Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

4 ta’ Lulju 2013 ( *1 )

“Trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fi Stat Membru — Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE — Leġiżlazzjoni nazzjonali li ma tipprovdix id-dritt għat-trasferiment, lil organizzazzjoni internazzjonali li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor, tal-kapital li jirrappreżenta l-kontribuzzjonijiet għall-irtirar imħallsa lil entità tas-sigurtà soċjali nazzjonali — Regola ta’ Aggregazzjoni”

Fil-Kawża C-233/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunale di La Spezia (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-14 ta’ Mejju 2012, fil-proċedura

Simone Gardella

vs

Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, A. Rosas, E. Juhász (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-11 ta’ April 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Gardella, minn T. Truppa, R. Ciancaglini u M. Rossi, avukati,

għall-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS), minn A. Sgroi, avukat,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. De Socio, avvocato dello Stato,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Möller, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Cattabriga u V. Kreuschitz, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 20 TFUE, 45 TFUE , 48 TFUE u 145 TFUE sa 147 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Gardella, li jaħdem fl-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (EPO) f’München (il-Ġermanja) u l-Istituto nazionale della previdenza sociale (INPS) (Istitut nazzjonali tas-sigurtà soċjali) dwar ir-rifjut tal-INPS li jittrasferixxi fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-EPO il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li kiseb waqt il-perijodi ta’ impjieg tiegħu fl-Italja.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 11(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68, tad-29 ta’ Frar 1968, li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-uffiċjali u l-kundizzjonijiet ta’ impjieg ta’ uffiċjali oħra tal-Komunitajiet Ewropej, u li jistabbilixxi miżuri temporanji applikabbli għall-Uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, p. 1), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, tat-22 ta’ Marzu 2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”) jistipula:

“Uffiċjal li jidħol fis-servizz tal-Komunitajiet wara:

li jitlaq mis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew ta’ organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali; jew

li jsegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu;

għandu jkun intitolat, wara li jkun stabbilit iżda qabel ma jsir eliġibbli għall-pagament ta’ pensjoni ta’ l-irtirar fis-sens ta’ l-Artikolu 77 tar-Regolamenti tal-Persunal, li ħallas lill-Komunitajiet il-valur kapitali, aġġornat sad-data tat-trasferimenti attwali, tad-drittijiet tal-pensjoni akkwistati bis-saħħa tat-tali servizzi jew attivitajiet.

Fit-tali każ l-istituzzjoni li l-uffiċjal iservi fiha, wara li tikkunsidra s-salarju bażiku ta’ l-uffiċjal, l-età, u r-rata tal-kambju fid-data ta’ l-applikazzjoni tat-trasferiment, għandha tistabbilixxi permezz tad-disposizzjonijiet ġenerali ta’ l-implimentazzjoni n-numru ta’ snin tas-servizz pensjonabbli li bih huwa jkun ikkreditat taħt is-sistema tal-pensjoni tal-Komunità dwar il-perjodu ta’ qabel tas-servizz, fuq il-bażi tal-kapital ittrasferit, wara li jitnaqqas ammont li jirrappreżenta l-apprezzament tal-kapital bejn id-data ta’ l-applikazzjoni għat-trasferiment u d-data attwali tat-trasferiment.

L-uffiċjali jistgħu jagħmlu użu minn dan l-arranġament darba biss għal kull Stat Membru u fond tal-pensjoni kkonċernati.”

4

Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72) li ġie wara r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1408/71, tal-14 ta’ Ġunju 1971, dwar l-applikazzjoni tal-iskemi tas-siġurtà soċjali għall-persuni impjegati, għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għall-membri tal-familja tagħhom li jiċċaqilqu ġewwa l-Komunità, fil-verżjoni emendata u aġġornata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 118/97, tat-2 ta’ Diċembru 1996 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1992/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 392, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1408/71”), jinkludi d-dispożizzjonijiet dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali fl-Unjoni Ewropea.

5

L-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Persuni koperti”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandhu japplika għal ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati li għandhom ir-residenza tagħhom fi Stat Membru li huma jew li kienu suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed, kif ukoll għall-membri tal-familji tagħhom u għas-superstiti tagħhom.”

