SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)
27 ta’ Frar 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — VAT — Sitt Direttiva tal-VAT — Artikolu 12(3) — Anness H, Kategorija 5 — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 98(1) u (2) — Anness III, punt 5 — Prinċipju ta’ newtralità — Trasport ta’ persuni u tal-bagalji li jkollhom magħhom — Leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li japplika rata tal-VAT differenti għat-trasport b’taxi u għat-trasport b’karozza tal-kiri b’xufier”
Fil-Kawżi magħquda C-454/12 u C-455/12,
li għandhom bħala suġġett żewġ talbiet għal deċiżjoni preliminari fir-rigward tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjonijiet tal-10 ta’ Lulju 2012, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Ottubru 2012, fil-proċeduri
Pro Med Logistik GmbH (C-454/12)
vs
Finanzamt Dresden-Süd,
u
Eckard Pongratz, li jaġixxi bħala kuratur tal-falliment ta’ Karin Oertel (C-455/12)
vs
Finanzamt Würzburg mit Außenstelle Ochsenfurt,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),
komposta minn C. G. Fernlund (Relatur), President tal-Awla, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Pro Med Logistik GmbH, minn J. Seelinger, avukat,
– għal E. Pongratz, minn T. Küffner u T. Streit, avukati,
– għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u K. Petersen, bħala aġenti,
– għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn B. Tidore, avvocato dello Stato,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls u C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talbiet għal deċiżjoni preliminari jirrigwardaw l-interpretazzjoni tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 341, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1, iktar ’il quddiem id-“Direttiva VAT”), kif ukoll tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
2 Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ żewġ kawżi bejn, fl-ewwel lok, Pro Med Logistik GmbH (iktar ’il quddiem “Pro Med”) u l-Finanzamt Dresden-Süd (amministrazzjoni fiskali ta’ Dresden-Süd), u, fit-tieni lok, E. Pongratz, bħala kuratur tal-falliment ta’ K. Oertel, u l-Finanzamt Würzburg (amministrazzjoni fiskali ta’ Würzburg), fuq is-suġġett tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) dwar it-trasport tal-persuni permezz ta’ karozzi tal-kiri għas-snin 2003 sa 2007.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
Is-Sitt Direttiva
3 Punt 1 tal-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali.”
4 L-ewwel u t-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(3)(a) ta’ din id-direttiva jipprovdu:
“Ir-rata standard [tal-VAT] għandha tiġi ffissata minn kull wieħed mill-Istati Membri bħala perċentaġġ fuq l-ammont taxxabbli u għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ l-oġġetti u għall-provvista tas-servizzi. Mill-1 ta’ Jannar, 2001 sal-31 ta’ Diċembru, 2005, dan il-perċentaġġ ma jistax ikun inqas minn 15 %.
[...]
L-Istati Membri jistgħu wkoll japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsin. Dawn ir-rati għandhom jiġu ffissati bħala perċentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli, li ma jistax ikun inqas minn 5 %, u għandu japplika biss għall-provvisti tal-kategoriji ta’ l-oġġetti u tas-servizzi speċifikati fl-Anness H.”
5 L-Anness H tas-Sitt Direttiva, intitolat “Lista ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jkunu soġġetti għal rati mnaqqsa ta’ VAT”, huwa redatt fil-kliem li ġej:
“Meta jaqilbu f’liġi nazzjonali l-kategoriji hawn taħt li jirreferu għal oġġetti, l-Istati Membri jistgħu jużaw in-nomenklatura kkombinata sabiex jiddeterminaw eżattament kemm hi koperta l-kategorija kkonċernata.
Kategorija |
Deskrizzjoni | ||||
[...] | |||||
5 |
It-trasport ta’ passiġġieri [persuni] u l-bagalji li jkollhom magħhom | ||||
[...]” |
Id-Direttiva VAT
6 L-Artikolu 96 tad-Direttiva VAT jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom japplikaw rata standard ta’ VAT, li għandha tiġi ffissata minn kull Stat Membru bħala persentaġġ ta’ l-ammont taxxabbli u li għandha tkun l-istess għall-provvista ta’ merkanzija [oġġetti] u għall-provvista ta’ servizzi.”
7 Skont l-Artikolu 97(1) ta’ din id-direttiva:
“Mill-1 ta’ Jannar 2006 sal-31 ta’ Diċembru 2010, ir-rata standard ma tistax tkun inqas minn 15 %.”
8 L-Artikolu 98(1) u 2 tal-imsemmija direttiva jipprovdi:
“1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw jew rata mnaqqsa waħda jew żewġ rati mnaqqsa.
2. Ir-rati mnaqqsa għandhom japplikaw biss għall-provvisti ta’ merkanzija [oġġetti] jew servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness III.”
9 L-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, jinkludi, fl-punt 5 tiegħu, fil-lista ta’ provvisti ta’ merkanzija [oġġetti] u servizzi li għalihom jistgħu japplikaw ir-rati mnaqqsa msemmija fl-Artikolu 98 tiegħu,“it-trasport ta’ passiġġieri [persuni] u l-bagalji li jkollhom magħhom.”
Id-dritt Ġermaniż
10 Abbażi tal-Artikolu 12(1) tal-Liġi dwar it-taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ (Umsatzsteuergesetz), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawżi prinċipali, ippubblikata fit-13 ta’ Diċembru 2006 (BGBl. 2006 I, p. 2878, iktar ’il quddiem il-“UStG”), it-taxxa applikata għal kull tranżazzjoni taxxabbli titla’ għal 16 % għas-snin 2003 sa 2006 u għal 19 % għas-sena 2007.
