Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

21 ta’ Marzu 2013 (*)

“Skema ta’ għajnuna għal skopijiet reġjonali – Investimenti fit-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli – Deċiżjoni tal-Kummissjoni – Inkompatibbiltà mas-suq intern – Kanċellament tal-għajnuna inkompatibbli – Mument li fih tingħata għajnuna – Prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi”

Fil-Kawża C-129/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-27 ta’ Frar 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2012, fil-proċedura

Magdeburger Mühlenwerke GmbH

vs

Finanzamt Magdeburg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, President tal-Awla, G. Arestis, J.-C. Bonichot, A. Arabadjiev (Relatur) u J. L. da Cruz Vilaça, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u N. Graf Vitzthum, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Kreuschitz u T. Maxian Rusche, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/183/KE, tal-20 ta’ Mejju 1998, dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli li tista’ tingħata fil-Ġermanja abbażi ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti għal skopijiet reġjonali (ĠU 1999, L 60, p. 61).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Magdeburger Mühlenwerke GmbH (iktar ’il quddiem “Magdeburger Mühlenwerke”) u Finanzamt Magdeburg (iktar ’il quddiem “Finanzamt”), dwar ir-rifjut minn din tal-aħħar li tieħu inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu ta’ għajnuna għall-investimenti, ċerti investimenti fit-tħin tal-qamħ.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 94/173/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1994, dwar l-istabbiliment tal-kriterji għall-għażla li għandhom jiġu adottati għal investimenti rigward it-titjib tal-kundizzjonijiet għat-trasformazzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli u li ġejjin mill-foresti u li tħassar id-Deċiżjoni 90/342/KEE (ĠU L 79, p. 29), tipprovdi, fl-ewwel inċiż tal-punt 2.1 tal-anness tagħha:

“2.1. Fis-setturi taċ-ċereali u tar-ross (bl-eċċezzjoni taż-żerriegħa), l-investimenti li ġejjin huma esklużi:

–        investimenti rigward […] it-tħin tal-qamħ […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

4        Fl-1995, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat b’rabta mal-investimenti fit-trasformazzjoni u fil-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli (ĠU 1996, C 29, p. 4, iktar ’il quddiem il-“linji gwida dwar l-agrikoltura”. Permezz ta’ ittra Nru SG (95) D/13086 tal-20 ta’ Ottubru 1995, hija kkomunikat dawn il-linji gwida lill-Istati Membri.

5        Fil-punt 3(b) tal-imsemmija linji gwida dwar l-agrikoltura, il-Kummissjoni ppreċiżat, b’mod partikolari, li “għajnuna mill-Istat mogħtija fir-rigward ta’ investimenti […] esklużi mingħajr ebda kundizzjonijiet fil-punt 2 tal-[anness tad-Deċiżjoni 94/173] ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mas-suq komuni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan l-istess punt 3(b) jirriżulta li huwa jikkonċerna b’mod partikolari l-għajnuna mogħtija fil-kuntest tal-iskema tal-għajnuna għal skopijiet reġjonali.

6        Id-dispożittiv tad-Deċiżjoni 1999/183 jipprovdi b’mod partikolari:

“Artikolu 1

L-iskemi tal-għajnuna Ġermaniżi għall-skopijiet reġjonali ma humiex kompatibbli mas-suq komuni […] sa fejn dawn ma jirrispettawx il-linji gwida u l-miżuri effettivi rigward l-għajnuna mill-Istat dwar l-investimenti fil-qasam tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli li kienu ġew ikkomunikati lir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] permezz tal-ittra [SG (95) D/13086] tal-20 ta’ Ottubru 1995.

Artikolu 2

F’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, ir-[Repubblika Federali tal-Ġermanja] temenda jew, jekk hemm lok, tħassar, l-għajnuna u l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti sabiex tiżgura l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni. [Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha b’mod partikolari, skont il-punt 3(b) tal-linji gwida msemmija fl-ewwel Artikolu, tiżgura li:

1)      l-ebda għajnuna mill-Istat rigward l-investimenti fil-qasam tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli ma tingħata għall-investimenti […] esklużi b’mod inkondizzjonat permezz tal-punt 2 tal-[anness tad-Deċiżjoni 94/173]

[…]

Artikolu 3

[Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja] għandha tinforma lill-Kummissjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni dwar il-miżuri li ttieħdu sabiex hija tikkonforma ruħha magħha

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

 Id-dritt Ġermaniż

7        Il-liġi dwar l-għajnuna għall-investimenti (Investitionszulagengesetz), tat-22 ta’ Jannar 1996, li l-għan tagħha kien it-tħaffif u l-intensifikazzjoni tal-attività ta’ investiment tal-impriżi privati fir-reġjuni mgħejjuna, jiġifieri l-Land de Berlin u l-Länder ġodda, tipprovdi għall-ħlas ta’ għajnuna għall-investiment, taħt forma ta’ sussidju mill-Istat, lill-persuni taxxabbli li wettqu xi investimenti fl-impriża tagħhom.

