Available languages

Taxonomy tags

Info

References in this case

Share

Highlight in text

Go

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

9 ta’ Ottubru 2014 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Moviment liberu tal-kapital – Artikolu 63 TFUE – Tassazzjoni tad-dħul li jirriżulta minn fondi ta’ investiment – Obbligu ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni minn fond ta’ investiment – Tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul li jirriżulta minn fondi ta’ investiment li ma jikkonformawx ruħhom mal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni”

Fil-Kawża C-326/12,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Düsseldorf (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-3 ta’ Mejju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2012, fil-proċedura

Rita van Caster,

Patrick van Caster

vs

Finanzamt Essen-Süd,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, S. Rodin, A. Borg Barthet, E. Levits (Relatur) u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Ottubru 2013,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal R. van Caster u P. van Caster, minn V. Heidelbach, Rechtsanwalt,

–        għall-Finanzamt Essen-Süd, minn U. Weise, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u A. Wiedmann, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn C. Murrell, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u W. Mölls, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Novembru 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. van Caster u binha P. van Caster, residenti fil-Ġermanja minn naħa, u l-Finanzamt Essen-Süd (iktar ’il quddiem il-“Finanzamt”) fir-rigward tad-determinazzjoni individwalizzata u uniformi tal-bażi ta’ taxxa tad-dħul tagħhom li jirriżulta minn fondi ta’ investiment mhux residenti għas-snin ta’ taxxa 2004 sal-2008.

 Il-kuntest ġuridiku Ġermaniż

3        Il-Liġi dwar it-tassazzjoni tal-investimenti (Investmentsteuergesetz, iktar ’il quddiem l-“InvStG”), fis-seħħ mis-sena 2004, tinkludi Sezzjoni 1, li taħtha jirriżultaw l-Artikoli 1 sa 10 tagħha, iddedikati għad-dispożizzjonijiet komuni għal ishma f’investimenti nazzjonali u internazzjonali.

4        L-Artikolu 2(1) tal-InvStG jipprevedi li d-dħul minn ishma ddistribwiti, id-dħul ekwivalenti għal distribuzzjoni u l-benefiċċju intermedjarju jirriżultaw, ħlief fir-rigward ta’ ċerti ċirkustanzi, mid-dħul ta’ kapitali tal-investitur.

5        L-Artikolu 5 ta’ din il-liġi, fil-verżjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2003 (BGBl. 2003 I, p. 2676) huwa redatt b’dawn il-kliem:

“(Valuri taxxabbli)

(1)      L-Artikoli 2 u 4 għandhom japplikaw biss jekk

1.      il-kumpannija ta’ investiment tikkomunika lill-investituri, fil-lingwa Ġermaniża, għal kull distribuzzjoni ta’ dħul marbut ma’ ishma, fir-rigward ta’ parteċipazzjoni f’investiment,

a)      l-ammont tad-distribuzzjoni (b’mhux inqas minn erba’ ċifri wara l-punt deċimali),

b)      l-ammont tad-dħul iddistribwit (b’mhux inqas minn erba’ ċifri wara l-punt deċimali),

c)      l-ammonti kontenuti fid-distribuzzjoni, jiġifieri

aa)      id-dħul għas-snin preċedenti ekwivalenti għal distribuzzjoni,

bb)      il-qligħ minn trasferimenti eżentati fis-sens tal-ewwel sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 2(3),

cc)      id-dħul fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul [(Einkommensteuergesetz)],

dd)      id-dħul fis-sens tal-Artikolu 8b(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, [(Körperschaftsteuergesetz)],

ee)      il-qligħ minn trasferimenti fis-sens tal-punt 40 tal-Artikolu 3, tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul,

ff)      il-qligħ minn trasferimenti fis-sens tal-Artikolu 8b(2) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji,

gg)      id-dħul fis-sens tat-tieni sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 2(3), sakemm dan ma jkunx dħul kapitali fis-sens tal-Artikolu 20 tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul,

hh)      il-qligħ minn trasferimenti eżentati fis-sens tal-punt 2 tal-Artikolu 2(3),

ii)      id-dħul fis-sens tal-Artikolu 4(1),

jj)      id-dħul fis-sens tal-Artikolu 4(2), li għalih ma hemmx tnaqqis taħt il-paragrafu 4,

