SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)
21 ta’ Novembru 2013 (*)
“Direttiva 2006/112/KE — Taxxa fuq il-valur miżjud — Provvista ta’ oġġetti — Kunċett — Użu frawdolenti ta’ kard bankarja”
Fil-Kawża C-494/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-First-tier Tribunal (Tax Chamber) (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Ottubru 2012, li waslet il-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Novembru 2012, fil-proċedura
Dixons Retail plc
vs
Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),
komposta minn R. Silva de Lapuerta (Relatur), President tal-Awla, J. L. da Cruz Vilaça, G. Arestis, J.-C. Bonichot u A. Arabadjiev, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: M. Wathelet,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Dixons Retail plc, minn A. Brown, avukat,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn A. Robinson, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Lyal u A. Cordewener kif ukoll minn C. Soulay, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 14(1) u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Dixons Retail plc (iktar ’il quddiem “Dixons”) u l-Commissioners for Her Majesty’s Revenue and Customs (iktar ’il quddiem il-“Commissioners”), dwar iċ-ċaħda min-naħa ta’ dawn tal-aħħar tat-talba għal rimbors imressqa minn Dixons, li tirrigwarda t-taxxa fuq il-vaur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) iddikjarata u mħallsa minn din il-kumpannija fuq operazzjonijiet li twettqu bejn it-13 ta’ Novembru 2005 u t-30 ta’ Novembru 2008.
Il-kuntest ġuridiku
Id-Direttiva 77/388/KEE
3 L-Artikolu 2(1) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”), jipprovdi:
“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti [għall-VAT]:
1. il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali”.
4 L-Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“‘Provvista ta’ oġġetti’ tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà korporali.”
5 L-Artikolu 11A(1) ta’ din id-direttiva huwa redatt kif ġej:
“A. Fit-territorju tal-pajjiż
1. L-ammont taxabbli għandu jkun:
(a) fir-rigward ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi barra dawk msemmija f’(b), (ċ) u (d) isfel, dak kollox li jikkostitwixxi l-konsiderazzjoni li kien jew irid jinkiseb mill-fornitur mix-xerrej, il-klijenti jew it-tielet parti għal dawn il-provvisti inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tat-tali provvisti;
[...]”
Id-Direttiva 2006/112
6 L-Artikolu 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi li l-kunsinni ta’ merkanziji magħmula bi ħlas fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna taxxabbli li taġixxi bħala tali huma suġġetti għall-VAT.
7 L-Artikolu 14(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”
8 Skont l-Artikolu 73 ta’ din l-istess direttiva:
“Fir-rigward tal-provvista ta’ merkanzija jew servizzi, minbarra kif imsemmi fl-Artikoli 74 sa 77, l-ammont taxxabbli għandu jinkludi dak kollu li jikkostitwixxi ħlas miksub jew li għandu jinkiseb mill-fornitur, għall-provvista, mill-konsumatur jew parti terza, inklużi s-sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
9 Dixons hija l-membru rappreżentattiv ta’ grupp VAT li jikkummerċjalizza tagħmir tal-elettriku.
10 Dixons kienet marbuta ma’ American Express Europe Ltd (iktar ’il quddiem “AmEx”) bi ftehim li pprovda li, fil-każ tal-użu, minn xi klijent tagħha, ta’ kard maħruġa minn AmEx bħala mezz ta’ pagament, Dixons kienet marbuta taċċetta din il-kard u AmEx intrabtet, kemm-il darba jiġu osservati l-proċeduri previsti, li tħallas lil Dixons il-prezz tal-merkanzija mixtrija minn dan il-klijent permezz ta’ din il-kard, wara li tnaqqas kummissjoni.
11 Fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imħallsa permezz ta’ kards oħra li ma jkunux dawk maħruġa minn AmEx, ftehim simili kien jorbot lil Dixons man-National Westminster Bank plc, li aġixxiet taħt l-isem ta’ Streamline (iktar ’il quddiem “Streamline”).
12 Wara li ddikjarat u ħallset il-VAT marbuta mal-operazzjonijiet imwettqa bejn it-13 ta’ Novembru 2005 u t-30 ta’ Novembru 2008, Dixons talbet ir-rimbors ta’ din it-taxxa lill-Commissioners, li ċaħdu din it-talba.
13 Dixons ippreżentat azzjoni quddiem il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) kontra d-deċiżjoni tal-Commissioners sabiex tikseb dan ir-rimbors.