8        Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2 ta’ din il-liġi:

“Huma investimenti eliġibblii x-xiri u l-produzzjoni ta’ oġġetti mobbli ġodda ta’ konsum marbuta mal-assi immobbli li, minn tal-inqas tliet snin wara l-akkwist jew il-manifattura tagħhom,

1)      jagħmlu parti mill-assi immobbli ta’ impriża jew ta’ stabbiliment fir-reġjun eliġibbli,

2)      jibqgħu fl-istabbiliment fir-reġjun eliġibbli, u

3)      kull sena, jintużaw sa mill-inqas 10 % għal skopijiet privati.”

9        It-tieni sentenza tal-istess dispożizzjoni jispeċifika l-investimenti li ma humiex eliġibbli għall-għajnuna għall-investiment. Skont il-punt 4 tiegħu miżjud permezz tal-liġi tal-1999 dwar it-tnaqqis fit-taxxa (Steuerentlastungsgesetz 1999) tad-19 ta’ Diċembru 1998, li daħlet fis-seħħ fl-24 ta’ Diċembru 1998, ma humiex, b’mod partikolari eliġibbli:

“4)      l-oġġetti li l-persuna kkonċernata xtrat […] wara t-2 ta’ Settembru 1998 u li huma msemmija […] fil-punt 2 tal-anness tad-[Deċiżjoni 94/173] […]”

10      L-Artikolu 3(4) ta’ din il-liġi jipprovdi:

“[…] l-investimenti huma eliġibbli meta l-benefiċjarju:

4.      beda jwettaqhom wara t-30 ta’ Ġunju 1994 u kkonkludihom qabel l-1°ta’ Jannar 1999 u li jirrigwardaw investimenti f’impriżi ta’ trasformazzjoni […].”

11      Ir-raba’ u l-ħames sentenzi ta’ din id-dispożizzjoni jippreċiżaw:

“L-investimenti huma meqjusa konklużi meta l-oġġetti jinxtraw […]. L-investimenti huma meqjusa li bdew jitwettqu fil-mument meta l-oġġetti jiġu ordnati […].”

12      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4 tal-imsemmija liġi:

“Il-bażi tal-kalkolu tal-għajnuna għall-investiment hija kkostitwita minn somma ta’ spejjeż tax-xiri […] tal-investimenti li bbenefikaw mill-għajnuna konklużi matul is-sena finanzjarja.”

13      L-Artikolu 6(1) ta’ din il-liġi jipprovdi li l-“applikazzjoni għal għajnuna għall-investiment għandha tiġi ppreżentata qabel it-30 ta’ Settembru tas-sena kalendarja wara s-sena finanzjarja li matulha l-investimenti ġew konklużi.”

14      L-Artikolu 9a tar-Regolament ta’ implementazzjoni tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul (Einkommensteuer-Durchführungsverordnung) jiddefinixxi s-sena tax-xiri bħala “is-sena tal-provvista […]”.

15      Skont il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt, mill-ġurisprudenza tal-Bundesfinanzhof (Qorti Federali tal-finanzi), jirriżulta li d-data tal-provvista għandha titqies bħala li hija l-mument meta l-oġġett huwa lest biex jintuża fl-impriża tax-xerrej.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-domanda preliminari

16      Il-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment ma kinitx tinkludi, inizjalment, restrizzjoni għall-investimenti fis-settur agrikolu, peress li l-Gvern Federali Ġermaniż kien ikkunsidra l-linji gwida dwar l-agrikoltura bħala rakkomandazzjoni li ma torbotx.

