SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
19 ta’ Diċembru 2013 (*)
“VAT — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 146 — Eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni — Artikolu 131 — Kundizzjonijiet iffissati mill-Istati Membri — Leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi li l- intiż għall-esportazzjoni għandu jkun ħalla t-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea f’terminu fiss ta’ 90 jum wara l-kunsinna”
Fil-Kawża C-563/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE mill-Kúria (l-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura
BDV Hungary Trading Kft., fi stralċ,
vs
Nemzeti Adó- és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn T. von Danwitz (Relatur), President tal-Awla, E. Juhász, A. Rosas, D. Šváby u C. Vajda, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: N. Wahl,
Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-24 ta’ Ottubru 2013,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal BDV Hungary Trading Kft., fi stralċ minn Á. Gerey u D. Sobor, ügyvédek,
– għan-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága, minn Zs. Szilveszter u Zs. Tamásné Kajati, jogtanácsos,
– għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó, M. Z Fehér u G. Koós, bħala aġenti,
– għall-Gvern Elleniku, minn I. Pouli u M. Tassopoulou, bħala aġenti,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn L. Lozano Palacios, V. Bottka u A. Sipos, bħala aġenti,
wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari hija dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 91/680/KEE, tas-16 ta’ Diċembru 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 160, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”) kif ukoll l-Artikoli 131, 146 u 273 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1).
2 Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn BDV Hungary Trading Kft. (iktar ’il quddiem “BDV”), fi stralċ volontarju, u n-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága (direttorat ġenerali tat-taxxi għar-reġjun tal-Ungerija ċentrali tal-amministrazzjoni nazzjonali tat-taxxi u tad-dwana, iktar ’il quddiem id-“direttorat ġenerali tat-taxxi”), dwar l-eżenzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) ta’ kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew trasportati barra mill-Unjoni Ewropea.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 L-Artikolu 15(1) u (2) tas-Sitt Direttiva jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità, l-Istati Membri għandhom jeżentaw li ġejjin taħt kondizzjonijet li huma għandhom jistabilixxu għal skopijiet biex jassiguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tat-tali eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta' kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli:
1. il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata għal destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;
2. il-provvista ta’ l-oġġetti mibgħuta jew trasportati għal destinazzjoni barra t-territorju tal-pajjiż kif definita fl-Artikolu 3 minn jew għan-nom ta’ xerrej li mhux stabbilit fit-territorju tal-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta' oġġetti trasportati mix-xerrej innifsu għall-armar, l-għoti tal-karburant u l-provviżjoni tad-dgħajjes tad-divertiment u t’ajruplani privati jew kwalunkwe mezz tat-trasport ieħor għall-użu privat;
[…]”
4 Id-Direttiva 2006/112, skont l-Artikoli 411 u 413 tagħha, ħassret u ssostitwixxiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva. Skont il-premessi 1 u 3 tad-Direttiva 2006/112, il-formulazzjoni mill-ġdid tas-Sitt Direttiva kienet neċessarja sabiex id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli jiġu ppreżentati b’mod ċar u razzjonali bi struttura u redazzjoni riveduti mingħajr, bħala prinċipju, ma jkun hemm tibdil fis-sustanza. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 huma essenzjalment identiċi għad-dispożizzjonijiet korrispondenti tas-Sitt Direttiva.
5 Skont l-Artikolu 14(1) tad-Direttiva 2006/112:
“‘Provvista ta’ merkanzija’ għandha tfisser it-trasferiment tad-dritt ta’ sid li jiddisponi minn proprjetà tanġibbli.”
6 Skont l-Artikolu 131 ta’ din id-direttiva:
“L-eżenzjonijiet ipprovduti fil-Kapitoli 2 sa 9 [tat-Titolu IX tad-Direttiva 2006/112] għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijet oħrajn tal-Komunità skond kondizzjonijiet li l-Istati Membri għandhom jistabilixxu għall-finijiet li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara ta’ dawk l-eżenzjonijet u tal-prevenzjoni ta’ kawlunkwe evażjoni, evitar jew abbuż possibbli”.