kk)      id-dħul fis-sens tal-Artikolu 4(2), li, taħt ftehim biex tiġi evitata tassazzjoni doppja, jikkwalifika għal tnaqqis mit-taxxa fuq id-dħul jew fuq il-kumpanniji ta’ taxxa meqjusa mħallsa,

d)      tal-parti mid-distribuzzjoni li tikkwalifika għal tnaqqis jew għal rimbors tat-taxxa fuq id-dħul kapitali fis-sens ta’

aa)      l-Artikolu 7(1) u (2),

bb)      l-Artikolu 7(3),

e)      l-ammont tat-taxxa fuq id-dħul kapitali li għandha titnaqqas jew tiġi rrimborsata fis-sens ta’

aa)      l-Artikolu 7(1) u (2),

bb)      l-Artikolu 7(3),

f)      l-ammont tat-taxxa barranija fuq id-dħul fis-sens tal-Artikolu 4(2), inkluż fl-ammonti ddistribwiti u

aa)      imputabbli skont l-Artikolu 34c(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jew skont ftehim biex tiġi evitata tassazzjoni doppja,

bb)      li jistgħu jitnaqqsu skont l-Artikolu 34c(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul jekk ma jkunx sar tnaqqis skont l-Artikolu 4(4),

cc)      li huma meqjusa mħallsa skont ftehim biex tiġi evitata tassazzjoni doppja,

g)      l-ammont tat-tnaqqis għal deprezzament jew tnaqqis fis-sustanza skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 3(3),

h)      l-ammont tat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-kumpanniji invokat mill-kumpannija li tagħmel id-distribuzzjoni skont l-Artikolu 37(3) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji;

2.      il-kumpannija ta’ investiment għandha tikkomunika lill-investituri, fil-lingwa Ġermaniża, għad-dħul ekwivalenti għal distribuzzjoni, mhux iktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja li matulha dan jitqies li tħallas, id-data korrispondenti għall-punt 1, fir-rigward ta’ parteċipazzjoni f’investiment;

3.      il-kumpannija ta’ investiment għandha tikkomunika d-data ċċitati fil-punti 1 u 2 b’rabta mar-rapport annwali fis-sens tal-Artikolu 45(1) u tal-Artikolu 122(1) u (2) tal-liġi dwar l-investimenti [(Investmentgesetz)] fil-Gazzetta elettronika federali tal-avviżi uffiċjali; l-indikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati b’ċertifikat mingħand professjonist awtorizzat sabiex jipprovdi servizzi ta’ konsulenza kummerċjali skont l-Artikolu 3 tal-liġi dwar il-professjoni ta’ konsulent fiskali [(Steuerberatungsgesetz)], ta’ organizzazzjoni ta’ awdituri rikonoxxuta mill-amministrazzjoni jew organizzazzjoni simili li jikkonferma li l-indikazzjonijiet kienu ġew stabbiliti skont ir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż; l-Artikolu 323 tal-Kodiċi Kummerċjali [(Handelsgesetzbuch)] għandu jkun applikabbli mutatis mutandis. Jekk id-dikjarazzjoni ma tkunx ġiet ippubblikata fil-Gazzetta federali elettronika tal-avviżi uffiċjali skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi dwar l-investimenti, għandha tiġi indikata wkoll ir-referenza li taħtha ġiet ippubblikata d-dikjarazzjoni fil-lingwa Ġermaniża;

4.      il-kumpannija ta’ investiment barranija għandha tikkalkola u tikkomunika mal-prezz ta’ rtirar, l-ammont tad-dħul meqjus li jkun tħallas wara l-31 ta’ Diċembru 1993 lit-titolari ta’ ishma fl-investimenti barranin u li tkun għadha ma tħallsitx taxxa fuqu;

5.      il-kumpannija ta’ investiment barranija għandha turi b’mod komplet lill-Uffiċċju federali tal-finanzi, fuq talba tiegħu u f’perijodu ta’ tliet xhur, l-awtentiċità tad-data indikata fil-punti 1, 2 u 4. Jekk iċ-ċertifikati jkunu redatti f’lingwa barranija, tista’ tintalab traduzzjoni ċċertifikata fil-lingwa Ġermaniża. Jekk il-kumpannija ta’ investiment barranija tkun ipprovdiet indikazzjonijiet dwar ammont mhux korrett, hija għandha tieħu d-differenza fl-ammont inkunsiderazzjoni minn jeddha jew fuq talba tal-Uffiċċju federali tal-finanzi, fil-pubblikazzjoni tas-sena kurrenti.

