SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
13 ta’ Marzu 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Artikolu 63 TFUE — Moviment liberu tal-kapital — Artikolu 49 TFUE — Libertà ta’ stabbiliment — Taxxa dovuta fuq id-dħul tal-persuni fiżiċi — Dispożittiv ta’ limitu massimu tat-taxxi diretti skont id-dħul — Ftehim fiskali bilaterali intiż sabiex jiġi evitat intaxxar doppju — Intaxxar tad-dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor u diġà suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn — Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni jew teħid inkunsiderazzjoni parzjali tat-taxxa mħallsa f’dan l-Istat Membru ieħor għall-kalkolu tal-limitu massimu tat-taxxa — Artikolu 65 TFUE — Restrizzjoni — Ġustifikazzjoni”
Fil-Kawża C-375/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal administratif de Grenoble (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Lulju 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Awwissu 2012, fil-proċedura
Margaretha Bouanich
vs
Directeur des services fiscaux de la Drôme,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas (Relatur), D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: V. Tourrès, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal M. Bouanich, minn A. Jouanjan u S. Fouquet-Chabert, avukati,
– għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u J.-S. Pilczer, bħala aġent,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn J. Beeko, bħala aġent, assistita minn R. Hill, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u C. Soulay, bħala aġenti,
– għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u G. Mathisen, kif ukoll minn A. Steinarsdóttir, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE.
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Bouanich u d-Direttur tas-servizzi fiskali ta’ Drôme (iktar ’il quddiem l-“amministrazzjoni fiskali”), fir-rigward tar-rifjut minn dan tal-aħħar li jinkludi t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja minn M. Bouanich fit-total tat-taxxi diretti meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu ta’ dispożittiv ta’ limitu massimu tat-taxxa skont id-dħul.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt Franċiż
3 Fil-verżjoni tiegħu riżultanti mill-Artikolu 74 tal-Liġi Nru 2005-1719, tat-30 ta’ Diċembru 2005 (JORF Nru 304 tal-31 ta’ Diċembru 2005, p. 20597), applikabbli għat-taxxi mħallsa matul l-2006 abbażi tad-dħul tal-2005, l-Artikolu 1 tal-Kodiċi Ġenerali tat-Taxxi (iktar ’il quddiem il-“KĠT”) kien jipprovdi li t-taxxi diretti mħallsa minn persuna taxxabbli ma setgħux jeċċedu 60 % mid-dħul tagħha.
4 L-Artikolu 11 tal-Liġi Nru 2007-1223, tal-21 ta’ Awwissu 2007, favur ix-xogħol, l-impjiegi u l-poter tal-akkwist (JORF tat-22 ta’ Awwissu 2007, p. 13945), applikabbli għat-taxxi mħallsa matul l-2007 u l-2008 abbażi, rispettivament, tad-dħul tal-2006 u tal-2007, emenda l-Artikolu 1 tal-KĠT fis-sens li t-taxxi diretti mħallsa minn persuna taxxabbli issa ma jistgħux ikunu superjuri għal 50 % mid-dħul tagħha.
5 Il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan il-limitu massimu tat-taxxi diretti huma ddefiniti fl-Artikolu 1649-0 A tal-KĠT u jinkludu, b’mod partikolari, dritt għall-ħlas lura tat-taxxa rċevuta lil hinn mil-limitu ffissat fl-Artikolu 1 tal-KĠT (iktar ’il quddiem it-“tarka fiskali”).
6 Kif emendat bil-Liġi Nru 2005-1719, l-Artikolu 1649-0 A(1) sa (5) tal-KĠT, applikabbli għad-dritt għall-ħlas lura mogħti għall-2007 skont id-dħul tal-2005, kien jipprovdi:
“1. Id-dritt għall-ħlas lura tal-frazzjoni tat-taxxi li teċċedi l-livell imsemmi fl-Artikolu 1 jinkiseb mill-persuna taxxabbli fl-1 ta’ Jannar ta’ wara s-sena tal-ħlas tat-taxxi li jkun suġġett għalihom.
[…]
2. Suġġett għall-kundizzjoni li ma jkunux deduċibbli minn dħul ta’ kategorija tat-taxxa fuq id-dħul u li dawn ikunu tħallsu fi Franza u, fir-rigward tat-taxxi msemmija f’(a) u (b), li dawn ikunu ġew regolarment iddikjarati, it-taxxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għall-ħlas lura huma:
a) It-taxxa fuq id-dħul;
b) It-taxxa fuq il-kapital;
c) It-taxxa fuq il-proprjetà fir-rigward tal-proprjetajiet mibnija u t-taxxa fuq il-proprjetà fir-rigward tal-proprjetà mhux mibnija relatata mal-abitazzjoni prinċipali tal-persuna taxxabbli […];
d) It-taxxa tal-abitazzjoni rċevuta favur kollettivitajiet territorjali […].
3. It-taxxi msemmija fil-punt 2 jitnaqqsu bil-ħlasijiet lura tat-taxxa fuq id-dħul irċevuti jew bit-tnaqqis miksub matul is-sena tal-ħlas ta’ dawn it-taxxi.
[…]
4. Id-dħul li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għall-ħlas lura għandu jkun dak miksub mill-persuna taxxabbli għas-sena li tippreċedi dik tal-ħlas tat-taxxi, bl-eċċezzjoni tad-dħul in-natura mhux suġġett għat-taxxa fuq id-dħul b’applikazzjoni tal-punt II tal-Artikolu 15. Dan huwa kkostitwit:
a) Mid-dħul suġġett għat-taxxa fuq id-dħul nett tal-ispejjeż professjonali […];
b) Mill-qliegħ suġġett għal tnaqqis liberatorju;
c) Mid-dħul eżenti mit-taxxa fuq id-dħul imwettaq matul l-istess sena fi Franza jew barra minn Franza […]
5. Id-dħul imsemmi fil-punt 4 jitnaqqas:
a) Bid-defiċit tal-kategorija li l-imputazzjoni tiegħu huwa awtorizzat mill-punt I tal-Artikolu 156;
b) Bl-ammont tal-pensjonijiet alimentari mnaqqsa b’applikazzjoni tal-inċiż 2 tal-punt II tal-Artikolu 156;
c) Bil-kontribuzzjonijiet jew primjums imnaqqsa b’applikazzjoni tal-Artikolu 163w.”
7 Fil-verżjoni tiegħu skont il-Liġi Nru 2008-776, tal-4 ta’ Awwissu 2008, dwar il-modernizzazzjoni tal-ekonomija (JORF tal-5 ta’ Awwissu 2008, p. 12471), applikabbli għad-dritt għall-ħlas lura mogħti fl-2008 u fl-2009 abbażi, rispettivament, tad-dħul tal-2006 u tal-2007, l-Artikolu 1649-0 A(1) sa (5) tal-KĠT kien jipprovdi:
“1. Id-dritt għall-ħlas lura tal-frazzjoni tat-taxxi li teċċedi l-livell imsemmi fl-Artikolu 1 jinkiseb mill-persuna taxxabbli fl-1 ta’ Jannar tat-tieni sena suċċessiva għal dik tal-akkwist tad-dħul imsemmi fil-punt 4.
