Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

31 ta’ Jannar 2013 (*)

“Tassazzjoni — VAT — Direttiva 2006/112/KE — Prinċipju ta’ newtralità fiskali — Dritt għal tnaqqis — Rifjut — Artikolu 203 — Indikazzjoni tal-VAT fuq il-fattura — Eżiġibbiltà — Eżistenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli — Evalwazzjoni identika fir-rigward tal-emittent tal-fattura u tad-destinatarju tagħha — Neċessità”

Fil-Kawża C-643/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mressqa mill-Administrativen sad Varna (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Diċembru 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-15 ta’ Diċembru 2011, fil-proċedura

LVK – 56 EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, K. Lenaerts, G. Arestis, J. Malenovský u T. Von Danwitz (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal LVK – 56 EOOD, minn P. Bakalova, avukat,

–        għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn S. Zlateva, bħala aġent,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u D. Drambozova, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn LVK – 56 EOOD (iktar ’il quddiem “LVK”) u d-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (Direttur tad-Direttorat “Appell u ġestjoni tal-eżekuzzjoni” għall-belt ta’ Varna tal-awtorità ċentrali tal-aġenzija nazzjonali tat-taxxa), dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tinkludi d-dritt għal tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”), minħabba li l-okkorrenza tat-tranżazzjonijiet tal-input ma tkunx stabbilita.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Skont il-premessa 39 tad-Direttiva 2006/112, ir-“regoli dwar tnaqqis għandhom ikunu armonizzati sa fejn jolqtu l-ammonti attwalment miġbura. Il-proporzjon deduċibbli għandu jkun ikkalkulat bl-istess mod fl-Istati Membri kollha”.

4        L-Artikolu 2(1)(a) u (c) ta’ din id-direttiva jissuġġetta għall-VAT il-kunsinni ta’ merkanzija u l-provvisti ta’ servizzi magħmula bil-ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

5        Skont l-Artikolu 62 tal-imsemmija direttiva:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

(1)      ‘Avveniment li jagħti lok għal ħlas’ għandha tfisser okkorrenza li permezz tagħha l-kondizzjonijet legali meħtieġa biex tiġi imposta l-VAT huma sodisfatti;

(2)      Il-VAT għandha tiġi ‘imposta’ meta l-awtorità tat-taxxa ssir intitolata bil-liġi, f'mument partikolari, biex tiġbor it-taxxa mill-persuna soġġetta li tħallasha, għalkemm iż-żmien għall-ħlas jista' jkun pospost.”

6        L-Artikolu 63 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-avveniment li jagħti lok għall-VAT iseħħ u l-VAT tkun eżiġibbli fil-mument li titwettaq il-provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi.

7        L-Artikolu 73 ta’ din id-direttiva jipprovdi li, “[f]ir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista”.

8        Skont l-Artikolu 167 tal-imsemmija direttiva, id-“[d]ritt ta’ tnaqqis iseħħ fil-ħin meta t-taxxa mnaqqsa tiġi imposta.”

9        L-Artikolu 168(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra.”

10      L-Artikolu 178 ta’ din id-direttiva jistipula:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;

[...]”

11      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 179 tal-imsemmija direttiva, “[i]l-persuna taxxabbli għandha teffettwa t-tnaqqis billi tnaqqas mill-ammont totali tal-VAT dovuta għal perijodu partikolari ta’ taxxa l-ammont totali ta’ VAT li fir-rigward tagħha, matul l-istess perijodu, id-dritt li tnaqqas irriżulta u hu eżerċitat skond l-Artikolu 178.”

12      L-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, li jinsab fit-Taqsima I, intitolata “Persuni responsabbli għall-ħlas tal-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa”, tal-Kapitolu I, intitolat “L-obbligu ta’ ħlas”, tat-Titolu XI ta’ din id-direttiva, intitolat “Obbligi ta’ persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli”, jipprovdi:

“Il-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura.”

13      L-Artikolu 273 ta’ din id-direttiva, li jinsab fil-Kapitolu 7, intitolat “Disposizzjonijiet varji”, tal-istess Titiolu XI, jistipula:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

14      Skont l-Artikolu 395(1) sa (3) tal-imsemmija direttiva:

“1.      Il-Kunsill, jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunwe Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, biex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjoni jew evitar tat-taxxa.

Miżuri intenzjonati sabiex jissimplifikaw il-proċedura tal-ġbir tal-VAT m’għandhomx, ħlief f’miżura insinifikanti, jaffetwaw l-ammont globali tad-dħul tat-taxxa ta’ l-Istat Membru miġbur fl-istadju tal-konsum finali.