Jekk l-indikazzjonijiet imsemmija fil-punt 1(c) jew (f) ma jkunux disponibbli, id-dħul għandu jiġi ntaxxat skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) u l-Artikolu 4 ma jkunx applikabbli [...]”

6        L-Artikolu 6 tal-InvStG, intitolat “Tassazzjoni fl-assenza ta’ dikjarazzjoni”, jipprovdi, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ mid-9 ta’ Diċembru 2004 (BGBl. 2004 I, p. 3310):

“Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) ma jiġux issodisfatti, l-investitur għandu jiġi ntaxxat fuq id-distribuzzjonijiet ta’ dħul mill-ishma, il-benefiċċju intermedjarju kif ukoll 70 % tal-apprezzament fil-valur li jirriżulta mid-differenza bejn l-ewwel prezz ta’ rtirar stabbilit matul is-sena kalendarja u l-aħħar prezz ta’ rtirar stabbilit matul dik l-istess sena; it-tassazzjoni għandha tkun ta’ mhux inqas minn 6 % tal-aħħar prezz ta’ rtirar stabbilit matul is-sena kalendarja. Jekk ma jkunx ġie ffissat prezz ta’ rtirar, dan għandu jiġi ssostitwit bil-prezz tal-borsa jew bil-prezz tas-suq […]”.

7        Skont l-indikazzjonijiet tal-Gvern Ġermaniż, l-Artikoli 5 u 6 tal-InvStG ġew sussegwentement emendati numru ta’ drabi, madankollu mingħajr ma dawn l-emendi kellhom effett fuq il-kawża prinċipali.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

8        R. van Caster u binha, P. van Caster għandhom ishma f’fondi ta’ investiment ta’ kapitalizzazzjoni mhux residenti, imqiegħda f’depożitu f’bank Belġjan.

9        Mis-sena 2003, id-dħul li rriżulta minn dan l-investiment f’kapital ġie ddeterminat b’mod individwalizzat u uniformi fir-rigward ta’ R. u P. van Caster u ġie ntaxxat nofs b’nofs għal kull wieħed minnhom.

10      Matul is-snin ta’ dħul 2003 sa 2006, l-ishma kollha miżmuma minn R. u P. van Caster kienu jew ishma f’fondi msejħa “suwed”, li l-intaxxar tagħhom kien irregolat sas-sena 2003 permezz tal-Artikolu 18(3) tal-liġi dwar il-bejgħ ta’ ishma f’investimenti barranin u dwar l-intaxxar tad-dħul mill-ishma f’investimenti barranin (Gesetz über den Vertrieb ausländischer Investmentanteile und über die Besteuerung der Erträge aus ausländischen Investmentanteilen – AuslInvestmG, BGBl. 1998 I, p. 2820), jew ishma f’fondi msejħa “mhux trasparenti”, li l-intaxxar tagħhom jaqa’ taħt l-Artikolu 6 tal-InvStG.

11      Matul is-snin ta’ dħul 2007 u 2008, R. u P. van Caster iddikjaraw benefiċċji minn ishma f’sitt fondi ta’ investiment, li minnhom tlieta kienu fondi mhux trasparenti.

12      R. u P. van Caster kienu ddikjaraw id-dħul mill-ishma tagħhom f’dawn il-fondi ta’ investiment permezz ta’ stima jew evalwazzjoni abbażi ta’ riċevuti mehmuża jew ta’ gazzetta tal-borża. B’hekk għas-snin 2003 sa 2008, huma ddikjaraw dħul li kien jammonta, rispettivament, għal EUR 8 435.43, EUR 10 500.94, EUR 12 318.18, EUR 13 263.04, EUR 12 672.46 u EUR 14 272.88, jiġifieri somma totali ta’ EUR 71 462.93.