11 Punt 10(b) tal-Artikolu 12(2) ta’ din il-liġi kien jipprovdi:
“Ir-rata tat-taxxa hija mnaqqsa għal 7 % għat-tranżazzjonijietli ġejjin:
b) it-trasport tal-persuni bil-ferrovija, bl-eċċezzjoni tal-ferroviji tal-muntanji, bit-trolleybus, bil-vetturi bil-mutur fir-rigward tal-linja tat-trasport awtorizzata, bit-taxi u bil-lanċa
aa) fi ħdan komun jew
bb) meta l-vjaġġ ma jeċċedix 50 kilometri
[...]”
12 L-Artikolu 1 tal-Liġi dwar it-trasport ta’ persuni (Personenbeförderungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“PbefG”), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fit-8 ta’ Awwissu 1990 (BGBl. 1990 I, p. 1690), kif emendat u applikabbli għall-kawżi prinċipali, jipprovdi:
“Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae:
(1) Huwa suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi t-trasport bi ħlas jew kummerċjali ta’ persuni bit-tramway, bit-trolleybus u bil-karozza. Huma kkunsidrati wkoll bħala remunerazzjoni ta’ vantaġġi ekonomiċi intiżi indirettament għal profittabbiltà ta’ attività kummerċjali hekk sostnuta.
(2) Ma huwiex suġġett għal din il-liġi t-trasport
1. bil-karozza, meta r-remunerazzjoni totali ma taqbiżx l-ispejjeż għall-użu;
2. bl-ambulanza, meta din isservi għat-trasport tal-morda, tal-midruba jew ta’ persuni li jeħtieġu b’mod ieħor il-kura, li għandhom bżonn, waqt it-trasport, kura medika speċjalizzata jew arranġament partikolari tal-ambulanza, jew li għalihom din għandha tiġi kkunsidrata minħabba l-istat ta’ saħħithom.”
13 Punt 4 tal-Artikolu 2(1) tal-PbefG jipprovdi li:
“Kull min jiżgura t-trasport tal-persuni fis-sens tal-Artikolu 1(1),
[...]
4. permezz ta’ vetturi bil-mutur f’servizz okkażjonali (Artikolu 46),
għandu jkun fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni. Dan huwa kontraent fis-sens ta’ din il-liġi.”
14 L-ewwel sentenza tal-Artikolu 13(4) tal-PbefG hija fformulata kif ġej:
“Fil-każ tat-trasport bit-taxi, l-awtorizzazzjoni għandha tiġi rrifjutata meta l-eżerċizzju tal-attività tat-trasport mitluba jippreġudika l-interess ġenerali tat-trasport billi jhedded l-attività lokali tat-taxis fil-kapaċità ta’ funzjonament tagħha.”
15 L-Artikolu 21(1) sa (3) tal-PbefG jipprovdi:
“(1) Il-kontraent għandu jimplementa l-attività li għaliha kiseb l-awtorizzazzjoni u li jżommha skont l-interess ġenerali għat-trasport u skont l-istat tat-teknika matul iż-żmien ta’ validità tal-awtorizzazzjoni.
(2) Sabiex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tista’ tagħti terminu lill-kontraent għall-implementazzjoni tal-attività.
(3) Sabiex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tista’ timponi fuq il-kontraent li jestendi jew li jibdel l-attività tiegħu tat-trasport, meta l-interess ġenerali tat-trasport jirrikjedi dan u meta l-interessi leġittimi tal-kontraent ma jipprekludux, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ dan tal-aħħar u li jittieħed kont tal-interessi prodotti u tal-fidi raġonevoli tal-kapital investit kif ukoll tal-iżvilupp tekniku neċessarju f’dan ir-rigward.”
16 Skont l-Artikolu 22 tal-PbefG:
“Il-kontraent għandu jittrasporta, meta
1. il-kundizzjonijiet tat-trasport huma osservati,
2. it-trasport huwa possibbli bil-mezzi użati normalment,
3. it-trasport ma huwiex impedit minn fatti li l-kontraent ma jistax jipprevjeni u li għalihom lanqas ma jista’ jsib rimedju.”
17 Abbażi tal-punti 1 u 3 tal-Artikolu 46(2) tal-PbefG, it-trasport bit-taxi u t-trasport bil-karozza tal-kiri jirrappreżentaw forom differenti ta’ “servizz okkażjonali” li huma suġġetti għal awtorizzazzjoni skont il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) ta’ din il-liġi.
18 L-Artikolu 47 tal-PbefG jipprovdi:
“(1) It-trasport bit-taxi huwa t-trasport ta’ persuni permezz ta’ vetturi bil-mutur li l-kontraent għandu disponibbli f’postijiet approvati mill-amministrazzjoni u permezz ta’ liema huwa jagħmel vjaġġi lejn destinazzjoni ffissata mill-klijent. Il-kontraent jista’ wkoll jirċievi talbiet għat-trasport matul vjaġġ jew fis-sede tal-impriża.
(2) It-taxis jistgħu jinżammu disponibbli biss fil-komun li fih il-kontraent għandu s-sede tiegħu. Il-vjaġġi ordnati qabel jistgħu jitwettqu wkoll bi tluq minn komuni oħrajn. Sabiex toħroġ l-awtorizzazzjonijiet, l-awtorità kompetenti tista’, bi ftehim ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn biex joħorġu l-awtorizzazzjonijiet, tippermetti li xi taxis jinżammu disponibbli f’postijiet awtorizzati mill-amministrazzjoni li jinsabu f’komuni differenti minn dak tas-sede tal-kontraent u tipprevedi distrett ikbar.
