SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)
16 ta’ Ottubru 2014 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud — Direttiva 2006/112/KE — Artikolu 44 — Kunċett ta’ ‘stabbiliment fiss’ tal-persuna li tirċievi servizzi — Post fejn il-provvisti ta’ servizzi huma kkunsidrati li ġew fornuti lil persuni taxxabbli — Tranżazzjoni intra-Komunitarja”
Fil-Kawża C-605/12,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (Il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Ottubru 2012, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-24 ta’ Diċembru 2012, fil-proċedura
Welmory sp. z o.o.
vs
Dyrektor Izby Skarbowej w Gdańsku,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),
komposta minn M. Ilešič, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, C. Toader, u E. Jarašiūnas u C. G. Fernlund (Relatur), Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Kokott,
Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-6 ta’ Marzu 2014,
wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għal Welmory sp. z o.o., minn M. Gorazda, avukat,
– għad-Dyrektor Izby Skarbowej w Gdańsku, minn T. Tratkiewicz u J. Kaute, bħala aġenti,
– għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna u A. Kramarczyk, bħala aġenti,
– għall-Gvern Ċiprijott, minn K. Kleanthous u E. Symeonidou, bħala aġenti,
– għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Christie, bħala aġent, assistit minn O. Thomas, barrister,
– għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Herrmann u L. Lozano Palacios u R. Lyal, bħala aġenti,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta’ Mejju 2014,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/UE, tat-12 ta’ Frar 2008 (ĠU L 44, p. 11, iktar ’il quddiem id-“Direttiva tal-VAT”).
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Welmory sp. z o.o., li s-sede tagħha hija stabbilita fil-Polonja (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Pollakka”) u d-Dyrektor Izby Skarbowej w Gdańsku (Direttur tal-Uffiċċju tat-taxxa ta’ Gdańsk, iktar ’il quddiem id-“Dyrektor”), dwar il-post tal-impożizzjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) tas-servizzi pprovduti minn din il-kumpannija lil kumpannija li stabbiliet il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru ieħor.
Il-kuntest ġuridiku
Id-dritt tal-Unjoni
3 Id-Direttiva tal-VAT, b’mod konformi mal-Artikoli 411 u 413 tagħha, abrogat u ssostitwiet, sa mill-1 ta’ Jannar 2007, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-VAT, b’mod partikolari s-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-17 ta’ Mejju 1977, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva”). L-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva, intitolat “Provvista ta’ servizzi”, juża l-kliem segwenti:
“Il-post minn fejn jingħata servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn jingħata s-servizz jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu ikollu l-indirizz permanenti [stabbiliment fiss] tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”
4 Sal-31 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 43 tad-Direttiva 2006/112, li jidher taħt il-Kapitolu 3 ta’ din, intitolat “Post ta’ provvista ta’ servizzi”, jipprovdi:
“Il-post minn fejn hu pprovdut is-servizz għandu jitqies li jkun il-post fejn il-fornitur ikun stabbilixxa n-negozju tiegħu jew ikollu stabbiliment fiss minn fejn hu pprovdut is-servizz, jew, fin-nuqqas ta’ post bħal dan tan-negozju jew stabbiliment fiss, il-post fejn hu jkollu l-indirizz permanenti tiegħu jew fejn normalment ikun residenti.”
5 Id-Direttiva 2008/8 issostitwiet, b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010, l-Artikoli 43 sa 59 li jidhru taħt dan il-Kapitolu tad-Direttiva 2006/112.
6 L-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT jipprovdi li:
“Il-post tal-forniment tas-servizzi lil persuna taxxabbli li qiegħda taġixxi bħala tali għandu jkun il-post fejn dik il-persuna tkun stabbilixxiet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.”