17      Mill-proċess jirriżulta li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat il-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment lill-Kummissjoni fil-31 ta’ Mejju 1995, skont l-Artikolu 88(3) KE. Din tal-aħħar eżaminatha fil-kuntest tal-fajls N494/A/95 u N710/C/95 u tat l-awtorizzazzjoni tagħha permezz tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 1995 li kienet tippreċiża li l-applikazzjoni ta’ din l-iskema ta’ għajnuna kellha tosserva d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli, b’mod partikolari, għall-agrikoltura.

18      Permezz tal-linji gwida dwar l-agrikoltura, il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri sabiex jikkonfermaw f’terminu ta’ xahrejn li huma ser jikkonformaw ruħhom sa mhux iktar tard mill-1 ta’ Jannar 1996 mal-imsemmija linji gwida billi jemendaw l-għajnuna eżistenti tagħhom. Fl-assenza ta’ tali konferma, il-Kummissjoni rriżervat id-dritt li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE. Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma kkonformatx ma’ din it-talba.

19      Għaldaqstant, fit-12 ta’ Ġunju 1996, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda, kontra l-iskemi għall-għajnuna għal skopijiet reġjonali fil-qasam tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli eżistenti fil-Ġermanja, il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Din id-deċiżjoni ġiet ippubblikata fil-5 ta’ Frar 1997 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 36, p. 13).

20      Din il-proċedura ngħalqet fl-20 ta’ Mejju 1998 bl-adozzjoni, f’din id-data, tad-Deċiżjoni 1999/183 li kienet ġiet innotifikata fit-2 ta’ Lulju 1998 lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

21      Permezz ta’ ittra tat-18 ta’ Settembru 1998, ippubblikata fit-28 ta’ Settembru 1998 fil-Bundessteuerblatt (Ġurnal uffiċjali għal informazzjoni dwar taxxa, iktar ’il quddiem il-“BStBl”), il-Ministeru Federali għall-Finanzi tal-Ġermanja informa lill-istanzi superjuri tal-Länder fil-qasam finanzjarju li, mit-3 ta’ Settembru 1998, b’mod partikolari għall-investimenti msemmija fil-punt 2 tal-Anness tad-Deċiżjoni 94/173, l-ebda għajnuna għall-investiment ma tista’ iktar tingħata, u indika li kienet prevista emenda f’dan is-sens tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment (iktar ’il quddiem l-“ittra tat-18 ta’ Settembru 1998”).

22      Permezz tal-liġi tal-1999 dwar it-tnaqqis fit-taxxa, il-leġiżlatur Ġermaniż kien emenda l-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investimenti msemmija fil-punt 9 ta’ din is-sentenza.

23      Fl-10 ta’ Settembru 1999, Magdeburger Mühlenwerke, li topera fil-Länder il-ġodda impriża għat-tħin tal-qamħ, applikat għal għajnuna għall-investiment fir-rigward ta’ investimenti mwettqa fis-sena 1998 għal ammont ta’ madwar DEM 5.9 miljun.

24      Il-Finanzamt madankollu kkunsidra li l-investimenti eliġibbli għall-għajnuna kien biss tal-ammont ta’ DEM 1.9 miljun. Fil-fatt, hija rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni fil-bażi tal-kalkolu għall-għajnuna, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investimenti, l-investimenti li għalihom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment ittieħdet mhux iktar tard mit-2 ta’ Settembru 1998, iżda li l-provvista tal-oġġetti saret biss wara din id-data.

25      Fis-26 ta’ Settembru 2001, Magdeburger Mühlenwerke ppreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt, fejn sostniet li l-introduzzjoni tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment kienet tikser il-prinċipju kostituzzjonali tan-nuqqas ta’ retroattività.

26      B’mod partikolari, Magdeburger Mühlenwerke sostniet li l-effett retroattiv tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment kien ippreġudika l-aspettattivi leġittimi tagħha peress li, minn naħa, mill-mument meta tittieħed id-deċiżjoni li jsir l-investiment, ir-regola li abbażi tagħha l-għajnuna tingħata tikkostitwixxi l-bażi tal-aspettattivi leġittimi tal-applikant. Issa, id-deċiżjoni tagħha li jsir l-investiment ittieħdet qabel it-3 ta’ Settembru 1998 u l-leġiżlatur Ġermaniż la kien ippreveda, f’din id-dispożizzjoni, xi riżerva skont id-dritt tal-Unjoni u lanqas ma kien ħoloq skema tranżittorja applikabbli għall-investimenti li diġà saru.

