Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

5 ta’ Ġunju 2014 (*)

“Moviment liberu tal-kapital — Restrizzjonijiet — Ħlas ta’ dividendi minn Stat Membru lejn territorju extra-Ewropew tal-istess Stat — Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni — Arranġamenti speċjali UE-PTEE”

Fil-Kawżi magħquda C-24/12 u C-27/12,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal domanda preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Hoge Raad der Nederlanden (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tat-23 ta’ Diċembru 2011, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja rispettivament fit-18 u fid-19 ta’ Jannar 2012, fil-proċeduri

X BV (C-24/12),

TBG Limited (C-27/12)

vs

Staatssecretaris van Financiën,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, C. G. Fernlund (Relatur), A. Ó Caoimh, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Jääskinen,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-23 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal TBG Limited, minn B. J. Rubbens, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn B. Koopman u C. Wissels, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn S. Ford, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u W. Roels, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Jannar 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw il-kwistjoni jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, bħall-Artikolu 56 KE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura ta’ Stat Membru li tista’ tostakola l-moviment tal-kapital bejn dan l-Istat Membru u l-pajjiż u t-territorji extra-Ewropew (PTEE) tal-Istat Membru inkwistjoni (iktar ’il quddiem il-“PTEE tiegħu”).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn rispettivament X BV u TBG Limited, u l-iStaatssecretaris van Financiën fir-rigward ta’ taxxa miġbura fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq id-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi lill-kumpanniji parent tagħhom stabbiliti fl-Antilli Olandiżi, meta tali ħlas ta’ dividendi lil kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor huwa eżentat.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Antilli Olandiżi huma msemmija fil-lista li tinsab fl-Anness II tat-Trattat KE, intitolat “Pajjiżi u territorji extra-ewropej li għalihom [j]applika[w i]d-dispożizzjoni[jiet] tar-raba’ parti tat-trattat”.

4        Ir-Raba’ parti tat-Trattat KE, intitolat “L-Assoċjazzjoni ta’ pajjiżi u territorji extra-ewropej”, tinkludi l-Artikoli 182 KE sa 188 KE.

5        L-Artikolu 187 KE jipprovdi:

“Il-Kunsill, b’mod unanimu, għandu, abbażi ta’ l-esperjenza akkwistata taħt l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji mal-Komunità u tal-prinċipji mniżżla f’dan it-Trattat, jistabbilixxi disposizzjonijiet dwar ir-regoli dettaljati u l-proċedura għall-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji mal-Komunità.”

6        B’mod konformi mal-Artikolu 187 KE, il-Kunsill ripetutament adotta regoli preċiżi sabiex l-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-PTEE jitwettqu u sabiex l-għanijiet tal-assoċjazzjoni jintlaħqu.

7        Fid-data tal-fatti fil-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni applikabbli kienet id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/822/KE, tas-27 ta’ Novembru 2001, dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar mal-Komunità Ewropea (Deċiżjoni dwar Assoċjazzjoni lil hinn mill-baħar) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 38, p. 319, iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni PTEE”).

8        Il-premessa 6 tad-Deċiżjoni PTEE tistabbilixxi:

“Għalkemm mhumiex pajjiżi terzi, il-PTLHB [PTEE] ma jiffurmawx parti mis-suq waħdieni u jridu jikkonformaw ma’ l-obbligazzjonijiet imposti fuq pajjiżi terzi rigward kummerċ, prinċipalment regoli ta’ oriġini, livelli stabbiliti ta’ saħħa u saħħa tal-pjanti u miżuri ta’ salvagward.”

9        Skont il-premessa 16 ta’ din id-deċiżjoni:

“Id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat u l-leġislazzjoni li toħroġ minnhom ma japplikawx awtomatikament għall-PTLHB [PTEE], minbarra dispożizzjonijiet espressi għall-kuntrarju. Prodotti ta’ PTLHB importati fil-Komunità jridu madankollu jikkonformaw mar-regoli tal-Komunità fis-seħħ.”