[…]
2. Suġġett għall-kundizzjoni li jkunu tħallsu fi Franza u, minn naħa, għat-taxxi li ma ssemmewx fil-punti (e) u (f), li ma jkunux deduċibbli minn dħul ta’ kategorija tat-taxxa fuq id-dħul u, min-naħa l-oħra, għat-taxxi li ssemmew fil-punti (a), (b) u (e), li jkunu ġew iddikjarati regolarment, it-taxxi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għall-ħlas lura huma:
a) it-taxxa fuq id-dħul dovuta abbażi tad-dħul imsemmi fil-punt 4;
b) it-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-kapital stabbilita għas-sena li ssegwi dik tat-twettiq tad-dħul imsemmi fil-punt 4;
c) it-taxxa fuq il-proprjetà […];
d) it-taxxa tal-abitazzjoni […];
e) Il-kontribuzzjonijiet u t-tnaqqis, previsti fl-Artikoli […] tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali […];
f) Il-kontribuzzjonijiet u t-tnaqqis, previsti fl-Artikoli […] tal-Kodiċi tas-Sigurtà Soċjali […].
3. It-taxxi msemmija fil-punt 2 jitnaqqsu bil-ħlasijiet lura tat-taxxa fuq id-dħul irċevuti jew bir-rifużjonijiet miksuba matul is-sena segwenti għal dik tat-twettiq tad-dħul imsemmi fil-punt 4.
[…]
4. Id-dħul li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tad-dritt għall-ħlas lura jirreferi għal dak imwettaq mill-persuna taxxabbli, bl-eċċezzjoni tad-dħul in natura mhux suġġett għat-taxxa fuq id-dħul b’applikazzjoni tal-punt II tal-Artikolu 15. Dan huwa kkostitwit:
a) Mid-dħul nett suġġett għat-taxxa fuq id-dħul […];
b) Mill-qliegħ suġġett għal tnaqqis liberatorju;
c) Mid-dħul eżentat mit-taxxa fuq id-dħul imwettaq matul l-istess sena fi Franza jew barra Franza […].
5. Id-dħul imsemmi fil-punt 4 jitnaqqas:
[…]
d) bit-taxxi ekwivalenti għal dawk imsemmija fil-punti (a), (e) u (f) tal-paragrafu 2 meta dawn ikunu tħallsu f’pajjiż barrani.”
Il-Ftehim Franco-Svediż għall-ħelsien mit-taxxa doppja
8 L-Artikolu 10(1) u (2) tal-Ftehim bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja dwar ħelsien minn taxxa doppja u l-prevenzjoni tal-evażjoni fiskali fil-qasam tat-taxxi fuq id-dħul u fuq il-ġid, iffirmat fi Stokkolma fis-27 ta’ Novembru 1990 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim Franco-Svediż”), jistabbilixxi:
“1. Id-dividendi mħallsa minn kumpannija li tkun stabbilita fi Stat kontraenti lil resident tal-Istat Kontraenti l-ieħor huma taxxabbli f’dak l-Istat l-ieħor.
2. Dawn id-dividendi jistgħu jiġu intaxxati wkoll fl-Istat Kontraenti fejn il-kumpannija li tħallas id-dividendi hija stabbilita u skont il-leġiżlazzjoni ta’ dan l-Istat, iżda jekk il-persuna li tirċievi d-dividendi tkun il-benefiċjarju effettiv tad-dividendi, it-taxxa hekk imposta ma tistax teċċedi l-15[ %] tal-ammont gross tad-dividendi. […]”
9 L-Artikolu 23 ta’ dan il-ftehim jipprovdi:
“It-taxxa doppja għandha tiġi evitata kif ġej:
1. F’dak li jikkonċerna lil Franza:
a) Id-dħul provenjenti mill-Isvezja u li huwa taxxabbli jew li huwa taxxabbli biss f’dan l-Istat, b’mod konformi mal-Ftehim, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa Franċiża meta l-benefiċjarju tiegħu jkun residenti fi Franza u meta dan ma jkunx eżenti mit-taxxa fuq il-kumpanniji b’applikazzjoni tal-liġi Franċiża. F’dan il-każ, it-taxxa Svediża ma hijiex deduċibbli minn dan id-dħul, iżda l-benefiċjarju għandu dritt għal kreditu ta’ taxxa imputabbli fuq it-taxxa Franċiża. Dan il-kreditu ta’ taxxa għandu jkun ekwiparabbli:
[…]
ii) fir-rigward tad-dħul imsemmi fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 10 […], għall-ammont tat-taxxa mħallsa fl-Isvezja b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dawn l-Artikoli; madankollu dan il-kreditu ma jistax jeċċedi l-ammont tat-taxxa Franċiża li tikkorrispondi għal dan id-dħul.
[…]”
10 Id-dispożizzjoni tat-tarka fiskali tneħħiet mill-1 ta’ Jannar 2013, b’applikazzjoni tal-Artikolu 30 tal-Liġi Nru 2011-900, tad-29 ta’ Lulju 2011, dwar il-finanzi rettifikattivi tal-2011 (JORF tat-30 ta’ Lulju 2011, p. 12969).
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
11 Fil-mument meta seħħew il-fatti relattivi għall-kawża prinċipali, M. Bouanich, residenti fiskali fi Franza, kienet azzjonista ta’ Ratos AB, kumpannija kkwotata fil-borża u stabbilita fl-Isvezja.
12 M. Bouanich iddikjarat, abbażi tal-2005, l-2006 u l-2007, li rċeviet dħul minn kapital mobbli f’ammonti grossi rispettivament ta’ EUR 812 148, ta’ EUR 3 303 998 u ta’ EUR 677 082. Skont id-deċiżjoni tar-rinviju, dan id-dħul kien provenjenti b’mod prinċipali mid-dividendi mħallsa minn Ratos AB.
13 B’applikazzjoni tal-Artikolu 10 tal-Ftehim Franco-Svediż, dawn id-dividendi ġew suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn fl-Isvezja, fl-ammont ta’ EUR 121 426 għall-2005, ta’ EUR 692 296 għall-2006 u ta’ EUR 119 130 għall-2007.
14 B’mod konformi mal-Artikolu 23(1) tal-Ftehim Franco-Svediż, fil-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul li hija suġġetta għaliha M. Bouanich fi Franza, l-amministrazzjoni fiskali Franċiża inkludiet id-dividendi provenjenti mill-Isvezja fil-bażi taxxabbli għall-2005, l-2006 u l-2007.
15 Wara li kkalkolat l-ammont gross tat-taxxa fuq id-dħul bl-applikazzjoni ta’ skala progressiva għall-bażi taxxabbli, l-amministrazzjoni fiskali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 23(1)(a)(ii) tal-Ftehim Franco-Svediż, imputat, fuq dan l-ammont gross, kreditu ta’ taxxa ugwali għat-taxxa f’ras il-għajn li M. Bouanich kienet suġġetta għaliha fl-Isvezja.
16 Wara din l-imputazzjoni u diversi tnaqqis ieħor tat-taxxa, M. Bouanich kienet għada suġġetta għal ammont nett ta’ taxxa fuq id-dħul ta’ EUR 19 730 għall-2005 u ta’ EUR 48 130 għall-2006, filwaqt li ebda ammont ma kien dovut għall-2007.