7 Il-premessa 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011, tal-15 ta’ Marzu 2011, li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 (ĠU L 77, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament ta’ Implementazzjoni”), applikabbli sa mill-1 ta’ Lulju 2011, tipprovdi:
“L-għan ta’ dan ir-Regolament huwa li jassigura applikazzjoni uniformi tas-sistema attwali tal-VAT billi jiġu stipulati regoli għall-implimentazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KEE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni taxxabbli, il-forniment ta’ prodotti u servizzi, kif ukoll il-post tat-transazzjonijiet taxxabbli. […]”
8 Il-premessa 14 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni tipprovdi:
“Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tar-regoli ta’ lokalizzazzjoni ta’ transazzjonijiet taxxabli, jeħtieġ li jkunu ċċarati ċerti kunċetti bħas-sede tan-negozju, l-indirizz permanenti, id-domiċilju jew il-post fejn persuna tirrisjedi. B’kont meħud tal-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja [tal-Unjoni Ewropea], l-użu ta’ kriterji ċari u objettivi kemm jista’ jkun għandu jiffaċilita l-implimentazzjoni prattika ta’ dawn il-kunċetti.”
9 L-Artikolu 11(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni jipprovdi hekk kif ġej:
“Fl-applikazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva [tal-VAT] ‘l-istabbiliment fiss’ għandu jkun kwalunkwe stabbiliment, minbarra s-sede tal-attività ekonomika […] li huwa karatterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.”
Id-dritt Pollakk
10 Il-Liġi tal-11 ta’ Marzu 2004 dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (Ustawa z dnia 11 marca 2004 r. o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (Dz. U. n° 54, position 535), fil-verżjoni tagħha fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2010 sat-30 ta’ Ġunju 2011 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-VAT”), hija applikabbli għall-kawża prinċipali.
11 L-Artikolu 19(1) u (4) tal-liġi dwar il-VAT jipprovdi:
“1. L-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fil-mument meta ssir il-kunsinna tal-merkanzija jew il-provvista tas-servizzi, bla ħsara għall-paragrafi 2 sa 21 tal-Artikoli 14(6), 20 u 21(1).
[…]
4. Fil-każ li l-kunsinna tal-merkanzija jew il-provvista tas-servizzi għandhom jiġu kkonfermati permezz ta’ fattura, l-obbligu li titħallas it-taxxa jimmaterjalizza fil-mument meta tinħareġ il-fattura, iżda mhux iktar tard minn sebat ijiem mid-data tal-kunsinna tal-merkanzija jew tal-provvista tas-servizzi.”
12 Skont l-Artikolu 28b(1) u (2) ta’ din il-liġi:
“1. Fil-każ ta’ servizzi fornuti lil persuna taxxabbli, il-post tal-forniment huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli li tkun irċeviet is-servizzi tkun stabbiliet il-post tan-negozju tagħha jew l-indirizz permanenti tagħha, suġġett għall-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikoli 28e, 28f(1) u 1a, 28g(1), 28i, 28j, u 28n.
2. Fejn is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbilixxiet in-negozju tagħha jew l-indirizz permanenti tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss.”
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
13 Welmory LTD, stabbilita f’Nicosia (Ċipru, iktar ’il quddiem il-“kumpannija Ċiprijotta”) torganizza bejgħ bl-irkant fuq pjattaforma ta’ bejgħ fuq l-internet. Għal dan il-għan, hija tbiegħ lottijiet ta’ “bids” (offerti), jiġifieri d-dritt li ssir offerta sabiex jinxtara oġġett li qiegħed jiġi rkantat billi ssir offerta għola minn l-għola offerta li tkun diġà saret.
14 Mill-inkartament quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-kumpannija Ċiprijotta kkonkludiet, fit-2 ta’ April 2009, kuntratt ta’ kollaborazzjoni mal-kumpannija Pollakka, li skont dan, l-ewwel waħda impenjat ruħha li tforni lit-tieni waħda servizz ta’ provvista ta’ sit tal-internet ta’ bejgħ bl-irkant taħt l-isem tad-dominju www.za10groszy.pl, li jinkludi wkoll il-provvista ta’ servizzi assoċjati marbuta, minn naħa, mal-kiri ta’ servers indispensabbli għall-funzjonament tas-sit, u, min-naħa l-oħra, għall-preżentazzjoni tal-prodotti li huma għall-bejgħ bl-irkant. Il-kumpannija Pollakka impenjat ruħha, min-naħa tagħha, prinċipalment, li tbigħ oġġetti fuq dan is-sit.