14 L-azzjoni ppreżentata quddiem il-qorti tar-rinviju tikkonċerna tranżazzjonijiet imħallsa permezz ta’ kard li għalihom, minkejja li sussegwentement irriżulta li dawn it-tranżazzjonijiet tħallsu permezz ta’ kards użati b’mod frawdolenti, Dixons irċeviet, b’mod konformi mal-proċeduri previsti fil-ftehim konklużi ma’ AmEx u Streamline, il-pagament tal-prezz min-naħa ta’ dawn tal-aħħar.
15 F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, minkejja l-użu frawdolenti ta’ kards, la AmEx u lanqas Streamline ma eżerċitaw, rispettivament, azzjoni għal kumpens kontra Dixons jew ipproċedew għal ċaħda tad-debitu, kif kienu awtorizzati li jagħmlu skont l-imsemmija ftehim fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri minnhom previsti. Għalhekk, Dixons żammet il-pagamenti li saru minn AmEx u Streamline, li kienu jinkludi parti mill-VAT.
16 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-First-tier Tribunal (Tax Chamber) iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112 għandu jitqies li huwa applikabbli meta t-trasferiment fiżiku ta’ merkanzija jinkiseb bi frodi li jikkonsisti fl-użu, bħala mezz ta’ ħlas, mid-destinatarju tat-trasferiment, ta’ kard li tagħha kien jaf li ma kellux awtorizzazzjoni li jużaha?
2) Meta t-trasferiment tal-merkanzija jinkiseb permezz tal-użu frawdolenti ta’ kard, ikun hemm “it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli” fis-sens tal-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/12?
3) L-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/12 għandu jitqies li huwa applikabbli meta min jittraferixxi l-merkanzija mħallsa skont ftehim li bih terz jimpenja ruħu li jagħmel tali ħlasijiet għal transazzjonijiet mħallsa bil-kard, minkejja li d-destinatarju ta’ dan it-trasferiment kien jaf li huwa ma kienx awtorizzat li juża l-kard inkwistjoni?
4) Meta jsir ħlas minn terz skont ftehim li konkluż bejn min ittrasferixxa l-merkanzija bħala konsegwenza tal-preżentazzjoni lil dan tal-aħħar ta’ kard li d-destinatarju ta’ dan it-trasferiment ma setax ikun awtorizzat li juża, il-ħlas riċevut minn dan it-terz jista’ jitqies li huwa “ħlas miksub” fis-sens tal-Artikolu 73 tad-Direttiva 2006/12?”
Fuq id-domandi preliminari
17 Bid-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-trasferiment fiżiku ta’ oġġett lil xerrej li juża b’mod frawdolenti kard bankarja bħala mezz ta’ ħlas jikkostitwixxix “provvista ta’ oġġetti” fis-sens tal-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112 u jekk, fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-ħlas magħmul minn terz, skont ftehim bejn dan tal-aħħar u l-fornitur ta’ dan l-oġġett, li permezz tiegħu dan it-terz intrabat li jħallas lil dan il-fornitur l-oġġetti mibjugħa minnu lil xerrejja li użaw tali kard bħal mezz ta’ ħlas, jikkostitwixxix “konsiderazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u 73 tad-Direttiva 2006/112.
18 B’mod preliminari, għandu jiġi rrilevat li, peress li d-Direttiva 2006/112 daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, id-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva huma applikabbli biss għall-operazzjonijiet inkwistjoni li seħħew wara din id-data. Fir-rigward ta’ operazzjonijiet li seħħew qabel din id-data, għandhom jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tas-Sitt Direttiva. Għall-finijiet tar-risposti għal dawn id-domandi, ma huwiex neċessarju li ssir distinzjoni bejn id-dispożizzjonijiet li jirriżultaw minn dawn id-direttivi, peress li dawn għandhom jitqiesu bħala li essenzjalment għandhom l-istess portata għall-ħtiġijiet tal-intepretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja hija msejħa tagħmel fil-kuntest ta’ din il-kawża.
Fuq l-eżistenza ta’ “trasferiment” fis-sens tal-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112
19 Qabelxejn, għandu jitfakkar li s-Sitt Direttiva u d-Direttiva 2006/112 jistabbilixxu sistema komuni ta’ VAT ibbażata, b’mod partikolari, fuq definizzjoni uniformi ta’ operazzjonijiet taxxabbli (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Jannar 2006, Optigen et, C-354/03, C-355/03 u C-484/03, Ġabra p. I-483, punt 36; tal-21 ta’ Frar 2006, Halifax et, C-255/02, Ġabra p. I-1609, punt 48, kif ukoll tal-20 ta’ Ġunju 2013, Newey, C-653/11, punt 39).
