Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

References to this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

18 ta’ Lulju 2013 (*)

“Direttiva 2006/112/KE — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ merkanzija — Kunċett — Dritt għal tnaqqis – Rifjut — Tranżazzjoni taxxabbli li fil-fatt saret — Regolament (KE) Nru 1760/2000 — Sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat — Tikketti ta’ widnejn l-annimali”

Fil-Kawża C-78/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administrativen sad Sofia-grad (il-Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Frar 2012, fil-proċedura

“Evita-K” EOOD

vs

Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev u J.-L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “Evita-K” EOOD, minn A. Kashkina,

–        għad-Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite, minn A. Georgiev, bħala aġent,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn Y. Atanasov, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios u D. Roussanov, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1), 178(a), 185(1), 226(6) u 242 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn “Evita-K” EOOD (iktar ’il quddiem “Evita-K”) u Direktor na Direktsia “Obzhalvane i upravlenie na izpalnenieto” – Sofia pri Tsentralno upravlenie na Natsionalnata agentsia za prihodite (Direttur tad-Direttorat “Appelli u Infurzar”, għall-belt ta’ Sofia, fi ħdan l-awtorità ċentrali tal-Aġenzija nazzjonali tad-dħul pubbliku, iktar ’il quddiem id-“Direktor”) dwar ir-rifjut tad-dritt għal tnaqqis, fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa, tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) relatata ma’ fatturi li jirrigwardaw provvisti ta’ għoġġiela għall-qatla.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2006/112

3        L-Artikolu 2(1)(a) u (ċ) tad-Direttiva 2006/112 jissuġġetta għall-VAT il-provvista ta’ merkanzija u l-provvista ta’ servizzi bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.

4        Skont l-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva:

“‘Provvista ta’ merkanzija’, għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”

5        L-Artikolu 168 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“Sakemm il-merkanzija u s-servizzi jintużaw għall-iskopijiet tat-transazzjonijiet taxxabbli ta’ persuna taxxabbli, il-persuna taxxabbli għandha tkun intitolata, fl-Istat Membru li fih twettaq dawn it-transazzjonijiet, li tnaqqas mill-VAT li għandha tħallas dan li ġej:

(a)      il-VAT dovuta jew imħallsa f’dak l-Istat Membru rigward provvisti li sarulha ta’ merkanzija jew servizzi, li twettqu jew li għad iridu jitwettqu minn persuna taxxabli oħra;

[...]”

6        L-Artikolu 178 tal-istess direttiva jipprovdi:

“Biex teżerċita d-dritt ta’ tnaqqis, persuna taxxabbli għandha tissodisfa l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      għall-finijiet ta’ tnaqqis skond l-Artikolu 168(a), fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, hi għandha jkollha fattura imħejjija skond l-Artikoli 220 sa 236 u l-Artikoli 238, 239 u 240;

[...]”

7        Skont l-Artikolu 184 tad-Direttiva 2006/112, it-tnaqqis inizjali għandu jiġi aġġustat fejn dan ikun ogħla jew inqas minn dak li għalih il-persuna taxxabbli kienet intitolata.

8        L-Artikolu 185 ta’ din id-direttiva huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-aġġustament għandu, b’mod partikolari, isir fejn, wara li ssir id-denunzja tal-VAT, isir xi tibdil fil-fatturi użati biex jiddeterminaw l-ammont li għandu jitnaqqas, per eżempju fejn ix-xirjiet huma kkanċellati jew hu miksub roħs fil-prezzijiet.

2.      Bħala deroga mill-paragrafu 1, m’għandu jsir l-ebda aġġustament fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ distruzzjoni, telf jew serq tal–proprjetà li ġie ppruvat jew ikkonfermat kif imiss, jew fil-każ ta’ merkanzija riżervata għall-iskop ta’ għoti ta’ rigali ta’ valur żgħir jew ta’ l-għoti ta’ kampjuni, kif speċifikat fl-Artikolu 16.

Madanakollu, fil-każ ta’ transazzjonijiet li jibqgħu totalment jew parzjalment mhux imħallsa jew fil-każ ta’ serq, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li jsir aġġustament.”

9        Skont l-Artikolu 186 tal-imsemmija direttiva, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikoli 184 u 185 ta’ din.

10      L-Artikolu 220 tal-istess direttiva jipprovdi li:

“Kull persuna taxxabbli għandha tiżgura li, fir-rigward ta’ dak li ġej, tinħareġ fattura, jew hi nnifisha jew mill-konsumatur tagħha jew, f’isimha u għan-nom tagħha, minn parti terza:

(1)      provvisti ta’ merkanzija jew servizzi li hi tkun għamlet lil persuna taxxabbli oħra jew lil persuna legali mhux taxxabbli;

[...]”