2.      Stat Membru li jixtieq jintroduċi l-miżura msemmija fil-paragrafu 1 għandu jibgħat applikazzjoni lill-Kummisjoni u jipprovdiha bl-informazzjoni kollha meħtieġa. Jekk il-Kummisjoni tikkunsidra li m’għandhiex l-informazzjoni kollha meħtieġa, hi għandha tikkuntattja lill-Istat Membru kkonċernat sa xahrejn minn meta tirċievi l-applikazzjoni u tispeċifika x’informazzjoni addizzjonali tkun meħtieġa.

La darba il-Kummisjoni jkollha l-informazzjoni kollha li hi tikkunsidra meħtieġa għall-ipproċessar tat-talba, hi għandha fi żmien xahar tinforma lill-Istat Membru li qed jagħmel it-talba b’dan u hi għandha titrasmetti din it-talba, fil-lingwa oriġinali tagħha, lill-Istati Membri l-oħra.

3. Fi żmien tliet xhur mill-għotja tan-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Kunsill jew bi proposta xierqa, jew jekk hi toġġezzjona għad-deroga mitluba, b’komunikazzjoni fejn turi l-oġġezzjonijiet tagħha.”

 Id-dritt Bulgaru

15      Skont l-Artikolu 70(5) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Zakon za danak varhu dobavenata stoynost, DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006), fil-verżjoni tagħha applikabbli fil-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem iż-“ZDDS”) “ma jistax jiġi invokat dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jekk din tkun ġiet indebitament iffatturata”.

16      Skont l-Artikolu 71(1) taż-ZDDS, il-persuna taxxabbli għandha teżerċita d-dritt tagħha għal tnaqqis tal-kreditu fiskali meta din ikollha fil-pussess tagħha dokument fiskali stabbilit b’mod konformi mar-rekwiżiti tal-Artikoli 114 u 115, dokument li fih il-VAT għandha tkun indikata b’mod separat fir-rigward tal-merkanzija jew tas-servizzi pprovduti lill-persuna taxxabbli.

17      L-Artikolu 82(1) taż-ZDDS jipprovdi li t-“taxxa hija dovuta mill-persuna taxxabbli rreġistrata skont il-liġi preżenti, li tkun il-fornitur jew il-prestatarju tal-provvista jew tal-prestazzjoni taxxabbli”.

18      Skont l-Artikolu 85 taż-ZDDS, il-VAT hija dovuta minn kull persuna li tindika din it-taxxa f’dokument fiskali msemmi fl-Artikolu 112 taż-ZDDS, jiġifieri, b’mod partikolari, fuq fattura.

19      L-Artikolu 113(1) u (2) taż-ZDDS jipprovdi:

“(1)      Kull fornitur taxxabbli li jwettaq kunsinna ta’ merkanzija, provvista ta’ servizzi jew li jirċievi pagament minn qabel għal dan l-iskop, għandu joħroġ fattura li tikkorrispondi għal din it-tranżazzjoni, sakemm din ma tkunx imniżżla fid-dokument imsemmi fl-Artikolu 117.

(2)      Il-fattura hija maħruġa f’minn tal-inqas żewġ kopji, waħda għall-fornitur u l-oħra għad-destinatarju.”

20      Skont l-Artikolu 115(1) taż-ZDDS, il-fornitur huwa obbligat jagħti nota li tikkonċerna l-fattura fil-każ ta’ modifika tal-bażi tat-taxxa ta’ tranżazzjoni jew fil-każ tar-rexissjoni tat-tranżazzjoni li għaliha tkun inħarġet fattura.

21      L-Artikolu 116 taż-ZDDS jipprovdi:

“(1)      Ma humiex ammessi korrezzjonijiet u żidiet fil-fatturi u noti b’rabta ma’ fatturi. Kull dokument li jinkludi żbalji jew korrezzjonijiet għandu jiġi annullat u ssostitwit b’dokument ġdid.

[...]

(3)      Huma wkoll ikkunsidrati bħala dokumenti żbaljati dawk il-fatturi u noti b’rabta ma’ fatturi li fihom tiġi indikata t-taxxa meta din ma kellhiex tkun hekk indikata.

(4)      Meta d-dokumenti li jkun fihom żbalji jew korrezzjonijiet jiddaħħlu fil-kontabbiltà tal-fornitur jew tad-destinatarju, għandu jiġi fformulat dokument ta’ kanċellazzjoni għal kull wieħed mill-partijiet, li jinkludi:

1.      ir-raġunijiet tal-annullament,

2.      in-numru u d-data tad-dokument annullat;

3.      in-numru u d-data tad-dokument il-ġdid;

4.      għal kull wieħed mill-partijiet, il-firma tal-persuni li fformulaw id-dokument ta’ annullament.