13      Il-Finanzamt iddeterminat id-dħul minn fondi mhux trasparenti b’rata fissa konformement mar-regola tal-Artikolu 6 tal-InvStG. Skont il-kalkolu tal-Finanzamt, id-dħul irċevut minn R. u P. van Caster matul is-snin 2003 sa 2008 kien jammonta, rispettivament għal EUR 38 503.53, EUR 32 691.41, EUR 63 603.62, EUR 49 463.21, EUR 37 045.03 u EUR 25 139.27, jiġifieri ammont totali ta’ EUR 246 446.07.

14      R. u P. van Caster ikkontestaw din id-deċiżjoni tal-Finanzamt quddiem il-Finanzgericht Düsseldorf (tribunal tal-finanzi ta’ Düsseldorf). Fil-kuntest ta’ din il-proċedura, il-partijiet fil-kawża prinċipali ftiehmu fuq il-fatt li d-dħul għas-sena 2003 kellu jkun stmat għal 4 % tal-prezz ta’ rtirar stabbilit fil-31 ta’ Diċembru 2003, jiġifieri ammont ta’ EUR 19 848.07.

15      Fir-rigward tas-snin 2004 sa 2008, R. u P. van Caster jitolbu l-emenda tal-avviż ta’ tassazzjoni u d-determinazzjoni tad-dħul minn kapital abbażi tal-ammonti ddikjarati, fejn il-partijiet ikkonċernati jsostnu li l-Artikolu 6 tal-InvStG imur kontra d-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-moviment liberu tal-kapital.

16      Il-qorti ta’ rinviju tindika li, minkejja l-fatt li l-mekkaniżmu ta’ tassazzjoni b’rata fissa previst fl-Artikolu 6 tal-InvStG huwa applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi ta’ investiment residenti u mhux residenti mhux trasparenti, din id-dispożizzjoni tista’ tagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta tal-fondi mhux residenti mhux trasparenti, sa fejn il-fondi residenti jissodisfaw ġeneralment ir-rekwiżiti tal-Artikolu 5(1) tal-InvStG, filwaqt li dan ma huwiex ġeneralment il-każ ta’ fondi mhux residenti.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Finanzgericht Düsseldorf iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq id-domanda preliminari li ġejja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja:

“Taxxa b’rata fissa tad-dħul li jirriżulta mill-fondi ta’ investiment (nazzjonali u) barranin magħrufa bħala ‘mhux trasparenti’ taħt l-Artikolu 6 tal-[InvStG] tikser id-dritt tal-Unjoni Ewropea [Artikolu 63 TFUE] minħabba li tikkositwixxi restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu tal-kapital [Artikolu 65(3) TFUE]?”

 Fuq id-domanda preliminari

 Osservazzjonijiet preliminari

18      Mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, skont il-mod li bih il-kumpannija ta’ investiment tissodisfa l-obbligi tal-Artikolu 5(1) tal-InvStG, l-investituri huma suġġetti għal tliet skemi ta’ tassazzjoni separati.

19      Jekk il-kumpannija ta’ investiment tippreżenta l-informazzjoni kollha msemmija fl-Artikolu 5(1) tal-InvStG fil-forom u skont it-termini mogħtija, id-dħul mill-ishma ta’ investiment huma suġġetti għall-iskema ġenerali ta’ tassazzjoni msejħa “trasparenti”, konformement mal-ewwel sentenza tal-Artikolu 2(1) u mal-Artikolu 4.

20      Jekk il-kumpannija ta’ investiment la tkun ippubblikat u lanqas iddikjarat l-informazzjoni prevista fil-punt 1(c) u (f) tal-Artikolu 5(1) tal-InvStG, l-ishma fil-fondi jistgħu, konformement mat-tieni sentenza tal-Artikolu 5(1) ta’ din il-liġi, ikunu suġġetti għall-iskema ta’ tassazzjoni msejħa “semi-trasparenti”. Dan il-metodu ta’ kalkolu jfisser li l-vantaġġi li fir-rigward tagħhom ċerta informazzjoni ma ġietx ipprovduta ma humiex meħuda inkunsiderazzjoni fil-bażi ta’ taxxa tad-dħul tal-persuna taxxabbli.

21      Jekk il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 5(1) tal-InvStG ma jiġux issodisfatti, l-ishma fil-fondi ta’ investiment huma ntaxxati b’rata fissa, bis-saħħa tal-Artikolu 6 tal-InvStG, u l-persuna taxxabbli għandha l-obbligu li tħallas it-taxxa fuq ammont speċifiku konformement mal-metodi ta’ kalkolu stabbiliti minn dan l-artikolu.