10      L-Artikolu 47 tad-Deċiżjoni PTEE, intitolat “Ħlasijiet korrenti u movimenti ta’ kapital”, jiddisponi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2:

a)      L-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-PTLHB [PTEE] m’għandhom jimponu l-ebda restrizzjoni fuq xi ħlasijiet f’munita korrenti konvertibbli liberalment fuq il-kont kurrenti ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet bejn residenti tal-Komunità u tal-PTLHB;

b)      rigward transazzonijiet fuq il-kont kapitali ta’ bilanċ ta’ ħlasijiet, l-Istati Membri u l-awtoritajiet tal-PTLHB m’għandhom jimponu l-ebda restrizzjoni fuq il-moviment liberu ta’ kapital għal investimenti diretti f’kumpanijiet iffurmati bi qbil mal-liġijiet ta’ l-Istat Membru, pajjiż jew territorju tal-lqugħ u biex jiġi żgurat li l-assi ffurmati minn dan l-investiment u kull qligħ li joħroġ minnu jkun jista’ jiġi realizzat u miġjub lura fil-pajjiż (repatriated).

2.      Il-Komunità, l-Istati Membri u l-PTLHB għandhom jiġu ntitolati sabiex jieħdu l-miżuri riferiti mutatis mutandis fl-Artikoli 57, 58, 59, 60 u 301 tat-Trattat bi qbil mal-kondizzjonijiet preskritti li jinsabu fihom. […]”

11      L-Artikolu 55(2) tad-Deċiżjoni PTEE, intitolat “Klawsola tat-taxxa carve-out” jipprovdi:

“Xejn f’din id-Deċiżjoni ma tista’ titqies li tipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar ta’ xi miżura mmirata lejn il-prevenzjoni biex jiġu evitati jew il-frodi ta’ taxxi skont id-dispożizzjonijiet tat-taxxa ta’ ftehimijiet biex tiġi evitata tassazzjoni doppja jew arranġamenti oħra tat-taxxa, jew leġislazzjoni fiskali domestika fis-seħħ.”

 Id-dritt Olandiż

12      L-ordinament ġuridiku tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa stabbilit fl-Istatut tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Statuut voor het Koninkrijk der Nederlanden). Matul is-snin fiskali rilevanti fil-kawżi prinċipali, jiġifieri 2005 u 2006, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi (Koninkrijk der Nederlanden) kien magħmul minn tliet entitajiet, jiġifieri l-Pajjiżi l-Baxxi (Nederland), l-Antilli Olandiżi (Nederlandse Antillen) u Aruba.

13      Ir-relazzjonijiet fiskali bejn dawn it-tliet entitajiet kienu rregolati mir-regoli tat-tassazzjoni għar-Renju (Belastingregeling voor het Koninkrijk, iktar ’il quddiem il-“BRK”). Fil-limiti stabbiliti mill-BRK, kull entità tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi għandha setgħat fiskali awtonomi.

14      L-Artikolu 11(1) u (2) tal-BRK, dwar it-tassazzjoni tad-dividendi mħallsa fuq ishma, jiddisponi:

“1.      Id-dividendi riċevuti minn abitant ta’ pajjiż u dovuti minn persuna ġuridika stabbilita f’pajjiż ieħor huma taxxabbli fl-ewwel pajjiż.

2.      Jekk il-pajjiż ta’ stabbiliment tal-persuna ġuridika li għandha tħallas id-dividendi jimponi li tinżamm taxxa fuq id-dividendi, il-paragrafu 1 iħalli din it-tip ta’ taxxa intatta sakemm ir-rata ma taqbiżx il-15 %.”