7 Fil-Kapitolu 6, intitolat “Eżenzjonijiet fuq l-esportazzjoni”, tat-Titolu IX tal-imsemmija direttiva, l-Artikolu 146 tiegħu, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“L-Istati Membri għandhom jeżentaw it-transazzjonijiet li ġejjin:
a) il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata għal destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom tal-bejjiegħ;
b) il-provvista ta’ merkanzija mibgħuta jew ittrasportata lejn destinazzjoni barra mill-Komunità minn jew għan-nom ta’ konsumatur li mhux stabbilit fit-territorju tagħhom, bl-eċċezzjoni ta’ merkanzija ttrasportata mill-konsumatur innifsu għall-armar, l-għoti tal-karburant u l-provviżjoni tad-dgħajjes tad-divertiment u t’ajruplani privati jew kwalunkwe mezz tat-trasport ieħor għall-użu privat;
[…]”
8 L-Artikolu 273 tad-Direttiva 2006/112 jipprovdi:
“L-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li jidhrulhom meħtieġa biex jiżguraw il-ġbir korrett ta’ VAT u biex ma ssirx frodi, soġġett għall-ħtieġa ta’ trattament indaqs bejn transazzjonijiet domestiċi u transazzjonijiet li jsiru bejn Stati Membri minn persuni taxxabbli u sakemm dawn l-obbligi, fin-negozju bejn Stati Membri, ma jagħtux lok għal formalitajiet konnessi mal-qsim ta' fruntieri.
L-għażla skont l-ewwel paragrafu ma tistax tintuża biex timponi obbligi tal-fatturazzjoni addizzjonali aktar minn dawk stabbiliti fil-Kapitolu 3”.
Id-dritt Ungeriż
9 L-Artikolu 11(1) tal-Liġi Nru LXXIV tal-1992, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Magyar Közlöny 1992/128, iktar ’il quddiem il-“liġi l-antika dwar il-VAT”), tiddefinixxi l-kunċett ta’ “esportazzjoni ta’ prodotti” kif ġej:
“Esportazzjoni ta’ prodotti: kull kunsinna ta’ prodotti li bħala konsegwenza diretta tagħha l-awtorità doganali, mhux iktar tard mill-aħħar jum tat-tielet xahar li jsegwi dak ta’ meta ssir il-kunsinna, għandha toħroġ il-prodotti lejn it-territorju ta’ pajjiż terz, bħala destinazzjoni finali. Il-prodotti ma jistgħux ikunu intużaw jew valorizzati bejn il-mument tal-kunsinna u dak tal-ħruġ mit-territorju, mingħajr preġudizzju għall-isperimentazzjoni tagħhom jew tal-produzzjoni bi prova tagħhom.”
10 Skont l-Artikolu 29 ta’ din il-liġi:
“Huma eżenti mit-taxxa:
a) l-esportazzjoni ta’ prodotti,
[…]”.
11 Il-Liġi Nru CXXVII tal-2007, dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Magyar Közlöny 2007/155, iktar ’il quddiem “il-Liġi l-ġdida dwar il-VAT”), daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008:
“1. Huma eżenti mit-taxxa l-kunsinni ta’ prodotti mibgħuta bil-posta jew trasportati mill-pajjiż lejn pajjiż barra mill-Komunità, sakemm l-ispedizzjoni jew it-trasport:
a) isir mill-fornitur stess jew minn terza persuna li taġixxi f’ismu;
b) isir mix-xerrej stess jew minn terza persuna li taġixxi f’ismu jekk il-kundizzjonijiet supplimentari previsti mill-paragrafi 3 u 4 [ta’ dan l-artikolu] jew mill-Artikoli 99 u 100 ta’ din il-liġi jkunu ssodisfatti.