22      L-Artikolu 5(1) tal-InvStG jistabbilixxi, minn naħa, fil-punti 1 sa 3 tiegħu, obbligi dwar il-komunikazzjoni lill-azzjonisti, bil-lingwa Ġermaniża, tal-informazzjoni prevista mill-imsemmi artikolu u dwar il-pubblikazzjoni tagħhom fil-Gazzetta elettronika federali tal-avviżi uffiċjali, akkumpanjati b’ċertifikat mingħand professjonist legalment awtorizzat sabiex jipprovdi servizzi ta’ konsulenza fiskali, li jikkonferma li l-indikazzjonijiet ġew stabbiliti skont ir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż, applikabbli għall-kumpanniji kollha ta’ investiment, residenti u mhux residenti, kif ukoll, min-naħa l-oħra, fil-punti 4 u 5 tagħha, obbligi supplimentari, applikabbli biss għall-kumpanniji ta’ investiment mhux residenti.

23      Il-qorti tar-rinviju ma tispeċifikax l-obbligi li ma ġewx osservati mill-fondi ta’ investiment mhux residenti inkwistjoni fil-kawża prinċipali, iżda mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li din tistaqsi b’mod partikolari dwar il-kompatibbiltà mal-prinċipju ta’ moviment liberu tal-kapital tad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ġermaniża applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi ta’ investiment residenti u mhux residenti.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 63 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservazzjoni minn fond ta’ investiment mhux residenti tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi residenti u mhux residenti, jagħti lok għat-tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul li l-persuna taxxabbli tirċievi mill-imsemmi fond ta’ investiment.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni

25      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti ta’ kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti tal-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (ara s-sentenzi Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, EU:C:2012:286, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Bouanich, C-375/12, EU:C:2014:138, punt 43).

26      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija kkaratterizzata bil-fatt li l-konsegwenzi tan-nuqqas ta’ osservanza mill-fondi ta’ investiment tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni previsti fl-Artikolu 5(1) tal-InvStG jiġġarrbu mill-persuni taxxabbli li jinvestu f’dawn il-fondi.

27      It-tassazzjoni b’rata fissa, applikata fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi, tikkonsisti f’li tiġi kkalkolata bażi ta’ taxxa minima li tikkorrispondi għal 6 % tal-prezz ta’ rtirar fi tmiem is-sena kalendarja, indipendentement mill-fatt dwar jekk il-valur tas-sehem tal-investiment niżilx jew żdiedx matul is-sena kkonċernata.

28      Dan il-kalkolu b’rata fissa jista’ jagħti lok għal evalwazzjoni eċċessiva tad-dħul reali tal-persuna taxxabbli, fuq kollox, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 43 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta r-rata ta’ interessi tibqa’ fuq livelli baxxi fuq perijodu twil. Barra minn hekk il-Gvern Ġermaniż innifsu jammetti li l-bażi ta’ taxxa minima li tikkorrispondi għal 6 % tal-prezz ta’ rtirar hija, f’sitwazzjoni ta’ rata ta’ interessi baxxa, ta’ spiss ogħla minn dik ibbażata fuq id-dħul effettiv miksub mill-fond ikkonċernat.

29      Ċertament, ma jistax jiġi eskluż li, matul is-snin fejn il-fondi ta’ investiment jiġġeneraw dħul partikolarment għoli, it-tassazzjoni b’rata fissa tista’ tkun iktar favorevoli mill-iskema ġenerali ta’ tassazzjoni trasparenti, u lanqas ma jista’ jiġi eskluż li dħul ikkalkolat b’dan il-mod jista’ bħala medja jsir matul perijodu twil ta’ żamma ta’ dawn il-fondi, hekk kif isostnu, rispettivament, il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż.

30      Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li l-applikazzjoni tat-tassazzjoni b’rata fissa ma tvarjax skont it-tul taż-żamma tas-sehem.