17 Sussegwentement, M. Bouanich talbet sabiex tibbenefika mid-dritt għall-ħlas lura li jirriżulta mill-applikazzjoni tat-tarka fiskali.
18 Fit-talbiet għall-ħlas lura tat-taxxi tagħha, M. Bouanich kienet inkludiet, fost it-taxxi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għall-applikazzjoni tat-tarka fiskali, l-ammont tal-krediti ta’ taxxa li jikkorrispondi għat-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fuq id-dividendi tagħha provenjenti mill-Isvezja. Madankollu, dan il-metodu ta’ kalkolu ġie miċħud mill-amministrazzjoni fiskali, minħabba li din ma kinitx taxxa li tħallset fi Franza.
19 Permezz ta’ tliet talbiet suċċessivi fir-rigward tal-kalkolu tad-dritt għall-ħlas lura mogħti fl-2007, fl-2008 u fl-2009 b’applikazzjoni tat-tarka fiskali abbażi, rispettivament, tal-2005, tal-2006 u tal-2007, M. Bouanich ressqet proċedura quddiem it-Tribunal administratif de Grenoble sabiex tikseb l-inklużjoni, fit-total tat-taxxi kkunsidrati għall-kalkolu tal-limitu massimu tat-taxxa, tal-ammont li jikkorrispondi għat-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fuq id-dividendi tagħha provenjenti mill-Isvezja, jiġifieri, rispettivament, EUR 121 426, EUR 265 069 u EUR 59 565.
20 Skont M. Bouanich, l-Artikoli 1 u 1649-0 A tal-KĠT, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għad-dritt għall-ħlas lura mogħti għall-2007 minħabba d-dħul għall-2005, wasslu biex l-amministrazzjoni fiskali tneħħi mill-kalkolu tal-limitu massimu t-totalità tat-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fuq dan id-dħul fl-Isvezja. L-istess dispożizzjonijiet, kif emendati bil-Liġi Nru 2008-776 u applikabbli għad-dritt għall-ħlas lura mogħti għall-2008 u għall-2009, billi ppermettew li titnaqqas it-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dħul ikkunsidrat għad-dritt għall-ħlas lura, minflok ma jiżdied mat-total tat-taxxi li jintervjenu fil-kalkolu, kellhom l-effett li jillimitaw il-vantaġġ fiskali riżultanti minnu b’nofs dak li kien ikun kieku d-dividendi tħallsu minn kumpannija stabbilita fi Franza.
21 Quddiem il-qorti tar-rinviju, M. Bouanich tosserva li l-leġiżlazzjoni Franċiża tikkostitwixxi ostaklu għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà ta’ moviment tal-kapital iggarantiti mit-Trattat FUE.
22 F’dawn iċ-ċirkustanzi, wara li għaqqad it-tliet rikorsi ta’ M. Bouanich, it-Tribunal administratif de Grenoble iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:
“1) L-Artikoli [49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE] jipprekludu leġiżlazzjoni, bħal dik [li tirriżulta mill-Artikoli 1 u 1649-0 A tal-kodiċi ġenerali tat-taxxa], li abbażi tagħha, meta persuna residenti fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea tkun azzjonista f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni tirċievi dividendi intaxxati fiż-żewġ Stati u meta t-taxxa doppja tiġi kkumpensata bl-għoti, fl-Istat ta’ residenza, ta’ kreditu ta’ taxxa ekwivalenti għat-taxxa imħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, il-mekkaniżmu ta’ limitazzjoni tat-taxxi sal-ammont massimu ta’ 60 % jew 50 % tad-dħul riċevut matul sena partikolari ma jiħux kont, jew jieħu biss kont parzjali tat-taxxa mħallsa fl-Istat l-ieħor?
2) F’każ ta’ risposta pożittiva, tali restrizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata min-neċessità li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali, jew mit-tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ impożizzjoni bejn l-Istati Membri, jew minn kull raġuni imperattiva oħra ta’ interess ġenerali?”
Fuq id-domandi preliminari
23 Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li abbażi tagħha, meta persuna residenti ta’ dan l-Istat Membru, azzjonista ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tirċievi dividendi intaxxati fiż-żewġ Stati u meta t-tassazzjoni doppja tkun irregolata bl-imputazzjoni fl-Istat ta’ residenza ta’ kreditu ta’ taxxa f’ammont korrispondenti għal dak tat-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, dispożittiv ta’ limitu massimu ta’ diversi taxxi diretti sa ċertu perċentwali tad-dħul irċevut matul sena ma jiħux inkunsiderazzjoni, jew jieħu inkunsiderazzjoni biss parzjalment, it-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi.
Fuq il-libertà inkwistjoni
24 Peress li d-domandi preliminari saru kemm fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE, għandu jiġi ddeterminat jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kuntest tal-libertà ta’ stabbiliment, tal-moviment liberu tal-kapital, jew ta’ dawn iż-żewġ libertajiet.
25 M. Bouanich, il-Gvernijiet ta’ Franza u tar-Renju Unit kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li l-libertà inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija l-moviment liberu tal-kapital, stabbilit fl-Artikolu 63 TFUE. Għall-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, peress li l-leġiżlazzjoni nazzjonali kkontestata tapplika jkun xi jkun id-daqs tas-sehem fil-kapital li jagħti lok għad-dividendi, u mingħajr ma tiġi kkunsidrata l-kwistjoni jekk dan is-sehem huwiex tali li jikkonferixxi influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija u li jippermetti lill-azzjonisti li jiddeterminaw l-attivitajiet tagħha, il-miżuri kkontestati jidħlu kemm fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 63 TFUE. Għalhekk, l-applikazzjoni tagħhom għandha tiġi eżaminata b’mod parallel.
26 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li t-trattament fiskali ta’ dividendi jista’ jidħol fil-kuntest tal-Artikolu 49 TFUE, relattiv għal-libertà ta’ stabbiliment, u tal-Artikolu 63 TFUE, relattiv għall-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenzi tal-10 ta’ Frar 2011, Haribo Lakritzen Hans Riegel u Österreichische Salinen, C-436/08 u C-437/08, Ġabra p. I-305, punt 33; tat-13 ta’ Novembru 2012, Test Claimants in the FII Group Litigation, C-35/11, punt 89, kif ukoll tat-28 ta’ Frar 2013, Beker, C-168/11, punt 23).
27 Fir-rigward tal-kwistjoni jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ libertà ta’ moviment waħda jew oħra, minn ġurisprudenza ferm stabbilita jirriżulta li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni s-suġġett tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Beker, punt 24).
28 F’dan ir-rigward, diġà ġie deċiż li leġiżlazzjoni nazzjonali li tapplika biss fir-rigward tal-ishma li jippermettu li tiġi eżerċitata influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet ta’ kumpannija u li jiġu ddeterminati l-attivitajiet tagħha tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE, dwar il-libertà ta’ stabbiliment (ara s-sentenzi tal-25 ta’ Ottubru 2012, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-387/11, punt 34; Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 91 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Beker, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25). Min-naħa l-oħra, dispożizzjonijiet nazzjonali li japplikaw għal ishma adottati biss bl-intenzjoni li jsir investiment finanzjarju, mingħajr l-intenzjoni li jkun hemm impatt fuq it-tmexxija u l-kontroll tal-impriża, għandhom jiġu eżaminati b’mod esklużiv fir-rigward tal-moviment liberu tal-kapital (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, punt 34; Test Claimants in the FII Group Litigation, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll Beker, punt 26).