20 F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti” msemmi fl-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112 ma jirreferix għat-trasferiment ta’ proprjetà fil-forom previsti mid-dritt nazzjonali applikabbli, iżda jkopri kull operazzjoni ta’ trasferiment ta’ oġġett korporali minn parti li tawtorizza lill-parti l-oħra li tiddisponi minnu bħallikieku kienet il-proprjetarja ta’ dan l-oġġett (ara s-sentenzi tal-14 ta’ Lulju 2005, British American Tobacco u Newman Shipping, C-435/03, Ġabra p. I-7077, punt 35; Optigen et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39; Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51; tat-3 ta’ Ġunju 2010, De Fruytier, C-237/09, Ġabra p. I-4985, punt 24, u tat-18 ta’ Lulju 2013, Evita-K, C-78/12, punt 33).
21 Bl-istess mod, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-imsemmi kunċett għandu natura oġġettiva u japplika irrispettivament mill-iskopijiet u mir-riżultati tal-operazzjonijiet ikkonċernati, mingħajr ma hemm obbligu fuq l-amministrazzjoni fiskali li jwettqu investigazzjonijiet intiżi sabiex jiddeterminaw l-intenzjoni tal-persuna taxxabbli inkwistjoni jew ukoll li jieħdu inkunsiderazzjoni l-intenzjoni ta’ operatur differenti mill-persuna taxxabbli involut fl-istess katina ta’ provvisti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Optigen et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 44 sa 46 kif ukoll 51 u 55; Halifax et, iċċitata iktar ’il fuq, punti 56 u 57; tas-6 ta’ Lulju 2006, Kittel u Recolta Recycling, C-439/04 u C-440/04, Ġabra p. I-6161, punti 41 sa 44, kif ukoll Newey, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41).
22 Minn dan isegwi li operazzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu provvisti ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112, peress li dawn jissodisfaw il-kriterji oġġettivi li fuqhom huwa bbażat dan il-kunċett u ma humiex ivvizzjati bi frodi tal-VAT (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitata iktar ’il fuq Optigen et, punti 51 u 52; kif ukoll Halifax et, punti 58 u 59).
23 Fil-każ ineżami, ma huwiex ikkontestat li Dixons kienet proprjetarja tal-oġġetti pprovduti fl-okkażjoni tat-tranżazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li, għalhekk, din il-kumpannija kienet f’pożizzjoni li tittrasferixxi lix-xerrej ta’ dawn l-oġġetti s-setgħa li jiddisponi minnhom bħala proprjetarju.
24 Bl-istess mod, ebda wieħed mill-atti tal-proċess sottomessi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi ddubitat li Dixons għaddiet volontarjament l-imsemmija oġġetti lill-istess xerrej bil-għan li dan tal-aħħar jiġi awtorizzat jiddisponi minnhom fil-fatt bħallikieku kien il-proprjetarju.
25 Barra minn hekk, ma jidhirx li twettqet frodi fiskali fl-ambitu tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li, kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, il-VAT fuq dawn l-operazzjonijiet ġiet debitament irreġistrata u mħallsa minn Dixons.
26 L-użu frawdolenti ta’ kard bankarja bħala mezz ta’ ħlas fl-okkażjoni ta’ dawn l-operazzjonijiet ma jaffettwax il-fatt li dawn tal-aħħar jistgħu jiġu kklassifikati bħala provvisti ta’ oġġetti fis-sens tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112. Fil-fatt, tali użu ma jaqax taħt il-kriterji oġġettivi li fuqhom huwa bbażat dan il-kunċett, iżda taħt l-intenzjoni tal-persuna involuta, bħala xerrej, fl-operazzjonijiet inkwistjoni u l-metodi implementati sabiex tali intenzjoni tiġi kkonkretizzata.
27 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li hemm “trasferiment” fis-sens tal-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112, bejn Dixons u l-klijenti tagħha, anki jekk, fl-okkażjoni tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, dawn tal-aħħar użaw b’mod frawdolenti kard bankarja bħala mezz ta’ ħlas sabiex tħallas il-prezz tal-oġġetti forniti minn Dixons.
28 F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li, b’mod kuntrarju għal dak sostnut minn Dixons, sitwazzjoni bħalma hija dik fil-kawża prinċipali għandha tinżamm distinta minn dik ta’ serq ta’ oġġetti, li ma taqax taħt il-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti”, kif jirriżulta mis-Sitt Direttiva u mid-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenza British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, punt 33).