[...]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Fix-xhur ta’ Settembru u Ottubru 2007, LVK, produttur agrikolu, naqqas il-VAT tal-input li tirriżulta minn diversi fatturi li jirrigwardaw kunsinna ta’ merkanziji u li ġew maħruġa rispettivament minn REYA - 96 OOD (iktar ’il quddiem “REYA”) u SITI GRUP 76 DZZD (iktar ’il quddiem “SITI GRUP”), li, fil-frattemp, ma baqgħux irreġistrati bħala persuni taxxabbli suġġetti għall-VAT. Dawn il-fatturi tħallsu kollha bi flus kontanti u ddaħħlu fil-kontabbiltà ta’ LVK. Huwa paċifiku wkoll li l-kunsinni korrispondenti huma mniżżlin fir-reġistri tal-bejgħ tal-imsemmija fornituri.

23      L-awtorità tat-taxxa wettqet kontraverifiki għand iż-żewġ fornituri. Matul dawn il-verifiki, hija talbet numru ta’ dokumenti li jikkonċernaw, b’mod partikolari, l-oriġini tal-merkanzija kkunsinnata kif ukoll l-eżekuzzjoni tal-kunsinna. Il-fornituri ma rrispondewx għal din it-talba fiż-żmien stabbilit.

24      Bi tweġiba għat-talba tal-awtorità tat-taxxa sabiex jiġu mressqa provi tal-okkorrenza effettiva tal-kunsinni inkwistjoni, LVK ippreżentat bordereaux tal-kunsinna, ċertifikati tal-użin u karti tal-kunsinna, li, madankollu, kienu jinkludu numru ta’ irregolaritajiet.

25      L-awtorità tat-taxxa kkonkludiet li ma kienx ġie stabbilit li l-kunsinni ffatturati kienu ġew eżegwiti, b’mod li l-VAT kienet ġiet indebitament indikata fil-fatturi inkwistjoni. Għalhekk, hija bagħtet avviż ta’ taxxa rettifikattiv tal-20 ta’ Diċembru 2010 lil LVK fejn tirrifjuta t-tnaqqis tal-VAT li kienet tirriżulta minn dawn il-fatturi (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ taxxa rettifikattiv ikkontestat”).

26      Wara li, b’deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2011, dan l-avviż ta’ taxxa rettifikattiv ikkontestat ġie kkonfermat mid-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Varna pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, LVK ippreżentat rikors quddiem l-Administrativen sad Varna, fejn targumenta li l-fatturi inkwistjoni kienu jikkorrispondu għal kunsinni effettivi ta’ merkanzija, b’tali mod li r-rifjut tad-dritt għal tnaqqis kien infondat.

27      Matul il-proċeduri prinċipali, ġew ippreżentati fil-fajl żewġ avviżi ta’ taxxa rettifikattivi indirizzati lil REYA u lil SITI GRUP rispettivament. Dawn l-avviżi kienu ġew stabbiliti qabel l-avviż ta’ taxxa rettifikattiv ikkontestat u jikkonċernaw il-perijodu inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Mill-imsemmija avviżi jirriżulta li l-awtorità tat-taxxa kkonstatat li ma kienx hemm lok li tiġi kkoreġuta l-bażi tat-taxxa u l-VAT iffatturata għall-kunsinni eżegwiti minn REYA u SITI GRUP.

28      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li hija għandha tevalwa jekk l-eżistenza tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT tal-input huwiex stabbilit b’mod suffiċjenti, billi jirriżulta li l-awtorità tat-taxxa bbażat ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis fuq il-fatt li l-fornituri ta’ LVK ma ppreżentawx id-dokumenti mitluba u li, fid-dokumenti ppreżentati minn LVK bħala destinatarju tal-kunsinni kkontestati, ċerta informazzjoni ma ġietx indikata jew ġiet indikata ħażin. Sabiex tipproċedi għal din l-evalwazzjoni, l-imsemmija qorti tistaqsi, fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni, x’inhija l-importanza tal-avviżi ta’ taxxa rettifikattivi indirizzati lill-fornituri ta’ LVK u jekk huwiex possibbli li jiġi dedott minnhom li l-awtorità tat-taxxa rrikonoxxiet li l-fatturi inkwistjoni kienu jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet taxxabbli li realment ġew eżegwiti.