15 Il-proċedura tal-bejgħ hija s-segwenti. L-ewwel nett, il-klijent jixtri numru ta’ “bids” mill-kumpannija Ċiprijotta fuq is-sit ta’ bejgħ bl-internet. Imbagħad, dawn il-“bids” jagħtu d-dritt lill-klijent li jieħu sehem fil-bejgħ tal-oġġetti proposti bl-irkant mill-kumpannija Pollakka fuq dan l-istess sit u li tagħmel offerta sabiex tikseb wieħed minn dawn l-oġġetti. B’kuntrast mas-sistema tradizzjonali ta’ irkant, sabiex wieħed jagħmel offerta, il-klijent mhux sempliċement jintrabat li jħallas somma flus għola minn l-aħħar offerta li tkun saret, iżda għandu, għal dan il-għan, “iħallas” għall-“bids”. Fl-aħħar nett, l-oġġett jingħata lill-klijent li offra, permezz tal-“bids” tiegħu, l-iktar prezz għoli sabiex jixtrieh.
16 Mill-inkartament ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta wkoll li s-sors tad-dħul tal-kumpannija Pollakka huwa, minn naħa, ġej mill-prezz tal-bejgħ miksub fil-kuntest tal-bejgħ bl-irkant fuq l-internet u, min-naħa l-oħra, ta’ remunerazzjoni riċevuta mill-kumpannija Ċiprijotta, li tikkorrispondi ma’ parti tal-prodott tal-bejgħ tal-“bids” użati mill-klijenti fil-Polonja sabiex jagħmlu offerta fl-irkant.
17 Fid-19 ta’ April 2010, il-kumpannija Ċiprijotta kisbet 100 % tal-kapital azzjonarju tal-kumpannija Pollakka.
18 Għall-perijodu bejn ix-xahar ta’ Jannar u April 2010, qabel din il-kisba, il-kumpannija Pollakka ħarġet erba’ fatturi għall-provvisti ta’ servizzi fornuti lill-kumpannija Ċiprijotta (pubbliċità, servizzi, provvista ta’ informazzjoni u trattament tad-data).
19 Peress li kkunsidrat li dawn il-provvisti ta’ servizzi kienu ġew fornuti fis-sede rreġistrata tal-kumpannija Ċiprijotta u li huma għandhom konsegwentement jiġu suġġetti għall-VAT f’Ċipru, il-kumpannija Pollakka, filwaqt li indikat li din it-taxxa kellha titħallas minn min kien qed jirċievi dawn is-servizzi, ma ffatturatx il-VAT.
20 Id-Dyrektor madankollu kkunsidra li din hija provvista ta’ servizzi fornuta f’stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fit-territorju Pollakk u li teħtieġ, konsegwentement, li tiġi ntaxxata fil-Polonja bir-rata normali ta’ 22 %, b’mod konformi mal-Artikolu 28b(2) tal-Liġi dwar il-VAT.
21 Il-kumpannija Pollakka ppreżentat rikors għal annullament tad-deċiżjoni tad-Dyrektor quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku (qorti amministrattiva tal-voïvodie ta’ Gdańsk) fejn sostniet li operatur indipendenti li jeżerċità attività awtonoma, li għandu l-kwalità ta’ persuna suġġetta għall-VAT, ma jistax jammonta għal stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli oħra.
22 Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku ċaħdet dan ir-rikors fir-rigward b’mod partikolari għan-natura speċifika tas-servizzi fornuti mill-kumpannija Ċiprijotta fit-territorju Pollakk. Hija kkunsidrat li din il-kumpannija ma kellhiex bżonn, sabiex tkun ikkunsidrata li għandha stabbiliment fiss fit-territorju Pollakk, li jkollha riżorsi materjali u umani permanenti, fis-sens klassiku tal-kelma, u lanqas li tuża direttament bini li jinsab f’dan it-territorju, jew li timpjega persunal.
23 Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku kkunsidrat li l-attivitajiet ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji kienu jiffurmaw totalità ekonomikament inseparabbli, peress li l-għan tan-negozju kollu tagħhom seta’ jintlaħaq biss fil-Polonja permezz tal-kooperazzjoni bejniethom.
24 In sostenn tad-deċiżjoni tagħha, il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku kkunsidrat li l-kumpannija Ċiprijotta tuża fit-territorju Pollakk il-mezzi tekniċi u umani tal-kumpannija Pollakka, b’tali mod li din tal-aħħar kellha tiġi trattata bħala stabbiliment fiss tal-kumpannija Ċiprijotta fil-Polonja. Konsegwentement, hija kkunsidrat li l-provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta kienu fornuti fl-istabbiliment fiss ta’ din tal-aħħar fil-Polonja u kienu, b’hekk, taxxabbli fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru.