15      Sal-1 ta’ Jannar 2002, l-Artikolu 11(3) tal-BRK kien jiddisponi:

“Taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ppreċiżati iktar ’il quddiem sabiex tiġi żgurata applikazzjoni ġusta ta’ dan l-artikolu kemm fil-għan u fl-ispirtu tiegħu, ir-rata ta’ taxxa msemmija fil-paragrafu 2 ma taqbiżx 7.5 % jekk id-dividendi jiġu riċevuti minn kumpannija li l-kapital tagħha huwa maqsum kollu kemm huwa jew parzjalment f’azzjonijiet u li hija stabbilita fil-pajjiż l-ieħor u li hija azzjonista ta’ mill-inqas kwart tal-kapital azzjonarju mħallas mill-kumpannija li għandha tħallas id-dividendi. Taħt kundizzjonijiet li għandhom jiġu ppreċiżati iktar ’il quddiem sabiex tiġi żgurata applikazzjoni ġusta ta’ dan l-artikolu kemm fil-għan u fl-ispirtu tiegħu, ir-rata madankollu ma taqbiżx 5 % fil-każ imsemmi fis-sentenza preċedenti jekk, fil-pajjiż ta’ stabbiliment tal-kumpanija li tirċievi d-dividendi, id-dividendi huma suġġetti għal taxxa fuq il-profitt b’rata ta’ mill-inqas 5.5 %.”

16      Għalhekk, sal-1 ta’ Jannar 2002, id-dividendi mħallsa fuq ishma, imħallsa mill-Pajjiżi l-Baxxi lil kumpannija stabbilita fl-Antilli Olandiżi, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tal-BRK, kienu suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ 7.5 % jew ta’ 5 %.

17      L-Antilli Olandiżi, skont l-Artikoli 8A, 8B, 14 u 14A (ta’ dik li kienet) l-ordinanza nazzjonali fuq it-tassazzjoni tal-profitti (Landsverordening op de winstbelasting), min-naħa tagħhom kienu jiġbru taxxa fuq il-profitt b’rata minima ta’ 2.4 % sa 3 %, jew b’rata massima ta’ 5.5 %.

18      Barra minn hekk, fl-Antilli Olandiżi teżisti l-possibbiltà ta’ tnaqqis, skont id-“deċiżjonijiet tal-Antilli Olandiżi”, jiġifieri arranġamenti individwali mogħtija mill-awtorità tat-taxxa kompetenti tal-Antilli Olandiżi, tal-profitt taxxabbli fuq l-ispejjeż kemm jekk reali jew le, u b’mod partikolari tal-interessi fuq self fil-kuntest tad-determinazzjoni għall-ġbir tat-taxxa tal-Antilli Olandiżi fuq il-profitt.

19      Minbarra d-“deċiżjonijiet tal-Antilli Olandiżi”, il-piż tat-taxxa kkombinat li jirriżulta mit-taxxa Olandiża fuq id-dividendi u mit-taxxa tal-Antilli Olandiżi fuq il-profitt, jilħaq madwar 10 %.

20      Mill-1 ta’ Jannar 2002, l-Artikolu 11(3) tal-BRK (iktar ’il quddiem l-“Artikolu 11(3) tal-BRK emendat”) ġie emendat kif ġej:

“[…] B’deroga miż-żewġ sentenzi preċedenti, id-dividendi riċevuti minn kumpannija stabbilita fl-Antilli Olandiżi u dovuti minn kumpannija stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi huma suġġetti għall-arranġamenti li ġejja:

a)      ir-rata ta’ taxxa msemmija fil-paragrafu 2 ma jaqbiżx 8.3 % jekk id-dividendi jiġu riċevuti minn kumpannija li l-kapital tagħha huwa maqsum kollu kemm huwa jew parzjalment f’azzjonijiet u li hija azzjonista ta’ mill-inqas kwart tal-kapital azzjonarju mħallas mill-kumpannija li għandha tħallas id-dividendi u jekk, fl-Antilli Olandiżi, it-taxxa msemmija fil-paragrafu 2 ma tiġix ikkunsidrata, uffiċjalment jew fil-fatt, b’tali mod li l-piż tat-taxxa effettiv fuq id-dividendi skont id-dispożizzjonijiet magħquda tal-paragrafu 1 minn naħa u l-paragrafi 2 u 3 min-naħa l-oħra, huwa inqas minn 8.3 %;

b)      ammont li jikkorrispondi għat-taxxa hekk kif imħallsa għandha tiġi trażmessa immedjatament lill-awtoritajiet tal-Antilli Olandiżi mingħajr kundizzjonijiet oħra;