29      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Administrativen sad Varna ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, ikopri l-każijiet kollha ta’ fatturazzjoni żbaljata tal-VAT, inklużi dawk li fihom il-fattura li ssemmi l-VAT tkun inħarġet mingħajr ma jkun seħħ l-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tal-VAT? Fil-każ li r-risposta għad-domanda tkun fl-affermattiv, l-Artikoli 203 u 273 tad-Direttiva 2006/112/KE jobbligaw lill-Istati Membri jipprevedu b’mod espliċitu l-każijiet li fihom hija dovuta l-VAT imsemmija f’fattura għal kunsinna li ma tkunx saret, jew huwa suffiċjenti li jitrasponu r-regola ġenerali tad-direttiva [imsemmija], li permezz tagħha l-VAT għandha titħallas minn kwalunkwe persuna li tniżżel il-VAT fuq fattura?

2)      Fid-dawl tal-premessa 39 fil-preambolu tad-Direttiva 2006/112 u bil-għan li tiġi żgurata l-korrettezza tat-tnaqqis tal-VAT tal-input, l-Artikolu 73, l-Artikolu 179 u l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 jeżiġu li, fejn tkun tidher il-VAT f’fattura mingħajr ma jkun seħħ avveniment li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa, l-awtoritajiet tat-taxxa għandhom jirrettifikaw l-ammont taxxabbli u l-VAT iffatturata?

3)      Il-miżuri speċifiċi previsti fl-Artikolu 395 tad-Direttiva 2006/112 jistgħu jikkonsistu fi prassi fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, għall-finijiet ta’ kontroll tat-tnaqqis tal-VAT tal-input, l-awtoritajiet tat-taxxa jivverifikaw biss it-tnaqqis tal-VAT tal-input li jkun sar u jikkunsidraw li l-VAT fuq il-kunsinni magħmula hija dovuta xorta waħda sempliċiment għaliex tissemma fil-fattura? Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 jippermetti, u f’liema ċirkustanzi, li għall-istess kunsinna waħda, il-VAT għandha tinġabar darba mingħand fornitur, peress li jkun niżżilha fil-fattura, u għat-tieni darba mix-xerrej, billi jinċaħad mid-dritt li jirkupra l-VAT tal-input?

4)      Prassi fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha d-destinatarju ta’ kunsinna taxxabbli jiċċaħħad mid-dritt għal tnaqqis abbażi tal-fatt li ma hemm ‘ebda prova li l-kunsinna seħħet’, mingħajr ma titqies il-konstatazzjoni, diġà stabbilita, tal-fatt li t-taxxa saret eżiġibbli u dovuta mingħand il-fornitur, filwaqt li, fl-evalwazzjoni tat-tnaqqis tad-dritt għall-ħlas lura tal-VAT tal-input, dan l-avviż ta’ stima ta’ taxxa [avviż ta’ taxxa rettifikattiv] ma ġiex aġġustat u ma kienx hemm raġuni li rriżultat jew li ġiet ikkonstatata sabiex jiġi aġġustat bil-mod preskritt mill-Istat, tippreġudika n-natura mhux kumulattiva tal-VAT, u tmur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali, tat-trattament ugwali u tan-newtralità fiskali?

5)      L-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112, għandhom jippermettu li jiġi miċħud id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT tal-input lil destinatarju ta’ kunsinna taxxabbli li tissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-Artikolu 178, minħabba ‘nuqqas ta’ provi tal-intervent tal-avveniment li jagħti lok għall-ħlas tat-taxxa’, filwaqt li fl-avviż rettifikattiv ta’ stima tat-taxxa tal-fornitur, li daħal fis-seħħ, il-VAT iffaturata ma ġietx aġġustata u ġiet rikonoxxuta bħala eżiġibbli u ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-perijodu taxxabbli kkonċernat? Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, huwa rilevanti li, matul il-verifika, il-fornitur ma ppreżentax id-dokumenti ta’ kontabbiltà u li t-taxxa dovuta għal dan il-perijodu fiskali ġiet stabbilita biss fuq il-bażi ta’ informazzjoni li tinsab fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT u fir-reġistri tax-xiri u l-bejgħ?

6)      Skont ir-risposti għad-domandi preċedenti, l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, in-newtralità fiskali teżiġi li l-persuna taxxabbli tkun tista’ tnaqqas il-VAT iffatturata fuq il-kunsinni?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

30      Permezz tal-ewwel u t-tieni domandi tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-VAT imsemmija fuq fattura minn persuna hija dovuta minnha indipendentement mill-eżistenza effettiva ta’ tranżazzjoni taxxabbli, u jekk mis-semplċii fatt li l-awtorità tat-taxxa ma kkoreġietx, f’avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, il-VAT iddikjarata minnu, jistax jiġi dedott li din l-awtorità rrikonoxxiet li l-imsemmija fattura kienet tikkorrispondi għal tranżazzjoni taxxabbli effettiva.