11      Skond l-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112:

“Mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet partikolari stabbiliti f’din id-Direttiva, dawn id-dettalji li ġejjin biss huma meħtieġa għall-finijiet ta’ VAT fuq fatturi maħruġa skond l-Artikoli 220 u 221:

[...]

(6)      il-kwantità u n-natura tal-merkanzija pprovduta jew il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija;

[...]”

12      L-Artikolu 242 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Kull persuna taxxabbli trid iżżomm kontijiet dettaljati biżżejjed biex il-VAT tkun tista’ tkun applikata u biex l-applikazzjoni tagħha tkun ivverifikata mill-awtoritajiet tat-taxxa.”

13      L-Artikolu 273 tal-imsemmija direttiva jipprovdi li:

“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta’ fruntieri.

L-għażla skond l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1760/2000

14      Il-premessa 12 tar-Regolament (KE) Nru 1760/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 30, p. 248), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 352M, 31.12.2008, p. 629, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1760/2000”) tipprovdi li:

“Ir-regoli korrenti dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart [ifrat] ġew stabbiliti bid-Direttiva tal-Kunsill 92/102/KEE tas-27 ta’ Novembru 1992 dwar l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 232] u r-Regolament [tal-Kunsill] (KE) Nru 820/97 [tal-21 ta’ April 1997, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga (ĠU L 117, p. 1)]. L-esperjenza uriet li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/102/KEE għall-bhejjem tal-fart ma kinitx għal kollox sodisfaċenti u teħtieġ tittejjeb iktar. Huwa għalhekk meħtieġ illi jiġu adottati regoli speċifiċi għall-bhejjem tal-fart sabiex jiġu msaħħa d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva msemmija.”

15      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1760/2000 jipprovdi li kull Stat Membru għandu jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni ta’ annimali tal-ifrat skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu I tiegħu.

16      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament:

“Is-sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart [ifrat] għandha tinkludi l-elementi li ġejjin:

(a)      il-lametti [tikketti] tal-widnejn li jidentifikaw il-bhejjem individwalment;

(b)      il-ħażniet ta’ l-informazzjoni kkomputerizzata;

(ċ)      il-passaporti tal-bhejjem;

(d)      ir-reġistri individwali miżmuma fuq kull impriża.”

17      L-Artikolu 4 tal-istess regolament jipprovdi li:

“1.      Il-bhejjem kollha fuq impriża mwielda wara l-31 ta’ Diċembru 1997 jew maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju wara l-1 ta’ Jannar 1998 għandhom ikunu identifikati permezz ta’ lametta [tikketta] tal-widna approvata mill-awtorità kompetenti, imwaħħla fuq kull widna. [...] L-annimali kollha f’azjenda fil-Bulgarija jew ir-Rumanija mwielda sad-data ta’ l-adeżjoni jew li huma maħsuba għall-kummerċ intra-Komunitarju wara dik id-data għandhom jiġu identifikati minn lametta approvata mill-awtorità kompetenti, mwaħħla ma’ kull widna. Iż-żewġ lametti tal-widna għandu jkollhom l-istess kodiċi ta’ identifikazzjoni unika, li jagħmilha possibbli illi kull bhima tkun identifikata individwalment flimkien ma’ l-impriża li fuqha tkun twieldet. [...]

[...]

2.      Il-lametta tal-widna għandha tiġi applikata f’perjodu taż-żmien li jrid jiġi stabbilit mill-Istat Membru sa mit-twelid tal-bhima u f’kull każ qabel il-bhima tħalli l-impriża li fiha tkun twieldet [...]

[...]”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1725/2003

18      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1725/2003, tad-29 ta’ Settembru 2003, li jadotta ċerti standards internazzjonali internazzjonali tal-kontabilità bi qbil mar-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 4), adotta l-istandard internazzjonali IAS 41 “Agrikultura” (iktar ’il quddiem l-“istandard IAS 41”), kif jidher fl-anness ta’ dan ir-regolament.

19      L-għan ta’ dan l-istandard huwa li jippreskrivi t-trattament tal-kompatibbiltà, il-preżentazzjoni tar-rapport finanzjarju u l-informazzjoni li għandha tingħata għal dak li jirrigwarda l-attività agrikola.

20      Il-punti 10 u 11 tal-istandard IAS 41 huma fformulati kif ġej:

“10       Impriża għandha tirrikonoxxi attiv bioloġiku jew produzzjoni agrikola meta, u biss meta:

(a)      l-impriża tikkontrolla l-attiv bħala riżultat ta’ avvenimenti li seħħew fil-passat;

(b)      ikun probabbli li l-benefiċċji ekonomiċi futuri li huma assoċjati ma’ dan l-attiv ser jgħaddi għal fuq l-impriża; u

(ċ)      il-valur ġust jew il-prezz ta’ dan l-attiv jistgħu jiġu evalwati b’mod affidabbli.