29 Fil-fatt, is-serq ta’ merkanzija ma għandux l-effett li jippermetti lill-awtur tiegħu li jiddisponi mill-merkanzija taħt l-istess kundizzjonijiet bħall-propjetarju tagħha. Is-serq ma jistax għalhekk jitqies bħala li jeffettwa trasferiment bejn il-parti li hija l-vittma tiegħu u l-awtur tar-reat, fis-sens tal-Artikoli 5(1) tas-Sitt Direttiva u 14(1) tad-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenza British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36).
30 Barra minn hekk, serq ta’ merkanzija ma jwassal, bħala definizzjoni, għal ebda kunsiderazzjoni finanzjarja għall-benefiċċju tal-persuna li tkun il-vittma tiegħu. Għalhekk dan ma jistax, bħala tali, jiġi kkunsidrat li huwa provvista ta’ oġġetti magħmula “bi ħlas” fis-sens tal-Artikoli 2(1) tas-Sitt Direttiva u 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112 (ara s-sentenza British American Tobacco u Newman Shipping, iċċitata iktar ’il fuq, punt 32).
Fuq l-eżistenza ta’ “konsiderazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u 73 tad-Direttiva 2006/112
31 Fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk, fl-ambitu tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali, il-ħlasijiet li saru minn Amex u Streamline taħt il-ftehim konklużi bejn dawn tal-aħħar u Dixons jikkostitwixxux “konsiderazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u 73 tad-Direttiva 2006/112, għandu jitfakkar li, fl-ambitu tas-sistema tal-VAT, l-operazzjonijiet taxxabbli jippresupponu l-eżistenza ta’ tranżazzjoni bejn il-partijiet li tinvolvi stipulazzjoni ta’ prezz jew ta’ korrispettiv. Għalhekk, meta l-attività ta’ fornitur tikkonsisti biss fil-provvista ta’ oġġetti mingħajr kunsiderazzjoni diretta, ma jkunx hemm bażi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa u l-provvisti tal-oġġetti kkonċernati ma jkunux għalhekk suġġetti għall-VAT (ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-għoti ta’ servizzi, is-sentenzi tat-3 ta’ Marzu 1994, Tolsma, C-16/93, Ġabra p. I-743, punt 12, u tas-27 ta’ Ottubru 2011, GFKL Financial Services, C-93/10, Ġabra p. I-10791, punt 17).
32 F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li provvista ta’ oġġetti ssir “bi ħlas” fis-sens tal-Artikoli 2(1) tas-Sitt Direttiva u 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, u tkun għalhekk taxxabbli, biss jekk ikun hemm bejn il-fornitur u l-benefiċjarju relazzjoni legali li fil-kuntest tagħha jiġu skambjati prestazzjonijiet reċiproċi, billi r-remunerazzjoni rċevuta mill-fornitur tikkostitwixxi korrispettiv effettiv tal-oġġett fornit lill-benefiċjarju (ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-għoti ta’ servizzi, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Tolsma, punt 14, u GFKL Financial Services, punt 18).
33 Fil-fatt, il-bażi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-provvista ta’ oġġett hija kkostitwita minn dak kollu li jiġi rċevut inkambju għall-oġġett fornit (ara, b’mod partikolari, fil-qasam tal-għoti ta’ servizzi, is-sentenzi Tolsma, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13, u tad-29 ta’ Lulju 2010, Astra Zeneca UK, C-40/09, Ġabra p. I-7505, punt 28), b’mod li tali provvista ssir “bi ħlas”, fis-sens tal-Artikoli 2(1) tas-Sitt Direttiva u 2(1)(a) tad-Direttiva 2006/112, kemm-il darba jkun hemm rabta diretta bejn l-oġġett fornit u l-korrispettiv irċevut (ara s-sentenzi tas-7 ta’ Ottubru 2010, Loyalty Management UK u Baxi Group, C-53/09 u C-55/09, Ġabra p. I-9187, punt 51, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2012, Profitube, C-165/11, punt 51).
34 Meta xerrej iħallas il-prezz ta’ merkanzija permezz ta’ kard ta’ kreditu, wieħed ikun direttament fil-preżenza ta’ żewġ tranżazzjonijiet, jiġifieri, l-ewwel waħda, il-bejgħ ta’ din il-merkanzija minn fornitur, li jikkalkula wkoll fil-prezz globali mitlub il-VAT li għandha titħallas minn tali xerrej bħala l-konsumatur finali u miġbura minn dan il-fornitur f’isem l-awtorità fiskali, u, it-tieni waħda, l-għoti ta’ servizzi lil dan il-fornitur mill-persuna li toħroġ il-kard. Din l-aħħar prestazzjoni għandha l-għan li tiggarantixxi l-ħlas tal-merkanzija li x-xiri tagħha jkun sar permezz tal-kard, il-promozzjoni tan-negozju tal-fornitur bil-possibbiltà ta’ ksib ta’ klijenti ġodda, ir-reklamar li jista’ jsir favur il-fornitur jew kwalunkwe għan ieħor (ara s-sentenza tal-25 ta’ Mejju 1993, Bally, C-18/92, Ġabra p. I-2871, punt 9).