29 F’dan il-każ, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tapplika jkun xi jkun l-ammont tas-sehem miżmum f’kumpannija. Hekk kif irrileva l-Gvern Franċiż, l-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni ma tiddependix mid-daqs tas-sehem f’kumpannija mhux residenti u ma hijiex limitata għas-sitwazzjonijiet li fihom id-detentur tal-ishma jista’ jeżerċita influwenza ċerta fuq id-deċiżjonijiet tal-kumpannija kkonċernata u li jiddetermina l-attivitajiet tagħha.
30 Konsegwentement, peress li din il-leġiżlazzjoni tirrigwarda dividendi li joriġinaw minn Stat Membru, l-għan tal-imsemmija leġiżlazzjoni ma jippermettix li jiġi ddeterminat jekk din tidħolx b’mod ċar fil-kuntest tal-Artikolu 49 TFUE jew tal-Artikolu 63 TFUE. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt tal-każ inkwistjoni sabiex tiddetermina jekk is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tidħolx fil-kuntest ta’ waħda jew l-oħra mid-dispożizzjonijiet imsemmija (sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Test Claimants in the FII Group Litigation, punti 93 u 94 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata, u Beker, punti 27 u 28).
31 Issa, la d-deċiżjoni tar-rinviju u lanqas il-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jagħtu indikazzjoni f’dan ir-rigward. Konsegwentement, għandu jitqies li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tidħol kemm fil-kuntest tal-moviment liberu tal-kapital kif ukoll tal-libertà ta’ stabbiliment u għalhekk, għandha tiġi eżaminata kemm fid-dawl tal-Artikoli 63 TFUE u 65 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 49 TFUE.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital
32 Skont M. Bouanich, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni, it-tarka fiskali tippenalizza d-dħul mid-dividendi mqassma minn kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża (dividendi msejħa “deħlin”) meta mqabbel mad-dħul mid-dividendi maħruġa minn kumpanniji stabbiliti fi Franza.
33 Fil-fatt, peress li t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa barra minn Franza ma hijiex, jew hija biss parzjalment, meħuda inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul li jista’ jiġi rimborsat lill-persuna taxxabbli li tibbenefika mit-tarka fiskali, l-ammont korrispondenti għat-taxxa f’ras il-għajn barranija tibqa’ b’mod definittiv dovuta minn din tal-aħħar, liema ħaġa ttaqqal b’mod sistematiku l-pressjoni fiskali fuq id-dividendi deħlin meta mqabbel ma’ dik fuq id-dividendi provenjenti minn Franza.
34 Dan it-trattament fiskali żvantaġġjuż għad-dividendi deħlin jagħmel, għall-persuni fiżiċi residenti fi Franza, l-investimenti f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża inqas attraenti minn dak operat f’kumpanniji Franċiżi.
35 Il-Gvernijiet ta’ Franza u tar-Renju Unit isostnu, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlazzjoni Franċiża dwar it-tarka fiskali ma ħolqotx restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital għaliex ir-Repubblika Franċiża ma eżerċitatx il-kompetenza fiskali tagħha b’mod diskriminatorju.
36 Skont dawn il-Gvernijiet, ir-rifjut tar-Repubblika Franċiża li tinkludi t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja fit-total tat-taxxi diretti mħallsa mill-persuna taxxabbli huwa biss inkonvenjent provenjenti mill-eżerċizzju parallel ta’ kompetenzi fiskali mir-Renju tal-Isvezja u mir-Repubblika Franċiża. Il-moviment liberu tal-kapital ma jimponix fuq Stat Membru li jipprevjeni taxxa doppja legali tad-dividendi li tirriżulta minn ftehim bilaterali, meta ż-żewġ Stati kontraenti għall-ftehim ikollhom id-dritt li jintaxxaw id-dħul inkwistjoni. B’riferenza għas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2006, Kerckhaert u Morres (C-513/04, Ġabra p. I-10967), il-Gvern tar-Renju Unit isostni li differenza fit-trattament dovuta għall-applikazzjoni kombinata tal-eżerċizzju leġittimu minn żewġ Stati Membri tal-kompetenza fiskali tagħhom, sakemm tali eżerċizzju ma jkunx diskriminatorju, ma tikkostitwixxix restrizzjoni għal-libertajiet fundamentali.
37 F’dan ir-rigward, għandu qabel kollox jiġi enfasizzat li l-kwistjoni fil-kawża prinċipali ma tirrigwardax il-ħelsien mit-taxxa doppja, iżda tirrigwarda t-trattament fiskali nazzjonali, fi Franza, ta’ dividendi mqassma minn kumpannija stabbilita fl-Isvezja, għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ limitu massimu ta’ diversi taxxi diretti.
38 Fil-fatt, din il-kawża twassal għal differenza fit-trattament fir-rigward tal-applikazzjoni tat-tarka fiskali, bejn, minn naħa, persuna taxxabbli residenti ta’ Stat Membru tal-Unjoni li tirċievi dividendi mingħand kumpannija stabbilita f’dan l-istess Stat u, min-naħa l-oħra, lil persuna taxxabbli residenti tal-istess Stat Membru, azzjonist f’kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tirċievi dividendi ntaxxati fiż-żewġ Stati, fejn it-tassazzjoni doppja hija rregolata bl-imputazzjoni fl-Istat ta’ residenza ta’ kreditu ta’ taxxa tal-istess ammont bħat-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi.
39 Konsegwentement, il-kwistjoni fil-kawża prinċipali hija distinta minn dik li wasslet għas-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din l-aħħar sentenza ma tagħmel ebda distinzjoni bejn id-dividendi minn ishma ta’ kumpanniji stabbiliti fit-territorju tal-Istat ikkonċernat u d-dividendi minn ishma ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor, li kienu s-suġġett ta’ taxxa mħallsa f’ras il-għajn f’dan l-Istat Membru l-ieħor, peress li din il-leġiżlazzjoni tissuġġetta lil dawn id-dividendi, fil-kuntest tat-taxxa fuq id-dħul, għall-istess rata uniformi ta’ tassazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17). F’tali ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-konsegwenzi sfavorevoli li jistgħu jwasslu għall-applikazzjoni ta’ sistema ta’ tassazzjoni tal-qligħ bħal dik inkwistjoni fil-kawża li wasslet għal din is-sentenza jirriżultaw mill-eżerċizzju parallel minn żewġ Stati Membri tal-kompetenza fiskali tagħhom (sentenza Kerckhaert u Morres, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
40 Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, għandha ssir distinzjoni bejn l-għoti ta’ kreditu ta’ taxxa li jirriżulta mill-Ftehim Franco-Svediż, minn naħa, u l-applikazzjoni tat-tarka fiskali, inkwistjoni fil-kawża prinċipali, min-naħa l-oħra, għaliex dawn jikkostitwixxu żewġ vantaġġi fiskali distinti.