11.      F’attività agrikola, tista’ tingħata prova tal-kontroll fil-forma ta’, pereżempju, il-jedd legali ta’ proprjetà fuq l-ifrat u l-ittimbrar tagħhom, jew bl-ittimbrar tal-ifrat mal-akkwist, it-twelid jew il-ftim tal-ifrat. Il-benefiċċji futuri huma normalment ivvalutati billi jitkejlu l-attributi fiżiċi sinjifikanti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt Bulgaru

21      L-Artikolu 70(5) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Zakon za danak varhu dobavenata stoynost), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (DV Nru 63, tal-4 ta’ Awwissu 2006, iktar ’il quddiem iz-“ZDDS”), tipprovdi li ma jkun hemm ebda dritt għal tnaqqis tal-VAT tal-input imħallsa jekk din tkun ġiet iffatturata illegalment.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Evita-K hija kumpannija rregolata taħt id-dritt Bulgaru li l-attività ekonomika prinċipali tagħha hija l-kummerċ tal-annimali.

23      Din il-kumpannija ddikjarat disa’ fatturi li jirrigwardaw il-provvista ta’ għoġġiela għall-qatla, maħruġa matul ix-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2007 għal “Ekspertis-7” EOOD (iktar ’il quddiem “Ekspertis-7”), sabiex tikseb it-tnaqqis, fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa, tal-VAT relatat ma’ dawn il-fatturi.

24      Barra minn hekk, Evita-K iddikjarat li esportat għoġġiela ħajjin lejn l-Albanija matul dawn l-istess xhur, filwaqt li pprovat il-bejgħ ta’ dawn permezz tal-imsemmija fatturi u billi pproduċiet dikjarazzjonijiet doganali, ċertifikati veterinarji b’indikazzjoni tat-tikketti ta’ widnejn l-annimali kif ukoll dikjarazzjonijiet iċċertifikati veterinarji intiżi għat-trasport tal-annimali fit-territorju nazzjonali.

25      Sabiex tipprovdi prova tal-akkwist tal-annimali inkwistjoni, minbarra d-disa’ fatturi maħruġa lil Ekspertis-7, Evita-K ipproduċiet ċertifikati tal-piż, rendikonti bankarji relatati mal-ħlas ta’ dawn il-fatturi u l-kuntratt dwar il-provvista ta’ għoġġiela konkluż ma’ Ekspertis-7.

26      Evita-K kienet suġġetta għal kontroll fiskali relatat max-xhur ta’ Settembru u ta’ Ottubru 2007. F’din l-okkażjoni, l-awtoritajiet fiskali Bulgari talbu lil Ekspertis-7 tipprovdi informazzjoni dwar il-provvisti li hija ffatturat lil Evita-K.

27      Peress li skont dawn l-awtoritajiet ir-risposti ta’ Ekspertis-7 wrew ċerti lakuni fil-kontabbiltà tagħha u fir-rigward tat-twettiq tal-formalitajiet veterinarji relatati, b’mod partikolari, mat-titoli ta’ sjieda fuq l-annimali u mat-tikketti ta’ widnejn l-annimali, l-imsemmija awtoritajiet qiesu li kienx ġie stabbilit li l-imsemmija provvisti kienu fil-fatt saru u li, konsegwentement, Evita-K ma kinitx intitolata tinvoka dritt għal tnaqqis tal-VAT relatat ma’ dawn il-provvisti.

28      Għaldaqstant, l-awtoritajiet fiskali Bulgari rrifjutaw, permezz ta’ deċiżjoni ta’ aġġustament tat-taxxa tas-26 ta’ Novembru 2009, lil Evita-K id-dritt għal tnaqqis, fil-forma ta’ kreditu ta’ taxxa, tal-VAT relatat mal-fatturi maħruġa minn Ekspertis-7.

29      Evita-K ippreżentat appell amministrattiv minn din id-deċiżjoni, li tirrifjuta dan it-tnaqqis, quddiem id-Direktor, li permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2010, ikkonfermaha.

30      Għaldaqstant Evita-K appellat mid-deċiżjoni ta’ aġġustament tat-taxxa, tas-26 ta’ Novembru 2009 quddiem il-qorti tar-rinviju. Quddiem din il-qorti hija sostniet b’mod partikolari li l-provi li hija kienet ipproduċiet kienu suffiċjenti sabiex jipprovaw li l-provvisti ffatturati minn Ekspertis-7 kienu fil-fatt saru, li kienu x’kienu l-eventwali irregolaritajiet imwettqa minn din tal-aħħar, hija kellha titqies bħala xerrej in bona fide taħt id-dritt Bulgaru u li l-kwistjoni tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT kienet indipendenti minn dik tal-proprjetà u l-oriġini tal-merkanzija akkwistata.