25 Il-kumpannija Pollakka appellat is-sentenza tal-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Gdańsku quddiem in-Naczelny Sąd Administracyjny (Qorti Suprema Amministrattiva).
26 Fir-rigward tad-dettalji tal-kawża li hija qegħda tittratta, il-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar il-punt jekk l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT jistax jiġi interpretat fis-sens li l-post ta’ intaxxar tal-provvisti ta’ servizzi jinsab fil-Polonja meta s-servizzi huma fornuti minn kumpannija Pollakka lil kumpannija oħra li għandha s-sede tagħha f’Ċipru, meta ż-żewġ kumpanniji huma indipendenti minn xulxin f’dak li jirrigwarda kapital u sa fejn il-kumpannija Ċiprijotta teżerċita n-negozju tagħha billi tuża l-infrastruttura tal-kumpannija Pollakka.
27 Il-qorti tar-rinviju ssostni li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-kunċett ta’ stabbiliment fiss jikkonċerna każijiet ġuridiċi u fattwali differenti tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li hija qegħda tittratta.
28 Din tal-aħħar tirrigwarda sitwazzjoni fejn, fiż-żmien meta seħħew il-fatti, iż-żewġ kumpanniji kienu indipendenti minn xulxin. Barra minn hekk, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tirrigwarda sitwazzjoni fejn il-post tal-istabbiliment fiss huwa ddefinit fir-rigward tal-fornitur tas-servizz, u, li barra minn hekk, jikkonċerna s-sitwazzjoni li fiha l-istabbiliment fiss huwa ddefinit fir-rigward tal-provvista ta’ servizzi fornuti lil terzi, jiġifieri l-konsumatur finali.
29 F’dawn iċ-ċirkustanzi, in-Naczelny Sąd Administracyjny ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja s-segwenti domanda preliminari:
“Għall-finijiet tal-intaxxar tal-provvisti ta’ servizzi pprovduti mill-kumpannija [Pollakka], li s-sede tagħha huwa stabbilit fil-Polonja, lill-kumpannija [Ċiprijotta], li għandha s-sede tagħha fi Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropa, l-istabbiliment fiss fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva [tal-VAT], huwa fejn tinsab is-sede tal-kumpannija [Pollakka], meta l-kumpannija [Ċiprijotta] teżerċita attività ekonomika billi tuża l-infrastruttura tal-kumpannija [Pollakka]?”.
Fuq id-domanda preliminari
Osservazzjonijiet preliminari
30 Ħafna mill-partijiet għall-proċeduri sostnew li d-domanda li tqum fil-kawża prinċipali hija dik dwar mhux jekk il-provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta huma provvisti ta’ servizzi fornuti fl-indirizz permanenti ta’ din tal-aħħar fil-Polonja, iżda f’liema pajjiż, fil-Polonja jew f’Ċipru, il-“bids” mibjugħa mill-kumpannija Ċiprijotta lill-klijenti fil-Polonja għandhom ikunu suġġetti għall-VAT.
31 Il-gvern Pollakk jallega, min-naħa l-oħra, li l-valur taxxabbli tal-oġġetti mibjugħa bl-irkant mill-kumpannija Pollakka fuq is-sit tal-bejgħ bil-internet tal-kumpannija Ċiprijotta seta’ ma ġiex evalwat korrettement. Dan il-gvern jistaqsi d-domanda dwar jekk, b’mod konformi mal-Artikolu 73 tad-Direttiva tal-VAT, il-bażi taxxabbli li l-kumpannija Pollakka kienet obbligata li tiddikjara ma kellhiex tikkonsisti, minn naħa, mill-prezz tal-oġġetti mibjugħa bl-irkant, u, min-naħa l-oħra, tar-remunerazzjoni miksuba mill-kumpannija Ċiprijotta, li tikkorrispondi għal parti tal-prodott tal-bejgħ tal-“bids” użati mill-klijenti fil-Polonja fl-irkantijiet.