41 Fil-fatt, l-għoti, fi Franza, ta’ kreditu ta’ taxxa għat-tnaqqis f’ras il-għajn magħmul fl-Isvezja jirriżulta mill-Ftehim Franco-Svediż u jsir fil-kuntest tat-tassazzjoni parallela, mir-Renju tal-Isvezja u mir-Repubblika Franċiża, tad-dħul mobbli provenjenti mill-Isvezja. Ir-Repubblika Franċiża rriżervat id-dritt li tintaxxa d-dħul provenjenti mill-Isvezja u tagħti kreditu ta’ taxxa biex tillimita, jew tevita, it-taxxa doppja.
42 Min-naħa l-oħra, dispożittiv bħat-tarka fiskali ma huwiex relatat mal-eżerċizzju parallel ta’ kompetenzi fiskali u jikkonċerna biss il-kompetenza fiskali tar-Repubblika Franċiża. Dan id-dispożittiv fiskali għandu l-għan u l-effett li jnaqqas il-livell ta’ tassazzjoni fuq id-dħul li dan l-Istat Membru jeżerċita s-setgħa ta’ impożizzjoni tiegħu fuqu.
43 Skont ġurisprudenza stabbilita, il-miżuri pprojbiti mill-Artikolu 63(1) TFUE, bħala restrizzjonijiet għall-movimenti tal-kapital, jinkludu dawk li huma ta’ natura li jiddisswadu lill-persuni mhux residenti milli jinvestu fi Stat Membru jew li jiddisswadu lir-residenti fl-imsemmi Stat Membru milli jinvestu fi Stati oħra (sentenza tal-10 ta’ Mejju 2012, Santander Asset Management SGIIC et, C-338/11 sa C-347/11, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).
44 Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk il-leġiżlazzjoni fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba d-differenza fit-trattament li din tistabbilixxi bejn il-persuni taxxabbli li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita fi Franza u l-persuni taxxabbli li jirċievu dividendi minn kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, hijiex diskriminatorja u ta’ natura li tiddiswadi lill-persuni milli jeżerċitaw id-dritt għall-moviment liberu tal-kapital tagħhom.
45 Skont ġurisprudenza stabbilita, diskriminazzjoni fil-qasam fiskali tista’ biss tinbet mill-applikazzjoni ta’ regoli differenti għal sitwazzjonijiet paragunabbli jew inkella mill-applikazzjoni tal-istess regola għal sitwazzjonijiet differenti (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C-279/93, Ġabra p. I-225, punt 30; tat-22 ta’ Marzu 2007, Talotta, C-383/05, Ġabra p. I-2555, punt 18, kif ukoll tat-18 ta’ Lulju 2007, Lakebrink u Peters-Lakebrink, C-182/06, Ġabra p. I-6705, punt 27). Għaldaqstant, differenza fit-trattament bejn żewġ kategoriji ta’ persuni taxxabbli tista’ tiġi kkwalifikata bħala diskriminazzjoni fis-sens tat-trattat meta s-sitwazzjonijiet ta’ dawn il-kategoriji ta’ persuni taxxabbli jkunu paragunabbli fir-rigward tar-regoli fiskali inkwistjoni (sentenza tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs L-Ungerija, C-253/09, Ġabra p. I-12391, punt 51).
46 Għalhekk, għandu jiġi eżaminat jekk id-differenza fit-trattament bejn azzjonist taxxabbli fi Franza li jirċievi dividendi ta’ kumpannija stabbilita f’dan l-Istat Membru u azzjonist taxxabbli bl-istess mod fi Franza, iżda li jirċievi dividendi ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, f’dan il-każ l-Isvezja, tikkonċernax sitwazzjonijiet li huma oġġettivament paragunabbli.
47 Hekk kif irrilevaw l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA u l-Kummissjoni, il-fatt li r-Repubblika Franċiża, minn naħa, tintaxxa d-dividendi deħlin irċevuti minn M. Bouanich abbażi tal-Artikoli 10(1) u 23 tal-Ftehim Franco-Svediż u tinkludi lil dawn id-dividendi fil-bażi taxxabbli ta’ M. Bouanich fi Franza għall-finijiet tal-kalkolu tat-taxxa fuq id-dħul tagħha u, min-naħa l-oħra, li tieħu inkunsiderazzjoni lil dawn id-dividendi għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-limitu massimu ta’ tassazzjoni tal-Artikoli 1 u 1649-0 A tal-KĠT, jpoġġi lill-persuna taxxabbli fl-istess sitwazzjoni bħal persuna taxxabbli li tirċievi dividendi ta’ kumpannija stabbilita fi Franza.
48 Konsegwentement, il-persuni li jirċievu dividendi ta’ kumpannija stabbilita fi Franza u dawk li jirċievu dividendi ta’ kumpannija stabbilita fl-Isvezja jinsabu f’sitwazzjonijiet oġġettivament paragunabbli fir-rigward tal-obbligi fiskali tagħhom.
49 F’dak li jikkonċerna d-dividendi li azzjonist residenti fi Franza jirċievi mingħand kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor bħar-Renju tal-Isvezja, li kienu suġġetti għat-taxxa f’ras il-għajn f’dan l-Istat l-ieħor u huma inklużi fil-bażi taxxabbli fi Franza, id-differenza fit-trattament fl-applikazzjoni tat-tarka fiskali timponi li l-kalkolu tad-dritt għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxi diretti li jaqbżu l-limitu massimu ta’ tassazzjoni ma jiħux inkunsiderazzjoni t-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja. Dan in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni huwa totali fil-kuntest tat-tarka fiskali fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-2007 fir-rigward tad-dħul tal-2005, u biss parzjali fil-kuntest ta’ dan id-dispożittiv kif emendat bil-Liġi Nru 2008-776, li ġiet applikata għall-2008 u għall-2009, fir-rigward tad-dħul tal-2006 u tal-2007.
50 Hekk kif jirriżulta mill-fajl ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt għall-ħlas lura tal-ammont tat-taxxi li jeċċedi l-limitu ddefinit fl-Artikolu 1 tal-KĠT huwa ddeterminat skont ir-relazzjoni rrappreżentata mill-frazzjoni komposta, man-numeratur, tal-ammont tat-taxxi diretti dovuti mill-persuna taxxabbli u, mad-denominatur, tas-somma tad-dħul irċevut minn din l-istess persuna taxxabbli matul is-sena li tippreċedi lil dik tal-ħlas tat-taxxi msemmija.
51 Fil-kawża prinċipali, f’dak li jikkonċerna t-tarka fiskali applikabbli għall-2007, it-taxxa mħallsa minn M. Bouanich fl-Isvezja bl-ebda mod ma’ ttieħdet inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu massimu tat-taxxi diretti sa 60 % tad-dħul irċevut minnha matul l-2005. Minn naħa, l-ammont tat-taxxi diretti meħud inkunsiderazzjoni ma jinkludix lil dak tal-kreditu ta’ taxxa korrispondenti għat-taxxa f’ras il-għajn imposta mir-Renju tal-Isvezja. Min-naħa l-oħra, it-taxxi meħuda inkunsiderazzjoni kienu jinkludu l-ammont gross tad-dividendi rċevuti minn M. Bouanich, u b’hekk kienu jinkludu l-ammont ta’ din it-taxxa f’ras il-għajn.