31      Min-naħa l-oħra, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li trattament fiskali sfavorevoli li jmur kontra libertà fundamentali ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-eżistenza ta’ vantaġġi oħra fiskali, anki li kieku jitqies li tali vantaġġi jeżistu (ara s-sentenza Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, EU:C:2007:452, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li tassazzjoni b’rata fissa, bħal dik li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-Artikolu 6 tal-InvStG, tista’ ma tkunx vantaġġuża għall-persuna taxxabbli.

33      Issa, f’ċirkustanzi bħal dawn, mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li persuna taxxabbli li investiet f’fond li ma jissodisfax l-obbligi previsti fl-Artikolu 5(1) tal-InvStG ma tistax tipprovdi elementi jew informazzjoni li jippermettu li jintwera d-dħul effetti tiegħu.

34      Konsegwentement, din it-tassazzjoni b’rata fissa tista’ tiddiswadi lil tali persuna taxxabbli milli tinvesti f’fondi li ma jissodisfawx l-obbligi previsti minn din id-dispożizzjoni ta’ dritt nazzjonali.

35      Hekk kif indika l-Gvern Ġermaniż waqt is-seduta, l-għażla jekk għandhomx jikkonformaw ruħhom jew le ma’ dawn l-obbligi tappartjeni lill-fondi ta’ investiment u tiddependi, b’mod partikolari, mix-xewqa tagħhom li jiksbu klijenti fil-Ġermanja.

36      Għalhekk, min-natura tagħhom, milli jidher dawn l-obbligi ma humiex ser jiġu osservati minn fond ta’ investiment li ma joperax fis-suq Ġermaniż u li ma huwiex attivament intiż għal dan is-suq. Fil-fatt, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali fond ma għandu ebda interess li jikkonforma ruħu ma dawn ir-rekwiżiti.

37      Peress li dawn il-fondi huma ġeneralment fondi mhux residenti, għandu jiġi kkonstatat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiddiswadi lil investitur Ġermaniż milli jissottoskrivi ishma f’fond ta’ investiment mhux residenti, sa fejn tali investiment jista’ jesponih għal tassazzjoni b’rata fissa mhux vantaġġuża, mingħajr ma jingħata l-possibbiltà li jipprovdi elementi jew informazzjoni li jistgħu juru kemm huwa d-dħul effettiv tiegħu.

38      Għalhekk, leġiżlazzjoni bħal din tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, bħala prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.

 Fuq il-ġustifikazzjoni tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital

39      Madankollu, minn ġurisprudenza ferm stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-miżuri nazzjonali li jistgħu jfixklu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat jistgħu madankollu jkunu ammessi bil-kundizzjoni li jkollhom għan ta’ interess ġenerali, li jkunu adegwati sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta’ dan l-għan u li ma jeċċedux dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan imfittex (ara, b’mod partikolari, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-296/12, EU:C:2014:24, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      Skont il-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, il-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata, fl-ewwel lok, bin-neċessità li jiġi mħares tqassim ekwilibrat tas-setgħat ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ż-żamma ta’ tqassim ekwilibrat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri hija għan leġittimu rikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara s-sentenza National Grid Indus, C-371/10, EU:C:2011:785, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), li tista’ tiġi aċċettata bħala ġustifikazzjoni ta’ restrizzjoni ġaladarba, b’mod partikolari, is-sistema inkwistjoni hija intiża li tipprevjeni aġir li jista’ jikkomprometti d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu b’rabta mal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Santander Asset Management SGIIC et, EU:C:2012:286, punt 47, kif ukoll Argenta Spaarbank, C-350/11, EU:C:2013:447, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija intiża, hekk kif isostnu l-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, sabiex tiggarantixxi t-trattament uniformi, mill-perspettiva tat-taxxa, minn naħa, bejn il-persuni taxxabbli Ġermaniżi li wettqu investimenti direttament f’ishma jew f’obbligazzjonijiet u dawk li jissottoskrivu ishma f’fondi ta’ investiment, kif ukoll, min-naħa l-oħra, bejn il-persuni taxxabbli Ġermaniżi li investew f’fondi residenti u dawk li investew f’fondi mhux residenti, billi josservaw il-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem it-taxxa.

43      Din il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma għandhiex l-għan li tipprevjeni aġir ta’ natura li jikkomprometti l-kompetenza tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja milli jintaxxa n-negozju eżerċitat fit-territorju tagħha jew milli tintaxxa d-dħul tar-residenti tagħha miksub fi Stat Membru ieħor.