35 F’dan ir-rigward, il-fatt li x-xerrej ma jkunx ħallas il-prezz miftiehem lill-fornitur direttament, iżda permezz tal-persuna li ħarġet il-kard, kif ukoll il-modalitajiet ta’ ħlas użati fir-relazzjonijiet bejn xerrej u fornitur ma jistgħux jimmodifikaw il-bażi ta’ impożizzjoni ta’ taxxa. Is-Sitt Direttiva u d-Direttiva 2006/112 ma jeħtiġux, sabiex provvista ta’ oġġetti jew prestazzjoni ta’ servizzi tkun saret “bi ħlas” li l-kunsiderazzjoni għal din il-provvista jew għal din il-prestazzjoni tinkiseb direttament mingħand id-destinatarju tagħha. Fil-fatt, skont l-Artikoli 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva u 73 tad-Direttiva 2006/112, il-ħlas tal-kunsiderazzjoni għal provvista ta’ oġġetti jista’ jitwettaq mhux biss mix-xerrej, iżda wkoll minn terz, f’dan il-każ il-persuna li ħarġet il-kard (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Bally, punti 16 u 17, kif ukoll Loyalty Management UK u Baxi Group, punt 56).
36 Konsegwentement, il-fatt li l-ħlas tal-prezz tal-oġġetti pprovduti minn Dixons fl-ambitu tal-operazzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali sar minn terzi, f’dan il-każ minn AmEx u Streamline, ma jistax iwassal għall-konklużjoni li dan il-ħlas ma jikkostitwixxix il-kunsiderazzjoni miksuba minn Dixons għall-provvista ta’ dawn l-oġġetti.
37 Bl-istess mod, peress li, kif jirriżulta mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, Dixons ikkonformat ruħha mal-proċeduri previsti mill-ftehim konklużi ma’ AmEx u Streamline u peress li, barra minn hekk, il-bejgħ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jissodisfa l-kriterji oġġettivi li fuqhom huwa bbażat il-kunċett ta’ “provvista ta’ oġġetti” fis-sens tas-Sitt Direttiva u tad-Direttiva 2006/112, il-fatt li sussegwentement jirriżulta li għal dan il-bejgħ sar ħlas permezz ta’ kards użati b’mod frawdolenti ma jistax ikollu l-konsegwenza li l-ħlas tal-prezz ta’ dan il-bejgħ ma jikkostitwixxix il-kunsiderazzjoni miksuba minn Dixons fuq il-bażi tal-istess bejgħ.
38 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għad-domandi mressqa għandha tingħata r-risposta li Artikoli 2(1), 5(1) u 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva kif ukoll 2(1)(a), 14(1) u 73 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment fiżiku ta’ oġġett lil xerrej li juża b’mod frawdolenti kard bankarja bħala mezz ta’ ħlas jikkostitwixxi “provvista ta’ oġġetti” fis-sens tal-imsemmija Artikoli 2(1), 5(1), 2(1)(a) u 14(1), u li, fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-ħlas magħmul minn terz, skont ftehim konkluż bejn dan tal-aħħar u l-fornitur ta’ dan l-oġġett, li permezz tiegħu dan it-terz intrabat li jħallas lil dan il-fornitur l-oġġetti mibjugħa minnu lil xerrejja li jużaw tali kard bħal mezz ta’ ħlas, jikkostitwixxi “konsiderazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 11A(1)(a) u 73.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 2(1), 5(1) u 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif ukoll 2(1)(a), 14(1) u 73 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, it-trasferiment fiżiku ta’ oġġett lil xerrej li juża b’mod frawdolenti kard bankarja bħala mezz ta’ ħlas jikkostitwixxi “provvista ta’ oġġetti” fis-sens tal-imsemmija Artikoli 2(1), 5(1), 2(1)(a) u 14(1), u li, fil-kuntest ta’ tali trasferiment, il-ħlas magħmul minn terz, skont ftehim konkluż bejn dan tal-aħħar u l-fornitur ta’ dan l-oġġett, li permezz tiegħu dan it-terz intrabat li jħallas lil dan il-fornitur l-oġġetti mibjugħa minnu lil xerrejja li jużaw tali kard bħal mezz ta’ ħlas, jikkostitwixxi “konsiderazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 11A(1)(a) u 73.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.