6

L-Artikolu 3(1) tal-istess regolament, intitolat “Oqsma koperti”, jipprovdi:

“Dan ir-Regolament għandu japplika għal-leġislazzjoni kollha li tikkonċerna l-fergħat li ġejjin tas-sigurtà soċjali:

[...]

(d)

benefiċċji marbuta ma’ l-età;

[...]”

7

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, intitolat “Għadd flimkien ta’ perjodi”:

“Sakemm dan ir-Regolament ma jgħidx mod ieħor, l-istituzzjoni kompetenti ta’ Stat Membru li l-leġislazzjoni tiegħu tagħmel:

il-kisba, iż-żamma, id-dewmien jew l-irkupru tad-dritt għal benefiċċji,

l-applikazzjoni ta’ leġislazzjoni, jew

l-aċċess għal jew l-eżenzjoni minn assigurazzjoni obligatorja, minn assigurazzjoni kontinwata mhux obbligatorja jew volontarja,

kondizzjonali fuq l-ikkompletar ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza, għandha, sa fejn ikun hemm bżonn, tqis perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg għal rashom jew residenza magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor bħallikieku kienu perjodi magħmula taħt il-leġislazzjoni applikabbli.”

8

L-Artikolu 52(1) tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Għoti ta’ benefiċċji” jipprovdi:

“L-istituzzjoni kompetenti għandha tikkalkula l-ammont tal-benefiċċjuli jkollu jingħata:

(a)

taħt il-leġislazzjoni applikata minnha, meta l-kondizzjonijiet għall-intitolar għal benefiċċji kienu sodisfatti b’mod esklużiv taħt liġi nazzjonali biss (benefiċċju indipendenti);

(b)

billi tasal għal ammont teoretiku u mbagħad għal ammont attwali (benefiċċju pro rata), kif ġej:

(i)

l-ammont teoretiku tal-benefiċċju huwa daqs il-benefiċċju li l-persuna konċernata tista’ titlob jekk il-perjodi kollha ta’ assigurazzjoni jew/u ta’ residenza li kienu magħmula taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri l-oħra kienu magħmula taħt il-leġislazzjoni applikata minnha fil-jum ta’ l-għoti tal-benefiċċju. Jekk, taħt din il-leġislazzjoni, l-ammont ma jiddependix mit-tul tal-perjodi magħmula, dak l-ammont għandu jitqies bħala l-ammont teoretiku;

(ii)

l-istituzzjoni kompetenti għandha imbagħad tistabbilixxi l-ammont attwali tal-benefiċċju pro rata billi tapplika għall-ammont teoretiku il-proporzjoni bejn it-tul tal-perjodi magħmula qabel immaterjalizza ruħu r-riskju taħt il-leġislazzjoni applikata minnha u t-tul totali tal-perjodi magħmula qabel il-materjalizzazzjoni tar-riskju taħt il-leġislazzjonijiet ta’ l-Istati Membri kollha konċernati.”

Il-leġiżlazzjoni rilevanti tal-EPO

9

L-EPO huwa organizzazzjoni internazzjonali maħluqa mill-Konvenzjoni dwar l-għoti ta’ privattivi Ewropej, iffirmata f’München fil-5 ta’ Ottubru 1973, li għandha s-sede tagħha f’din il-belt.

10

L-EPO għandu skema ta’ pensjoni tiegħu stess, distinta mill-iskema ta’ pensjoni tal-Istati Membri u ta’ dik tal-Unjoni.

11

Taħt l-Artikolu 12 tar-Regoli tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi dwar il-pensjonijiet, adottat mill-Bord ta’ Amministrazzjoni tiegħu fuq il-bażi tal-Artikolu 33 tal-imsemmija konvenzjoni, il-persunal tal-EPO jista’ jibbenefika mit-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet miksuba qabel minn skemi ta’ pensjonijiet oħra, sakemm l-iskemi inkwistjoni jippermettulu dan. Meta dan ikun il-każ, l-EPO jistabbilixxi, skont ir-regoli tiegħu stess, in-numru ta’ snin ta’ servizz miksuba taħt l-iskema tal-oriġini li jistgħu jiġu rrikonoxxuti għall-benefiċċju tal-persuna kkonċernata u, b’konsegwenza, il-pensjoni tal-irtirar li jmissha.