44      Għalhekk, fir-rigward tal-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali, ma tirriżultax il-kwistjoni ta’ xi forma ta’ tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.

45      Fit-tieni lok, il-Finanzamt kif ukoll il-Gvern Ġermaniż u tar-Renju Unit iqisu li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija ġġustifikata bil-ħtieġa li tiżgura l-effikaċja tal-kontroll fiskali. Il-Gvern Ġermaniż jispeċifika li din il-leġiżlazzjoni hija ġġustifikata wkoll bin-neċessità li tiżgura rkupru effikaċi tat-taxxi.

46      Hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, kemm in-neċessità li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi A, C-101/05, EU:C:2007:804, punt 55; X u Passenheim-van Schoot, C-155/08 u C-157/08, EU:C:2009:368, punt 55; Meilicke et, C-262/09, EU:C:2011:438, punt 41, kif ukoll SIAT, C-318/10, EU:C:2012:415, punt 36) kif ukoll dik li tiġi ggarantita l-effikaċja tal-irkupru tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Spanja, C-269/09, EU:C:2012:439, punt 64; X, C-498/10, EU:C:2012:635, punt 39, kif ukoll Strojírny Prostějov u ACO Industries Tábor, C-53/13 u C-80/13, EU:C:2014:2011, punt 46), jikkostitwixxu raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali li jistgħu jiġġustifikaw restrizzjoni fuq l-eżerċizzju tal-libertajiet ta’ moviment ggarantiti mit-Trattat.

47      Huwa inerenti għall-prinċipju tal-awtonomija fiskali tal-Istati Membri li dawn tal-aħħar għandhom jiddeterminaw l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta, kif ukoll il-kundizzjonijiet materjali u formali li għandhom jiġu osservati, sabiex l-amministrazzjoni fiskali tkun tista’ tistabbilixxi korrettament it-taxxa dovuta fuq id-dħul minn fondi ta’ investiment (ara, b’analoġija, is-sentenza Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 37).

48      Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni hija bbażata fuq il-prinċipju li huma biss il-fondi ta’ investiment innifishom li jistgħu jipprovdu l-informazzjoni neċessarja għad-determinazzjoni tal-bażi ta’ taxxa tal-persuni taxxabbli li ssottoskrivew ishma f’dawn il-fondi, fejn din l-informazzjoni tista’ tieħu l-forma biss ta’ pubblikazzjoni fil-Gazzetta elettronika federali tal-avviżi uffiċjali, flimkien ma’ ċertifikat, maħruġ minn professjonist legalment awtorizzat sabiex jipprovdi servizzi ta’ konsulenza fiskali, li jikkonferma li l-indikazzjonijiet ġew stabbiliti skont ir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż.

49      Issa, il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprekludi b’mod assolut lill-persuni taxxabbli li ssottoskrivew ishma f’fondi ta’ investimenti mhux residenti milli jipproduċu provi li jissodisfaw kriterji oħra, b’mod partikolari ta’ preżentazzjoni, bħal dawk previsti għall-investimenti nazzjonali mil-leġiżlazzjoni tal-ewwel Stat Membru tmur lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex tiġi ggarantita l-effikaċja tal-kontrolli fiskali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 43).

50      Fil-fatt, ma jistax jiġi eskluż, a priori, li l-imsemmija persuni taxxabbli huma f’pożizzjoni li jipprovdu dokumenti ta’ ġustifikazzjoni rilevanti li jippermettu lill-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni jivverifikaw, b’mod ċar u preċiż, l-informazzjoni meħtieġa sabiex tiġi stabbilita korrettament it-tassazzjoni tad-dħul mill-fondi ta’ investiment (ara, b’analoġija, is-sentenza Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 44).

51      Għalkemm huwa minnu li l-persuni taxxabbli Ġermaniżi jistgħu ma jkollhomx f’idejhom l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-InvStG, ma jistax jiġi eskluż li huma jistgħu jiksbuha mingħand il-fondi ta’ investiment mhux residenti kkonċernati u jikkomunikawha lill-awtoritajiet fiskali Ġermaniżi.