27      Min-naħa l-oħra, din il-kumpannija setgħet tiġi nfurmata dwar l-impossibbiltà li tirċievi għajnuna għall-investiment biss wara t-28 ta’ Settembru 1998, jiġifieri fid-data tal-pubblikazzjoni fil-BStBl tal-ittra tat-18 ta’ Settembru 1998, u wara terminu xieraq sabiex issir taf b’din id-deċiżjoni.

28      Il-Finanzamt sostniet quddiem il-qorti tar-rinviju li d-Deċiżjoni 94/173 kienet ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fit-23 ta’ Marzu 1994 u kienet aċċessibbli għal kulħadd minn dak in-nhar, b’tali mod li, minn din id-data, l-aspettattivi leġittimi tal-applikanti għal għajnuna ma jistgħux iktar ikunu s-suġġett ta’ protezzjoni.

29      Fl-20 ta’ Diċembru 2007, il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt issospendiet il-proċeduri u ressqet quddiem il-Bundesverfassungsgericht il-kwistjoni dwar jekk it-tieni sentenza tal-Artikolu 2(4) tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investimenti kinitx kompatibbli mal-prinċipju kostituzzjonali tan-nuqqas ta’ retroattività. F’dan ir-rigward, hija ppreċiżat li, peress li l-emenda kkontestata tal-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment tapplika wkoll għad-deċiżjonijiet definittivi ta’ investiment li kienu ttieħdu mill-investitur qabel id-dħul fis-seħħ tal-liġi l-ġdida, skont il-ġurisprudenza u d-dottrina Ġermaniża, din l-emenda għandha effett retroattiv.

30      Skont il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt, l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija mill-mument meta d-deċiżjoni definittiva ta’ investiment tittieħed. Fil-fatt, l-iskema ta’ għajnuna nazzjonali kellha effett li tħeġġeġ peress li kienet twassal sabiex investitur jieħu d-deċiżjoni li jinvesti. Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni hija kkoraborata mill-formulazzjoni tad-Deċiżjoni 1999/183 li tipprovdi terminu sabiex Stat Membru tikkonforma ruħu ma’ din tal-aħħar. Iktar minn hekk, l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/183 għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

31      F’dan ir-rigward, il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt qieset li, għar-raġunijiet tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, il-Kummissjoni kienet awtorizzat, permezz tad-Deċiżjoni 1999/183, skema tranżittorja għad-deċiżjonijiet ta’ investimenti definittivi konklużi qabel il-pubblikazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, peress li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kellha l-possibbiltà li timplementa skema tranżittorja u li hija għażlet li temenda l-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investimenti b’mod retroattiv, l-emenda leġiżlattiva inkwistjoni ma tistax tiġi ġġustifikata mill-interess ġenerali.

32      Il-Bundesverfassungsgericht, permezz tad-digriet tal-4 ta’ Ottubru 2011, ċaħdet it-talba bħala inammissibbli, billi b’mod partikolari kkunsidrat li, qabel it-tressiq tal-kawża, il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt kellha tinterroga lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 kienx jikkonċerna jew le l-għajnuna għall-investimenti li għalihom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment ittieħdet mhux iktar tard mit-2 ta’ Settembru 1998, iżda li l-provvista tal-oġġetti saret biss wara din id-data.

33      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Id-[Deċiżjoni 1999/183/KE], tat lil-leġiżlatur Ġermaniż marġni ta’ diskrezzjoni, għall-finijiet tal-formulazzjoni tal-punt 4 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 2 tal-[Liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment], b’tali mod li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni jkopri skema li tiffavorixxi l-investimenti koperti minn din l-iskema, li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment ittieħdet qabel l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-deċiżjoni [1999/183/KE] jew qabel il-pubblikazzjoni fil-[BStBL] tal-miżuri proposti, filwaqt li l-provvista tal-oġġetti kapitali kif ukoll id-determinazzjoni u l-ħlas tal-għotja [għajnuna] jsiru wara?”

 Fuq id-domanda preliminari

34      Permezz tad-domanda tagħha l-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/183 jipprekludix l-għoti ta’ għajnuna għall-investimenti fir-rigward tat-tħin tal-qamħ li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment kienet ittieħdet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni jew qabel il-pubblikazzjoni fil-BStBI tal-miżuri li ttieħdu għal dan il-għan, filwaqt li l-provvista tal-oġġetti kapitali kif ukoll id-determinazzjoni u l-ħlas tal-għajnuna seħħew biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu jew wara l-imsemmija pubblikazzjoni.