2. Il-paragrafu 1 huwa applikabbli jekk il-kundizzjonijiet segwenti jkunu ssodisfatti:
a) l-awtorità li toħroġ il-prodotti mit-territorju tal-Komunità għandha tkun iċċertifikat li dawn ħallew l-imsemmi territorju fil-mument tal-kunsinna jew, l-iktar tard, f’terminu ta’ 90 jum wara d-data li din tkun saret, u
b) il-prodotti kkunsinnati, fit-terminu previst fil-punt (a), ma setgħux kienu użati skont kif huma intenzjonati li jintużaw jew valorizzati b’mod ieħor, mingħajr preġudizzju għall-isperimentazzjoni tagħhom jew tal-produzzjoni bi prova tagħhom.”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 Matul is-snin 2007 u 2008, BDV kienet attiva fil-kummerċ bl-ingrossa ta’ ikel ippreservat. Fil-kuntest tal-attività tagħha, din l-impriża kienet tbigħ fi Stati terzi l-prodotti li hija kienet tipproduċi fl-Ungerija. Il-kuntratti konklużi ma’ xerrejja stabbiliti barra mit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea kien fihom klawżoli ta’ kummerċ internazzjonali stabbiliti mill-Kamra tal-Kummerċ Internazzjonali (klawżoli msejħa “Incoterms 2000”), jiġifieri l-klawżola “tluq mill-fabbrika” (“ex-works” jew EXW), li timplika li x-xerrej jiġbor il-merkanzija mill-post tal-bejjiegħ.
13 Matul kontroll fiskali magħmul għand BDV, fir-rigward tal-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-31 ta’ Diċembru 2009, bl-eċċezzjoni tal-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2007 sal-31 ta’ Marzu 2008, l-amministrazzjoni fiskali kkonstatat li, fil-kontabbiltà tal-VAT tagħha u fid-dikjarazzjonijiet tal-VAT tagħha relatati mal-perijodu kkontrollat, din l-impriża kienet ikklassifikat uħud minn dawn it-tranżazzjonijiet bħala bejgħ b’esportazzjoni, meta l-prodotti intiżi għall-esportazzjoni kienu nħarġu mit-territorju doganali tal-Unjoni wara li kien skada t-terminu previst, f’dan ir-rigward, fl-Artikolu 11(1) tal-Liġi l-antika dwar il-VAT u, mill-1 ta’ Jannar 2008, fl-Artikolu 98(1) tal-Liġi l-ġdida dwar il-VAT.
14 Permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Ottubru 2010, in-Nemzeti Adó- és Vámhivatal Közép-magyarországi Regionális Adó Főigazgatósága stabbilixxa li BDV kellha tħallas taxxa supplimentari bħala aġġustament fiskali kif ukoll multa fiskali flimkien mal-interessi moratorji, minħabba li l-ispedizzjoni tal-merkanzija lejn l-Istat terz kienet saret wara li skada t-terminu ffissat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.
15 BDV ippreżentat rikors kontra din id-deċiżjoni, fejn sostniet li l-imsemmija dispożizzjonijiet tal-liġi l-antika u l-liġi l-ġdida dwar il-VAT kienu kuntrarji kemm għas-Sitt Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 2006/112. Fir-rikors tagħha, hija tirrileva li l-kunsinni kollha kkonċernati mill-imsemmija deċiżjoni ġew effettivament mibgħuta barra mill-Unjoni. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-klawżola “ex-works”, ir-responsabbiltà għat-trasport tal-merkanzija kienet taqa’ fuq ix-xerrejja. Għalhekk, billi ħeġġet regolarment lix-xerrejja sabiex it-trasport tal-merkanzija barra mill-Unjoni jsir fit-teminu meħtieġ, hija tat prova tad-diliġenza mitluba.
16 Il-Budapest Környéki Törvényszék (qorti distrettwali ta’ Budapest) laqgħet ir-rikors ta’ BDV. Din il-qorti kkunsidrat li t-terminu għal ħruġ previst mil-leġiżlazzjoni Ungeriża ma jistax jiġi applikat la ġie kkonstatat li l-esportazzjoni tal-prodotti kienet effettivament saret. Fil-fatt, il-kundizzjonijiet li jistgħu jistabbilixxu l-Istati Membri għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma għandhom la jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet iddefiniti mis-Sitt Direttiva u d-Direttiva 2006/112 u lanqas jikkompromettu n-newtralità tal-VAT.
17 Il-konvenuta fil-kawża prinċipali ppreżentat appell kontra din is-sentenza quddiem il-Kúria (Qorti Suprema). Hija sostniet li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, tranżazzjoni ta’ bejgħ tista’ tiġi kkwalifikata bħala bejgħ għall-esportazzjoni eżenti biss jekk il-prodott iħalli t-territorju tal-Unjoni fit-terminu stabbilit minn din il-leġiżlazzjoni.