(3) Il-gvern tal-Land huwa awtorizzat li jirregola, permezz ta’ ordni, il-portata tal-obbligu tas-servizz, ir-regoli applikabbli għall-istazzjonijiet tat-taxis kif ukoll id-dettalji tal-implementazzjoni tas-servizz. Huwa jista’ jiddelega din il-possibbiltà permezz ta’ ordni. B’mod partikolari, l-ordni jista’ jipprovdi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw:
1. il-fatt li t-taxis jinżammu disponibbli f’każijiet partikolari, inkluż fil-kuntest ta’ permanenza,
2. l-aċċettazzjoni u l-implementazzjoni tat-talbiet ta’ trasport bit-telefon,
3. l-attività tat-trasport u s-sistema ta’ radjukomunikazzjoni,
4. it-trasport ta’ persuni b’diżabbiltà, u
5. it-trasport tal-morda, madankollu ma jirrigwardax it-trasport taħt il-punt 2 tal-Artikolu 1(2).
(4) L-obbligu li jsir it-trasport jeżisti biss għat-trasporti li jsiru fiż-żona ta’ applikazzjoni tar-remunerazzjonijiet iffissati skont l-ewwel u t-tieni sentenzi tal-Artikolu 51(1) u l-ewwel sentenza tal-Artikolu 51(2) (żona ta’ servizz obbligatorju).
(5) Il-kiri ta’ taxis lil persuni li jsuquhom huma stess huwa pprojbit.”
19 L-Artikolu 49(4) tal-PbefG huwa fformulat kif ġej:
“It-trasport bil-karozzi tal-kiri huwa t-trasport ta’ persuni permezz ta’ karozzi li huma mikrija fl-intier tagħhom biss għat-trasport u li bihom il-kontraent iwettaq vjaġġi li l-għan, id-destinazzjoni u t-tħaddim tagħhom huma ddeterminati mill-kerrej u li ma jaqawx taħt it-trasport bit-taxi fis-sens tal-Artikolu 47. Bil-karozzi tal-kiri, huma biss it-talbiet għat-trasport li saru fis-sede tal-impriża jew fir-residenza tal-kontraent li jistgħu jiġu implementati. Ladarba jsir is-servizz tat-trasport, il-karozza tal-kiri għandha minnufih tiġi rritornata fis-sede tal-impriża, ħlief jekk hija rċeviet, qabel il-vjaġġi, fis-sede tal-impriża jew fir-residenza tal-kontraent, jew inkella matul il-vjaġġ permezz tat-telefon, talba ġdida għat-trasport. It-talba għat-trasport li tasal fis-sede tal-impriża tal-kiri ta’ karozzi jew fir-residenza tal-kontraent għandha tiġi rreġistrata minn dan tal-aħħar f’reġistru u din ir-reġistrazzjoni għandha tinżamm għal sena. L-aċċettazzjoni, it-trażmissjoni u l-implementazzjoni ta’ talbiet tat-trasport kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-karozza u r-reklamar għat-trasport bil-karozza tal-kiri ma jistgħux ikunu ta’ natura, individwalment jew flimkien, li jwasslu għal konfużjoni mat-trasport bit-taxi. Is-sinjal u l-karatteristiċi rriżervati għat-taxis ma jistgħux jintużaw fuq karozzi tal-kiri. L-Artikoli 21 u 22 ma japplikawx.”
20 L-Artikolu 51 tal-PbefG jipprovdi:
“(1) Il-gvern tal-Land huwa awtorizzat li jiffissa, permezz ta’ ordni, ir-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasport bit-taxi. L-ordni jista’ b’mod partikolari jipprovdi dispożizzjonijiet li jikkonċernaw
1. il-prezzijiet bażiċi, il-prezzijiet għal kull kilometru, il-prezzijet bis-siegħa,
2. is-supplimenti,
3. il-ħlasijiet bil-quddiem,
4. il-kontijiet,
5. it-termini ta’ ħlas u
6. l-eliġibbiltà ta’ ftehimiet speċjali dwar iż-żona ta’ servizz obbligatorju.
Il-gvern tal-Land jista’ jiddelega din il-possibbiltà permezz ta’ ordni.
(2) Il-ftehimiet speċjali dwar iż-żona ta’ servizz obbligatorju huma legali biss jekk
1. huwa ffissat perijodu determinat, numru minimu ta’ vjaġġi jew dħul mill-bejgħ minimu kull xahar,
2. ma jippreġudikawx l-organizzazzjoni tas-suq tat-trasporti,
3. ir-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasport huma stabbiliti bil-miktub u
4. l-ordni tal-Land jipprovdi awtorizzazzjoni jew dikjarazzjoni obligatorja.
(3) Ir-remunerazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasport huma ffissati bl-applikazzjoni, b’analoġija, tal-Artikoli 14(2) u (3) u 39(2).
(4) L-awtoritajiet awtorizzati jistgħu jiftiehmu, bi ftehim komuni, prezzijiet u kundizzjonijiet tat-trasport uniformi għal żona li toħroġ mill-kamp ta’ kompetenza tal-awtorità responsabbli li tiffissa l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasport.
(5) Għall-applikazzjoni ta’ remunerazzjonijiet u kundizzjonijiet tat-trasport, l-Artikolu 39 japplika b’analoġija.”
Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari
Il-kawża C-454/12
21 Pro Med hija kumpannija b’responsabbiltà limitata stabbilita taħt id-dritt Ġermaniż proprjetarja, fost oħrajn, ta’ awtorizzazzjoni li tkopri t-trasport permezz ta’ karozzi tal-kiri, taħt il-punt 4 tal-Artikolu 2(1) tal-PbefG, iżda mhux it-trasport bit-taxi, imsemmi fl-Artikolu 47 tal-PbefG.