31      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administrativen sad – Sofia-grad s-Symvoulio tis Epikrateias iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kunċett ta’ ‘provvista ta’ merkanzija’ skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva [2006/112], flimkien mal-Artikolu 345 [TFUE], għandu jiġi interpretat fis-sens li, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, jawtorizza li l-kunsinnatarju jakkwista d-dritt li jiddisponi mill-merkanzija (beni mobbli speċifikati biss skont it-tip tagħhom) billi jikseb is-sjieda ta’ din il-merkanzija permezz ta’ pussess bona fide ta’ din il-merkanzija, akkwistat b’titolu oneruż mingħand persuna li ma hijiex il-proprjetarju, sitwazzjoni leċita permissibbli skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, tenut kont ukoll tal-fatt li skont din il-liġi, id-dritt tas-sjieda ta’ din il-merkanzija jiġi ttrasferit permezz tal-kunsinna tagħha?

2)      Il-prova li saret ‘provvista ta’ merkanzija' skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 permezz ta’ fattura speċifika, inkonnessjoni mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa effettivament imħallsa u indikata fuq din il-fattura skont l-Artikolu 178(a) ta[' din i]d-Direttiva, teħtieġ li l-kunsinnatarju juri t-titolu ta’ sjieda tal-fornitur meta l-provvista tikkonċerna beni mobbli speċifikati skont it-tip tagħhom u meta, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru, it-titolu ta’ sjieda fuq din il-merkanzija jiġi ttrasferit mal-kunsinna tagħha, tenut kont tal-fatt li din il-liġi nazzjonali tippermetti wkoll l-akkwist tat-titolu ta’ sjieda fuq din il-merkanzija mingħand persuna li ma tkunx il-proprjetarju permezz ta’ pussess akkwistat b’titolu oneruż u b’bona fide?

Għall-finijiet tat-tnaqqis tat-taxxa skont id-Direttiva [2006/112], ‘provvista ta’ merkanzija’ għandha tiġi kkunsidrata bħala pprovata, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, meta l-kunsinnatarju jkun wettaq kunsinna sussegwenti tal-istess merkanzija (annimali suġġetti għal identifikazzjoni) permezz ta’ esportazzjoni b’dikjarazzjoni doganali, u meta ma tirriżulta ebda prova li tindika drittijiet ta’ terzi persuni fuq din il-merkanzija?

3)      Għall-finijiet ta’ prova li saret ‘provvista ta’ merkanzija’ skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 permezz ta’ fattura speċifika, inkonnessjoni mal-eżerċizzju tad-dritt ta’ tnaqqis tat-taxxa effettivament imħallsa u indikata fuq din il-fattura skont l-Artikolu 178(a) ta[' din i]d-Direttiva, għandu jiġi kkunsidrat li l-fornitur u l-kunsinnatarju, li ma humiex produtturi agrikoli, qed jaġixxu in mala fide meta, fil-mument meta twasslet il-merkanzija, ma ntwera ebda dokument mis-sid preċedenti li jsemmi t-tikketti ta’ widnejn l-annimali skont ir-rekwiżiti tad-dispoizzjonijiet veterinarji tal-Unjoni Ewropea, u meta dawn it-tikketti ma jissemmewx fiċ-ċertifikat veterinarju li jkun inħareġ minn awtorità amministrattiva u li jakkumpanja lill-annimali waqt li jiġu ttrasportati għall-finijiet tal-provvista speċifika msemmija?

Meta l-fornitur u l-kunsinnatarju, b’mod indipendenti, ikunu elenkaw it-tikketti tal-widnejn tal-annimmali li kienu kkunsinnati lilhom, għandu jiġi kkunsidrat li ssodisfaw ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni Ewropea jekk l-awtorità amministrattiva ma tkunx semmiet it-tikketti ta’ widnejn l-annimali fiċ-ċertifikat veterinarju li jakkumpanja lill-annimali waqt il-kunsinna tagħhom?

4)      Il-fornitur u l-kunsinnatarju fil-kawża prinċipali, li t-tnejn li huma ma humiex produtturi agrikoli, huma obbligati, skont l-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112, jindikaw fil-kontijiet tagħhom l-oġġetti tal-kunsinna (annimali soġġetti għal identifikazzjoni jew ‘merkanzija bioloġika') skont l-Istandard [IAS 41], u huma obbligati jagħtu prova taż-żamma tal-kontroll tal-merkanzija skont dan l-istandard?