12

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-Regoli tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi dwar il-pensjonijiet ma jipprovdix, min-naħa l-oħra, l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ kontribuzzjoni, jiġifieri l-possibbiltà li jiġu akkumulati is-snin ta’ servizz miksuba mal-EPO u d-drittijiet miksuba fil-kuntest ta’ skemi oħra ta’ rtirar.

Il-leġiżlazzjoni Taljana

13

Id-deċiżjoni tar-rinviju turi li, fl-Italja, it-trasferiment, jew il-konsolidazzjoni, tad-drittijiet għall-pensjoni, kif previst mil-Liġi Nru 29 dwar il-konsolidazzjoni tal-perijodi ta’ affiljazzjoni tal-ħaddiema għal skopijiet ta’ sigurtà soċjali (legge n. 29 – Ricongiunzione dei periodi assicurativi dei lavoratori ai fini previdenziali) tas-7 ta’ Frar 1979 (GURI Nru 40, tad-9 ta’ Frar 1979) u l-emendi ulterjuri tagħha, huwa rriżervat għall-impjegati tas-settur pubbliku jew tas-settur privat li huma jew ġew affiljati ma’ forom mandatorji ta’ sigurtà soċjali ma’ istituzzjonijiet, ma’ fondi u ma’ skemi ta’ sigurtà nazzjonali. It-trasferiment iseħħ b’titolu oneruż u jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-persuna kkonċernata.

14

Il-qorti tar-rinviju tesponi wkoll li, taħt ir-Regolamenti tal-Persunal, l-uffiċjali u l-membri tal-persunal tal-Unjoni kif ukoll, taħt ftehim speċjali, il-membri tal-persunal tal-Istitut Universitarju Ewropew u dawk tal-Bank Ewropew tal-Investiment, jistgħu jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu tat-trasferiment ta’ kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fit-territorju tar-Repubblika Taljana.

15

Min-naħa l-oħra, il-membri tal-persunal tal-EPO huma esklużi minn dan, għaliex ma teżistix konvenzjoni bejn l-EPO u r-Repubblika Taljana li tawtorizza t-trasferiment lejn din l-organizzazzjoni internazzjonali tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-ħaddiema affiljati qabel mal-INPS.

16

Għal dak li jirrigwarda l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet, jirriżulta mill-informazzjoni pprovduta mill-qorti tar-rinviju li dan il-mekkaniżmu, taħt ir-Regolament Nru 883/2004, fil-prinċipju, jaħdem favur l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom kollha u l-professjonijiet liberali. Madankollu, ma japplikax għall-impjegati tal-EPO li, bħala membri tal-persunal ta’ organizzazzjoni internazzjonali, ma jistgħux jiġu kkunsidrati, skont it-termini tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 883/2004, bħala li huma “suġġetti għal-leġislazzjoni ta’ Stat Membru jew ta’ aktar minn Stat Membru wieħed”.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

17

S. Gardella huwa ċittadin Taljan u ilu jaħdem fl-EPO mill-1 ta’ Mejju 2002.

18

Qabel ma okkupa din il-pożizzjoni, huwa ħadem fl-Italja mill-21 ta’ Diċembru 1992 sat-30 ta’ April 2002. Il-kontribuzzjonijiet ta’ kull ġimgħa tiegħu ammontaw għal 485 kontribuzzjonijiet, jiġifieri l-ekwivalenti ta’ 9 snin u 17-il ġimgħa.

19

S. Gardella talab, fil-15 ta’ Settembru 2008, lill-INPS sabiex jittrasferixxi fl-iskema tas-sigurtà soċjali tal-EPO il-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li kien kiseb matul dan il-perijodu.

20

L-INPS ċaħad din it-talba billi invoka l-ineżistenza, fl-Italja, tad-dispożizzjonijiet li jippermettu t-trasferiment mitlub.