52 Dan il-moviment doppju wassal biex jitnaqqas in-numeratur u biex jiżdied id-denominatur tar-relazzjoni li għandha tiġi stabbilita bejn it-taxxi diretti u d-dħul fid-dawl tal-applikazzjoni tat-tarka fiskali, u b’hekk biex jitnaqqas, jew jiġi annullat, l-ammont tat-taxxi diretti li jeċċedu l-limitu massimu ta’ 60 % għall-persuni taxxabbli residenti fi Franza li, bħal M. Bouanich, jirċievu dividendi provenjenti minn pajjiż barrani.
53 Hekk kif esponiet il-Kummissjoni, id-dispożittiv ta’ limitu massimu tat-taxxi kif stabbilit mill-Liġi Nru 2008-776, applikabbli mill-2008 għad-dħul irċevut matul l-2006, neħħa r-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital peress li dan kien jirrigwarda d-dħul meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-limitu massimu. Fil-fatt, sussegwentement, kienu biss id-dividendi netti li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-ammont tad-dħul taxxabbli li jidhru fid-denominatur tad-diviżjoni magħmula fid-dawl tal-kalkolu tat-tarka fiskali, tkun xi tkun l-oriġini tad-dividendi. Min-naħa l-oħra, it-taxxa f’ras il-għajn imposta fl-Isvezja mhux dejjem kienet meħuda inkunsiderazzjoni fis-somma tat-taxxi li jidhru fin-numeratur ta’ din id-diviżjoni u li tagħti d-dritt għall-ħlas lura tat-taxxa b’applikazzjoni tal-Artikoli 1 u 1649-0 A tal-KĠT.
54 Il-fatt li t-taxxa mħallsa fl-Isvezja tiġi eskluża mit-taxxi kkunsidrati għall-applikazzjoni tat-tarka fiskali tikkostitwixxi trattament fiskali żvantaġġjuż għall-persuni taxxabbli bħal M. Bouanich, li huma residenti fi Franza u jirċievu dividendi mingħand kumpanniji stabbiliti fl-Isvezja.
55 F’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, tali trattament fiskali żvantaġġjuż jista’ jiddiswadi lill-persuni fiżiċi suġġetti għat-taxxa fuq id-dħul b’mod prinċipali fi Franza milli jinvestu l-kapital tagħhom f’kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru ieħor. Peress li l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tat-tarka fiskali fir-rigward tal-persuni taxxabbli Franċiżi li investew il-kapital tagħhom fi Stat Membru ieħor huma iktar restrittivi minn dawk applikabbli f’sitwazzjoni nazzjonali, dan l-istess fatt jista’ wkoll joħloq effett restrittiv fir-rigward tal-kumpanniji stabbiliti fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Franċiża, peress li dawn jikkostitwixxu ostaklu kontrihom għall-ġbir tal-kapital fi Franza.
56 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba d-differenza fit-trattament li din tistabbilixxi bejn il-persuni taxxabbli residenti skont jekk jirċevux dividendi ta’ kumpannija stabbilita fit-territorju nazzjonali jew ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, tikkostitwixxi restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital ipprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 63 TFUE.
Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment
57 L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment. Għalhekk, minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-libertà ta’ stabbiliment għandhom l-għan li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, bl-istess mod huma jipprojbixxu lill-Istat Membru ta’ oriġini milli jostakola l-istabbiliment, fi Stat Membru ieħor, ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija mwaqqfa skont il-liġi tiegħu (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 2005, Marks & Spencer, C-446/03, Ġabra p. I-10837, punt 31, u tad-29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C-371/10, Ġabra p. I-12273, punt 35).
58 Hija wkoll ġurisprudenza stabbilita li l-miżuri kollha li jipprojbixxu, jimpedixxu jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà għandhom jitqiesu bħala tali restrizzjonijiet (ara s-sentenza tas-6 ta’ Settembru 2012, DI. VI. Finanziaria di Diego della Valle & C., C-380/11, punt 33).
59 Differenza fit-trattament fiskali tad-dividendi rċevuti mill-persuni taxxabbli residenti ta’ Stat Membru skont il-post fejn hija stabbilita l-kumpannija distributriċi, bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali u hija esposta fil-punti 49, kif ukoll 51 u 52 ta’ din is-sentenza, tista’ tikkostitwixxi restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment, fil-prinċipju pprojbita mill-Artikolu 49 TFUE, peress li din trendi inqas attraenti l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ ċittadin tal-ewwel Stat Membru.
60 Isegwi li leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali wkoll tikkostitwixxi restrizzjoni pprojbita, fil-prinċipju, mill-Artikolu 49 TFUE.
Fuq l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni
61 Skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE, l-Artikolu 63 TFUE ma għandux ikun ta’ ħsara għad-dritt tal-Istati Membri li japplikaw id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi fiskali tagħhom li jagħmlu distinzjoni bejn persuni taxxabbli li ma jinsabux fl-istess sitwazzjoni f’dak li jikkonċerna l-post fejn il-kapital tagħhom ikun investit.
62 Madankollu, għandu jiġi rrilevat li d-deroga stabbilita fl-Artikolu 65(1)(a) TFUE, li għandha tingħata interpretazzjoni stretta, hija nnifisha limitata bl-Artikolu 65(3) TFUE, li jipprovdi li d-dispożizzjonijiet nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu “m’għandhomx jikkostitwixxu mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja jew restrizzjoni moħbija fuq il-moviment liberu ta’ kapital u ħlasijiet kif definit fl-Artikolu 63 [TFUE]” (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Settembru 2004, Manninen, C-319/02, Ġabra p. I-7477, punt 28, u tal-20 ta’ Mejju 2008, Orange European Smallcap Fund, C-194/06, Ġabra p. I-3747, punt 58).
63 Għaldaqstant, għandha ssir distinzjoni bejn it-trattament mhux ugwali permess skont l-Artikolu 65(1)(a) TFUE u d-diskriminazzjonijiet ipprojbiti mill-paragrafu 3 tal-istess artikolu. Issa, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex leġiżlazzjoni fiskali nazzjonali li tagħmel distinzjoni bejn il-persuni taxxabbli skont il-post fejn il-kapital tagħhom huwa investit tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu tal-kapital, huwa meħtieġ li d-differenza fit-trattament tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew li tkun ġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-6 ta’ Ġunju 2000, Verkooijen, C-35/98, Ġabra p. I-4071, punt 43; Manninen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, u Orange European Smallcap Fund, iċċitata iktar ’il fuq, punt 59).
64 Diġà ġie kkonstatat, fil-punti 47 u 48 ta’ din is-sentenza, li t-trattament fiskali differenti rriżervat mil-leġiżlazzjoni Franċiża inkwistjoni fil-kawża prinċipali lid-dividendi ta’ kumpanniji stabbiliti fi Stati Membri oħra jirrigwarda sitwazzjonijiet li barra minn hekk huma oġġettivament paragunabbli.
65 F’dawn iċ-ċirkustanzi, restrizzjoni għall-moviment liberu tal-kapital jew għal-libertà ta’ stabbiliment bħal dik li tirriżulta mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tista’ tiġi aċċettata biss jekk tkun ġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali. F’sitwazzjoni bħal din, huwa wkoll neċessarju li din tkun adattata biex tiżgura li jintlaħaq l-għan inkwistjoni u li din ma teċċedix dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan (ara s-sentenzi National Grid Indus, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42; tal-1 ta’ Diċembru 2011, Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C-250/08, Ġabra p. I-12341, punt 51, u, f’dan is-sens, Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punti 54 u 55).