22 Matul is-snin 2006 u 2007, Pro Med żgurat it-trasport tal-morda għan-nom tal-fondi għall-mard permezz ta’ vetturi li ma kinux speċifikament adattati għal dan l-għan.
23 Fis-27 ta’ Novembru 2007, Pro Med issottoskriviet għal kundizzjonijiet kollha previsti mill-kuntratt konkluż fl-1 ta’ Ottubru 2007 bejn il-fond għall-mard A u l-assoċjazzjoni ta’ impriżi tat-taxis u tal-kiri ta’ karozzi (Taxi- und Mietwagenunternehmerverband, iktar ’il quddiem “l-assoċjazzjoni”) dwar it-trasport ta’ pazjenti assigurati mal-fond għall-mard A permezz tal-intermedjarju tal-impriżi tat-taxis. Abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 1(1) ta’ dan il-kuntratt, l-għan ta’ dan tal-aħħar huwa l-parteċipazzjoni ta’ impriżi tat-taxis li jagħmlu parti mill-assoċjazzjoni għat-trasport tal-morda assigurati mal-fond għall-mard A. Abbażi tal-Artikolu 5(1) tal-imsemmi kuntratt, il-ftehim tariffarju msemmi fl-Anness I tiegħu japplika għar-remunerazzjoni tat-trasport tal-morda.
24 Wara stħarriġ fiskali mwettaq mill-Finanzamt Dresden-Süd, Pro Med ġiet ordnata tiddikjara s-servizzi tat-trasport li kienet ipprovdiet fil-kuntest tal-kuntratt konkluż bejn il-fond tal-mard A u l-assoċjazzjoni bir-rata normali tal-VAT prevista fl-Artikolu 12(1) tal-UstG. L-ilmenti tagħha, li bihom kienet talbet b’mod partikolari li tiġi suġġetta għar-rata mnaqqsa introdotta permezz tal-punt 10 tal-Artikolu 12(2) tal-UstG, ma ntlaqgħux.
25 Pro Med ippreżentat kawża quddiem il-Finanzgericht. Din tal-aħħar iġġudikat li Pro Med ma kellhiex id-dritt tapplika r-rata mnaqqsa għas-servizzi tat-trasport inkwistjoni, minħabba li, billi ma kellhiex l-awtorizzazzjoni korrispondenti, hija ma pprovdietx is-servizzi tat-trasport bit-taxi. Madankollu, il-Finanzgericht esprimiet dubji dwar il-fondatezza tad-differenza fit-trattament li teżisti bejn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi. L-impriżi tat-taxis kellhom, fil-fatt, il-possibbiltà li jipprovdu servizzi tat-trasport għal fondi għall-mard li ma jaqgħux taħt it-tariffa applikabbli għas-servizzi tat-trasport pubbliku lokali u li huma bbażati fuq il-ftehimiet konklużi ma’ dawn il-fondi għall-mard. Dawn is-servizzi tat-trasport huma, għaldaqstant, nieqsa mill-karatteristiċi essenzjali tat-trasport pubbliku lokali li fuqhom huwa bbażat it-tnaqqis fiskali.
26 Pro Med ippreżentat appell ta’ kassazzjoni kontra din id-deċiżjoni tal-Finanzgericht li rrifjutatilha l-possibbiltà li tapplika r-rata mnaqqsa għad-dħul mill-bejgħ mis-servizzi tat-trasport tal-morda li hija kienet żgurat.
27 Il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-fatt jekk id-dispożizzjoni nazzjonali selettiva tal-punt 10(b) tal-Artikolu 12(2) tal-UstG hijiex paragunabbli mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja. Minn naħa, din il-qorti tikkunsidra li, mill-perspettiva tal-konsumatur, kemm it-taxis kif ukoll il-karozzi tal-kiri bix-xufier iservu għat-trasport tal-persuni, liema fatt iwassal sabiex dawn is-servizzi jitqiesu li huma paragunabbli. Min-naħa l-oħra, jeżistu, skont din il-qorti, differenzi sostanzjali bejn dawn iż-żewġ modi tat-trasport tal-persuni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rispettivi tagħhom ta’ implementazzjoni, ukoll fil-każ ta’ ftehim partikolari bejn impriża tat-taxis u ta’ klijenti importanti, b’mod partikolari fir-rigward tal-iffissar tal-prezz tal-vjaġġ, l-obbligu tas-servizz u l-obbligu tat-trasport, differenzi li jistgħu jeskludu ksur tal-imsemmi prinċipju.
28 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H [tas-Sitt Direttiva] u l-Artikolu 98(1), moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness III tad-[Direttiva VAT] jipprekludu dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi rata ta’ taxxa mnaqqsa fir-rigward [tal-VAT] għall-attività ta’ trasport lokali ta’ persuni b’taxi, filwaqt li t-trasport lokali ta’ persuni b’karozza tal-kiri huwa suġġett għal taxxa normali?
2) Għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda, huwa rilevanti li l-vjaġġi li jsiru abbażi ta’ ftehim partikolari ma’ klijenti importanti jitwettqu minn impriżi ta’ taxis u impriżi ta’ karozzi tal-kiri taħt kundizzjonijiet kważi identiċi?”