21

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għalhekk ippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-INPS quddiem it-Tribunale di La Spezia.

22

L-imsemmija qorti qieset li l-assenza, fl-ordinament ġuridiku Taljan, ta’ regoli li jippermettu t-trasferiment lill-EPO tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fl-Italja, flimkien mal-assenza, fir-Regoli tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi dwar il-pensjonijiet, tad-dispożizzjonijiet li jippermettu l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ kontribuzzjonijiet imwettqa qabel ir-reklutaġġ, jidher li jikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema fl-Unjoni. Fil-fatt, il-perspettiva li wieħed ma jkunx jista’ jinvoka, għall-finijiet tal-pensjoni, il-kontribuzzjonijiet mħallsa u s-snin ta’ servizz miksuba qabel id-dħul fis-servizz tal-EPO tiskoraġġixxi lill-ħaddiema li jkunu kisbu d-drittijiet għall-pensjoni fl-Italja milli jaċċettaw l-offerti ta’ impjieg tal-EPO. Din is-sitwazzjoni tikkostitwixxi ksur manifest tad-drittijiet mogħtija liċ-ċittadini tal-Unjoni permezz tal-Artikoli 20 TFUE, 45 TFUE u 48 TFUE u hija wkoll inkompatibbli mal-Artikoli 145 TFUE sa 147 TFUE kif ukoll mal-Artikolu 15 tal-Karta.

23

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, it-Tribunale di La Spezia ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikoli 20 [TFUE], 45 [TFUE], 48 [TFUE] u 145 [TFUE] sa 147 [TFUE] u l-Artikolu 15 tal-Karta [...] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva nazzjonali li ma tippermettix ħaddiem ta’ Stat Membru jittrasferixxi fis-sistema ta’ pensjoni ta’ organizzazzjoni internazzjonali stabbilita fit-territorju ta’ Stat ieħor [...], fejn jaħdem u fejn jinsab assigurat, id-drittijiet tal-pensjoni li huwa kiseb fis-sistema ta’ sigurtà soċjali tal-Istat tiegħu, fejn kien assigurat qabel?

2)

Fid-dawl b’mod partikolari tar-risposta għall-ewwel domanda, it-trasferiment tad-drittijiet tal-pensjoni għandu jiġi reż possibbli anki fin-nuqqas ta’ ftehim speċifiku bejn l-Istat Membru ta’ oriġini tal-ħaddiem jew l-istituzzjoni ta’ pensjoni tiegħu, minn naħa, u l-organizzazzjoni internazzjonali, min-naħa l-oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz tad-domandi preliminari tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 20 TFUE, 45 TFUE, 48 TFUE u 145 TFUE sa 147 TFUE kif ukoll l-Artikolu 15 tal-Karta għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jippermettix liċ-ċittadini tiegħu, impjegati f’organizzazzjoni internazzjonali, bħalma huwa l-EPO, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jittrasferixxu fl-iskema ta’ sigurtà soċjali ta’ din l-organizzazzjoni l-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li huma jkunu kisbu qabel fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali trasferiment.

25

Skont ġurisprudenza stabbilita, ċittadin tal-Unjoni, indipendentement mir-residenza u min-nazzjonalità tiegħu, li jagħmel użu mid-dritt tal-moviment liberu tal-ħaddiema u li jkun eżerċita attività professjonali fi Stat Membru ieħor minn dak li minnu joriġina, jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 45 TFUE. Ċittadin tal-Unjoni li jaħdem fi Stat Membru ieħor minn dak li minnu joriġina u li jkun aċċetta impjieg f’organizzazzjoni internazzjonali jaqa’ wkoll taħt l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-16 ta’ Frar 2006, Öberg, C-185/04, Ġabra p. I-1453, punti 11 u 12 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

26

Fil-fatt, huwa ma jitlifx l-istatus tiegħu ta’ “ħaddiem”, skont l-Artikolu 45 TFUE, minħabba l-fatt li huwa jkun jokkupa impjieg ma’ organizzazzjoni internazzjonali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 1989, Echternach u Moritz, 389/87 u 390/87, Ġabra p. 723, punt 11).