31      Qabel xejn, għandu jiġi rrilevat li, filwaqt li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ dejn fiskali tal-emittent ta’ fattura fil-konfront tal-awtorità tat-taxxa, l-imsemmija domandi huma magħmula fil-kuntest ta’ kawża bejn din l-awtorità u d-destinatarju tal-fatturi kkontestati. Din il-kawża tikkonċerna d-dritt ta’ dan tal-aħħar għat-tnaqqis tal-VAT imsemmija fil-fatturi ppreżentati, dritt irrifjutat minħabba li dawn il-fatturi ma kinux jikkorrispondu għal kunsinni taxxabbli effettivi, punt li huwa kkontestat mill-persuna taxxabbli.

32      Fil-kuntest ta’ din il-kawża, kawża li l-emittent tal-fatturi kkontestati ma huwiex parti minnha, l-obbligi ta’ dan tal-aħħar lejn l-awtorità tat-taxxa huma importanti biss b’mod indirett sa fejn avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lil dan l-emittent ġie ppreżentat bħala mezz ta’ prova tal-eżistenza effettiva tat-tranżazzjonijiet taxxabbli.

33      Dwar id-dispożizzjoni li kienet tippreċedi l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112, jiġifieri l-Artikolu 21(1)(ċ) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, skont din id-dispożizzjoni, kull persuna li ssemmi l-VAT fuq fattura jew fuq kull dokument li jservi bħala tali, hija responsabbli għall-ħlas ta’ din it-taxxa. B’mod partikolari, dawn il-persuni huma responsabbli għall-ħlas tal-VAT indikata fuq fattura indipendentement minn kull obbligu li din titħallas minħabba tranżazzjoni suġġetta għall-VAT (ara s-sentenza tat-18 ta’ Ġunju 2009, Stadeco, C-566/07, Ġabra p. I-5295, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Huwa fatt li skont l-Artikoli 167 u 63 tad-Direttiva 2006/112, id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT iffatturata huwa marbut, bħala regola ġenerali, mal-okkorrenza effettiva ta’ tranżazzjoni taxxabbli (ara s-sentenza tas-26 ta’ Mejju 2005, António Jorge, C-536/03, Ġabra p. I-4463, punti 24 u 25) u l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt ma jestendix għall-VAT li hija dovuta, skont l-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva, esklużivament għaliex hija msemmija fuq il-fattura (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1989, Genius, C-342/87, Ġabra p. 4227, punti 13 u 19, kif ukoll tal-15 ta’ Marzu 2007, Reemtsma Cigarettenfabriken, C-35/05, Ġabra p. I-2425, punt 23).

35      Għalhekk, ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali ma huwiex, fil-prinċipju, kompletament eliminat sakemm id-destinatarju ta’ fattura li tindika VAT mhux dovuta jista’ jibqa’ jużaha għall-finijiet ta’ tali eżerċizzju, skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Stadeco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29).

36      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu stipulat fl-Artikolu 203 ta’ din id-direttiva huwa intiż li jelimina r-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali li jista’ joħloq id-dritt għal tnaqqis previst fl-Artikoli 167 et seq tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenza Stadeco, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28).

37      Fir-rigward ta’ dan l-għan, l-imsemmi obbligu huwa limitat bil-possibbiltà li, fl-ordinamenti ġuridiċi interni tagħhom, l-Istati Membri jipprovdu għal korrezzjoni tat-taxxa kollha indebitament iffatturata, u dan meta l-emittent tal-fattura juri l-bona fide tiegħu jew meta dan tal-aħħar, fi żmien utli, ikun elimina kompletament ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Genius, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18; tad-19 ta’ Settembru 2000, Schmeink & Cofreth u Strobel, C-454/98, Ġabra p. I-6973, punti 56 sa 61 u 63, kif ukoll tas-6 ta’ Novembru 2003, Karageorgou et, C-78/02 sa C-80/02, Ġabra p. I-13295, punt 50).

38      Fid-dawl, minn naħa, tal-imsemmija possibbiltà ta’ korrezzjoni u, min-naħa l-oħra, tar-riskju li l-fattura li tindika indebitament il-VAT tintuża għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, l-obbligu previst fl-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jagħti lill-ħlas dovut in-natura ta’ sanzjoni.

