l-Artikolu 98, moqri flimkien mal-[punt 5] tal-Anness III ta’ din id-direttiva?”
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet issottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja
14 M. Kozak u l-Kummissjoni jsostnu li l-kunċett ta’ servizz uniku pprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar ikopri biss is-servizzi miksuba minn terzi skont l-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT. Huwa ma jinkludix servizzi pprovduti internament mill-operatur. Minn dan jirriżulta li l-iskema komuni tal-VAT, inkluża r-rata ta’ tassazzjoni, tapplika għas-servizz ta’ trasport ipprovdut internament u li, f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali, is-servizz ta’ trasport għandu jiġi suġġett għar-rata mnaqqsa tal-VAT previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, skont l-Artikolu 98 tad-Direttiva tal-VAT, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din id-direttiva.
15 Il-Gvern Pollakk isostni, min-naħa tiegħu, li, meta servizz ta’ trasport ipprovdut internament huwa indispensabbli għall-provvista ta’ servizzi turistiċi, huwa għandu jitqies bħala element anċillari għal din tal-aħħar, li tikkostitwixxi servizz uniku u prinċipali, suġġett għall-iskema speċjali tal-VAT imsemmija fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT. Is-servizz ta’ trasport għandu, abbażi ta’ dan, jingħata l-istess trattament bħal dak mogħti lis-servizz prinċipali u jkun suġġett għall-iskema speċjali tal-VAT imsemmija f’dawn l-artikoli għal dak li jirigwarda l-post u r-rata ta’ tassazzjoni, filwaqt li jkun suġġett għall-iskema komuni tal-VAT għal dak li jirrigwarda l-valur taxxabbli u d-dritt għal tnaqqis, peress li l-Artikolu 308 ta’ din id-direttiva ma japplikax għas-servizzi pprovduti internament.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
16 Għandu jitfakkar li l-iskema tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, li tinsab fl-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT, tirriproduċi essenzjalment id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23). Din l-iskema hija skema speċjali li fiha regoli speċifiċi dwar l-attività tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, li jidderogaw mill-iskema komuni tal-VAT.
17 Skont l-Artikolu 306 tad-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri għandhom japplikaw l-imsemmija skema għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar, sa fejn dawn l-aġenziji jaġixxu f’isimhom fir-rigward tal-klijent u meta jużaw, fil-provvista tal-faċilitajiet tal-ivvjaġġar, provvisti ta’ beni u servizzi minn persuni taxxabbli oħra.
18 Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-provvisti ta’ servizzi kkonċernati huma dawk akkwistati minn terzi taxxabbli.
19 L-għan essenzjali tar-regoli relatati mal-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar huwa li jieħu evitati diffikultajiet għall-operaturi ekonomiċi li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali tad-Direttiva tal-VAT dwar it-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-provvista ta’ servizzi akkwistati minn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-22 ta’ Ottubru 1998, Madgett u Baldwin, C-308/96 u C-94/97, Ġabra p. I-6229, punt 33). Fil-fatt, l-applikazzjoni tar-regoli normali dwar il-post ta’ tassazzjoni, il-valur taxxabbli u t-tnaqqis tat-taxxa tal-input tinvolvi, minħabba l-multipliċità tas-servizzi u l-postijiet fejn jiġu pprovduti, diffikultajiet prattiċi għal dawn l-impriżi li jkunu ta’ natura tali li jostakolaw it-twettiq tal-attività tagħhom (ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 1992, Van Ginkel, C-163/91, Ġabra p. I-5723, punt 14).
20 Bħala eċċezzjoni għall-iskema komuni tad-Direttiva tal-VAT, l-iskema prevista fl-Artikoli 306 sa 310 tagħha ma għandhiex tapplika ħlief meta jkun neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tagħha (sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 34).
21 Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet diġà li l-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar tapplika biss għas-servizzi akkwistati minn terzi (ara s-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
22 Dan l-istess raġonament wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tiddeċiedi li l-imsemmija skema ma tirrigwardax is-servizzi ta’ trasport ipprovduti mingħajr intermedjarju, li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet ġenerali applikabbli għall-impriżi tat-trasport (sentenza tas-27 ta’ Ottubru 1992, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C-74/91, Ġabra p. I-5437, punt 26).