[…]”

21      Għalhekk, mill-1 ta’ Jannar 2002, id-dividendi mħallsa fuq ishma, imħallsa mill-Pajjiżi l-Baxxi lil kumpannija stabbilita fl-Antilli Olandiżi, huma suġġetti għal taxxa f’ras il-għajn miġbura fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ 8.3 %. Madankollu, it-taxxa hekk kif miġbura hija kollha kemm hija mħallsa fl-Antilli Olandiżi.

22      L-Artikoli 8A, 8B, 14 u 14A (ta’ dik li kienet) l-ordinanza nazzjonali fuq it-tassazzjoni tal-profitti tħassru fl-1 ta’ Jannar 2002. Id-dividendi mħallsa fuq ishma fis-sussidjarji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi għaldaqstant ġew eżentati mit-taxxa fl-Antilli Olandiżi.

23      F’dak li jirrigwarda d-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi lill-kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi jew fi Stat Membru ieħor, bis-saħħa tal-Artikoli 4 u 4a tal-Liġi tal-1965 fuq it-tassazzjoni tad-dividendi (Wet op de dividendbelasting 1965), tali dividendi huma eżentati mit-taxxa f’ras il-għajn jekk jiġu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet.

24      Min-naħa l-oħra, tali eżenzjoni ma tingħatax għad-dividendi mħallsa minn kumpanniji stabbiliti fil-Pajjiżi l-Baxxi lill-kumpanniji stabbiliti fl-Antilli Olandiżi.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

25      Fil-Kawża C-24/12, X BV hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Olandiż stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi. L-azzjonijiet kollha li jirrappreżentaw il-kapital ta’ din huma miżmuma minn Stichting A van aandelen X BV. Iċ-ċertifikati tal-ishma maħruġa jinżammu mill-kumpannija B NV stabbilita fl-Antilli Olandiżi.

26      Fis-27 ta’ Ġunju 2005, X BV ħarġet dividend ta’ EUR 5 000 000 lill-kumpannija B NV. Dan il-ħruġ ta lok għal taxxa fuq id-dividendi ta’ 8.3 %, jiġifieri EUR 415 000, li nżamm u tħallas b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) tal-BRK emendat.

27      X BV ippreżentat ilment kontra din it-taxxa li l-iStaatssecretaris van Financiën ċaħad. Hija ppreżentat rikors kontra ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment quddiem ir-Rechtbank Haarlem li ddikjarat ir-rikors infondat. X BV appellat quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam li kkonfermat id-deċiżjoni tar-Rechtbank Haarlem. X BV ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam.

28      Fil-Kawża C-27/12, Hollandsche-Amerikaansche Beleggingsmaatschappij Holland-American Investment Corporation NV (iktar ’il quddiem “HAIC”) hija kumpannija rregolata taħt il-liġi tal-Pajjiżi l-Baxxi, sussidjarja 100 % ta’ TBG Holding NV (iktar ’il quddiem “TBG Holding”), kumpannija rregolata taħt id-dritt tal-Antilli Olandiżi.

29      Fl-1 ta’ Settembru 2006, HAIC ħarġet dividend ta’ EUR 376 369 430 lil TBG Holding. Dan il-ħruġ ta lok għal taxxa fuq id-dividendi ta’ 8.3 %, jiġifieri EUR 31 238 663, li nżamm u tħallas b’mod konformi mal-Artikolu 11(3) tal-BRK emendat.

30      Kemm HAIC kif ukoll TBG Holding ippreżentaw ilmenti kontra din it-taxxa li l-iStaatssecretaris van Financiën ċaħad. Huma ppreżentaw rikorsi kontra ċ-ċaħda ta’ dan l-ilment quddiem ir-Rechtbank Haarlem li għaqdet dawn ir-rikorsi u ddikjarathom infondati. HAIC u TBG ippreżentaw appell quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam li kkonfermat id-deċiżjoni tar-Rechtbank Haarlem.