32 Madankollu għandu jiġi ppreċiżat li l-għan tad-domanda preliminari jirrigwarda, essenzjalment, il-post tal-intaxxar tal-provvista ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta, u, b’hekk, l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, u mhux il-post tal-intaxxar tal-“bids” u lanqas l-istabbiliment tal-valur taxxabbli tal-oġġetti mibjugħa bl-irkant mill-kumpannija Pollakka.
33 Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn din tal-aħħar u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tagħti d-deċiżjoni, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża li tinsab quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Is-setgħa li jiġu ddeterminati d-domandi li għandhom isiru lill-Qorti tal-Ġustizzja hija mogħtija biss lill-qorti nazzjonali u l-partijiet ma jistgħux jibdlu l-kontenut tagħhom (ara, b’mod partikolari, sentenza Danske Svineproducenter, C-316/10, EU:C:2011:863, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34 Barra minn hekk, bdil fis-sustanza tad-domandi preliminari jew risposta għad-domandi addizzjonali msemmija mill-partijiet ikun inkompatibbli mar-rwol mogħti lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiżgura l-possibbiltà lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-partijiet interessati li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-fatt li, skont din id-dispożizzjoni, huma biss id-deċiżjonijiet tar-rinviju li jiġu nnotifikati lill-partijiet interessati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Danske Svineproducenter, EU:C:2011:863, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
35 Għalhekk, fil-kawża preżenti, hemm lok li tingħata risposta biss għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju li tirrigwarda l-istabbiliment tal-post ta’ impożizzjoni tal-provvista ta’ servizzi fornuta mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta.
Risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja
36 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, f’liema ċirkustanzi l-ewwel persuna taxxabbli li tkun stabbiliet il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi fornuti minn tieni persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor, għandha tkun ikkunsidrata bħala li għandha fi Stat Membru ieħor “stabbiliment fiss”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, bil-għan tal-istabbiliment tal-post fejn jiġu ntaxxati dawn is-servizzi.
37 Id-Direttiva tal-VAT, bħal fil-każ tas-Sitt Direttiva, li hija ssostitwiet, tikkontjeni Titolu V, li tirrigwarda l-post ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. Il-Kapitolu 3 li jidher taħt dan it-titolu huwa relattiv għall-post tal-provvisti ta’ servizzi u t-taqsimiet 2 u 3 ta’ dan jistabbilixxu rispettivament ir-regoli ġenerali għall-istabbiliment tal-post tal-intaxxar ta’ dawn is-servizzi kif ukoll tad-dispożizzjonijiet partikolari li jirrigwardaw provvisti speċifiċi ta’ servizzi.
38 Bħal fil-każ tal-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, l-Artikoli 44 sa 59b tad-Direttiva tal-VAT jikkontjenu regoli li jiddeterminaw il-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa. B’hekk, jekk l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva jistabbilixxi r-regoli ġenerali dwar dan is-suġġett, tali regoli huma wkoll previsti fl-Artikoli 44 u 45 tad-Direttiva tal-VAT. Bl-istess mod, l-Artikoli 46 sa 59b ta’ din l-aħħar imsemmija direttiva jindikaw, bħall-Artikolu 9(2) u (3) tas-Sitt Direttiva, serje ta’ postijiet speċifiċi ta’ referenza.
39 Madankollu, il-kawża prinċipali tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, li skont din il-post tal-provvista ta’ servizzi fornuti lil persuni taxxabbli hija stabbilita abbażi mhux tal-persuna taxxabbli li tforni s-servizzi, iżda abbażi tal-persuna taxxabbli li tirċeviehom.
40 Konsegwentement tqum id-domanda, dwar jekk il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva tibqax rilevanti, wara t-tibdiliet fil-qasam permezz tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT.
41 F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li fl-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jiġu kkunsidrati mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest u l-għan imħaddan minn din il-leġiżlazzjoni li hija tifforma parti minnha (sentenza ADV Allround, C-218/10, EU:C:2012:35, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).
42 B’mod konformi ma’ ġurisprudenza stabbilita sew tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-għan tad-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa tal-provvisti ta’ servizzi huwa li jiġu evitati, minn naħa, kunflitti ta’ kompetenza li jistgħu jwasslu għal tassazzjoni doppja u, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ impożizzjoni tat-taxxa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ADV Allround, EU:C:2012:35, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
43 Għandu jiġi osservat li l-kliem tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT huwa simili għal dak tal-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva. Barra minn hekk, kemm l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT kif ukoll l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva huma dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa tal-provvisti ta’ servizzi u għandhom l-istess għan, b’tali mod li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva hija, bħala prinċipju, trasponibbli mutatis mutandis għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT.