18 Il-Kúria tirrileva f’dan ir-rigward, li dan it-terminu ta’ ħruġ ma jikkostitwixxix terminu ta’ proċedura, imsejjaħ “terminu tekniku”, li jista’ jiġi korrett, iżda “terminu ta’ dekadenza ta’ dritt sustantiv”. Għldaqstant, jekk l-amministrazzjoni fiksali tikkonstata qbiż ta’ dan it-terminu, it-tranżazzjonijiet ekonomiċi kkonċernati ma jistgħux jiġu kkwalifikati bħala “bejgħ għall-esportazzjoni eżenti”, u huma, għaldaqstant taxxabbli.
19 F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kúria ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 15 [tas-Sitt Direttiva tal-VAT] u l-Artikolu 146 tad-Direttiva [2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li t-trasport barra mit-territorju tal-Komunità ta’ prodotti ddestinati għall-esportazzjoni għandu jseħħ f’terminu stabbilit sabiex it-tranżazzjoni tkun tista’ tiġi kkwalifikata bħala bejgħ fuq l-esportazzjoni eżentat?
2) Il-kundizzjonijiet ta’ kunsinna, il-bona u mala fide, id-diliġenza, jew in-nuqqas eventwali tal-bejjiegħ, tax-xerrej jew tat-trasportatur, is-sena fiskali jew il-fatt li l-prodotti kienu effettivament ġew ittrasportati wara t-terminu stabbilit iżda madankollu qabel l-iskadenza tat-terminu ta’ preskrizzjoni applikabbli għall-istabbiliment tat-taxxa, għandhom jew ma għandhomx effett fuq ir-risposta li għandha tingħata [għall-ewwel] domanda?
3) Il-leġiżlazzjoni tal-Istat Membru li timponi kundizzjonijiet supplimentari fir-rigward tad-dispożizzjonijiet [tad-direttivi msemmija iktar ’il fuq] u li tagħmel l-istabbiliment tal-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni suġġett għal numru ta’ kundizzjonijiet oġġettivi li ma jinsabux [fiha], hija konformi mal-prinċipji ta’ newtralità fiskali, ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità?
4) L-Artikolu 15 [tas-Sitt Direttiva] u l-Artikoli 131 u 273 tad-[Direttiva 2006/112] għandhom jiġu interpretati fis-sens li sabiex jiġu evitati l-frodi, l-evażjoni u l-abbużi fil-qasam fiskali u sabiex jiġi żgurat il-ġbir preċiż tat-taxxa, l-Istat Membru jista’ jorbot l-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti ma’ kundizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 11(1) tal-[Liġi l-antika dwar il-VAT] jew fl-Artikolu 98(1) tal-[Liġi l-ġdida dwar il-VAT]?
5) Il-fatt li f’każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet li ma jinsabux fl-Artikoli 15 [tas-Sitt Direttiva tal-VAT u 146 tad-Direttiva 2006/112] l-amministrazzjoni fiskali tikkwalifika mill-ġdid l-esportazzjoni ta’ prodotti eżentata u timponi fuq il-persuna taxxabbli l-ħlas tat-taxxa huwa kompatibbli mal-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u tad-dispożizzjonijiet [ta’ dawn id-direttivi], u jekk iva, taħt liema ċirkustanzi?”
Fuq id-domandi preliminari
20 Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li d-domandi magħmula jirreferu kemm għas-Sitt Direttiva kif ukoll għad-Direttiva 2006/112, filwaqt li l-kawża prinċipali tikkonċerna tranżazzjonijiet ta’ bejgħ li saru wara l-1 ta’ Jannar 2007. Għalhekk, kif ġie rrilevat fil-punt 4 ta’ din is-sentenza, id-Direttiva2006/112 abrogat u ssostitwiet, minn din id-data, is-Sitt Direttiva. F’dawn il-kundizzjonijiet, jaqbel li d-domandi magħmula jiġu eżaminati biss f’relazzjoni mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112.