39      Barra minn hekk, minn dak premess jirriżulta li, sa fejn l-emittent ta’ fattura ma jinvokax waħda mill-ipoteżijiet li jippermettu l-korrezzjoni ta’ VAT indebitament iffatturata, imfakkrin fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, l-awtorità tat-taxxa ma hijiex obbligata, fil-kuntest ta’ verifika fiskali ta’ dan l-emittent, li tivverifika jekk il-VAT iffatturata u ddikjarata tikkorrispondix għal tranżazzjonijiet taxxabbli verament imwettqa minn dan l-emittent.

40      Issa, fin-nuqqas ta’ tali obbligu ta’ verifika, mis-sempliċi fatt li l-awtorità tat-taxxa naqset milli tikkoreġi l-VAT iddikjarata mill-emittent tal-fattura, ma jistax jiġi dedott li din l-awtorità rrikonoxxiet li l-fatturi maħruġa minn dan l-emittent kienu jikkorrispondu għal tranżazzjonijiet taxxabbli effettivi.

41      Madankollu, id-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-awtorità kompetenti milli tipproċedi għal verifika tal-eżistenza tat-tranżazzjonijiet iffatturati minn persuna taxxabbli u, jekk ikun il-każ, milli tirregolarizza d-dejn fiskali li jirriżulta mid-dikjarazzjonijiet magħmula mill-persuna taxxabbli. Ir-riżultat ta’ tali verifika, bħad-dikjarazzjoni u l-ħlas ta’ VAT iffatturata mill-emittent tal-fattura, jikkostitwixxi prova li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali meta tevalwa l-eżistenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli li tagħti d-dritt għal tnaqqis lid-destinatarju ta’ fattura f’każ konkret.

42      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        il-VAT imsemmija fuq fattura minn persuna hija dovuta minnha indipendentement mill-eżistenza effettiva ta’ tranżazzjoni taxxabbli;

–        mis-sempliċi fatt li l-awtorità tat-taxxa ma kkoreġietx, f’avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, il-VAT iddikjarata minnu, ma jistax jiġi dedott li din l-awtorità rrikonoxxiet li l-imsemmija fattura kienet tikkorrispondi għal tranżazzjoni taxxabbli effettiva.

 Fuq l-ewwel parti tat-tielet domanda

43      Fid-dawl tar-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi, ma hemmx għalfejn tingħata risposta għall-ewwel parti tat-tielet domanda.

 Fuq it-tieni parti tat-tielet domanda u r-raba’ sas-sitt domandi

44      Permezz tat-tieni parti tat-tielet domanda u tar-raba’ sas-sitt domandi, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112, kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludux li d-destinatarju ta’ fattura jiġi mċaħħad mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input minkejja li, fl-avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, il-VAT iddikjarata minn dan tal-aħħar ma kinitx ġiet ikkoreġuta.

45      B’hekk tqum il-kwistjoni ta’ jekk id-dritt tal-Unjoni jeżiġix li l-eżistenza effettiva ta’ kunsinna ta’ merkanzija jew ta’ provvista ta’ servizzi għandha tiġi evalwata bl-istess mod fir-rigward tal-emittent tal-fattura u fir-rigward tad-destinatarju ta’ din il-fattura.

46      Fir-rigward tat-trattament ta’ VAT indebitament iffatturata minħabba assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli, mid-Direttiva 2006/112 jirriżulta li ż-żewġ operaturi implikati ma humiex neċessarjament ittrattati b’mod identiku, sakemm l-emittent tal-fattura ma jkunx ikkoreġa din il-fattura, kif jirriżulta wkoll mill-punti 33 sa 37 ta’ din is-sentenza.

47      Fil-fatt, minn naħa, l-emittent ta’ fattura huwa responsabbli għall-ħlas tal-VAT imsemmija fuq din il-fattura anki fin-nuqqas ta’ tranżazzjoni taxxabbli, skont l-Artikolu 203 tad-Direttiva 2006/112. Min-naħa l-oħra, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tad-destinatarju ta’ fattura huwa limitat għal dawk it-taxxi biss li jikkorrispondu għal tranżazzjoni suġġetta għall-VAT, skont l-Artikoli 63 u 167 ta’ din id-direttiva.

48      F’din is-sitwazzjoni, l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali hija żgurata mill-possibbiltà, li għandha tingħata mill-Istati Membri u mfakkra fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, li tiġi kkoreġuta t-taxxa kollha indebitament iffatturata, u dan meta l-emittent tal-fattura juri l-bona fide tiegħu jew meta dan, fi żmien utli, jelimina kompletament ir-riskju ta’ telf ta’ dħul fiskali.