31      TBG Limited, li assumiet id-drittijiet u l-obbligi ta’ HAIC u ta’ TBG Holding, ippreżentat appell ta’ kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju kontra d-deċiżjoni tal-Gerechtshof te Amsterdam.

32      Il-qorti tar-rinviju tindika li l-kwistjonijiet quddiem il-Gerechtshof te Amsterdam, essenzjalment kienu dwar il-kwistjoni jekk taxxa fuq id-dividend bħal dik inkwistjoni f’din il-kawża hijiex kuntrarja għall-moviment liberu tal-kapital skont l-Artikolu 56 KE. Il-Gerechtshof te Amsterdam kienet tal-fehma li l-Artikolu 56 KE ma kienx japplika fis-sens ġenerali għall-PTEE. Fid-dawl tad-Deċiżjoni PTEE, ir-relazzjoni bejn il-Pajjiżi l-Baxxi u l-Antilli Olandiżi kellha titqies li hija sitwazzjoni interna fir-rigward tad-dritt tal-Unjoni u għalhekk, il-kwistjoni kienet irregolata esklużivament mill-BRK u mil-Liġi tal-1965 fuq it-tassazzjoni tad-dividendi.

33      Il-qorti tar-rinviju tosserva li l-Artikolu 56 KE jipprojbixxi kull restrizzjoni fuq il-movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi. Hija tosserva li, fis-sentenza Prunus u Polonium (C-384/09, EU:C:2011:276), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fil-punt 20, li, fid-dawl tal-kamp ta’ applikazzjoni territorjali illimitat ta’ din id-dispożizzjoni, din tapplika b’mod neċessarju għal movimenti tal-kapital lejn u mill-PTEE, u, fil-punti 30 u 31, li l-PTEE jibbenefikaw mil-liberalizzazzjoni tal-movimenti tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 56 KE fil-kwalità tagħhom ta’ Stati terzi peress li t-Trattat UE, fil-verżjoni preċedenti għat-Trattat ta’ Lisbona, u t-Trattat KE, ma fihom ebda riferiment espliċitu għall-movimenti ta’ kapital bejn l-Istati Membri u l-PTEE.

34      Il-qorti tar-rinviju madankollu tistaqsi dwar l-applikabbiltà tas-sentenza Prunus u Polonium (EU:C:2011:276) fil-kwistjonijiet quddiemha, peress li, f’din is-sentenza, ma kienx hemm involut movimenti ta’ kapital bejn Stat Membru u l-PTEE tiegħu stess.

35      F’dan ir-rigward, hija tosserva li jista’ jiġi dedott minn din is-sentenza li l-PTEE, għall-applikazzjoni tal-prinċipju tal-moviment liberu tal-kapital, għandu ġeneralment ikun ikklassifikat bħala pajjiż terz u ttrattat bħal dawn. Madankollu, huwa wkoll possibbli, fil-fehma tagħha, li wieħed jargumenta li l-libertajiet previsti mit-Trattat KE, bħala prinċipju, ma japplikawx għal movimenti ta’ kapital li jseħħu kollha kemm huma fi ħdan ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tiegħu l-Pajjiżi l-Baxxi u l-Antilli Olandiżi huma parti.

36      Fil-każ fejn il-movimenti inkwistjoni jaqgħu taħt il-moviment liberu tal-kapital, din il-qorti tistaqsi jekk iż-żamma tal-Artikolu 57(1) KE, li jikkostitwixxi klawżola ta’ “standstill”, hijiex applikabbli.

37      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tindika li l-istorja leġiżlattiva tal-liġi li temenda l-BRK turi li l-miżura hija intiża sabiex teħles lill-Antilli Olandiżi mir-reputazzjoni ta’ refuġju fiskali filwaqt li jinżamm l-istess livell tal-piż tat-taxxa attwalment eżistenti fuq id-dividendi relatati ma sehem li jitqassam mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn l-Antilli Olandiżi.