21 Permezz tad-domandi tagħha, li jaqbel li jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 146(1) u 131 tad-Direttiva 2006/112 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema, fil-kuntest ta’ kunsinna għall-esportazzjoni, l-oġġetti intiżi għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni għandhom ikunu ħallew it-territorju tal-Unjoni f’terminu fiss ta’ tliet xhur jew 90 jum wara d-data tal-kunsinna, peress li hija biss l-iskadenza ta’ dan it-terminu li għandha l-konsegwenza li ċċaħħad definittivament lill-persuna taxxabbli mill-eżenzjoni ta’ din il-kunsinna.
22 Kif jirriżulta mid-digriet tar-rinviju, dawn id-domandi huma, b’mod partikolari, dwar il-punt jekk leġiżlazzjoni nazzjonali tistax teżiġi li, fil-każ ta’ kunsinna ta’ oġġetti intiżi għall-esportazzjoni, l-esportazzjoni ssir f’terminu partikolari sabiex din il-kunsinna tkun ikkunsidrata bħala kunsinna għall-esportazzjoni eżenti.
23 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, l-Istati Membri jeżentaw il-kunsinni ta’ oġġetti mibgħuta jew ittrasportati mix-xerrej jew f’ismu barra mill-Unjoni. Din id-dispożizzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 14(1) tal-imsemmija direttiva, skont liema “Provvista ta’ oġġetti [Kunsinna ta’ oġġetti]” tfisser it-trasferiment tal-possibbiltà li wieħed jiddisponi minn oġġetti mobbli bħala proprjetarju.
24 Minn dawn id-dispożizzjonijiet, u, b’mod partikolari, mit-terminu “mibgħuta” użat fl-Artikolu 146(1)(b) jirriżulta li l-esportazzjoni ta’ oġġetti sseħħ u li l-eżenzjoni tal-kunsinna għall-esportazzjoni hija applikabbli meta d-dritt li wieħed jiddisponi minn dan l-oġġett bħala proprjetarju jkun ġie trażmess lix-xerrej, li l-fornitur jistabbilixxi li dan l-oġġett intbagħat jew ġie ttrasportat barra mill-Unjoni u li, wara din l-ispedizzjoni jew dan it-trasport, l-oġġett fiżikament telaq mit-territorju tal-Unjoni (ara, f’deċiżjoni appellata li jikkonċerna l-kunsinni intraKomunitarji, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Teleos et, C-409/04, Ġabra p. I-7797, punt 42; tas-7 ta’ Diċembru 2010, R., C-285/09, Ġabra p. I-12605, punt 41, kif ukoll tas-6 ta’ Settembru 2012, Mecsek-Gabona, C-273/11, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
25 Fil-kawża prinċipali, huwa paċifiku li seħħew kunsinni ta’ oġġetti fis-sens tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 2006/112 u li l-oġġetti kkonċernati mit-tranżazzjonijiet fil-kawża prinċipali fiżikament telqu mit-territorju tal-Unjoni.
26 Kuntrarjament għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112 dwar id-dritt ta’ tnaqqis invokati mill-Gvern Ungeriż, skont liema dan id-dritt huwa eżerċitat, bħala regola, matul l-istess perijodu meta ġie maħluq dan id-dritt, l-Artikolu 146(1)(b) ta’ din id-direttiva ma jipprovdix kundizzjoni li l-oġġett intiż għall-esportazzjoni għandu jkun ħalla t-territorju tal-Unjoni f’terminu preċiż sabiex l-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu tkun applikabbli. Tali terminu huwa previst biss b’mod eċċezzjonali fl-Artikolu 147(1)(b) tal-imsemmija direttiva għal oġġetti importati fil-bagalji personali tal-passiġġieri.
27 Minn dan isegwi li l-klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni bħala kunsinna għall-esportazzjoni skont l-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva 2006/112 ma tistax tiddependi mill-osservanza ta’ terminu preċiż fejn l-oġġett ikkonċernat għandu jkun ħalla t-territorju doganali tal-Unjoni, li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jkollu l-konsegwenza li jċaħħad definittivament il-persuna taxxabbli mill-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni.