5)      L-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112 jirrikjedi li f’fatturi fiskali bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissemmew ukoll it-tikketti tal-widnejn tal-annimali, li huma suġġetti għal identifikazzjoni skont il-leġiżlazzjoni veterinarja tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-liġi nazzjonali tal-Istat Membru ma tispeċifikax b’mod ċar din l-obbligu u li l-persuni involuti fil-kunsinna ma humiex produtturi agrikoli?

6)      Huwa permissibbli skont l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 li, abbażi ta’ dispożizzjoni nazzjonali bħal dik fil-kawża prinċipali, titnaqqas it-taxxa akkont tal-konklużjoni li d-dritt tas-sjieda tal-fornitur fuq il-merkanzija li tifforma l-kontenut tal-kunsinna ma kienx ippruvat, meta l-kunsinna ma ġiet ikkanċellata minn ebda waħda mill-partijiet, meta l-kunsinnatarju sussegwentement wettaq kunsinna tal-istess merkanzija, meta ma hemmx prova ta’ drittijiet mitluba minn terzi persuni fuq din il-merkanzija (annimali suġġetti għal identifikazzjoni), meta ma hija allegata ebda mala fide min-naħa tal-kunsinnatarju u meta, skont il-liġi nazzjonali, id-dritt ta’ sjieda fuq tali merkanzija speċifikata biss skont it-tip tagħha jiġi ttrasferiti mal-kunsinna ta’ din il-merkanzija?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel sat-tielet domanda

32      Permezz tal-ewwel sat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” u l-prova li tali provvista kienet fil-fatt saret jeħtieġu li d-dritt ta’ sjieda tal-fornitur tal-merkanzija kkonċernata fuq dik il-merkanzija jiġi stabbilit b’mod formali jew jekk il-kisba ta’ dritt ta’ sjieda fuq din il-merkanzija permezz ta’ pussess in bona fide hijiex suffiċjenti f’dan ir-rigward.

33      Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” imsemmi fl-Artikolu 14(1) tad-Direttva 2006/112 ma jirreferix għat-trasferiment tad-dritt ta’ sjieda skont il-proċeduri previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jinkludi kwalunkwe tranżazzjoni ta’ trasferiment ta’ beni tanġibbli minn parti waħda li tagħti s-setgħa lill-parti l-oħra li tiddisponi minnha, fil-fatt, daqslikieku kienet il-proprjetarja ta’ dik il-proprjetà (ara s-sentenzi tat-8 ta’ Frar 1990, Shipping and Forwarding Enterprise Safe, C-320/88, Ġabra p. I-285, punt 7; tal-14 ta’ Lulju 2005, British American Tobacco u Newman Shipping, C-435/03, Ġabra p. I-7077, punt 35, kif ukoll tat-3 ta’ Ġunju 2010, De Fruytier, C-237/09, Ġabra p. I-4985, punt 24).

34      F’dan il-kuntest, huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tiddetermina, każ b’każ, skont il-fatti tal-kawża, jekk hemmx trasferiment tas-setgħa li wieħed jiddisponi mill-beni kkonċernat bħala proprjetarju (ara s-sentenza Shipping and Forwarding Enterprise Safe, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

35      Minn dan jirriżulta li tranżazzjoni tista’ tiġi kklassifikata bħala “provvista ta’ merkanzija”, fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112, meta permezz ta’ din it-tranżazzjoni, persuna taxxabbli tittrasferixxi beni tanġibbli filwaqt li tagħti lill-parti l-oħra s-setgħa li tiddisponi, fil-fatt, minn dan il-beni daqslikieku kienet il-proprjetarja, mingħajr ma l-forma li permezz tagħha huwa miksub dritt ta’ sjieda fuq l-imsemmi beni jkollha impatt f’dan ir-rigward.

36      Bl-istess mod, il-prova li tali provvista ta’ merkanzija kienet fil-fatt saret, li għaliha hija suġġetta l-eżistenza ta’ dritt għal tnaqqis, ma tistax tiddependi mill-mod kif jinkiseb id-dritt ta’ sjieda fuq il-merkanzija kkonċernata.

37      Barra minn hekk, sa fejn mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-awtoritajiet fiskali Bulgari rrifjutaw lil Evita-K id-dritt ta’ tnaqqis tal-VAT relatat mal-provvisti tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali minħabba li ma kienx stabbilit li dawn il-provvisti tal-aħħar kienu fil-fatt saru u sa fejn id-dikjarazzjoni li dawn ma kinux saru hija kkontestata minn Evita-K, għandu jitfakkar li, minn naħa, huwa l-obbligu tal-parti li titlob it-tnaqqis tal-VAT li tistabbilixxi li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti sabiex tibbenefika minnu (ara s-sentenza tas-26 ta’ Settembru 1996, Enkler, C-230/94, Ġabra p. I-4517, punt 24) u li, min-naħa l-oħra, huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li twettaq, skont ir-regoli nazzjonali dwar l-amministrazzjoni tal-provi, evalwazzjoni globali tal-provi u tal-fatti kollha tal-kawża prinċipali sabiex tiddetermina jekk Evita-K tistax teżerċita dritt għal tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmija provvisti ta’ merkanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 53; tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 32, u tal-31 ta’ Jannar 2013, LVK - 56, C-643/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 57).