38      Hija tqis li l-emenda magħmula lill-BRK mill-1 ta’ Jannar 2002 ma tinkludi l-ebda restrizzjoni ġdida, hija biss ir-rata tat-taxxa fuq id-dividendi li żdiedet minn dik id-data. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija tistaqsi jekk, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm żieda fis-sens tal-klawżola ta’ “standstill”, għandhiex esklużivament tittieħed inkunsiderazzjoni ż-żieda fit-taxxa f’ras il-għajn mill-Pajjiżi l-Baxxi, meta mqabbel mal-31 ta’ Diċembru 1993, jew jekk għandux ukoll jittieħed inkunsiderazzjoni tal-bdil fit-taxxa fuq il-profitti mill-Antilli Olandiżi, jiġifieri l-eżenzjoni mogħtija minn dawn tal-aħħar. Favur din it-tieni soluzzjoni hemm il-fatt li t-taxxa f’ras il-għajn miġbura mill-Pajjiżi l-Baxxi għandha, bis-saħħa tal-Artikolu 11(3) tal-BRK emendat, titħallas lill-Antilli Olandiżi u l-Pajjiżi l-Baxxi għandhom jiġbru t-taxxa għall-Antilli Olandiżi.

39      Fil-każ fejn hemm bżonn jittieħed inkunsiderazzjoni l-piż tat-taxxa globali fil-Pajjiżi l-Baxxi u fl-Antilli Olandiżi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk għandhomx ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni d-“deċiżjonijiet tal-Antilli Olandiżi”. Kontra tali kunsiderazzjoni hemm il-fatt li dan jista’ jkollu konsegwenzi differenti fuq il-piż tat-taxxa ta’ kull persuna taxxabbli skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Hoge Raad der Nederlanden iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li huma fformulati f’termini identiċi fil-Kawżi C-24/12 u C-27/12:

“1)      PTEE [Pajjiż u territorju extra-Ewropej] ta’ Stat Membru jista’ jiġi kklassifikat bħala pajjiż terz għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 56 KE […], f’liema każ l-Artikolu 56 KE jista’ jiġi invokat għall-movimenti ta’ kapital bejn Stat Membru u l-PTEE tiegħu?

2)      a)     Fil-każ li l-ewwel domanda titwieġeb fl-affermattiv, għandha, fil-kawża preżenti fejn, mill-1 ta’ Jannar 2002, it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi marbuta ma’ sehem iddistribwiti minn sussidjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi lill-kumpannija parent tagħha stabbilita fl-Antilli Olandiżi żdiedet meta mqabbla mal-1993 minn 7.5 % jew [ta’] 5 % għal 8.3 %, sabiex jiġi ddeterminat jekk hemmx żieda għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 57(1) KE […] tittieħed inkunsiderazzjoni biss iż-żieda f’ras il-għajn tal-Pajjiżi l-Baxxi jew għandha tittieħed ukoll inkunsiderazzjoni l-fatt li, fil-kuntest taż-żieda tat-taxxa f’ras il-għajn tal-Pajjiżi l-Baxxi, l-awtoritajiet tal-Antilli Olandiżi stabbilixxew mill-1 ta’ Jannar 2002 eżenzjoni għad-dividendi marbuta ma’ sehem riċevuti minn sussidjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt illi qabel dawn id-dividendi kienu jifformaw parti mid-dħul intaxxat bir-rata ta’ 2.4, [ta’] 3 jew [ta’] 5 %?

b)      Fil-każ li għandu wkoll jittieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis tat-taxxa fl-Antilli Olandiżi mwettaq permezz tal-eżenzjoni tal-ishma, imsemmija iktar ’il fuq fil-punti 2(a), għandhom l-iskemi tal-Antilli Olandiżi intiżi għall-fażi ta’ applikazzjoni, jiġifieri f’din il-kawża r-ruling tal-Antilli Olandiżi, li kienu possibbilment wasslu għall-fatt li qabel l-1 ta’ Jannar 2002, u diġà fl-1993, kien hemm tnaqqis sostanzjali fir-rata ta’ taxxa ta’ 8.3 % effettivament dovuta fuq id-dividendi riċevuti minn sussidjarja stabbilita fil-Pajjiżi l-Baxxi, jittieħdu wkoll inkunsiderazzjoni?”