28 Madankollu, kif jirriżulta mill-Artikolu 131 tad-Direttiva 2006/112, l-eżenzjonijiet previsti fil-Kapitoli 2 sa 9 tat-Titolu IX ta’ din id-direttiva, li l-Artikolu 146 tagħha jagħmel parti minnu, japplikaw fil-kundizzjonijiet li l-Istati Membri jiffissaw sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u sempliċi tal-imsemmija eżenzjonijiet u jkun hemm prevenzjoni ta’ kwalunkwe frodi, evażjoni jew kull abbuż eventwali.
29 Fl-eżerċizzju tas-setgħat li jikkonferilhom l-imsemmi Artikolu 131, l-Istati Membri għandhom għaldaqstant josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jagħmlu parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ proporzjonalità u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-21 ta’ Frar 2008, Netto Supermarkt, C-271/06, Ġabra p. I-771, punt 18, kif ukoll R., iċċitata iktar ’il fuq, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).
30 B’mod partikolari, fir-rigward tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, skont dan il-prinċipju, l-Istati Membri għandhom jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq effiċjentement l-għan segwit mid-dritt intern, jippreġudikaw mill-inqas possibbli l-għanijiet u l-prinċipji stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Novembru 2010, X, C-84/09, Ġabra p. I-11645, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Għalhekk, għalkemm huwa leġittimu li l-miżuri adottati mill-Istati Membri jipprovaw jippreżervaw id-drittijiet tat-Teżor bl-iktar mod effettiv possibbli, dawn il-miżuri ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan il-għan (sentenza Netto Supermarkt, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20).
32 F’dak li jikkonċerna l-għan intiż mit-terminu li jipprovdu l-Liġi l-antika dwar il-VAT kif ukoll il-Liġi l-ġdida dwar il-VAT għall-ħruġ ta’ prodotti intiżi għall-esportazzjoni mit-territorju doganali tal-Unjoni, il-Gvern Ungeriż indika li dan it-terminu huwa neċessarju sabiex tkun tista’ tiġi kkontrollata l-kundizzjoni ta’ ħruġ li timplika l-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni u li tqiegħed lill-amministrazzjoni fiskali f’pożizzjoni li tipprevjeni kwalunkwe frodi, evażjoni jew kull abbuż eventwali.
33 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-ġlieda kontra l-frodi, l-evażjoni fiskali u l-abbużi eventwali hija għan rikonoxxut u inkoraġġut mid-Direttiva 2006/112 (sentenza tas-6 ta’ Diċembru 2012, Bonik, C-285/11, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata). B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-għan ta’ prevenzjoni fiskali xi kultant jiġġustifika eżiġenzi ogħla rigward l-obbligi tal-fornituri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Teleos et, punt 58, kif ukoll Netto Supermarkt, punt 22).
34 Għalhekk, huwa tajjeb, bħala regola, li l-Istati Membri jistabbilixxu terminu raġonevoli ta’ esportazzjoni, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni prattiċi kummerċjali fil-qasam tal-esportazzjoni fi Stati terzi, sabiex jiġi vverifikat jekk oġġett li jiġi kkunsinnat għall-esportazzjoni jkunx effettivament ħareġ mill-Unjoni.
35 Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, l-impożizzjoni fuq il-bejjiegħ ta’ oġġett intiż għall-esportazzjoni ta’ terminu preċiż li fi tmiemu dan l-oġġett għandu jkun telaq mit-territorju doganali tal-Unjoni jikkostitwixxi mezz xieraq għal dan il-għan.
36 Għaldaqstant, tali terminu, li l-iskadenza tiegħu tippermetti li tiġi imposta l-kunsinna ta’ oġġett intiż għall-esportazzjoni, ma għandux imur lil hinn minn dak li huwa neċessarju għal dan il-għan.