44 Din il-kunsiderazzjoni hija kkorroborata mir-Regolament ta’ Implementazzjoni, li għandu bħala għan, skont il-kliem tal-premessa 4 tiegħu, li jiggarantixxi applikazzjoni iktar uniformi tas-sistema tal-VAT, billi jiġu adattati dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-persuni taxxabbli, il-provvista ta’ oġġett u l-provvista ta’ servizzi, kif ukoll il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli.
45 Mill-premessa 14 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li l-volontà tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet li jiġu ppreċiżati ċerti kunċetti neċessarji għall-istabbiliment tal-kriterji li jirrigwardaw il-post tat-tranżazzjonijiet taxxabbli, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan il-qasam.
46 B’dan il-mod, anki jekk dan ir-regolament ma kienx għadu fis-seħħ fiż-żmien tal-fatti fil-kawża prinċipali, xorta għandu jiġi kkunsidrat.
47 B’hekk jirriżulta li bil-għan li tingħata risposta għad-domanda li saret mill-qorti tar-rinviju, il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9(1) tas-Sitt Direttiva kif ukoll għar-Regolament ta’ Implementazzjoni hija rilevanti.
48 Id-domanda li titqajjem fil-kuntest tal-kawża prinċipali hija dik li jiġi ddefinit il-post tal-provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta u, b’mod iktar partikolari, li tiddefinixxi l-kriterji intiżi li jistabbilixxu jekk din tal-aħħar għandhiex stabbiliment fiss fil-Polonja.
49 Skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, il-post tal-provvisti ta’ servizzi fornuti lil persuna taxxabbli li jaġixxi b’dan il-mod huwa l-post fejn il-persuna taxxabbli stabbiliet in-negozju tagħha. Madankollu, jekk dawk is-servizzi jiġu fornuti lil stabbiliment fiss tal-persuna taxxabbli li jinsab f’post li ma jkunx il-post fejn hija stabbiliet in-negozju tagħha, il-post tal-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jkun il-post fejn jinsab dak l-istabbiliment fiss. Fin-nuqqas ta’ tali post ta’ stabbiliment jew stabbiliment fiss, il-post tal-forniment tas-servizzi għandu jkun il-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi tali servizzi għandha l-indirizz permanenti tagħha jew fejn tirrisjedi normalment.
50 F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 42 tas-sentenza preżenti, li dispożizzjoni bħal dik tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT hija regola li tistabbilixxi l-post ta’ intaxxar tal-provvisti ta’ servizzi, billi jiġi indikat il-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa, u, b’hekk, jiġu definiti l-kompetenzi tal-Istati Membri.
51 Għal dan il-għan, l-imsemmija dispożizzjoni għandha l-għan li tistabbilixxi delimitazzjoni razzjonali tal-kamp ta’ applikazzjoni rispettivi tal-leġiżlazzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-VAT, fejn jiġi stabbilit b’mod uniformi l-post ta’ referenza għal skopijiet ta’ taxxa tal-provvisti ta’ servizzi.
52 Għalhekk, fl-ewwel lok, għandu jiġi ddeterminat l-ewwel punt ta’ referenza sabiex jiġu stabbilit il-post tal-provvisti ta’ servizzi u, fit-tieni lok, li jiġu ppreċiżati l-kriterji li għandhom iseħħu sabiex jiġi kkunsidrat li persuna taxxabbli li tkun qed tirċievi servizzi, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li għandha post tan-negozju fi Stat Membru, għandha stabbiliment fiss fi Stat Membru ieħor minn dak li fih stabbiliet in-negozju tagħha.