38      Fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni globali, l-imsemmija qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni provi relattivi għal tranżazzjonijiet preċedenti jew sussegwenti għal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll dokumenti marbuta ma’ dawn bħal ċertifikati jew dikjarazzjonijiet iċċertifikati maħruġa meta l-annimali kkonċernati ġew trasportati jew esportati.

39      F’dan il-kuntest, huwa l-kompitu tal-awtoritajiet u tal-qrati nazzjonali li jirrifjutaw il-benefiċċju tad-dritt għal tnaqqis jekk jiġi stabbilit, fid-dawl ta’ elementi oġġettivi, li dan id-dritt ikun qiegħed jiġi invokat b’mod frawdolenti jew abbużiv (ara s-sentenzi tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punt 55; tal-21 ta’ Ġunju 2012, Mahagében u Dávid, C-80/11 u C-142/11, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 42; Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37, kif ukoll LVK – 56, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).

40      Dan huwa l-każ meta frodi fiskali titwettaq mill-persuna taxxabbli nnifisha jew meta din kienet taf jew kellha tkun taf li, permezz tal-akkwist tagħha, hija kienet qed tipparteċipa f’tranżazzjoni involuta fi frodi tal-VAT (ara s-sentenza Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punti 38 u 39 kif ukoll ġurisprudenza ċċitata).

41      Min-naħa l-oħra, huwa inkompatibbli mar-regoli li jirregolaw id-dritt għal tnaqqis previst mid-Direttiva 2006/112 li tiġi ssanzjonata, billi tiġi rrifjutata dan id-dritt, persuna taxxabbli li ma kinitx taf u li ma setgħetx tkun taf li t-tranżazzjoni kkonċernata kienet involuta fi frodi mwettqa mill-fornitur jew li tranżazzjoni oħra, li tagħmel parti mis-serje ta’ provvisti, preċedenti jew sussegwenti għal dik li saret mill-imsemmija persuna taxxabbli, kienet ivvizzjata minn frodi fir-rigward tal-VAT (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punti 52 u 55; Kittel u Recolta Recycling, iċċitata iktar ’il fuq, punti 45, 46 u 60; Mahagében u Dávid, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47; Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41, kif ukoll LVK - 56, iċċitata iktar ’il fuq,’ punt 60).

42      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-awtorità tat-taxxa ma tistax teżiġi, b’mod ġenerali, li l-persuna taxxabbli li tkun tixtieq teżerċita d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT tivverifika li l-persuna li toħroġ il-fattura relatata mal-merkanzija u s-servizzi li fir-rigward tagħhom jintalab l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandha l-kwalità ta’ persuna taxxabbli, li hija kellha l-merkanzija inkwistjoni u kienet kapaċi tikkunsinnahom u li hija ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ dinunzja u ta’ ħlas tal-VAT, sabiex tiżgura ruħha li ma jeżistu ebda irregolaritajiet jew frodi fil-livell tal-operaturi preċedenti, jew anki li jkollha dokumenti xierqa f’dan ir-rigward (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Mahagében u Dávid, punt 61, kif ukoll LVK - 56, punt 61). Bl-istess mod, l-imsemmija awtorità ma tistax teżiġi mill-imsemmija persuna taxxabbli li tipproduċi dokumenti li joriġinaw minn għand il-persuna li tkun ħarġet il-fattura u li jsemmu t-tikketti ta’ widnejn l-annimali suġġetti għas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1760/2000.

43      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel sat-tielet domanda għandha tkun li d-Direttiva 2006/112 għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” fis-sens ta’ din id-direttiva u l-prova li tali provvista kienet fil-fatt saret ma humiex marbuta mal-forma tal-kisba ta’ dritt ta’ sjieda fuq il-merkanzija kkonċernata. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li twettaq, skont ir-regoli nazzjonali dwar l-amministrazzjoni tal-provi, evalwazzjoni globali tal-provi u tal-fatti kollha tal-kawża quddiemha sabiex tiddetermina jekk il-provvisti tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux fil-fatt saru u jekk, ladarba dan ikun il-każ, jistax jiġi eżerċitat dritt għal tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmija provvisti tal-aħħar.

 Fuq ir-raba’ domanda

44      Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil persuni taxxabbli li ma humiex produtturi agrikoli li jniżżlu fil-kontabbiltà tagħhom is-suġġett ta’ provvisti ta’ merkanzija li huma jagħmlu, meta dawn ikunu jirrigwardaw annimali, u li jipprovaw li dawn tal-aħħar kienu s-suġġett ta’ kontroll skont l-istandard IAS 41.