49      Fid-dawl tad-domandi rrilevati fid-deċiżjoni tar-rinviju, għandu jiġi ppreċiżat li l-awtoritajiet tat-taxxa ma għandhomx jagħmlu l-użu ta’ tali possibbiltà impossibbli billi sistematikament jorganizzaw il-verifiki tagħhom b’mod li avviż ta’ taxxa rettifikattiv ikun l-ewwel nett indirizzat lill-emittent ta’ fattura u b’mod li, jekk ikun il-każ, dan l-avviż jiġi anki ddikjarat definittiv qabel ma d-destinatarju tal-fattura jkun suġġett għal verifika. Bl-istess mod, din il-possibbiltà ma tistax tiġi eskluża minħabba s-sempliċi fatt li, fil-mument tal-korrezzjoni, l-emittent tal-fattura ma jkunx għadu rreġistrat bħala persuna taxxabbli suġġetta għall-VAT.

50      Minn dan isegwi li l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludux ir-rifjut tat-tnaqqis tal-VAT tal-input fil-konfront tad-destinatarju ta’ fattura, minħabba assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli, u dan anki meta, fl-avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent tal-fattura, il-VAT iddikjarata minn dan tal-aħħar ma tkunx ġietx ikkoreġuta.

51      Fir-rigward tal-prinċipju ta’ ċertezza legali, għandu jitfakkar li dan il-prinċipju, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effett tagħhom, sabiex il-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jorjentaw ruħhom f’sitwazzjonijiet u f’relazzjonijiet legali li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (ara s-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, France Télécom vs Il-Kummissjoni, C-81/10 P, Ġabra p. I-12899, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Fir-rigward tar-regoli fiskali applikabbli fiċ-ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, ma hemm ebda evidenza madankollu li tippermetti li jiġi preżunt li l-parti kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li torjenta ruħha b’mod utli fir-rigward tal-applikabbiltà tal-imsemmija regoli.

53      Għalhekk, lanqas il-prinċipju ta’ ċertezza legali ma jipprekludi r-rifjut ikkontestat tat-tnaqqis tal-VAT tal-input f’kundizzjonijiet bħal dawk deskritti fil-punt 50 ta’ din is-sentenza.

54      Dan jgħodd ukoll fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

55      Dan il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, li fil-qasam tal-VAT huwa rrappreżentat mill-prinċipju ta’ newtralità fiskali (ara s-sentenzi tal-10 ta’ April 2008, Marks & Spencer, C-309/06, Ġabra p. I-2283, punt 49; tad-29 ta’ Ottubru 2009, NCC Construction Danmark, C-174/08, Ġabra p. I-10567, punti 41 u 44, kif ukoll tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 61), jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti, sakemm trattament iddifferenzjat ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi Marks & Spencer, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; NCC Construction Danmark, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44, kif ukoll tad-9 ta’ Ġunju 2011, Campsa Estaciones de Servicio, C-285/10, Ġabra p. I-5059, punt 29).

56      Madankollu, kif ġie rrilevat fil-punti 33 sa 37 kif ukoll 46 u 47 ta’ din is-sentenza, mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 jirriżulta li l-emittent u d-destinatarju ta’ fattura li tikkonċerna kunsinna li, fil-verità, ma saritx, ma humiex f’sitwazzjoni paragunabbli.

57      Issa, sa fejn hija kkonċernata l-kawża prinċipali, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtorità tat-taxxa ddeduċiet, b’mod partikolari mill-fatt li l-fornitur ma ppreżentax id-dokumenti mitluba matul verifika fiskali, li ma kienx hemm kunsinna taxxabbli. Peress li din il-konklużjoni hija kkontestata mir-rikorrenti, il-qorti nazzjonali għandha tivverifikaha billi twettaq, skont ir-regoli dwar il-prova fid-dritt nazzjonali, evalwazzjoni sħiħa tal-provi u ċ-ċirkustanzi fattwali kollha fil-kawża prinċipali (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, punt 53, u tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, punt 32).

58      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huwa fatt li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni tat-taxxa u l-abbuż eventwali hija għan rikonoxxut u inkoraġġit bid-Direttiva 2006/112 u li l-individwi ma jistgħux, b’mod frawdolenti jew abbużiv, jinvokaw normi tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punti 68 u 71; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, punt 41, kif ukoll Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punti 35 u 36).

59      Għaldaqstant, l-awtoritajiet u l-qrati nazzjonali għandhom jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 55; Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42, kif ukoll Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

60      Madankollu, skont ġurisprudenza daqstant ieħor stabbilita, ma huwiex kompatibbli mas-sistema tad-dritt għal tnaqqis prevista mid-Direttiva 2006/112 li, permezz tar-rifjut ta’ dan id-dritt, tiġi ssanzjonata persuna taxxabbli li ma kinitx taf u ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra li tagħmel parti mill-katina ta’ distribuzzjoni, qabel jew wara dik imwettqa mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata bi frodi tal-VAT (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punti 52 u 55; Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45, 46 u 60; Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, kif ukoll Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).