27

Minn dan isegwi li s-sitwazzjoni ta’ S. Gardella taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 45 TFUE.

28

Waqt l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk l-assenza tad-dritt ta’ S. Gardella li jittrasferixxi l-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni, fl-iskema ta’ pensjoni tal-EPO tistax tikkostitwixxi ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema ġewwa l-Unjoni, għandu jiġi kkonstatat, fuq bażi preliminari, li l-għażla mogħtija taħt ir-Regolamenti tal-Persunal lill-uffiċjali u membri tal-persunal oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni li jittrasferixxu fl-iskema ta’ pensjoni tal-Unjoni l-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-attivitajiet preċedenti, ma tistax tiġi estiża għall-uffiċjali tal-EPO u lanqas għar-relazzjonijiet bejn l-Istat Membru u organizzazzjoni internazzjonali bħall-EPO.

29

Fil-fatt, l-EPO ma hijiex istituzzjoni jew korp tal-Unjoni li għaliha l-imsemmija Regolamenti tal-Persunal japplikaw.

30

Filwaqt li dawn l-istess Regolamenti tal-Persunal huma mandatorji fl-intier tagħhom u huma direttament applikabbli fl-Istati Membri kollha, ir-Regoli tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi dwar il-pensjonijiet, billi ma humiex att ġuridiku tal-Unjoni, ma jistgħux jipproduċu, skont id-dritt tal-Unjoni, tali effetti fl-Istati Membri. Minbarra dan, dawn ir-regoli tal-aħħar jipprovdu espressament bħala kundizzjoni għat-trasferiment tal-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni, il-permess tal-organizzazzjoni li tamministra l-iskema ta’ pensjoni li għaliha l-uffiċjal inkwistjoni huwa affiljat.

31

Barra minn hekk, l-EPO huwa organizzazzjoni internazzjonali rregolata mid-dritt internazzjonali.

32

Għaldaqstant, is-sitwazzjoni ta’ S. Gardella għandha tkun evalwata billi titqabbel ma’ dik ta’ ċittadini li jagħmlu użu mid-dritt ta’ moviment liberu ġewwa l-Unjoni billi jeżerċitaw attivitajiet ta’ impjegati ma’ persuni li jimpjegaw li ma humiex istituzzjonijiet tal-Unjoni u lanqas organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-EPO, u ma’ dik taċ-ċittadini li jeżerċitaw attivitajiet ta’ min jaħdem għal rasu. Dawn l-attivitajiet jikkostitwixxu bil-bosta l-ikbar proporzjon li għalihom iċ-ċittadini jagħmlu użu minn dan id-dritt.

33

Issa, għandu jiġi kkonstatat li, f’dak li jikkonċerna l-koordinazzjoni tas-sistemi ta’ sigurtà soċjali bejn l-Istati Membri, la t-Trattat FUE u lanqas ir-Regolamenti Nri 1408/71 u 883/2004 ma pprovdew jew ma jipprovdu regoli li jikkonċernaw it-trasferiment tal-kapital li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni diġà miksuba, iżda huma bbażati fuq il-prinċipju tal-aggregazzjoni tal-perijodi, kif jirriżulta mill-Artikolu 48 TFUE, kif implementat permezz tal-imsemmija regolamenti.

34

Għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 48 TFUE, li r-rikorrent fil-kawża prinċipali jinvoka quddiem il-qorti tar-rinviju insostenn tat-talba tiegħu u li għalih id-domandi magħmula jirreferu wkoll, jipprovdi li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea “jadottaw, dawk il-miżuri fil-qasam tas-sigurtà soċjali, li jkunu meħtieġa sabiex jipprovdu l-libertà tal-moviment għall-ħaddiema”, billi jistabbilixxu, b’mod partikolari, sistema li tippermetti li għall-ħaddiema migranti tkun żgurata “l-aggregazzjoni [...] tal-perijodi kollha li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti”. Din is-sistema ta’ aggregazzjoni tal-perijodi ġiet implementata permezz tar-Regolament Nru 1408/71, u mbagħad mir-Regolament Nru 883/2004.