Il-Kawża C-455/12
29 K. Oertel kienet tmexxi, fil-belt A, mill-aħħar tax-xahar ta’ Diċembru 1994, impriża tal-kiri tal-karozzi bix-xufier. Il-katalogu tas-servizzi tagħha jinkludi t-trasport ta’ persuni, it-trasport tal-morda bilqiegħda, it-trasport tal-pazjenti qabel ma jgħaddu minn dijaliżi, it-trasport tal-iskejjel, servizz ta’ kurjer u tat-trasport ta’ tagħmir, it-trasferimenti lejn il-lukandi u l-ajruporti, żjarat turistiċi tal-belt u l-organizzazzjoni ta’ trasferimenti minn post għal ieħor.
30 K. Oertel kienet tgħodd fost il-klijenti tagħha, minbarra klijenti individwali partikolari, numru ta’ klijenti regolari kif ukoll ċertu numru ta’ klijenti li jiġġeneraw dħul mill-bejgħ sinjifikattiv. It-talbiet tas-servizzi u r-riżervazzjonijiet kienu jintlaqgħu permezz tat-telefon, faks jew posta elettronika. Il-prezz tal-vjaġġ kien jiġi stabbilit skont pjan maqsum f’żoni b’rati fissi li kien jippermetti li jiġi kkalkolat il-prezz finali mħallas mill-klijenti. Matul il-perijodu kkonċernat, K. Oertel kellha għaxar vetturi tal-impriża.
31 Fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha għas-snin finanzjarji 2003 sa 2006, K. Oertel applikat għad-dħul mill-bejgħ tagħha, mill-attività tal-kiri tal-karozzi bix-xufier, għal vjaġġi li ma jaqbżux 50 km jew ġewwa l-belt A, ir-rata tal-VAT imnaqqsa, jiġifieri r-rata ta’ 7 %.
32 Il-Finanzamt Würzburg ċaħdet id-dikjarazzjonijiet u applikat għat-tranżazzjonijiet inkwistjoni ir-rata tal-VAT normali, jiġifieri r-rata ta’ 16 %.
33 K. Oertel ippreżentat kawża quddiem il-Finanzgericht. Din tal-aħħar essenzjalment ċaħdet it-talba tagħha intiża li tapplika r-rata mnaqqsa għad-dħul mill-bejgħ inkwistjoni. Hija kkunsidrat li, bħala impriża ta’ karozzi tal-kiri bix-xufier, l-impriża ta’ K. Oertel ma ssodisfatx il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa u li l-leġiżlazzjoni li tillimita l-applikazzjoni ta’ din ir-rata għall-impriżi tat-taxis kienet konformi mal-Kostituzzjoni. K. Oertel lanqas ma setgħet titlob l-applikazzjoni ta’ din ir-rata taħt is-Sitt Direttiva jew tinvoka l-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Skont il-Finanzgericht, l-applikazzjoni taż-żewġ rati differenti tillimita ċertament il-kompetizzjoni bejn iż-żewġ kategoriji ta’ impriżi billi s-servizzi tagħhom huma tal-istess natura, iżda din il-limitazzjoni hija ġġustifikata, b’mod partikolari mill-interess ġenerali, f’dan il-każ, is-servizz, mill-impriżi tat-taxis, ta’ servizz ta’ trasport lokali rregolat u estiż għat-territorju kollu.
34 K. Oertel ippreżentat appell ta’ kassazzjoni minn din id-deċiżjoni li rrifjutatilha l-applikazzjoni tar-rata tal-VAT imnaqqsa.
35 B’sosteniment tal-istess dubju bħal fil-Kawża C-454/12, fid-dawl tal- kompatibbiltà tal-punt 10(b) tal-Artikolu 12(2) tal-UstG mal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:
“Fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a), moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H tas-[Sitt Direttiva], jipprekludi dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi rata ta’ taxxa mnaqqsa fir-rigward [tal-VAT] għall-attività ta’ trasport lokali ta’ persuni b’taxi, filwaqt li t-trasport lokali ta’ persuni b’karozza tal-kiri huwa suġġett għal taxxa normali?”
36 Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Ottubru 2013, il-qorti tar-rinviju ġiet informata bil-fatt li l-azzjoni mressqa permezz ta’ K. Oertel quddiem din tal-aħħar kienet riprodotta minn M. Pongratz, bħala kuratur tal-falliment tal-impriża ta’ K. Oertel.
37 Permezz ta’ digriet tal-20 ta’ Novembru 2012, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ordna li ż-żewġ kawżi jingħaqdu għall-finijiet tal-proċeduri bil-miktub u orali u kif ukoll tas-sentenza.
Fuq id-domandi preliminari
Fuq l-ewwel domanda fil-Kawża C-454/12 u l-unika domanda fil-Kawża C-455/12
38 Permezz tal-ewwel domanda fil-Kawża C-454/12 u l-unika domanda fil-Kawża C-455/12, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva VAT, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, kif ukoll il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludux li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ persuni, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tal-VAT distinti, waħda mnaqqsa, l-oħra normali.
39 L-Artikolu 96 tad-Direttiva VAT jipprovdi li l-istess rata ta’ VAT, ir-rata normali, hija applikabbli fuq il-kunsinna ta’ oġġetti u fuq il-provvista ta’ servizzi.
40 Minkejja dan il-prinċipju, l-Artikolu 98(1) ta’ din id-direttiva jirrikonoxxi lill-Istati Membri l-possibbiltà li japplikaw waħda jew żewġ rati mnaqqsa tal-VAT. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, ir-rati mnaqqsa tal-VAT jistgħu jiġu applikati biss fuq il-provvisti ta’ oġġetti u għall-provvisti ta’ servizzi fil-kategoriji li jidhru fl-Anness III tal-imsemmija direttiva.
41 Il-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva VAT jawtorizza l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa għall-provvisti ta’ servizzi tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom.