41      Permezz ta’ digriet tas-27 ta’ Frar 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li l-Kawżi C-24/12 u C-27/12 jingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali, kif ukoll għas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

42      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li tistabbilixxi jekk ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-moviment liberu tal-kapital, bħall-Artikolu 56 KE, għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu miżura ta’ Stat Membru li tista’ tostakola l-moviment tal-kapital bejn dan l-Istat Membru u l-PTEE tiegħu.

43      Preliminarjament, għandu jingħad li, b’mod konformi mal-Artikolu 299(3) KE, il-PTEE mniżżla fil-lista fl-Anness II tat-Trattat KE huma s-suġġett tal-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni stabbiliti fir-raba’ parti ta’ dan, jiġifieri l-Artikoli 182 KE sa 188 KE, li d-dispożizzjonijiet u l-proċeduri tagħhom huma stabbiliti, skont l-Artikolu 187 KE, permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Kunsill.

44      F’dan ir-rigward, l-Antilli Olandiżi, li, taħt il-Kostituzzjoni Olandiża, jikkostitwixxu wieħed mit-tliet entitajiet tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, huwa f’din il-lista u għalhekk huwa s-suġġett tal-arranġamenti speċjali għall-assoċjazzjoni stabbiliti fir-raba’ parti tat-Trattat KE.

45      L-eżistenza ta’ dawn l-arranġamenti speċjali bejn l-Unjoni u l-PTEE għandha l-konsegwenza li d-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat KE, jiġifieri dawk li ma humiex parti mir-raba’ parti ta’ dan it-trattat, ma humiex applikabbli għall-PTEE jekk ma jiġix speċifikat espliċitament (sentenzi Leplat, C-260/90, EU:C:1992:66, punt 10; Eman u Sevinger, C-300/04, EU:C:2006:545, punt 46, kif ukoll Prunus u Polonium (EU:C:2011:276), punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Fir-rigward ta’ din ir-raba’ parti tat-Trattat, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm tinkludi ċerti dispożizzjonijiet dwar, kemm il-moviment liberu tal-merkanzija, jiġifieri l-Artikoli 184 KE u 185 KE, kif ukoll dik tal-ħaddiema, jiġifieri l-Artikolu 186 KE, il-libertà ta’ stabbiliment, jiġifieri l-Artikolu 183(5) KE, ma jinkludi l-ebda dispożizzjoni dwar il-moviment liberu tal-kapital.

47      Għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni PTEE, adottata mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 187 KE biex jimplementaw il-pjan ta’ assoċjazzjoni, din fl-Artikolu 47(1) tindika liema restrizzjonijiet fuq il-ħlas u fuq il-moviment liberu tal-kapital huma pprojbiti bejn l-Unjoni u l-PTEE.

48      Billi ssir referenza għall-bilanċ tal-ħlasijiet u billi tiġi pprojbita, minn naħa, kull restrizzjoni fuq xi ħlasijiet f’munita kurrenti konvertibbli liberalment fuq il-kont kurrenti ta’ din, u, min-naħa l-oħra, restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu ta’ kapital marbuta ma’ investimenti f’kumpanniji u li jirrigwardaw tranżazzjonijiet fuq il-kont kapitali ta’ dan il-bilanċ, l-Artikolu 47(1) tad-Deċiżjoni PTEE għandu portata partikolarment wiesgħa, li tqarreb lejn il-portata tal-Artikolu 56 KE f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi (ara, f’dan ir-rigward u dwar l-Artikolu 63 TFUE, is-sentenzi Prunus u Polonium, EU:C:2011:276, punti 29 sa 31).