35      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, fid-dawl tal-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-Finanzgericht des Landes Sachsen-Anhalt tistaqsi, b’mod partikolari, dwar il-mument li fih l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija kif ukoll dwar ir-rekwiżiti tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

36      F’dan ir-rigward għandu jiġi osservat li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 jimponi fuq ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja li tiżgura li, mill-iskadenza tat-terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, f’dan il-każ, mit-3 ta’ Settembru 1998, l-ebda għajnuna dwar l-investimenti fir-rigward, b’mod partikolari, it-tħin tal-qamħ ma tingħata.

37      Issa, hemm lok li jitfakkar li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 108(2) TFUE, jekk il-Kummissjoni ssib li għajnuna mogħtija minn Stat, jew permezz tar-riżorsi ta’ Stat, ma hijiex kompatibbli mas-suq intern hija għandha tiddeċiedi li l-Istat ikkonċernat għandu jikkanċellaha jew jemendaha fit-terminu stabbilit minnha. It-terminu msemmi fil-punt 36 ta’ din is-sentenza għaldaqstant ingħata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja biss sabiex temenda jew, jekk hemm lok, tħassar, l-għajnuna fil-kawża prinċipali.

38      Barra minn hekk, id-Deċizjoni 1999/183 ma tipprovdi l-ebda skema tranżitorja. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-projbizzjoni li tingħata, wara t-2 ta’ Settembru 1998, għajnuna għall-investimenti fir-rigward tat-tħin tal-qamħ hija inkondizzjonata.

39      Minn dan isegwi li l-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 ma tippermettix li għajnuna għall-investimenti fir-rigward tat-tħin tal-qamħ tingħata wara t-2 ta’ Settembru 1998.

40      Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni li jsir magħruf f’liema mument ingħatat l-għajnuna għall-investiment inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huwa importanti li jiġi osservat li l-għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala li ngħatat fil-mument meta d-dritt li tiġi rċevuta jingħata lill-benefiċjarju skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli.

41      Għalhekk, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi, abbażi tad-dritt nazzjonali applikabbli, il-mument meta l-imsemmija għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija. Għal dan il-għan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-kisba tal-għajnuna inkwistjoni.

42      Konsegwentement, jekk l-imsemmija kundizzjonijiet kienu sodisfatti sat-2 ta’ Settembru 1998, il-projbizzjoni mħabbra fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 ma taffettwax il-ħlas tal-kwota li tikkorrispondi għall-għajnuna, peress li din id-deċiżjoni ma tirrikjedix l-irkupru tal-għajnuna diġà mogħtija. Minn-naħa l-oħra, jekk il-kundizzjonijiet kollha kienu sodisfatti biss wara din id-data, l-imsemmija projbizzjoni tkun tapplika mingħajr eċċezzjoni.

43      F’dan id-dawl, huwa importanti li jiġi enfasizzat li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiżgura li l-projbizzjoni mħabbra fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 ma tiġix evitata. Issa, kif jirriżulta mill-punti 8 sa 15 ta’ din is-sentenza, fost il-kundizzjonijiet meħtieġa mid-dritt Ġermaniż sabiex jinkiseb id-dritt għall-għajnuna għall-investiment, tidher, fi kwalunkwe każ, dik li tgħid li l-investiment għandu jiġi konkluż. Għalhekk, il-qorti nazzjonali ma tistax tiddeċiedi, suċċessivament għad-Deċiżjoni 1999/183, li d-dritt għal din l-għajnuna jinkiseb fil-mument meta d-deċiżjoni definittiva ta’ investiment tkun ġiet adottata mill-applikant għall-għajnuna.

44      Fil-fatt, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-karattru inkondizzjonat tal-projbizzjoni mħabbra fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-deċiżjoni u tal-fatt li t-terminu previst kien ingħata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja unikament sabiex temenda jew, jekk hemm lok, tħassar, l-għajnuna u l-iskemi ta’ għajnuna eżistenti sabiex tiżgura l-kompatibbiltà tagħhom mas-suq intern, l-interpretazzjonijiet kollha tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-għajnuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali li jantiċipaw il-mument meta din l-għajnuna kienet ikkunsidrata bħala mogħtija jkunu jammontaw għal evitar ta’ din l-projbizzjoni.