L-ewwel punt ta’ referenza
53 Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 9 tas-Sitt Direttiva, jirriżulta li l-punt ta’ referenza l-iktar utli sabiex jiġi stabbilit il-post tal-provvisti ta’ servizzi, mill-perspettiva fiskali, u, għalhekk, prioritarja, huwa dak fejn il-persuna taxxabbli stabbiliet il-post tan-negozju tagħha. It-teħid inkunsiderazzjoni ta’ stabbiliment ieħor jiġi kkunsidrat biss fil-każ fejn dan il-post tan-negozju ma jwassalx għal soluzzjoni razzjonali jew joħloq kunflitt ma’ Stat Membru ieħor (ara b’mod partikolari s-sentenzi Berkholz, 168/84, EU:C:1985:299, punt 17, Faaborg-Gelting Linien, C-231/94, EU:C:1996:184, punt 16 kif ukoll ARO Lease, C-190/95, EU:C:1997:374, punt 15).
54 Din l-interpretazzjoni hija valida wkoll fil-kuntest tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT.
55 Fil-fatt, bħal fil-każ tal-validità tas-Sitt Direttiva, il-post fejn il-persuna taxxabbli stabbiliet il-post tan-negozju tagħha bħala l-ewwel punt ta’ referenza jidher li jammonta għal kriterju oġġettiv, sempliċi u prattiku li joffri ċertezza legali kbira, peress li huwa ħafna iktar faċli sabiex jiġi vverifikat l-eżistenza milli, pereżempju, ta’ stabbiliment fiss. Barra minn hekk, il-preżunzjoni li l-provvisti ta’ servizzi huma fornuti fil-post fejn il-persuna taxxabbli li tirċievi s-servizzi stabbiliet il-post tan-negozju tagħha jippermetti li jiġi evitat, kemm għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll għall-fornituri ta’ servizzi li jwettqu riċerki kkomplikati sabiex jiġi stabbilit il-punt ta’ referenza fiskali.
56 Barra minn hekk, il-post tan-negozju huwa msemmi fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, filwaqt li l-istabbiliment fiss huwa msemmi biss fis-sentenza segwenti. Din tal-aħħar, introdotta bl-avverbju “[m]adankollu” tista’ tiġi interpretata biss fis-sens li tistabbilixxi deroga għar-regola ġenerali prevista fis-sentenza preċedenti.
Il-kunċett ta’ stabbiliment fiss
57 Għandu jitfakkar, hekk kif jirriżulta mill-punt 39 tas-sentenza preżenti, li fil-kuntest tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, il-post tal-provvisti ta’ servizzi huwa stabbilit abbażi mhux tal-persuna taxxabbli fornitur tas-servizzi, iżda tal-persuna taxxabbli li tirċievi dawn. Għalhekk, hemm lok li jiġi stabbilit il-kunċett ta’ stabbiliment fiss abbażi tal-persuna taxxabbli li tirċievi.
58 Jista’ jiġi dedott mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq dan il-qasam (ara, b’mod partikolari s-sentenza Planzer Luxembourg, C-73/06, EU:C:2007:397, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata), li kien ta’ ispirazzjoni għall-Artikolu 11 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li stabbiliment fiss għandu jkun ikkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-bżonnijiet tiegħu stess.
59 B’hekk, sabiex tkun ikkunsidrata, f’ċirkustanzi bħal dawk li jirrigwardaw il-kawża prinċipali, li għandha stabbiliment fiss, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, il-kumpannija Ċiprijotta għandha jkollha fil-Polonja għall-inqas struttura kkaratterizzata minn livell suffiċjenti ta’ permanenza, adatta, f’dak li jirrigwarda riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulha tirċievi fil-Polonja l-provvisti ta’ servizzi li huma fornuti lilha mill-kumpannija Pollakka u li jużawhom għall-finijiet tan-negozju tagħha, jiġifieri l-ġestjoni tas-sistema ta’ rkantijiet elettroniċi inkwistjoni, kif ukoll l-ħruġ u l-bejgħ tal-“bids”.
60 Il-fatt li n-negozju, bħal dak eżerċitat mill-kumpannija Ċiprijotta inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsisti f’li tiġi operata sistema ta’ rkantijiet elettroniċi, li jinkludi, minn naħa, li jiġi pprovdut lill-kumpannija Pollakka, sit tal-internet tal-bejgħ bl-irkant, u, min-naħa l-oħra, il-ħruġ u l-bejgħ ta’ “bids” lill-klijenti fil-Polonja, jista’ jkun eżerċitat mingħajr ma jkunu meħtieġa struttura umana u materjali effettiva fit-territorju Pollakk, ma huwiex determinanti. Minkejja n-natura partikolari tiegħu, tali negozju jeħtieġ, għall-inqas, struttura xierqa, f’dak li jirrigwarda b’mod partikolari r-riżorsi umani u tekniċi, bħal tagħmir informatiku, servers u software adattati.