52      Il-kontenut, il-forma u l-livell ta’ preċiżjoni li għandha tissodisfa l-informazzjoni sottomessa mill-persuna taxxabbli Ġermaniża li ssottoskriviet ishma f’fond ta’ investiment mhux residenti sabiex tibbenefika mit-tassazzjoni trasparenti għandhom jiġu ddeterminati mill-amministrazzjoni fiskali sabiex hija tkun tista’ tapplika t-taxxa korrettament (ara, b’analoġija, is-sentenza Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 45).

53      Ċertament, hekk kif isostnu l-Finanzamt u l-Gvern Ġermaniż, il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-bażijiet ta’ taxxa, kif ukoll il-verifika tagħhom minn professjonist legalment awtorizzat jipprovdu servizzi ta’ konsulenza fiskali li jikkonfermaw li l-indikazzjonijiet ġew stabbiliti skont ir-regoli tad-dritt fiskali Ġermaniż jiggarantixxu t-tassazzjoni uniformi tal-persuni taxxabbli li ssottoskrivew ishma fl-istess fond ta’ investiment.

54      Madankollu, hekk kif issostni l-Kummissjoni Ewropea, uniformità bħal din tista’ tiġi żgurata permezz ta’ skambju intern tal-informazzjoni fi ħdan l-amministrazzjoni fiskali Ġermaniża.

55      Barra minn hekk, l-awtoritajiet fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni għandhom il-possibbiltà li jindirizzaw ruħhom, bis-saħħa tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1977, dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-taxxi fuq premiums tal-assigurazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/106/KE, tas-16 ta’ Novembru 2004 (ĠU L 333M, p. 266), fis-seħħ fil-mument tal-fatti tal-kawża prinċipali, kif ukoll tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, tal-15 ta’ Frar 2011, dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799 (ĠU L 64, p. 1), lill-awtoritajiet ta’ Stat Membru ieħor sabiex jiksbu kull tagħrif li jirriżulta li hu neċessarju sabiex tiġi stabbilita korrettament it-taxxa ta’ persuna taxxabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, EU:C:2011:61, punt 101, kif ukoll Meilicke et, EU:C:2011:438, punt 51).

56      Fir-rigward tal-oneru amministrattiv li jfisser, għall-amministrazzjoni fiskali tal-Istat Membru ta’ tassazzjoni, il-possibbiltà mogħtija lill-persuni taxxabbli li jipprovdu l-informazzjoni sabiex juru d-dħul tagħhom, għandu jiġi osservat li l-inkonvenjenti amministrattivi ma humiex biżżejjed waħedhom sabiex jiġġustifikaw ostaklu għal-moviment liberu tal-kapital (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza, C-334/02, EU:C:2004:129, punt 29; Centro di Musicologia Walter Stauffer, C-386/04, EU:C:2006:568, punt 48, u Papillon, C-418/07, EU:C:2008:659, punt 54).

57      Konsegwentement, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ġġustifikata permezz tan-neċessità li tiġi żgurata l-effikaċja tal-kontroll fiskali u li jiġi ggarantit l-irkupru effikaċi tat-taxxi, sa fejn hija ma tippermettix lill-persuna taxxabbli tipprovdi elementi jew informazzjoni li jistgħu juru d-dħul effettiv tagħha.

58      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li l-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza minn fond ta’ investiment mhux residenti tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi residenti u mhux residenti, tagħti lok għal tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul li l-persuna taxxabbli tirċievi mill-imsemmi fond ta’ investiment, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tippermettix lil din il-persuna taxxabbli tipprovdi elementi jew informazzjoni li jistabbilixxu l-ammont effettiv ta’ dan id-dħul.

 Fuq l-ispejjeż

59      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 63 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprovdi li n-nuqqas ta’ osservanza minn fond ta’ investiment mhux residenti tal-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ pubblikazzjoni ta’ ċerta informazzjoni prevista minn din il-leġiżlazzjoni, applikabbli mingħajr distinzjoni għall-fondi residenti u mhux residenti, tagħti lok għal tassazzjoni b’rata fissa tad-dħul li l-persuna taxxabbli tirċievi mill-imsemmi fond ta’ investiment, sa fejn l-imsemmija leġiżlazzjoni ma tippermettix lil din il-persuna taxxabbli tipprovdi elementi jew informazzjoni li jistabbilixxu l-ammont effettiv ta’ dan id-dħul.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.