45      F’dan ir-rigward huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li dan l-Artikolu 242 ma jipprovdix li l-persuni taxxabbli huma obbligati jikkonformaw ruħhom mal-istandard IAS 41, iżda sempliċement jeżiġi li huma jżommu l-kontabbiltà suffiċjentement iddettaljata sabiex tkun tista’ tiġi applikata l-VAT u l-applikazzjoni tagħha tkun tista’ tiġi kkontrollata mill-awtorità fiskali.

46      Konsegwentement, il-fatt li l-kontabbiltà ta’ Ekspertis-7 u ta’ Evita-K tinkludi indikazzjonijiet li ma humiex konformi mal-imsemmija standards huwa irrilevanti għall-finijiet tal-VAT, peress li dawn l-indikazzjonijiet huma suffiċjentement iddettaljati fis-sens tal-imsemmi Artikolu 242.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ domanda għandha tkun li l-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil persuni taxxabbli li ma humiex produtturi agrikoli li jniżżlu, fil-kontabbiltà tagħhom, is-suġġett ta’ provvisti ta’ merkanzija li huma jagħmlu, meta dawn ikunu jirrigwardaw annimali, u li jipprovaw li dawn tal-aħħar kienu s-suġġett ta’ kontroll skont l-istandard IAS 41.

 Fuq il-ħames domanda

48      Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jobbliga lil persuna taxxabbli, li tagħmel provvisti ta’ merkanzija li jirrigwardaw annimali suġġetti għas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni stabbilta mir-Regolament Nru 1760/2000, li jsemmu t-tikketti ta’ widnejn l-annimali fuq il-fatturi relatati ma’ dawn il-provvisti.

49      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 178(a) tad-Direttiva 2006/112, l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis, imsemmi fl-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva huwa suġġett għall-kundizzjoni li tinżamm fattura. Skont l-Artikolu 220(1) tal-imsemmija direttiva, fattura għandha għalhekk tinħareġ għal kull provvista ta’ merkanzija jew ta’ servizzi li persuna taxxabbli tagħmel għal persuna taxxabbli oħra (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2010, Pannon Gép Centrum, C-368/09, Ġabra p. I-7467, punt 39, u tal-1 ta’ Marzu 2012, Polski Trawertyn, C-280/10, punt 41).

50      L-Artikolu 226 tad-Direttiva 2006/112 jippreċiża li, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ din id-direttiva, huma biss id-dettalji ċċitati f’dan l-artikolu li għandhom jitniżżlu b’mod obbligatorju, għall-finijiet tal-VAT, fuq il-fatturi maħruġa skont l-Artikolu 220 ta’ din id-direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pannon Gép Centrum, punt 40, u Polski Trawertyn, punt 41).

51      Minn dan isegwi li ma huwiex possibbli għall-Istati Membri li jorbtu l-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT mal-osservanza ta’ kundizzjonijiet marbuta mal-kontenut tal-fatturi li ma jkunux espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112. Din l-interpretazzjoni hija kkorraborata mill-Artikolu 273 tagħha, li jipprovdi, minn naħa, li l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, iżda li, min-naħa l-oħra, din il-fakultà ma tistax tintuża sabiex jimponu obbligi ta’ fatturazzjoni addizzjonali iktar minn dawk stabbiliti, b’mod partikolari, fl-Artikolu 226 tal-imsemmija direttiva (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Pannon Gép Centrum, punt 41, u Polski Trawertyn, punt 42).

52      Skont l-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112, il-kwantità u n-natura tal-merkanzija pprovduta jew il-limitu u n-natura tas-servizzi mogħtija għandhom, għall-finijiet tal-VAT, għandhom jitniżżlu, b’mod obbligatorju, fuq il-fattura.

53      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li l-imsemmija dispożizzjoni ma tobbligax lil persuna taxxabbli li tagħmel provvista ta’ annimali, suġġetti għas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1760/2000, issemmi t-tikketti ta’ widnejn dawn l-annimali fuq il-fatturi relatati ma’ din il-provvista.

54      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil persuna taxxabbli, li tagħmel provvisti ta’ merkanzija li tirrigwarda annimali suġġetti għas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 1760/2000, issemmi t-tikketti ta’ widnejn dawn l-annimali fuq il-fatturi relatati ma’ dawn il-provvisti.

 Permezz tas-sitt domanda

55      Permezz tas-sitt domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti, fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bħall-Artikolu 70(5) taz-ZDDS, li jiġi aġġustat tnaqqis tal-VAT minħabba li d-dritt ta’ sjieda tal-fornitur fuq il-merkanzija li huwa kkunsinna ma ġiex ipprovat.