49      Konsegwentement, billi b’mod partikolari tipprojbixxi r-restrizzjonijiet fuq l-akkwist ta’ ishma f’kumpanniji u permezz tal-fatt li b’dan jirriżulta li l-profitti huma miġjuba lura fil-pajjiż, l-Artikolu 47(1)(b) tad-Deċiżjoni PTEE jipprojbixxi, fost restrizzjonijiet oħrajn, dawk tal-ħlas ta’ dividendi bejn l-Unjoni u l-PTEE, bħall-projbizzjoni ta’ tali miżuri stabbiliti fl-Artikolu 56 KE f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, ir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi.

50      Madankollu, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza u minħabba l-fatt li la r-raba’ parti tat-Trattat KE u lanqas id-Deċiżjoni PTEE, adottata bis-saħħa ta’ din il-parti tat-Trattat, ma jagħmlu referenza speċifika għall-Artikolu 56 KE, id-domanda magħmula għandha tiġi eżaminata mil-lat tal-Artikolu 47(1), u għandu jiġi vverifikat jekk il-portata ta’ din id-dispożizzjoni hijiex speċifikata jew limitata minn regoli oħra tal-arranġamenti speċjali li fuqhom hija bbażata l-assoċjazzjoni UE-PTEE.

51      F’dan ir-rigward, hekk kif ġie enfasizzat b’mod partikolari mill-Gvern tar-Renju, Unit matul il-liberalizzazzjoni, għall-assoċjazzjoni UE-PTEE, tal-movimenti tal-kapital, ingħatat attenzjoni partikolari lill-fatt li numru ta’ PTEE huma kkunsidrati bħala refuġji fiskali. Għalhekk, id-Deċiżjoni PTEE, fl-Artikolu 55 tagħha, tinkludi klawżola ta’ eċċezzjoni speċifikament intiża għall-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali.

52      Skont l-Artikolu 55(2), “xejn [fid-Deċiżjoni PTEE] ma tista’ titqies li tipprevjeni l-adozzjoni jew l-infurzar ta’ xi miżura mmirata lejn il-prevenzjoni biex jiġu evitati […] taxxi skont id-dispożizzjonijiet tat-taxxa ta’ […] leġislazzjoni fiskali domestika fis-seħħ”.

53      Miżura fiskali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li skont id-deskrizzjoni tal-istorja leġiżlattiva u tal-għan tagħha li huma pprovduti mill-qorti tar-rinviju, hija intiża sabiex tipprevjeni flussi kapitali eċċessivi lejn l-Antilli Olandiżi u tiġġieled kontra l-attrazzjoni lejn dan il-PTEE bħala refuġju fiskali, jirriżulta mill-klawżola ta’ eżenzjoni fiskali ċċitata iktar ’il fuq u konsegwentement tibqa’ barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 47(1) tad-Deċiżjoni PTEE, bil-kundizzjoni li din tfittex li tilħaq dan l-għan b’mod effettiv u proporzjonat, li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

54      Jirriżulta minn dak li ntqal iktar ’il fuq u mingħajr ma jkun hemm bżonn li tiġi eżaminata l-kwistjoni dwar sa fejn ir-regoli tad-dritt tal-Unjoni applikabbli għar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-PTEE japplikaw bejn Stat Membru u l-PTEE tiegħu stess, li r-risposta għall-ewwel domanda magħmula għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura fiskali ta’ Stat Membru li tostakola, billi tfittex b’mod effettiv u proporzjonat l-għan li tiġġieled l-evażjoni fiskali, il-movimenti tal-kapital bejn dan l-Istat Membru u l-PTEE tiegħu.

 Fuq it-tieni domanda

55      Fid-dawl tar-risposta mogħtija lill-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix miżura fiskali ta’ Stat Membru li tostakola, billi tfittex b’mod effettiv u proporzjonat l-għan li tiġġieled l-evażjoni fiskali, il-movimenti tal-kapital bejn dan l-Istat Membru u l-pajjiż u t-territorju extra-Ewropew tiegħu.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.