66 Għalhekk, għandu jiġi evalwat jekk ir-restrizzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali tistax tiġi ġġustifikata mir-raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali invokati mill-Gvernijiet differenti li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u relatati mal-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali Franċiża kif ukoll li jiġi żgurat tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja.
Fuq il-ħtieġa li tinżamm il-koerenza tas-sistema fiskali
67 Skont il-Gvern Franċiż, it-tarka fiskali hija intiża biex jiġi evitat li t-taxxi diretti jkollhom natura ta’ konfiska jew jitfgħu fuq kategorija ta’ persuni taxxabbli oneru eċċessiv fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ kontribuzzjoni tagħhom. Fid-dawl ta’ dan l-għan, teżisti rabta diretta bejn, minn naħa, il-vantaġġ fiskali mogħti, jiġifieri l-ħlas lura lill-persuna taxxabbli tal-frazzjoni tat-taxxi mħallsa fi Franza li teċċedi l-livell stabbilit fl-Artikolu 1 tal-KĠT, u, min-naħa l-oħra, il-kumpens ta’ dan il-vantaġġ bit-taxxi diretti li l-persuna taxxabbli ħallset fi Franza.
68 B’mod kuntrarju, skont l-istess Gvern, ma teżisti ebda rabta diretta bejn it-taxxa mħallsa fil-pajjiż barrani u l-ħlas lura ta’ din it-taxxa mill-Istat Franċiż.
69 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, ċertament, diġà ddeċidiet li l-ħtieġa li tiġi mħarsa l-koerenza tas-sistema fiskali tista’ tiġġustifika leġiżlazzjoni ta’ natura li tirrestrinġi l-libertajiet fundamentali (ara s-sentenza Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 57 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, sabiex argument ibbażat fuq tali ġustifikazzjoni jkun jista’ jintlaqa’, jeħtieġ li tkun stabbilita l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u l-kumpens ta’ dak il-vantaġġ permezz ta’ impożizzjoni fiskali partikolari (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Manninen, punt 42, kif ukoll Santander Asset Management SGIIC et, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata), fejn in-natura diretta ta’ din ir-rabta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2008, Papillon, C-418/07, Ġabra p. I-8947, punt 44; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 72, u Test Claimants in the FII Group Litigation, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58).
70 Hekk kif irrilevat il-Kummissjoni, għall-evalwazzjoni tal-eventwali ġustifikazzjonijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha ssir distinzjoni bejn l-għoti tal-kreditu ta’ taxxa li jirriżulta mill-Ftehim Franco-Svediż, minn naħa, u l-għoti tad-dritt għall-ħlas lura tat-taxxa permezz tat-tarka fiskali, min-naħa l-oħra.
71 F’dak li jikkonċerna l-kreditu ta’ taxxa li jirriżulta mill-Ftehim Franco-Svediż, teżisti rabta diretta bejn il-vantaġġ fiskali mogħti u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ tnaqqis determinat, dak magħmul f’ras il-għajn mir-Renju tal-Isvezja fuq id-dħul mobbli provenjenti mill-Isvezja.
72 Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tarka fiskali, ma teżistix rabta bejn il-vantaġġ fiskali li jirrappreżenta l-ħlas lura tat-taxxa li dan id-dispożittiv jista’ joħloq favur il-persuna taxxabbli u l-kumpens ta’ dan il-vantaġġ permezz ta’ tnaqqis determinat.
73 Fil-fatt, il-vantaġġ fiskali mogħti permezz tat-tarka fiskali ma huwiex ikkumpensat minn xi tnaqqis, peress li dan id-dispożittiv fiskali għandu sempliċement l-għan u l-effett li jnaqqas il-livell ta’ taxxa fuq id-dħul li r-Repubblika Franċiża teżerċita s-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha fuqu.
74 Hekk kif irrilevat l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, l-ammont tat-taxxa mogħti lura permezz tat-tarka fiskali jiddependi fuq l-ammont globali tat-taxxi diretti li tħallsu mill-persuna taxxabbli u mill-punt jekk dan l-ammont jeċċedix il-livell iffissat mill-KĠT. Il-vantaġġ fiskali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jingħata mhux b’mod korrelattiv għal ċertu taxxa mħallsa, iżda biss jekk l-ammont imħallas abbażi tat-taxxi kollha kkonċernati jeċċedi ċertu perċentwali tad-dħul annwali tal-persuni taxxabbli. Minn dan jirriżulta li ebda rabta diretta ma tista’ tiġi stabbilita bejn il-vantaġġ fiskali kkonċernat u tnaqqis fiskali determinat.
Fuq il-ħtieġa li jinżamm tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri
75 F’dak li jikkonċerna l-ħtieġa li jinżamm tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Gvern Franċiż josserva li, fil-kuntest tal-Ftehim Franco-Svediż, kull wieħed miż-żewġ Stati firmatarji jirrinunzja għal parti mit-taxxa li kien ikun jista’ jiġbor kieku ma kienx marbut minn dan il-ftehim. Minn naħa, ir-Renju tal-Isvezja jaċċetta li jillimita għal 15 % ir-rata tat-taxxa f’ras il-għajn fuq id-dividendi mqassma lil resident fiskali Franċiż. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Franċiża tagħti l-kunsens tagħha għall-ħelsien mit-tassazzjoni doppja ta’ dawn id-dividendi permezz tal-imputazzjoni fit-taxxa Franċiża ta’ kreditu ta’ taxxa ugwali għat-taxxa f’ras il-għajn Svediża.
76 Skont dan il-Gvern, it-tarka fiskali twieġeb għall-konsegwenzi ta’ din is-sistema stabbilita fil-ftehim u tal-eliminazzjoni tat-taxxa doppja assunta mir-Repubblika Franċiża fil-kwalità tagħha ta’ Stat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli. B’hekk, il-kalkolu tat-taxxi li jistgħu jiġu suġġetti għal limitu massimu jieħu biss inkunsiderazzjoni l-ammont tat-taxxi diretti mħallsa fi Franza, wara imputazzjoni tal-kreditu ta’ taxxa ugwali għat-taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja.
77 Min-natura tagħha, it-tarka fiskali għandha l-għan li tillimita l-eżerċizzju tal-kompetenza fiskali tar-Repubblika Franċiża billi tissuġġetta għal limitu massimu l-ammont globali tat-taxxi diretti teoretikament dovuti, f’dan l-Istat Membru, mill-persuna taxxabbli għal frazzjoni (60 % jew 50 %) tad-dħul li rċeviet. Peress li dan id-dispożittiv jirrileva biss mill-kompetenza tal-imsemmi Stat Membru, għandhom jiġu kkunsidrati biss it-taxxi mħallsa fi Franza fil-kalkolu tal-ħlas lura li tista’ tibbenefika minnu l-persuna taxxabbli.