23 Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li, meta operatur ekonomiku suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar iwettaq, bi ħlas ta’ prezz li jinkludi kollox, tranżazzjonijiet komposti minn servizzi pprovduti parzjalment minnu stess u parzjalment minn persuni taxxabbli oħra, din l-iskema speċjali tapplika biss għas-servizzi pprovduti minn terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Madgett u Baldwin, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47).
24 Huwa f’dan il-kuntest li għandu jinftiehem il-kunċett ta’ “[provvista ta’] servizz uniku” li jinsab fl-Artikoli 307 u 308 tad-Direttiva tal-VAT. Dan il-kunċett jkopri biss is-servizzi li jkunu ġew akkwistati minn terzi taxxabbli. Barra minn hekk, ir-regola dwar is-servizz uniku invokata mill-qorti tar-rinviju u msemmija fil-punt 12 ta’ din is-sentenza, li tapplika fil-qasam tal-iskema komuni tal-VAT, ma tistax taffettwa l-evalwazzjoni tal-imsemmi kunċett fil-kuntest tal-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar.
25 Għaldaqstant, iċ-ċirkustanza invokata mill-qorti tar-rinviju li s-servizzi ta’ trasport pprovduti internament huma indispensabbli għas-servizz turistiku globali pprovdut mill-aġenzija tal-ivvjaġġar lill-klijent ma taffettwa bl-ebda mod il-kunsiderazzjonijiet preċedenti. Irrispettivament ta’ jekk dawn is-servizzi humiex indispensabbli jew le fir-rigward ta’ dan is-servizz turistiku globali, ma jirriżultax li dawn għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu miegħu “servizz uniku” fis-sens tal-Artikoli 307 u 308 tad-Direttiva tal-VAT u lanqas, konsegwentement, li għandhom jingħataw l-istess trattament fiskali bħall-imsemmi servizz.
26 Minn dan jirriżulta li, għal dak li jirrigwarda s-servizzi ta’ trasport ipprovduti internament minn aġenzija tal-ivvjaġġar, bħal dawk ipprovduti minn M. Kozak stess, dawn is-servizzi ma jistgħux jiġu suġġetti għall-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar la għad-determinazzjoni tal-valur taxxabbli u lanqas għall-applikazzjoni ta’ regoli oħra dwar il-kalkolu tal-VAT. Għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ tassazzjoni, ir-regoli li jinsabu fit-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT huma applikabbli. Skont l-Artikolu 98(2) ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III tagħha, l-Istati Membri għandhom il-libertà li jistabbilixxu rata mnaqqsa għat-trasport ta’ persuni u tal-bagalji tagħhom. Kif jirriżulta mill-punt 7 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Polonja għamlet użu minn din il-fakultà billi applikat ir-rata ta’ 7 % għas-servizz inkwistjoni.
27 Għaldaqstant, ir-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-VAT għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta fil-kuntest ta’ servizz turistiku pprovdut lil klijent inkambju għal prezz li jinkludi kollox impost skont dawn id-dispożizzjonijiet, aġenzija tal-ivvjaġġar tipprovdi lil dan il-klijent servizz ta’ trasport intern li jikkostitwixxi wieħed mill-element ta’ dan is-servizz turistiku, dan is-servizz huwa suġġett għall-iskema komuni tal-VAT, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ tassazzjoni, u mhux għall-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar. Skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu stabbilixxew rata mnaqqsa tal-VAT fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport, din ir-rata mnaqqsa hija applikabbli għall-imsemmi servizzi.
Fuq l-ispejjeż
28 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta fil-kuntest ta’ servizz turistiku pprovdut lil klijent inkambju għal prezz li jinkludi kollox impost skont dawn id-dispożizzjonijiet, aġenzija tal-ivvjaġġar tipprovdi lil dan il-klijent servizz ta’ trasport intern li jikkostitwixxi wieħed mill-element ta’ dan is-servizz turistiku, dan is-servizz huwa suġġett għall-iskema komuni tal-VAT, b’mod partikolari għal dak li jirrigwarda r-rata ta’ tassazzjoni, u mhux għall-iskema speċjali tal-VAT applikabbli għat-tranżazzjonijiet tal-aġenziji tal-ivvjaġġar. Skont l-Artikolu 98 ta’ din id-direttiva, jekk l-Istati Membri jkunu stabbilixxew rata mnaqqsa tal-VAT fil-qasam tas-servizzi ta’ trasport, din ir-rata mnaqqsa hija applikabbli għall-imsemmi servizzi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.