37 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li l-fatt li kunsinna ta’ oġġetti intiżi għall-esportazzjoni hija imposta abbażi ta’ leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali meta l-oġġetti kkonċernati ma jkunux telqu mit-territorju tal-Unjoni fit-terminu previst minn din ma għandux il-konsegwenza, minnu nnifsu, li din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi kkunsidrata sproporzjonata. Skont il-prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, din it-taxxa tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew distribuzzjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 2007, Collée, C-146/05, Ġabra p. I-7861, punt 22, u Bonik, iċċitata iktar ’il fuq, punt 28). Skont il-prinċipju fundamentali tas-sistema komuni tal-VAT, din it-taxxa tapplika għal kull tranżazzjoni ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni. Minn dan isegwi li kunsinna ta’ oġġetti intiżi għall-esportazzjoni tista’, bħala regola, tiġi imposta meta t-tranżazzjoni inkwistjoni ma tkunx tissodisfa, f’terminu raġonevoli previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli, il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva 2006/112.
38 Madankollu, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju, it-terminu ta’ ħruġ inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi terminu ta’ dekadenza materjali, li meta jiskadi ma jistax jiġi rrimedjat. Għalhekk, sakemm oġġetti intiżi għall-esportazzjoni ma jitilqux mit-territorju doganali tal-Unjoni fit-terminu stabbilit mil-Liġi l-antika dwar il-VAT u l-Liġi l-ġdida dwar il-VAT, il-kunsinna ta’ dawn l-oġġetti hija definittivament imposta, anki jekk dawn l-oġġetti jkunu effettivament ħarġu mill-Unjoni wara li t-terminu previst minn din il-leġiżlazzjoni jkun skada.
39 F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tissuġġetta l-eżenzjoni fuq l-esportazzjoni għal terminu ta’ ħruġ bil-għan, b’mod partikolari, li tiġġieled kontra l-evażjoni u l-frodi fiskali, mingħajr madankollu ma tippermetti lill-persuna taxxabbli li turi, sabiex tibbenefika minn din l-eżenzjoni, li l-kundizzjoni ta’ ħruġ ġiet issodisfatta wara li jkun għadda dan it-terminu u mingħajr ma tipprovdi dritt għall-persuna taxxabbli li tkun rimborsata l-VAT diġà mħallsa minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmi terminu meta tkun ipprovdiet il-prova li l-merkanzija kienet ħalliet it-territorju doganali tal-Unjoni, tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan il-għan.
40 Fil-fatt, f’sitwazzjoni fejn il-kundizzjonijiet tal-eżenzjoni għall-esportazzjoni previsti fl-Artikolu 146(1)(b) tad-Direttiva 2006/112, b’mod partikolari l-ħruġ tal-oġġetti kkonċernati mit-territorju doganali tal-Unjoni, huma ssodisfatti, l-ebda VAT ma hi dovuta abbażi ta’ tali kunsinna (ara, b’analoġija, is-sentenza Collée, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’tali ċirkustanzi, bħala regola, ma jeżistix riskju ta’ frodi fiskali jew ta’ telf fiskali li jista’ jiġġustifika l-impożizzjoni tat-tranżazzjoni kkonċernata.
41 Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali tmur lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan ta’ prevenzjoni tal-evażjoni u l-frodi fiskali.
42 Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari għandha tkun li l-Artikoli 146(1) u 131 tad-Direttiva 2006/112 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema, fil-kuntest ta’ kunsinna għall-esportazzjoni, l-oġġetti intiżi għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni għandhom ikunu ħallew it-territorju tal-Unjoni f’terminu fiss ta’ tliet xhur jew ta’ 90 jum wara d-data ta’ kunsinna, peress li s-sempliċi skadenza ta’ dan it-terminu għandha l-konsegwenza li ċċaħħad definittivament lill-persuna taxxabbli mill-eżenzjoni ta’ din il-kunsinna.
Fuq l-ispejjeż
43 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-Artikoli 146(1) u 131 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandhom jiġi interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali skont liema, fil-kuntest ta’ kunsinna għall-esportazzjoni, l-oġġetti intiżi għall-esportazzjoni barra mill-Unjoni Ewropea għandhom ikunu ħallew it-territorju tal-Unjoni f’terminu fiss ta’ tliet xhur jew ta’ 90 jum wara d-data ta’ kunsinna, peress li s-sempliċi skadenza ta’ dan it-terminu għandha l-konsegwenza li ċċaħħad definittivament lill-persuna taxxabbli mill-eżenzjoni ta’ din il-kunsinna.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.