78 Min-naħa l-oħra, il-Gvern Franċiż iqis li t-teħid inkunsiderazzjoni f’dan il-kalkolu tat-taxxi mħallsa f’pajjiż barrani jobbliga lill-Istat ta’ residenza tal-persuna taxxabbli jbati l-ħlas lura ta’ taxxa li kkontribwiet mhux għad-dħul fiskali tiegħu, iżda għal dak ta’ Stat Membru ieħor li jaġixxi fil-kwalità ta’ Stat tal-oriġini tad-dħul.
79 Fl-istess sens, ir-Renju Unit isostni li tqassim bilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri jimplika d-dritt li Stat Membru jeżerċita s-setgħa tiegħu li jintaxxa l-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu stess mingħajr ma jkollu jieħu inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju, minn Stat Membru ieħor, tas-setgħa ta’ tassazzjoni tiegħu. Skont dan il-Gvern, l-impożizzjoni fuq ir-Repubblika Franċiża, għall-finijiet li tiddetermina l-limitu massimu ta’ tassazzjoni ffissat fl-Artikolu 1 tal-KĠT, li mat-total tat-taxxi diretti mħallsa mill-persuna taxxabbli fi Franza żżid eventwali taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja tkun tirrikjedi li r-Repubblika Franċiża tieħu inkunsiderazzjoni l-eżerċizzju mir-Renju tal-Isvezja tas-setgħa ta’ tassazzjoni tagħha u tikkumpensa lill-persuna taxxabbli għal kull taxxa f’ras il-għajn imħallsa fl-Isvezja.
80 Madankollu, tali ġustifikazzjoni ma tistax tiġi aċċettata.
81 Fil-fatt, ġustifikazzjoni relatata mal-ħtieġa li jiġi żgurat tqassim ibbilanċjat tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri tista’ tiġi aċċettata meta, b’mod partikolari, is-sistema fiskali inkwistjoni tkun intiża sabiex tipprevjeni aġir li jista’ jippreġudika d-dritt ta’ Stat Membru li jeżerċita l-kompetenza fiskali tiegħu fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fit-territorju tiegħu (ara s-sentenzi tad-29 ta’ Marzu 2007, Rewe Zentralfinanz, C-347/04, Ġabra p. I-2647, punt 42; tat-18 ta’ Lulju 2007, Oy AA, C-231/05, Ġabra p. I-6373, punt 54; tat-18 ta’ Ġunju 2009, Aberdeen Property Fininvest Alpha, C-303/07, Ġabra p. I-5145, punt 66, u tal-20 ta’ Ottubru 2011, C-284/09, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, Ġabra p. I-9879, punt 77).
82 F’dan il-każ, il-kwistjoni tat-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn ir-Repubblika Franċiża u r-Renju tal-Isvezja ġiet irregolata bil-Ftehim Franco-Svediż li jistabbilixxi d-dritt, għal kull wieħed minn dawn l-Istati, li jintaxxaw id-dividendi miksuba u mħallsa fit-territorju tagħhom. F’dan il-kuntest, ir-Repubblika Franċiża żammet id-dritt li tintaxxa d-dħul mobbli provenjenti mill-Isvezja u aċċettat li tagħti kreditu ta’ taxxa intiż biex inaqqas l-effetti ta’ din it-tassazzjoni doppja favur il-persuni taxxabbli residenti fi Franza. Għalhekk, dan l-Istat Membru aċċetta liberament it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk kif jirriżulta mill-istipulazzjonijiet stess tal-Ftehim Franco-Svediż.
83 Madankollu, dan il-mekkaniżmu ta’ tqassim tat-tassazzjoni stabbilit mill-Ftehim Franco-Svediż ma jistax jiġġustifika r-restrizzjoni li tirriżulta mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni relattiva għat-tarka fiskali.
84 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, għalkemm l-Istati Membri huma liberi, fil-kuntest ta’ ftehim bilaterali intiżi għall-ħelsien mit-taxxa doppja, li jiffissaw il-fatturi ta’ rabta għall-finijiet tat-tqassim tal-kompetenza fiskali, madankollu, dan it-tqassim tal-kompetenza fiskali ma jippermettilhomx li japplikaw miżuri li jmorru kontra l-libertajiet ta’ moviment żgurati mit-Trattat. Fil-fatt, f’dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ tassazzjoni hekk imqassma fil-kuntest ta’ ftehim bilaterali għal ħelsien minn taxxa doppja, l-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkonformaw ruħhom mar-regoli tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2002, de Groot, C-385/00, Ġabra p. I-11819, punti 93 u 94; tad-19 ta’ Jannar 2006, Bouanich, C-265/04, Ġabra p. I-923, punti 49 u 50, u tat-12 ta’ Diċembru 2013, Imfeld u Garcet, C-303/12, punti 41 u 42).
85 Il-ħlas lura tat-taxxa mogħti abbażi tat-tarka fiskali huwa vantaġġ fiskali stabbilit mil-leġiżlazzjoni Franċiża, li tillimita l-oneru fiskali tal-persuni taxxabbli bl-applikazzjoni ta’ sistema ta’ limitu massimu li jiżgura l-ħlas lura tat-taxxa mħallsa lil hinn minn ċertu perċentwali. Tali dispożittiv ta’ limitu massimu tat-tassazzjoni ma jaffettwax il-possibbiltà li r-Repubblika Franċiża li tintaxxa l-attivitajiet eżerċitati fit-territorju tagħha u lanqas ma jostakola l-possibbiltà li dan l-Istat Membru jintaxxa d-dħul miksub fi Stat Membru ieħor.
86 Għaldaqstant, f’dak li jikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan id-dispożittiv fiskali, ma tqum ebda kwistjoni dwar it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
87 F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-kapital u fuq il-libertà ta’ stabbiliment stabbilita minn leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma tistax tiġi ġġustifikata la mill-ħtieġa li tiġi assigurata l-koerenza tas-sistema fiskali nazzjonali u lanqas mill-ħtieġa li jiġi mħares it-tqassim tas-setgħa ta’ tassazzjoni bejn l-Istati Membri.
88 Għalhekk, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikoli 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema, meta resident ta’ dan l-Istat Membru, azzjonist ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, jirċievi dividendi intaxxati fiż-żewġ Stati u meta t-tassazzjoni doppja tkun irregolata bl-imputazzjoni fl-Istat ta’ residenza bi kreditu ta’ taxxa ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak tat-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, dispożittiv ta’ limitu massimu ta’ diversi taxxi diretti sa ċertu perċentwali tad-dħul irċevut matul sena ma jiħux inkunsiderazzjoni, jew jieħu inkunsiderazzjoni biss parzjalment, it-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi.
Fuq l-ispejjeż
89 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 49 TFUE, 63 TFUE u 65 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru skont liema, meta resident ta’ dan l-Istat Membru, azzjonist ta’ kumpannija stabbilita fi Stat Membru ieħor, jirċievi dividendi intaxxati fiż-żewġ Stati u meta t-tassazzjoni doppja tkun irregolata bl-imputazzjoni fl-Istat ta’ residenza bi kreditu ta’ taxxa ta’ ammont li jikkorrispondi għal dak tat-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi, dispożittiv ta’ limitu massimu ta’ diversi taxxi diretti sa ċertu perċentwali tad-dħul irċevut matul sena ma jiħux inkunsiderazzjoni, jew jieħu inkunsiderazzjoni biss parzjalment, it-taxxa mħallsa fl-Istat tal-kumpannija distributriċi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.