Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

11.2.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 39/18


Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Diċembru 2011 — GFKL Financial Services vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-620/11)

2012/C 39/35

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: GFKL Financial Services AG (Essen, il-Ġermanja) (rappreżentanti: M. Schweda, S. Schultes-Schnitzlein, J. Eggers u M. Knebelsberger, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tas-26 ta’ Jannar 2011, dwar l-għajnuna mill-Istat tal-Ġermanja C 7/10 (ex CP 250/09 u NN 5/10) [(“]Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpaniji f’diffikultà[”),] (“Sanierungsklausel”), bir-referenza K(2011) 275, ĠU L 235, p. 26;

tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka dan li ġej:

(1)

Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: il-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf ma hijiex miżura selettiva

Ir-rikorrenti tqis li l-konvenuta bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq interpretazzjoni żbaljata tal-liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji. B’mod partikolari, il-konvenuta tiddetermina b’mod żbaljat is-sistema ta’ riferiment applikabbli. Hija tassumi b’mod żbaljat li l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(c)(1) tal-Körperschaftsteuergesetz (Liġi Ġermaniża dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, iktar ’il quddiem il-“KStG”), li jipprovdi li telf trasferibbli bħala tali jintilef f’ċerti każijiet ta’ akkwist ta’ parteċipazzjonijiet, tagħmel parti mis-sistema ta’ riferiment. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tiddevja mis-sistema ta’ riferiment. Is-sistema ta’ riferiment hija kkaratterizzata mill-possibbiltà ġenerali li t-telf jiġi ttrasferit għal perijodi ta’ taxxa sussegwenti. Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-prinċipju (kostituzzjonali) oġġettiv nett.

Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf hija miżura ġenerali ta’ politika fiskali li ma tagħtix vantaġġ selettiv sa fejn ma tiffavorixxix ċerti impriżi jew il-produzzjoni ta’ ċerti prodotti u, konsegwentement ma tagħmilx differenza bejn operaturi ekonomiċi li jinsabu f’sitwazzjoni fattwali u ġuridika paragunabbli fir-rigward tal-oġġettiv tas-sistema fiskali.

Fl-aħħar nett, il-klawżola dwar it-trasferiment tat-telf hija ġġustifikata min-natura u l-istruttura tas-sistema fiskali Ġermaniża, sa fejn tikkontribwixxi għall-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt fiskali Ġermaniż tal-kumpanniji (b’mod partikolari l-prinċipju tat-trasferiment tat-telf bejn perijodi ta’ taxxa differenti), li jirriżulta direttament mil-liġi fundamentali Ġermaniża.

(2)

Ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE: nuqqas ta’ sussidji mir-riżorsi Statali

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti tqis li t-trasferimenti ta’ telf miżmuma mill-klawżola tat-trasferiment ta’ telf ma jikkostitwixxux sussidju mir-riżorsi Statali fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-klawżola tat-trasferiment ta’ telf ma tikkonsistix fl-għoti ta’ vantaġġ fiskali iżda sempliċement issostni pożizzjoni fiskali diġà fis-seħħ.

(3)

Ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tikser il-forom proċedurali sostanzjali. Ir-rikorrenti tqis li ma hemm ebda raġuni valida sabiex is-sistema ta’ riferiment tintuża bħala bażi mill-konvenuta. Barra minn hekk, in-numru ta’ żbalji li saru mill-konvenuta fl-evalwazzjoni tagħha tad-dritt fiskali tal-kumpanniji sottostanti jimplika, b’mod ġenerali, li l-kundizzjonijiet fundamentali invokati mill-konvenuta ma humiex iktar identifikabbli. Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tagħtix il-possibbiltà li jiġu identifikati l-kunsiderazzjonijiet ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom il-konvenuta tibbaża l-fehma tagħha li l-klawżola tat-trasferiment ta’ telf għandha tiġi kklassifikata bħala għajnuna mill-Istat.

(4)

Ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija wkoll illegali sa fejn tordna l-irkupru immedjat u effettiv tal-(allegata) għajnuna, mingħajr ma tawtorizza lill-Ġermanja tieħu inkunsiderazzjoni l-aspettattivi leġittimi li l-benefiċjarji kellhom tal-eżistenza ta’ vantaġġ. F’dan is-sens, id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju mhux miktub tad-dritt tal-Unjoni tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.