35

Għaldaqstant, ma jirriżultax mill-Artikolu 45 TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 48 TFUE, l-obbligu, għal Stat Membru, li jipprovdi l-għażla lill-uffiċjal ta’ organizzazzjoni internazzjonali, bħall-EPO, li jittrasferixxi l-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba qabel, lejn l-iskema ta’ pensjoni ta’ din l-organizzazzjoni internazzjonali u lanqas l-obbligu li jiġi konkluż ftehim internazzjonali għal dan l-effett.

36

Konsegwentement, l-assenza ta’ tali għażla għall-uffiċjali ta’ organizzazzjoni internazzjonali, bħall-EPO, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

37

F’dak li jikkonċerna l-artikoli l-oħra tat-Trattat u tal-Karta li jidhru fid-domandi magħmula, għandhom isiru l-konstatazzjonijiet li ġejjin.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, l-Artikolu 20 TFUE, li jistabbilixxi b’mod ġenerali d-dritt ta’ kull ċittadin tal-Unjoni li jmur minn post għal ieħor u li jirrisjedi liberament fit-territorju tal-Istati Membri, huwa espress b’mod speċifiku fl-Artikolu 45 TFUE fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2009, Leyman, C-3/08, Ġabra p. I-9085, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39

F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 15(2) tal-Karta, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(2) tagħha, li jipprovdi li d-drittijiet rikonoxxuti mill-Karta li huma l-għan tad-dispożizzjonijiet fit-trattati jeżerċitaw ruħhom fil-kundizzjonijiet u l-limiti ddefiniti minnhom. Dan huwa l-każ tal-Artikolu 15(2) tal-Karta li jerġa’ jirriproduċi, b’mod partikolari, kif jikkonfermawh l-ispjegazzjonijiet relatati ma’ din id-dispożizzjoni, il-moviment liberu tal-ħaddiema ggarantit permezz tal-Artikolu 45 TFUE.

40

L-Artikoli 145 TFUE sa 147 TFUE jistabbilixxu l-għanijiet u l-miżuri ġenerali tal-politika tal-impjiegi tal-Unjoni. Id-dritt mitlub mir-rikorrent fil-kawża prinċipali jew l-obbligu ta’ Stat Membru li jiżgura tali dritt ma jistgħux jiġu dedotti minn dawn id-dispożizzjonijiet.

41

Konsegwentement, sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula, l-analiżi tal-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE hija biżżejjed.

42

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jallega li, f’każ ta’ ċaħda tat-talba tiegħu quddiem il-qorti tar-rinviju, huwa jirriskja li jitlef id-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba, għaliex, minn naħa, l-EPO ma japplikax il-mekkaniżmu tal-aggregazzjoni u, min-naħa l-oħra, fl-Italja, il-perijodi ta’ impjieg tiegħu jew ta’ kontribuzzjonijiet jistgħu ma jilħqux il-perijodu minimu meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex ikun intitolat għal dritt għall-pensjoni.

43

L-INPS jikkontesta din l-allegazzjoni, iżda, matul is-seduta, ma setax jeskludi tali possibbiltà.

44

Huwa minnu li l-Artikolu 48 TFUE jipprovdi l-introduzzjoni ta’ sistema li tippermetti li għall-ħaddiema migranti tkun żgurata l-aggregazzjoni tal-perijodi kollha “li hu meħud kont tagħhom skond il-liġijiet nazzjonali differenti” u li l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1408/71, bħal, sussegwentement, l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 883/2004, jipprovdi li għandhom jiġu aggregati l-perijodi “magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ xi Stat Membru ieħor”, dispożizzjonijiet li ma jinkludux il-perijodi relatati mal-impjieg mal-EPO.

45

Madankollu, f’każ fejn il-mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fi Stat Membru, lejn l-iskema tal-pensjonijiet ta’ persuna li timpjega ġdida fi Stat Membru ieħor ma jkunx jista japplika, jekk ħaddiem jiċċaħħad id-dritt tal-aggregazzjoni tal-perijodi magħmula taħt il-leġislazzjoni ta’ diversi Stati Membri, dritt li minnu jibbenefikaw, b’mod ġenerali, f’każ ta’ impjieg, il-ħaddiema kollha impjegati mal-persuni li jimpjegaw kollha fi Stat Membru minbarra l-organizzazzjonijiet internazzjonali, bħall-EPO, dan jikkostitwixxi, fil-prinċipju, ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema, fis-sens tal-Artikolu 45 TFUE.

