Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

18.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 49/20


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Diċembru 2011 — Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewopea

(Kawża C-656/11)

2012/C 49/34

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: C. Murrell, aġent u A. Dashwood QC)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/863/UE (1), tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

(1)

Permezz ta’ rikors ippreżentat skont l-Artikolu 263 TFUE, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq jitlob l-annullament, skont l-Artikolu 264 TFUE, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/863/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed mill-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali.

(2)

L-Artikolu 48 TFUE huwa l-unika bażi legali sostantiva speċifikata fid-Deċiżjoni.

(3)

Id-Deċiżjoni tikkonċerna l-emenda għall-Anness II tal-Ftehim, tal-21 ta’ Ġunju 1999, bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Svizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni fir-rigward tas-sostituzzjoni tal-Anness II ta’ ma’ dak il-Ftehim dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi tas-sigurtà soċjali. L-għan tal-emendi għall-Anness II li d-deċiżjoni kkontestata tintroduċi huwa li jiġu riflessi t-tibdiliet fil-mekkaniżmu tal-UE fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Wieħed mill-effetti tat-tibdiliet ikkontemplati għall-Anness II huwa li jiġu estiżi għaċ-ċittadini Svizzeri li ma humiex huma stess attivi ekonomikament u lanqas membri tal-familja ta’ persuna li hija attiva f’dan ir-rigward (iktar ’il quddiem “persuni mhux attivi”), drittijiet li huma ma jisiltux mis-sistema attwali tal-Anness II.

(4)

Skont ir-Renju Unit, l-Artikolu 48 TFUE ma jistax iservi bħala l-unika bażi legali sostantiva ta’ miżura intiża li jkollha tali konsegwenzi. Din hija dispożizzjoni intiża sabiex tiffaċilita l-libertà ta’ moviment (a) fi ħdan l-Unjoni, mhux bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi; u (b) minn persuni li huma ekonomikament attivi jew il-familji tagħhom, mhux minn persuni mhux attivi. Il-bażi legali korretta hija l-Artikolu 79(2)(b) TFUE. Dan l-artikolu jagħti l-kompetenza għall-adozzjoni ta’ miżuri fil-qasam tad-“definizzjoni tad-drittijiet ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz residenti legalment fi Stat Membru inklużi l-kondizzjonijiet li jirregolaw il-libertà ta’ moviment u ta’ residenza fi Stati Membri oħra”.

(5)

L-Artikolu 79(2)(b) TFUE jinsab taħt it-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat. Skont il-Protokoll 21 tat-Trattati, miżuri adottati skont it-Titolu V ma japplikawx għar-Renju Unit (jew l-Irlanda) sakemm huwa ma jesprimix ir-rieda tiegħu li “jipparteċipa fihom”. Bl-għażla żbaljata tiegħu tal-Artikolu 48 TFUE, minflok tal-Artikolu 79(2)(b) TFUE, bħala bażi legali sostantiva tad-Deċiżjoni, il-Kunsill irrifjuta li jirrikonoxxi d-dritt tar-Renju Unit li jagħżel li ma jipparteċipax fid-deċiżjoni u li jkun marbut biha.

(6)

Għaldaqstant l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill Nru 2011/863/UE, tas-16 ta’ Diċembru 2011, qed jiġi mitlub fuq il-bażi li din ġiet adottat fuq il-bażi legali żbaljata, bil-konsegwenza li d-drittijiet tar-Renju Unit skont il-Protokoll 21 ma ġewx rikonoxxuti.


(1)  ĠU L 341, p. 1.