61 Fl-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub u matul is-seduta, il-kumpannija Pollakka sostniet li l-infrastruttura li hija tipprovdi lill-kumpannija Ċiprijotta ma tippermettix lil din tal-aħħar tirċievi u tuża, għall-finijiet tan-negozju tagħha, is-servizzi li huma fornuti lilha mill-imsemmija kumpannija Pollakka. Skont din tal-aħħar, ir-riżorsi umani u tekniċi għall-finijiet tan-negozju mwettaq mill-kumpannija Ċiprijotta, bħas-servers għall-informatika, is-software, is-servizz informatiku kif ukoll is-sistema sabiex jiġu konklużi kuntratti mal-konsumaturi u sabiex jiġi riċevut dħul mingħandhom, jinstabu barra mit-territorju Pollakk. Dawn iċ-ċirkustanzi ta’ fatt ma kinux ġew vverifikati fil-kuntest tal-proċeduri għall-kawża prinċipali.
62 Issa, il-qorti nazzjonali għandha ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tivverifika tali elementi bil-għan li tevalwa jekk il-kumpannija Ċiprijotta għandhiex fil-Polonja riżorsi umani u tekniċi neċessarji li jippermettulha tirċievi provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka u li tużahom għall-ġestjoni u l-manutenzjoni tas-sit tal-internet ta’ bejgħ bl-irkant kif ukoll għall-ħruġ u l-kummerċjalizzazzjoni tal-“bids”.
63 Jekk l-elementi fattwali allegati mill-kumpannija Pollakka jirriżultaw eżatti, il-qorti tar-rinviju b’hekk ikollha tikkonkludi li l-kumpannija Ċiprijotta ma għandhiex fil-Polonja stabbiliment fiss, peress li ma għandhiex l-infrastruttura neċessarja li tippermettilha tirċievi provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka u li tużahom għall-finijiet tan-negozju tagħha.
64 Il-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi taż-żewġ kumpanniji, marbuta b’kuntratt ta’ kollaborazzjoni, jiffurmaw għaqda ekonomika u li r-riżultati tagħhom jibbenefikaw essenzjalment lil konsumaturi fil-Polonja ma huwiex rilevanti sabiex jiġi determinat jekk il-kumpannija Ċiprijotta għandhiex stabbiliment fiss fil-Polonja. Hekk kif ġustament sostniet il-kumpannija Pollakka, il-Gvern Ċiprijott kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea, għandhom fil-fatt jiddistingwu l-provvisti ta’ servizzi fornuti mill-kumpannija Pollakka lill-kumpannija Ċiprijotta minn dawk li din tforni lill-konsumaturi fil-Polonja. Huma provvista ta’ servizzi distinti li huma suġġetti għal skemi tal-VAT differenti.
65 Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda preliminari li l-ewwel persuna taxxabbli li tkun stabbiliet il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi fornuti minn tieni persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor, għandha tkun ikkunsidrata bħala li għandha fi Stat Membru ieħor “stabbiliment fiss”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-VAT, bil-għan tal-istabbiliment tal-post fejn jiġu ntaxxati dawn is-servizzi, jekk dan l-istabbiliment huwa kkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-finijiet tan-negozju tiegħu, li għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju.
Fuq l-ispejjeż
66 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel persuna taxxabbli li tkun stabbiliet il-post tan-negozju tagħha fi Stat Membru, li tibbenefika minn servizzi fornuti minn tieni persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor, għandha tkun ikkunsidrata bħala li għandha fi Stat Membru ieħor “stabbiliment fiss”, fis-sens tal-Artikolu 44 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2008/8/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, bil-għan tal-istabbiliment tal-post fejn jiġu ntaxxati dawn is-servizzi, jekk dan l-istabbiliment huwa kkaratterizzat minn grad ta’ permanenza suffiċjenti u struttura adatta f’termini ta’ riżorsi umani u tekniċi, li jippermettulu li jirċievi u juża s-servizzi li huma fornuti lilu għall-finijiet tan-negozju tiegħu, li għandu jiġi stabbilit mill-qorti tar-rinviju.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.