56      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-imsemmija qorti tagħmel din id-domanda minħabba l-fatt li tqis li l-Artikolu 70(5) taz-ZDDS jikkostitwixxi modalità sabiex jiġu applikati l-Artikoli 184 u 185 tad-Direttiva 2006/112 fis-sens tal-Artikolu 186 ta’ din tal-aħħar.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-imsemmi Artikolu 184, it-tnaqqis inizjalment magħmul jiġi aġġustat meta huwa jkun ogħla jew inqas minn dak li l-persuna taxxabbli kienet intitolata għalih.

58      Għal dak li jikkonċerna t-tnissil ta’ eventwali obbligu ta’ aġġustament ta’ tnaqqis tal-VAT imwettaq taħt taxxa tal-input imħallsa, l-Artikolu 185(1) jistabbilixxi l-prinċipju li tali aġġustament isseħħ speċjalment meta xi tibdil ta’ elementi meħuda inkunsiderazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-ammont tat-tnaqqis ikkonċernat ikun seħħ wara d-dikjarazzjoni tal-VAT (sentenza tad-29 ta’ Novembru 2012, Gran Via Moineşti, C-257/11, punt 40).

59      Konsegwentement, l-Artikoli 184 u 185(1) tad-Direttiva 2006/112 ma jistgħux japplikaw ħlief jekk tnaqqis tal-VAT relatat ma’ tranżazzjoni taxxabbli ikun sar inizjalment, jiġifieri fil-każ biss li l-persuna taxxabbli kkonċernata tkun ibbenefikat minn qabel minn dritt għal tnaqqis tal-VAT taħt il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva.

60      Minn dan jirriżulta li, sa fejn l-Artikolu 70(5) taz-ZDDS jkopri l-ipoteżi tal-assenza ta’ dritt għal tnaqqis tal-VAT meta dan ikun ġie ffatturat illegalment, din id-dispożizzjoni ma tistax isservi ta’ bażi għal aġġustament fis-sens tal-imsemmi Artikolu 185, peress li mid-definizzjoni tagħha stess, hija tikkonċerna sitwazzjoni fejn persuna taxxabbli ma tibbenefikax minn dan id-dritt.

61      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi aġġustat tnaqqis tal-VAT ħlief jekk il-persuna taxxabbli kkonċernata tkun ibbenefikat minn qabel minn dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva.

 Fuq l-ispejjeż

62      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-kuntest tal-eżerċizzju tad-dritt għal tnaqqis tal-VAT, il-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” fis-sens ta’ din id-direttiva u l-prova li tali provvista kienet fil-fatt saret ma humiex marbuta mal-forma tal-kisba ta’ dritt ta’ sjieda fuq il-merkanzija kkonċernata. Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li twettaq, skont ir-regoli nazzjonali dwar l-amministrazzjoni tal-provi, evalwazzjoni globali tal-provi u tal-fatti kollha tal-kawża quddiemha sabiex tiddetermina jekk il-provvisti tal-merkanzija inkwistjoni fil-kawża prinċipali kinux fil-fatt saru u jekk, ladarba dan ikun il-każ, jistax jiġi eżerċitat dritt għal tnaqqis fuq il-bażi tal-imsemmija provvisti tal-aħħar.

2)      L-Artikolu 242 tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil persuni taxxabbli li ma humiex produtturi agrikoli li jniżżlu, fil-kontabbiltà tagħhom, is-suġġett ta’ provvisti ta’ merkanzija li huma jagħmlu, meta dawn ikunu jirrigwardaw annimali, u li jipprovaw li dawn tal-aħħar kienu s-suġġett ta’ kontroll skont l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabbiltà 41.

3)      L-Artikolu 226(6) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jobbligax lil persuna taxxabbli, li tagħmel provvisti ta’ merkanzija li tirrigwarda annimali suġġetti għas-sistema għall-identifikazzjoni u għar-reġistrazzjoni stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 1760/2000, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Lulju 2000, li jistabbilixxi sistema għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-bhejjem tal-fart u dwar it-tikkettjar tal-laħam taċ-ċanga u tal-prodotti tal-laħam taċ-ċanga u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 820/97, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1791/2006, tal-20 ta’ Novembru 2006, ssemmi t-tikketti ta’ widnejn dawn l-annimali fuq il-fatturi relatati ma’ dawn il-provvisti.

4)      L-Artikolu 185(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jippermettix li jiġi aġġustat tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud ħlief jekk il-persuna taxxabbli kkonċernata tkun ibbenefikat minn qabel minn dritt għal tnaqqis ta’ din it-taxxa taħt il-kundizzjonijiet previsti mill-Artikolu 168(a) ta’ din id-direttiva.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.