42 Ir-regoli ddefiniti minn dawn id-dispożizzjonijiet huma, essenzjalment, identiċi għal dawk stabbiliti fl-ewwel u fit-tielet subparagrafi tal-Artikolu 12(3)(a) u kif ukoll fil-ħames kategorija tal-Anness H tas-Sitt Direttiva.
43 Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, fir-rigward tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, li xejn fit-test ma jimponi li din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li teżiġi li r-rata mnaqqsa għandha tapplika biss jekk tinkorpora l-aspetti kollha ta’ kategorija ta’ servizzi prevista fl-Anness H tal-istess direttiva, b’tali mod li applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa ma tistax tiġi eskluża, sakemm din ma twassal għal ebda riskju ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-6 ta’ Mejju 2010, Il-Kummissjoni vs Franza, C-94/09, Ġabra p. I-4261, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata). Il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll li, peress li l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva VAT essenzjalment jirriproduċi l-kliem tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva, hemm lok li l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja għal din l-aħħar dispożizzjoni tiġi estiża għalih (sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 27).
44 Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, bla ħsara għall-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali inerenti għas-sistema komuni tal-VAT, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT fir-rigward ta’ aspetti konkreti u speċifiċi ta’ waħda mill-kategoriji ta’ servizzi previsti rispettivament fl-Anness III tad-Direttiva VAT u fl-Anness H tas-Sitt Direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punti 26 u 27 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
45 B’hekk jirriżulta li l-eżerċizzju tal-possibbiltà li wieħed jagħmel applikazzjoni selettiva tar-rata mnaqqsa tal-VAT irrikonoxxuta fl-Istati Membri huwa suġġett għal kundizzjoni doppja, jiġifieri, minn naħa, li jiġu iżolati biss, għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-rata mnaqqsa, l-aspetti konkreti u speċifiċi biss tal-kategorija ta’ provvisti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi osservat il-prinċipju ta’ newtralità fiskali. Dawn il-kundizzjonijiet huma intiżi li jiżguraw li l-Istati Membri jagħmlu użu minn din il-possibbiltà biss f’ċirkustanzi li jiggarantixxu l-applikazzjoni sempliċi u korretta tar-rata mnaqqsa magħżula kif ukoll il-prevenzjoni ta’ kull frodi, kull evażjoni u kull abbuż eventwali (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).
46 Konsegwentement, għandu jiġi vverifikat jekk it-trasport ta’ persuni bit-taxi li għalih leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tipprovdi l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ VAT jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tal-kategorija tas-servizzi tat-“trasport ta’ passiġġieri u l-bagalji li jkollhom magħhom”, imsemmija kemm fil-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva VAT kif ukoll fil-kategorija 5 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva, u, jekk ikun il-każ, jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-rata biss għal din l-attività tat-trasport ta’ persuni bit-taxi tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
Fuq il-kunċett ta’ “aspett konkret u speċifiku”
47 Sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tal-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, għandu jiġi eżaminat jekk dan huwiex servizz identifikabbli, bħala tali, b’mod separat mill-provvisti ta’ servizzi l-oħra ta’ din il-kategorija (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Franza, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).
48 F’dan ir-rigward, mill-informazzjoni pprovduta fid-deċiżjonijiet tar-rinviju jirriżulta li l-impriżi tat-taxis huma kkunsidrati fl-intier tagħhom bħala fornituri ta’ servizz pubbliku tat-trasport tal-persuni, li tiegħu l-attività hija suġġetta għal awtorizzazzjoni mogħtija minn awtorità kompetenti u hija suġġetta għal obbligi sostanzjali. Dawn tal-aħħar jinkludu, b’mod partikolari, dawk li jżommu l-attività tagħhom skont l-interess ġenerali tat-trasport (Artikolu 21 tal-PbefG), jittrasportaw (Artikolu 22 tal-PbefG) u li josservaw l-leġiżlazzjoni tariffarja (Artikoli 47(4) u 51(1) tal-PbefG).
49 Qafas legali li, b’mod differenti mill-impriżi tal-kiri tal-karozzi bix-xufier, iġiegħel lill-impriżi tat-taxis li jipprovdu servizzi tat-trasport billi jassumu obbligu ta’ permanenza, li jipprojbixxilhom li jirrifjutaw trasport sabiex jistennew, b’mod partikolari, vjaġġ iktar profittabbli jew jieħdu vantaġġ ta’ sitwazzjonijiet li fihom jistgħu jitolbu tariffa għat-trasport differenti mit-tariffa uffiċjali jista’ jikkaratterizza servizzi distinti.
50 F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi tista’ titqies li hija provvista ta’ servizzi identifikabbli bħala tali, separatament mill-provvisti l-oħra tal-kategorija inkwistjoni, jiġifieri t-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom. Din l-attività tista’, konsegwentement, tikkostitwixxi aspett konkret u speċifiku tal-imsemmija kategorija.
51 Madankollu, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, fid-dawl tal-leġiżlazzjoni nazzjonali u ċ-ċirkustanzi tal-fatt li tiegħu hija adita b’azzjoni, jekk dan huwiex il-każ fil-kuntest tal-kawżi prinċipali.
Fuq l-osservanza tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali
52 Skont ġurisprudenza stabbilita sew, il-prinċipju ta’ newtralità fiskali jipprekludi, b’mod partikolari, li l-oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi li jixxiebhu, li jinsabu għalhekk f’kompetizzjoni bejniethom, ikunu ttrattati b’mod differenti mill-aspett tal-VAT (ara s-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2011, The Rank Group, C-259/10 u C-260/10, Ġabra p. I-10947, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
53 Biex jiġi ddeterminat jekk żewġ provvisti ta’ servizzi jixxiebhux fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza, għandha prinċipalment tittieħed inkunsiderazzjoni l-perspettiva tal-konsumatur medju, filwaqt li jiġu evitati distinzjonijiet artifiċjali bbażati fuq differenzi insinifikattivi (ara s-sentenza The Rank Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).