45      Barra minn hekk, l-effett inċentiv ta’ miżura ta’ għajnuna taqa’ taħt l-eżami tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Settembru 2011, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C-544/09 P, punt 68). Għalhekk, huwa xieraq li jiżdied li l-fatt li l-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investimenti seta’ kellha effett ta’ inċentiv għall-investimenti inkwistjoni ma huwiex rilevanti għall-għanijiet tal-istabbiliment tal-mument meta għajnuna għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija.

46      Sa fejn il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-rekwiżiti tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jirrikjedu li, f’każ bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, deċiżjoni definittiva ta’ investiment meħuda qabel it-3 ta’ Settembru 1998 tista’ madankollu tibbenefika minn għajnuna, huwa xieraq li jitfakkar li kien fit-12 ta’ Ġunju 1996 li l-Kummissjoni bdiet il-proċedura ta’ investigazzjoni formali kontra, b’mod partikolari, l-għajnuna għall-investimenti dwar it-tħin tal-qamħ mogħtija skont il-liġi tat-22 ta’ Jannar 1996 dwar l-għajnuna għall-investiment u li d-deċiżjoni ta’ ftuħ ta’ din il-proċedura kienet ġiet ippubblikata fil-5 ta’ Frar 1997 f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

47      Anki jekk jitqies li, minn qabel l-imsemmija pubblikazzjoni, operatur ekonomiku diliġenti seta jallega aspettattivi leġittimi fl-għoti ta’ tali għajnuna, huwa ma setax jibqa’ jkollu tali aspettattivi mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Fil-fatt, il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali jimplika li l-Kummissjoni kellha dubji serji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mad-dritt tal-Unjoni. Operatur ekonomiku diliġenti għaldaqstant ma jistax, minn dan il-mument, jibqa’ jibbaża ruħu fuq it-tkomplija ta’ din l-għajnuna.

48      Barra minn hekk, għar-raġunijiet esposti fil-punti 46 u 47 ta’ din is-sentenza, il-pubblikazzjoni fil-BStBl tal-ittra tat-18 ta’ Settembru 1998 ma għandhiex rilevanza għall-għanijiet tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ aspettativi leġittimi fi ħdan ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.

49      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, huwa xieraq li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni 1999/183 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ għajnuna għall-investimenti fir-rigward tat-tħin tal-qamħ li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment kienet ittieħdet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni jew qabel il-pubblikazjoni fil-BStBI tal-miżuri li ttieħdu għal dan il-għan, filwaqt li l-provvista tal-oġġetti kapitali kif ukoll id-determinazzjoni u l-ħlas tal-għajnuna seħħew biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu jew wara l-imsemmija pubblikazzjoni, jekk il-mument meta l-għajnuna għall-investiment hija kkunsidrata bħala mogħtija jinsab biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-mument meta l-għajnuna għall-investiment, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħti, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-ksib tal-għajnuna inkwistjoni u billi tiżgura li l-projbizzjoni mħabbra fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 ma tiġix evitata.

 Fuq l-ispejjeż

50      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 1999/183/KE, tal-20 ta’ Mejju 1998, dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-trasformazzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli li tista’ tingħata fil-Ġermanja abbażi ta’ skemi ta’ għajnuna eżistenti għal skopijiet reġjonali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-għoti ta’ għajnuna għall-investimenti fir-rigward tat-tħin tal-qamħ li fir-rigward tagħhom id-deċiżjoni definittiva ta’ investiment kienet ittieħdet qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonforma ruħha ma’ din id-deċiżjoni jew qabel il-pubblikazjoni fil-Bundessteuerblatt tal-miżuri li ttieħdu għal dan il-għan, filwaqt li l-provvista tal-oġġetti kapitali kif ukoll id-determinazzjoni u l-ħlas tal-għajnuna seħħew biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu jew wara l-imsemmija pubblikazzjoni, jekk il-mument meta l-għajnuna għall-investiment hija kkunsidrata bħala mogħtija jinsab biss wara l-iskadenza tal-imsemmi terminu. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tistabbilixxi l-mument meta l-għajnuna għall-investiment, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata bħala mogħtija, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet kollha imposti mid-dritt nazzjonali għall-ksib tal-għajnuna inkwistjoni u billi tiżgura li l-projbizzjoni mħabbra fl-Artikolu 2(1) tad-Deċiżjoni 1999/183 ma tiġix evitata.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.