46

Fil-fatt, tali leġiżlazzjoni għandha bħala konsegwenza li persuni, li jkunu eżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, li l-perijodi ta’ impjieg jew ta’ kontribuzzjonijiet tagħhom jistgħu ma jilħqux il-perijodu minimu meħtieġ mil-leġiżlazzjoni nazzjonali sabiex ikunu intitolati għad-dritt għall-pensjoni, jirriskjaw li jitilfu l-possibbiltà li jibbenefikaw minn benefiċċju tax-xjuħija li għalih kien ikollhom dritt kieku ma jkunux aċċettaw impjieg, fi Stat Membru ieħor, ma’ organizzazzjoni internazzjonali u, għaldaqstant, din il-leġiżlazzjoni tista’ tostakola l-eżerċizzju tad-dritt għall-moviment liberu. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tistabbilixxi jekk il-leġiżlazzjoni Taljana li tikkonċerna l-benefiċċju tax-xjuħija tipproduċix jew le dan l-effett.

47

Matul is-seduta, l-INPS ma ressaqx raġunijiet ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw tali restrizzjoni għall-moviment liberu.

48

Konsegwentement, ħaddiem bħal S. Gardella, li kien kiseb l-età tal-irtirar, għandu jkun jista’, sabiex ikun intitolat għad-dritt għall-pensjoni ta’ xjuħija, jitlob l-aggregazzjoni tal-perijodi ta’ impjieg tiegħu fl-Italja ma’ dawk relatati ma’ impjieg mal-EPO.

49

Fuq il-bażi ta’ dak li ntqal qabel, ir-risposta għad-domandi li tressqu għandha tkun li l-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jippermettix liċ-ċittadini tiegħu, impjegati f’organizzazzjoni internazzjonali, bħalma huwa l-EPO, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jittrasferixxu fl-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ din l-organizzazzjoni l-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li huma jkunu kisbu qabel fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali trasferiment. Min-naħa l-oħra, fil-każ fejn il-mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fi Stat Membru, lejn l-iskema tal-pensjonijiet ta’ persuna li timpjega ġdida fi Stat Membru ieħor ma jkunx jista’ japplika, l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix li jittieħed kont tal-perijodi ta’ impjieg li ċittadin tal-Unjoni jkun wettaq ma’ organizzazzjoni internazzjonali, bħall-EPO, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex ikun intitolat għad-dritt għall-pensjoni tax-xjuħija.

Fuq l-ispejjeż

50

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikoli 45 TFUE u 48 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma jippermettix liċ-ċittadini tiegħu, impjegati f’organizzazzjoni internazzjonali, bħalma huwa l-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, jittrasferixxu fl-iskema tas-sigurtà soċjali ta’ din l-organizzazzjoni l-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni li huma jkunu kisbu qabel fit-territorju tal-Istat Membru ta’ oriġini tagħhom, fl-assenza ta’ ftehim internazzjonali bejn dan l-Istat Membru u l-imsemmija organizzazzjoni internazzjonali li jipprevedi l-possibbiltà ta’ tali trasferiment.

 

Fil-każ fejn il-mekkaniżmu ta’ trasferiment tal-kapital, li jirrappreżenta d-drittijiet għall-pensjoni miksuba qabel fi Stat Membru, lejn l-iskema tal-pensjonijiet ta’ persuna li timpjega ġdida fi Stat Membru ieħor ma jkunx jista japplika, l-Artikolu 45 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tippermettix li jittieħed kont tal-perijodi ta’ impjieg li ċittadin tal-Unjoni Ewropea jkun wettaq ma’ organizzazzjoni internazzjonali, bħall-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi, stabbilita fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor sabiex ikun intitolat għad-dritt tal-pensjoni tax-xjuħija.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: it-Taljan.