54 Għalhekk, żewġ provvisti ta’ servizzi jkunu jixxiebhu meta jkollhom karatteristiċi li jixxiebhu u jissodisfaw l-istess bżonnijiet tal-konsumatur, skont kriterju ta’ tqabbil fl-użu, u fejn id-differenzi eżistenti ma jaffettwawx b’mod kunsiderevoli d-deċiżjoni tal-konsumatur medju li jirrikorri għal waħda jew oħra minn dawn il-provvisti (ara s-sentenza The Rank Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).
55 Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, sabiex jiġi evalwat jekk is-servizzi humiex paragunabbli jew le, ma għandux jitwettaq sempliċi tqabbil ta’ servizzi individwali iżda għandu jiġi kkunsidrat il-kuntest li fih jitwettqu (ara s-sentenza tat-23 ta’ April 2009, TNT Post UK, C-357/07, Ġabra p. I-3025, punt 38).
56 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ammettiet li, f’xi każijiet eċċezzjonali, fid-dawl tal-elementi speċifiċi tas-setturi inkwistjoni, differenzi fil-kuntest regolatorju u fis-sistema legali li tirregola l-kunsinna ta’ oġġetti jew il-provvista ta’ servizzi inkwistjoni, jistgħu joħolqu distinzjoni f’għajnejn il-konsumatur f’termini ta’ reazzjoni għall-bżonnijiet tiegħu stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza The Rank Group, iċċitata iktar ’il fuq, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).
57 Għaldaqstant, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni r-rekwiżiti legali differenti li għalihom huma suġġetti ż-żewġ tipi ta’ trasport imsemmija fil-punt 48 ta’ din is-sentenza u, minħabba f’hekk, il-karatteristiċi rispettivi tagħhom li jiddistingwuhom wieħed mill-ieħor f’għajnejn il-konsumaturi medji.
58 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li l-impriżi tal-kiri tal-karozzi bix-xufier jistgħu jirrispondu biss għal talbiet għat-trasport li jkunu saru fis-sede tal-impriża jew fir-residenza tal-kontraent, filwaqt li l-impriżi tat-taxis huma awtorizzati jirrispondu għat-talba, liema fatt jimplika l-preżenza ta’ vetturi f’postijiet speċifiċi jew id-disponibbiltà fuq sejħa. Hija enfasizzat ukoll li d-differenzi li kienu jeżistu bejn dawn iż-żewġ tipi ta’ trasport fir-rigward tal-aċċettazzjoni, tat-trażmissjoni u tal-implementazzjoni tat-talbiet għat-trasport kif ukoll fir-rigward tat-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-karozza u r-reklamar. Skont din il-qorti, dawn id-differenzi, individwalment jew flimkien waħda mal-oħra, huma adatti biex jevitaw kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trasport bit-taxi u dak bil-karozza tal-kiri bix-xufier. Hija finalment indikat li s-sinjal u l-karatteristiċi rriżervati għat-taxis ma jistgħux jintużaw fuq il-karozzi tal-kiri bix-xufier.
59 Dawn id-differenzi fil-livell ta’ rekwiżiti legali li għalihom huma suġġetti ż-żewġ tipi ta’ trasport ikkonċernati, jekk huma pprovati, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, jistgħu joħolqu, f’għajnejn l-utent medju, differenza bejn dawn it-tipi ta’ trasport, kull wieħed minn dawn huwa ta’ natura li jirrispondi għal bżonnijiet distinti fir-rigward tiegħu u, għaldaqstant, li jkollu influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni tiegħu li jagħżel wieħed jew l-ieħor mill-imsemmija tipi ta’ trasport, b’mod li l-prinċipju ta’ newtralità fiskali ma jipprekludix li jiġu suġġetti għal trattament fiskali differenti.
60 Fid-dawl ta’ dak li ntqal hawn fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-454/12 u għall-unika domanda fil-Kawża C-455/12 għandha tkun li it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva VAT moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tal-VAT distinti, waħda mnaqqsa, l-oħra normali, sa fejn, minn naħa, minħabba r-rekwiżiti differenti legali li għalihom huma suġġetti dawn iż-żewġ tipi ta’ trasport, l-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi tikkostitwixxi aspett konkret u speċifiku tal-kategorija ta’ servizzi tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, imsemmija fl-imsemmija kategoriji u l-punt 5 tal-imsemmija annessi ta’ dawn id-direttivi u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija differenzi għandhom influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni tal-utent medju li jirrikorri għal wieħed jew għall-ieħor minn dawn tal-aħħar. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawżi prinċipali.
Fuq it-tieni domanda fil-Kawża C-454/12
61 Permezz tat-tieni domanda tagħha fil-Kawża C-454/12, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hemmx lok li jitqies, għall-finijiet tar-risposta għall-ewwel domanda fil-Kawża C-454/12 u għad-domanda unika fil-Kawża C-455/12, il-fatt li l-impriżi tat-taxis u l-impriżi tal-karozzi tal-kiri bix-xufier huma obbligati li jipprovdu s-servizzi tagħhom abbażi ta’ ftehim partikolari li japplika mingħajr distinzjoni għal dawn l-impriżi differenti u f’kundizzjonijiet kważi identiċi.