61      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punti 61 sa 65 tas-sentenza Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, li l-awtorità tat-taxxa ma tistax teżiġi, b’mod ġenerali, mill-persuna taxxabbli li tkun tixtieq teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT, minn naħa, li tivverifika li l-emittent tal-fattura dwar il-merkanzija u s-servizzi li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li huwa kellu l-merkanzija inkwistjoni u kien kapaċi jikkunsinnahom u li huwa ssodisfa l-obbligi tiegħu ta’ dikjarazzjoni u ta’ ħlas tal-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistu ebda irregolaritajiet jew frodi fuq il-livell tal-operaturi preċedenti, jew, min-naħa l-oħra, li jkollha dokumenti f’dan ir-rigward.

62      Minn dan isegwi li qorti nazzjonali li hija mitluba tiddeċiedi jekk, f’każ partikolari, kienx hemm operazzjoni taxxabbli, u li quddiemha l-awtorità tat-taxxa tibbaża ruħha b’mod partikolari fuq l-irregolaritajiet imwettqa mill-emittent tal-fattura jew minn wieħed mill-fornituri tiegħu, bħalma huma lakuni fil-kontabbilità, għandha tiżgura li l-evalwazzjoni tal-provi ma twassalx sabiex jinġieb fix-xejn is-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 60 ta’ din is-sentenza u sabiex indirettament tobbliga lid-destinatarju tal-fattura jwettaq verifiki mal-parti l-oħra fil-kuntratt li, fil-prinċipju, ma huwiex obbligat iwettaq.

63      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, madankollu, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, id-dokumenti ppreżentati mid-destinatarju tal-fatturi kkontestati kienu vvizzjati wkoll minn irregolaritajiet, li jikkostitwixxu provi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni sħiħa li għandha ssir mill-qorti nazzjonali.

64      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni parti tat-tielet domanda u għar-raba’ u s-sitt domandi għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludux li d-destinatarju ta’ fattura jiġi mċaħħad mid-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tal-input minħabba l-assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli effettiva, minkejja li, fl-avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, il-VAT iddikjarata minn dan tal-aħħar ma ġietx ikkoreġuta. Madankollu, jekk, fid-dawl ta’ frodi jew irregolaritajiet imwettqa minn dan l-emittent jew fi stadju preċedenti għat-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis, jiġi kkunsidrat li din it-tranżazzjoni effettivament ma saritx, għandu jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma d-destinatarju tal-fattura jiġi obbligat iwettaq verifiki li ma huwiex obbligat iwettaq, li dan id-destinatarju kien jaf jew kellu jkun jaf li l-imsemmija tranżazzjoni kienet implikata fi frodi tal-VAT, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 203 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li:

–        it-taxxa fuq il-valur miżjud imsemmija fuq fattura minn persuna hija dovuta minnha indipendentement mill-eżistenza effettiva ta’ tranżazzjoni taxxabbli;

–        mis-sempliċi fatt li l-awtorità tat-taxxa ma kkoreġietx, f’avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, it-taxxa fuq il-valur miżjud iddikjarata minnu, ma jistax jiġi dedott li din l-awtorità rrikonoxxiet li l-imsemmija fattura kienet tikkorrispondi għal tranżazzjoni taxxabbli effettiva.

2)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Artikoli 167 u 168(a) tad-Direttiva 2006/112 kif ukoll il-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ċertezza legali u ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jipprekludux li d-destinatarju ta’ fattura jiġi mċaħħad mid-dritt għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-input minħabba l-assenza ta’ tranżazzjoni taxxabbli effettiva, minkejja li, fl-avviż ta’ taxxa rettifikattiv indirizzat lill-emittent ta’ din il-fattura, il-VAT iddikjarata minn dan tal-aħħar ma ġietx ikkoreġuta. Madankollu, jekk, fid-dawl ta’ frodi jew irregolaritajiet imwettqa minn dan l-emittent jew fi stadju preċedenti għat-tranżazzjoni invokata bħala bażi għad-dritt għal tnaqqis, jiġi kkunsidrat li din it-tranżazzjoni effettivament ma saritx, għandu jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi u mingħajr ma d-destinatarju tal-fattura jiġi obbligat iwettaq verifiki li ma huwiex obbligat iwettaq, li dan id-destinatarju kien jaf jew kellu jkun jaf li l-imsemmija tranżazzjoni kienet implikata fi frodi tal-VAT, punt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.