62 Kif imsemmi fil-punt 46 ta’ din is-sentenza, biex jiġi ddeterminat jekk Stat Membru għandux, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-possibbiltà li tiġi applikata rata mnaqqsa tal-VAT għat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi, minkejja li huwa suġġett għal rata normali dak li jsir permezz ta’ karozza tal-kiri bix-xufier, għandu jiġi vverifikat jekk din il-provvista ta’ servizzi tikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tal-kategorija tas-servizzi tat-“trasport ta’ passiġġieri [persuni] u l-bagalji li jkollhom magħhom”, imsemmija kemm fil-punt 5 tal-Anness III tad-Direttiva VAT kif ukoll fil-kategorija 5 tal-Anness H tas-Sitt Direttiva, u, jekk ikun il-każ, jekk l-applikazzjoni ta’ din ir-rata tippreġudikax il-prinċipju ta’ newtralità fiskali.
63 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-servizzi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkonsistu, essenzjalment, fit-trasport tal-pazjenti li jsir fil-kuntest ta’ ftehim bħall-ftehim bejn il-fond tal-mard A u l-assoċjazzjoni li japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi bit-taxis u għall-impriżi bil-karozzi mikrija bix-xufier li huma partijiet. Mill-proċess ipprovdut lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-tariffa tat-trasport hija ffissata f’dan il-ftehim u li din tapplika bl-istess mod għaż-żewġ kategoriji tat-trasport. Barra minn hekk, l-imsemmi ftehim ma jagħti lok għal ebda obbligu tat-trasport u tas-servizz lil dawn iż-żewġ kategoriji tat-trasport minbarra dak li jeżisti diġà abbażi tal-kuntratt, jiġifieri l-implementazzjoni effettiva tat-trasport. Għaldaqstant, l-impriżi tat-taxis ma humiex suġġetti, fil-kuntest ta’ tali ftehim, għar-rekwiżiti legali imposti fuqhom barra minn dan tal-aħħar.
64 Jekk dawn il-fatti kellhom jiġu pprovati, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika, f’dan il-każ għandu jiġi kkunsidrat li, fil-kuntest tal-ftehim bejn il-fond tal-mard A u l-assoċjazzjoni, it-trasport tal-persuni bit-taxi ma jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tal-kategorija tas-servizz tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom. Barra minn hekk, din l-attività għandha, għaldaqstant, titqies li tixxiebah, mill-perspettiva tal-utent medju, mal-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bil-karozza tal-kiri bix-xufier. Madankollu, din ma tistax teskludi li l-attività tat-trasport tal-morda fil-kuntest tal-ftehimiet konklużi mill-fondi tal-mard, minn naħa, u ta’ impriżi tat-trasport tal-persuni, min-naħa l-oħra, tista’ tikkostitwixxi, fl-intier tagħha, aspett konkret u speċifiku tal-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-impriżi tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 44 ta’ din is-sentenza.
65 Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda fil-Kawża C-454/12 għandha tkun li, min-naħa l-oħra, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva VAT moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tal-VAT distinti meta, abbażi ta’ ftehim partikolari li japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi tat-taxis u għall-impriżi tal-karozzi mikrija bix-xufier li tiegħu huma partijiet, it-trasport tal-persuni bit-taxi ma jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom u din l-attività mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi ftehim hija kkunsidrata bħala li tixxiebah, mill-perspettiva tal-utent medju, mal-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bil-karozza tal-kiri bix-xufier, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika.
Fuq l-ispejjeż
66 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2001/4/KE, tad-19 ta’ Jannar 2001, moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud distinti, waħda mnaqqsa, l-oħra normali, sa fejn, minn naħa, minħabba r-rekwiżiti differenti legali li għalihom huma suġġetti dawn iż-żewġ tipi ta’ trasport, l-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bit-taxi tikkostitwixxi aspett konkret u speċifiku tal-kategorija ta’ servizzi tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, imsemmija f’din il-kategorija u fil-punt 5 tal-imsemmija annessi ta’ dawn id-direttivi u, min-naħa l-oħra, l-imsemmija differenzi għandhom influwenza determinanti fuq id-deċiżjoni tal-utent medju li jirrikorri għal wieħed jew għall-ieħor minn dawn tal-aħħar. Huwa l-kompitu tal-qorti nazzjonali li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawżi prinċipali.
2) Min-naħa l-oħra, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 12(3)(a) tas-Sitt Direttiva 77/388, kif emendata bid-Direttiva 2001/4, moqri flimkien mal-Kategorija 5 tal-Anness H ta’ din tal-aħħar, u l-Artikolu 98(1) u (2) tad-Direttiva 2006/112, moqri flimkien mal-punt 5 tal-Anness III ta’ din tal-aħħar, fid-dawl tal-prinċipju ta’ newtralità fiskali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li żewġ tipi ta’ servizzi tat-trasport lokali ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom, jiġifieri, minn naħa, bit-taxi u, min-naħa l-oħra, bil-karozza tal-kiri bix-xufier, ikunu suġġetti għar-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud distinti meta, abbażi ta’ ftehim partikolari li japplika mingħajr distinzjoni għall-impriżi tat-taxis u għall-impriżi tal-karozzi mikrija bix-xufier li tiegħu huma partijiet, it-trasport tal-persuni bit-taxi ma jikkostitwixxix aspett konkret u speċifiku tat-trasport ta’ persuni u l-bagalji li jkollhom magħhom u din l-attività mwettqa fil-kuntest tal-imsemmi ftehim hija kkunsidrata bħala li tixxiebah, mill-perspettiva tal-utent medju, mal-attività tat-trasport lokali ta’ persuni bil-karozza tal-kiri bix-xufier, liema fatt huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tivverifika.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.